Language of document : ECLI:EU:T:2016:85

KAWŻA T‑164/14

CALBERSON GE vs IL‑KUMMISSJONI

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Programm ta’ provvisti ta’ prodotti agrikoli lir-Russja — Provvista ta’ ċanga u vitella — Ksur tal-kuntratt mill-organu ta’ intervent — Dritt applikabbli — Preskrizzjoni — Rilaxx tardiv ta’ ċerti garanziji ta’ provvista — Ħlas parzjali ta’ fattura ta’ trasport — Ħlas insuffiċjenti f’muniti barranin ta’ ċerti fatturi — Interessi moratorji”

SOMMARJU – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Frar 2016 ?II – 0000

1.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija – Dritt applikabbli

(Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008, Artikoli 3 u 5; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 111/1999 u Nru 1799/1999)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra annessi mar-rikors – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Talba għal ħlas ta’ interessi moratorji – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 111/1999, Artikolu 10(2) u Nru 1799/1999)

1.      Id-dritt applikabbli għal kuntratt konkluż minn istituzzjoni tal-Unjoni huwa dak li huwa espressament previst fil-kuntratt, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali li jesprimu r-rieda komuni tal-partijiet li għandhom jieħdu preċedenza fuq kull kriterju ieħor li għandu jintuża biss fis-silenzju tal-kuntratt. F’każ ta’ silenzju fil-kuntratt, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina d-dritt applikabbli billi tiġi ispirata mill-prinċipji ġeneralment ammessi fl-Istati Membri u billi tuża r-regoli tad-dritt internazzjonali privat, u b’mod partikolari dawk tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, issostitwita permezz tar-Regolament Nru 593/2008 (Ruma I).

F’dan ir-rigward, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija konkluż bejn il-Kummissjoni u l-impriża mqabbda wara l-proċedura ta’ offerti miftuħa permezz tar-Regolament Nru 1799/1999, dwar il-provvista ta’ ċanga u vitella lir-Russja, konformement mar-Regolament Nru 111/1999, li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2802/98, peress li t-trasportatur għandu r-residenza tiegħu fi Franza u li jirriżulta mill-Anness II tar-Regolament Nru 1799/1999 li t-tagħbija ta’ ċanga u vitella lejn ir-Russja seħħet fi Franza, tilwima dwar l-imsemmi kuntratt għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tal-klawżoli kuntrattwali tiegħu, jiġifieri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 111/1999 u Nru 1799/1999 u, għal kull kwistjoni mhux regolata mill-imsemmija regolamenti, fid-dawl tad-dritt Franċiż.

(ara l-punti 23, 25-28)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)

3.      Fil-qasam tal-ħlas ta’ interessi moratorji fil-kuntest ta’ kuntratt dwar suq pubbliku, jista’ jiġi konkluż ħlas tard biss mill-mument tal-intimazzjoni tad-debitur peress li l-kuntratt ma jipprovdix li intimazzjoni tintervjeni ipso jure mis-sempliċi skadenza tat-terminu.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-impriża mqabbda wara l-proċedura ta’ offerti miftuħa permezz tar-Regolament Nru 1799/1999, dwar il-provvista ta’ ċanga u vitella lir-Russja, konformement mar-Regolament Nru 111/1999, li jippreskrivi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2802/98, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 111/1999 jipprovdi li applikazzjoni għal ħlas għandha tintbagħat flimkien ma’ varji dokumenti ta’ sostenn, li fl-assenza tagħhom ebda ħlas ma jista’ jitwettaq. Konsegwentement, is-sempliċi stabbiliment ta’ fattura ma jagħtix dritt għall-ħlas.

(ara l-punti 74, 77)