Language of document : ECLI:EU:F:2010:2

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS‑SERVIZZ PUBBLIKU

(Qorti Plenarja)

13 ta’ Jannar 2010

Kawżi magħquda F‑124/05 u F‑96/06

A u G

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għal annullament — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà — Privileġġi u immunitajiet — Tneħħija tal-immunità ġudizzjarja — Kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF — Investigazzjonijiet tal‑IDOC — Aċċess għal dokumenti ta’ natura medika — Aċċess għall-fajl personali — Proċeduri dixxiplinari — Terminu raġonevoli”

Suġġett: Rikorsi, ippreżentati skont l‑Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tagħhom, fil‑Kawża F‑124/05, ir‑rikorrent qiegħed jitlob, minn naħa, l‑annullament, b’mod partikolari, tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tat‑28 ta’ Frar 2005, li tiċħad it‑talba tiegħu tat‑22 ta’ Ottubru 2004 għall‑għeluq tal‑proċedura dixxiplinari mibdija kontrih permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Jannar 2004 u, min‑naħa l‑oħra, il‑kundanna tal‑Kummissjoni għall‑ħlas tad‑danni; fil‑Kawża F‑96/06, l‑istess rikorrent qiegħed jitlob il‑kundanna tal‑Kummissjoni għall‑ħlas tad‑danni minħabba diversi nuqqasijiet imwettqa minnha.

Deċiżjoni:      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it‑talbiet imressqa mir‑rikorrent fir‑rikors irreġistrat bir‑referenza F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni. Il‑Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir‑rikorrent is‑somma ta’ EUR 30 000, bħala kumpens għad‑dannu morali li huwa sofra. Il‑Kummissjoni għandha tbati nofs l‑ispejjeż tar‑rikorrent apparti l‑ispejjeż tagħha stess li jirrigwardaw ir‑rikorsi irreġistrati bir‑referenzi F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni, u F‑96/06, G vs Il‑Kummissjoni. Ir‑rikorrent għandu jbati nofs l‑ispejjeż li jirrigwardaw ir‑rikorsi rreġistrati bir‑referenzi F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni, u F‑96/06, G vs Il‑Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors għad-danni — Talbiet għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat mit-tul eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 73)

2.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt ir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kumpens komplementari bbażata fuq żball ta’ natura li jimplika r-responsabbiltà tal-istituzzjoni — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 73)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Rata ta’ invalidità — Iffissar mill-Kumitat Mediku

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l‑assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix‑xogħol, Artikolu 19(3))

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari

(Regolamenti tal‑Persunal, Anness IX)

5.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Ilmenti msejsa fuq l-istess motivi iżda b’suġġett legalment differenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

(it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 340 TFUE)

7.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal — Inklużjoni

(Protokoll fuq il‑Privileġġi u l‑Immunitajiet tal‑Komunitajiet Ewropej, Artikolu 12; Regolamenti tal‑Persunal, Artikoli 90 u 91)

8.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Determinazzjoni li l-mard huwa kkaġunat mix-xogħol

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 73)

9.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ marda kkaġunata mix-xogħol

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikoli 26 u 73; Regoli dwar l‑assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix‑xogħol, Artikolu 21)

10.    Komunitajiet Ewropej — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 26; Regolament tal‑Parlament Ewropea u tal‑Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

11.    Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Sunt tal-motivi invokati — Riferiment għar-rikors ippreżentant mir-rikorrent quddiem l-istess qorti f’kawża oħra — Inammissibbiltà — Eċċezzjonijiet

(Statut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal‑Proċedura tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, Artikolu 44(1))

12.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Deċiżjoni li tinfetaħ proċedura dixxiplinari

(Regolamenti tal‑Persunal, Anness IX)

13.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra

(Regolamenti tal‑Persunal, Anness IX)

14.    Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Limiti

15.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Termini

(Regolamenti tal‑Persunal, Anness IX)

1.      Proċedura dixxiplinari titfa’ lill‑uffiċjal f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir‑rigward tal‑futur professjonali tiegħu, li bilfors tikkaġunalu ċerta stress u ċerta ansjetà. Meta din l‑inċertezza ddum b’mod eċċessiv, l‑intensità tal‑istress u tal‑ansjetà kkaġunati lill‑uffiċjal tiżdied lil hinn minn dak li hu ġustifikabbli. Għaldaqstant, id‑dewmien eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari għandu jiġi kkunsidrat bħala li jwassal għall‑preżunzjoni li l‑persuna kkonċernata sofriet dannu morali. F’dan ir‑rigward, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn id‑dannu morali kkaġunat lil kull uffiċjal jew membru tal‑persunal, indipendentement mill‑eventwali mard u, min‑naħa l‑oħra, id‑dannu kkaġunat minn eventwali marda psikoloġika — jew l‑aggravament ta’ dik il‑marda — li jkun ikkaġunat mid‑dewmien eċċessiv tal‑proċedura msemmija. Għaldaqstant, talba għall‑kumpens intiża biex jissewwa l‑ewwel tip ta’ dannu hija ammissibbli indipendentement mill‑istat li tkun fih il‑proċedura li tista’ eventwalment tinbeda mill‑uffiċjal skont l‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal. Min‑naħa l‑oħra, it‑talba għall‑kumpens ta’ uffiċjal intiża biex jissewwa dannu materjali u morali li jkun ġie kkaġunat lilu minħabba marda kkaġunata mix‑xogħol ma hijiex, bħala regola ġenerali, ammissibbli meta l‑proċedura mibdija taħt l‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal ma tkunx terminata.

(ara l‑punti 147 u 149 sa 151)

Referenza: It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑121 u II‑A‑1‑657, punti 197 sa 202

2.      Ir‑rikors li bih uffiċjal jitlob kumpens għad‑danni li huwa jallega li sofra minħabba marda kkaġunata mix‑xogħol, li jkun ġie ppreżentat qabel ma tintemm il‑proċedura mibdija taħt l‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, ikun ġeneralment intempestiv, inkwantu ma jkunx possibbli, fl‑istadju li fih ġie ppreżentat ir‑rikors, li tiġi evalwata n‑natura xierqa tal‑kumpens li l‑persuna kkonċernata setgħet titlob taħt ir‑Regolamenti tal‑Persunal. Fil‑fatt, fil‑parti l‑kbira tal‑każijiet, id‑determinazzjoni tar‑rabta kawżali bejn il‑kundizzjonijiet tat‑twettiq tal‑funzjonijiet u d‑dannu invokat, kif ukoll l‑evalwazzjoni tad‑dannu msemmi, jeħtieġu l‑użu ta’ perizja medika, u dan b’tali mod li d‑determinazzjoni, min‑naħa tal‑qorti, tal‑istess rabta kawżali u l‑imsemmi dannu qabel ma tingħalaq il‑proċedura mibdija taħt l‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal ma tkunx tagħmel sens, jew tkun saħansitra impossibbli.

Madankollu, wieħed ma jistax sistematikament jiddeduċi li jekk il‑proċedura medika tkun għadha għaddejja allura t‑talba għall‑ħlas tad‑danni minħabba n‑nuqqas ta’ servizz allegatament imwettaq minn istituzzjoni hija intempestiva. Fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ ekonomija tal‑ġudizzju, prinċipju li jeħtieġ li jsir bilanċ bejn id‑diversi fatturi li jkunu jeżistu f’kull każ partikolari, il‑qorti tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l‑fatt li, f’każ partikolari, perizja medika ma tkunx neċessarja sabiex jiġi evalwat id‑dannu morali mġarrab.

(ara l‑punti 153, 154, 156 u 158)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punti 94 u 95; 10 ta’ Diċembru 2008, Tardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, ĠabraSP p. I‑A‑2‑83 u II‑A‑2‑205, punti 56 u 57

3.      It‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(3) tar‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix‑xogħol, li jipprovdi li meta, wara li jieqaf it‑trattament mediku, il‑grad ta’ invalidità jkun għadu ma jistax jiġi stabbilit b’mod definittiv, ir‑rapport tal‑Kumitat Mediku għandu jippreċiża d‑data li sa mhux iktar tard minnha l‑fajl tal‑persuna assigurata jkun irid jerġa’ jiġi eżaminat, mhux bilfors għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil‑fatt, kieku kien possibbli għall‑Kumitat Mediku li jiddiferixxi diversi drabi d‑data li fiha l‑fajl tal‑persuna assigurata jrid jerġa’ jiġi eżaminat, ċerti persuni assigurati ma jirnexxielhom qatt jieħdu l‑kumpens previst fl‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal f’ħajjithom. Barra minn hekk, kieku tingħata interpretazzjoni estensiva lil dik id‑dispożizzjoni, dan ikun jikser il‑kunċett tal‑konsolidazzjoni, kif definit fl‑Artikolu 19(3) tar‑regoli dwar l‑assigurazzjoni msemmija, li skontu l‑effetti tal‑inċident jew tal‑marda kkaġunata mix‑xogħol jkunu konsolidati meta l‑istess effetti jkunu stabbilizzaw ruħhom jew ma jkunux ser jittaffew ħlief bil‑mod ħafna jew b’mod limitat ħafna. Għaldaqstant, il‑kunċett tal‑konsolidazzjoni ma jipprekludix kwalunkwe żvilupp fl‑istat tal‑pazjent, iżda jimplika stabbilizzazzjoni jew żvilupp bil‑mod ħafna.

(ara l‑punt 161)

4.      Istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l‑ftuħ u t‑tmexxija tal‑investigazzjonijiet amministrattivi, dejjem jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li twettaq ksur dixxiplinarju.

(ara l‑punti 173 u 188)

5.      Huwa permissibbli li uffiċjal jinvoka l‑istess motiv, l‑istess argument jew l‑istess fatt insostenn ta’ diversi ilmenti li l‑għan tagħhom huwa legalment distint.

(ara l‑punt 205)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembre 2008, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, T‑253/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑43 u II‑B‑1‑295, punt 149

6.      Fil‑kuntest ta’ rikors għad‑danni, huwa r‑rikorrent li għandu juri li l‑kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Unjoni Ewropea huma sodisfatti. Madankollu din ir‑regola hija attenwata meta avveniment dannuż seta’ ġie kkawżat minn numru ta’ kawżi differenti u meta l‑istituzzjoni konvenuta ma tkun ressqet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema waħda minn dawn il‑kawżi dan il‑fatt seta’ jiġi attribwit, minkejja li hija tinsab fl‑aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi f’dan ir‑rigward, b’tali mod li l‑oneru li titneħħa l‑inċertezza li tkun għadha teżisti jaqa’ fuqha.

(ara l‑punt 213)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punti 182 u 183

7.      L‑immunità ġudizzjarja prevista mill‑Artikolu 12 tal‑Protokoll fuq il‑Privileġġi u l‑Immunitajiet tal‑Komunitajiet Ewropej tipproteġi lill‑uffiċjali u membri tal‑persunal kontra l‑proċeduri tal‑awtoritajiet tal‑Istati Membri minħabba atti mwettqa fil‑kapaċità uffiċjali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tneħħija tal‑immunità ta’ uffiċjal jew membru tal‑persunal tbiddel is‑sitwazzjoni legali tiegħu, bis‑sempliċi effett tat‑tneħħija ta’ din il‑protezzjoni, billi tistabbilixxi mill‑ġdid l‑istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad‑dritt komuni tal‑Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id‑dritt komuni.

Is‑setgħa diskrezzjonali mogħtija lill‑awtoritajiet nazzjonali, wara t‑tneħħija tal‑immunità, fir‑rigward tat‑tkomplija jew tal‑abbandun tal‑proċeduri mibdija kontra uffiċjal jew membru tal‑persunal, ma għandhiex impatt fuq jekk is‑sitwazzjoni legali ta’ dan tal‑aħħar hijiex direttament ikkonċernata, peress li l‑effetti marbuta mad‑deċiżjoni ta’ tneħħija tal‑immunità huma limitati għat‑tneħħija tal‑protezzjoni li jibbenefika minnha bħala uffiċjal jew membru tal‑persunal, b’mod li ma jimplika ebda miżura supplimentari ta’ implementazzjoni.

Minn dan jirriżulta li d‑deċiżjoni li biha istituzzjoni tneħħi l‑immunità ġudizzjarja ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal‑persunal tikkostitwixxi att li jikkawżalu preġudizzju.

(ara l‑punti 231 sa 233)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il‑Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punti 34 u 35

8.      L‑għan ta’ investigazzjoni amministrattiva mmexxija skont l‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal hija li jinġabru, b’mod oġġettiv, l‑elementi kollha li jippermettu li jiġi stabbilit il‑fatt li l‑marda li minnha jsofri l‑uffiċjal ikkonċernat tkun ikkaġunata mix‑xogħol kif ukoll iċ‑ċirkustanzi li fihom din tkun bdiet. Fil‑każ fejn il‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tal‑uffiċjal ikkonċernat jkunu fiċ‑ċentru tal‑ħsibijiet li jikkonċernaw l‑oriġini tal‑marda kkaġunata mix‑xogħol li minnha jsofri, l‑investigazzjoni għandha tinvolvi analiżi oġġettiva dettaljata kemm tal‑kundizzjonijiet tax‑xogħol tal‑persuna kkonċernata kif ukoll tal‑marda tagħha bħala tali.

(ara l‑punt 263)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament, T‑48/01, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑197, punt 129

9.      L‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal‑Persunal jipprevedi l‑ftuħ ta’ fajl individwali, għal kull uffiċjal, li jkun fih id‑dokumenti kollha li jirrigwardaw is‑sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u kull rapport li jikkonċerna l‑kompetenza tiegħu, il‑prestazzjoni jew il‑komportament tiegħu, kif ukoll l‑osservazzjonijiet magħmula mill‑uffiċjal fir‑rigward tad‑dokumenti msemmija. L‑istituzzjoni ma tistax tuża u lanqas tallega kontra uffiċjal dokumenti li ma jkunux ġew ikkomunikati lilu qabel jiġu arkivjati. Dawn id‑dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiggarantixxu d‑drittijiet tad‑difiża tal‑uffiċjal.

F’dak li jikkonċerna l‑aċċess għal dokumenti ta’ natura medika fil‑kuntest ta’ proċedura għar‑rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix‑xogħol, ir‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix‑xogħol daħħlu proċedura partikolari li tipprevedi t‑trażmissjoni tar‑rapport mediku komplet li fuqu tkun ibbażata d‑deċiżjoni li l‑Awtorità tal‑Ħatra tkun bi ħsiebha tieħu, lit‑tabib magħżul mill‑uffiċjal, jekk dan jagħmel talba f’dan is‑sens, wara n‑notifika tal‑abbozz tad‑deċiżjoni previst fl‑Artikolu 21 tar‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni, kif ukoll l‑użu ta’ Kumitat Mediku li fih ikun hemm it‑tabib maħtur mill‑uffiċjal.

Fil‑fatt, ir‑rispett tad‑drittijiet tal‑uffiċjal jitlob li huwa jingħata mod kif jaċċedi għad‑dokumenti ta’ natura medika. Din il‑fakultà li tingħata lill‑uffiċjal għandha, madankollu, tiġi rrikonċiljata mal‑ħtiġiet tal‑kunfidenzjalità medika li jrendu lil kull tabib bħala dik il‑persuna li tiddeċiedi fuq il‑possibbiltà li jinforma lill‑persuni li huwa jikkura jew jeżamina bin‑natura tal‑mard li huma jista’ jkollhom. Billi jipprevedu aċċess indirett għad‑dokumenti ta’ natura medika, permezz tal‑intervent ta’ tabib ta’ fiduċja maħtur mill‑uffiċjal, ir‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni jirrikonċiljaw id‑drittijiet tal‑uffiċjal mal‑ħtiġiet tal‑kunfidenzjalità medika.

Ir‑rispett tad‑drittijiet tal‑uffiċjal jitlob li huwa jingħata mod kif jaċċedi mhux biss għad‑dokumenti ta’ natura medika, imma wkoll għall‑konstatazzjoni tal‑fatti li jservu ta’ bażi għad‑deċiżjoni li tkun trid tiġi adottata bis‑saħħa tal‑Artikolu 73 tar‑Regolamenti tal‑Persunal. Għaldaqstant, id‑dokumenti li jirrigwardaw il‑konstatazzjonijiet fattwali marbutin ma’ xi inċident li jkun seħħ waqt ix‑xogħol, li jistgħu jservu ta’ bażi għal proċedura għar‑rikonoxximent tal‑eżistenza ta’ aċċident tax‑xogħol jew marda li hija kkaġunata mix‑xogħol fis‑sens tar‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni, għandhom ukoll jitqiesu ta’ natura medika.

Huwa indispensabbli li r‑rapport mediku komplet, li l‑uffiċjal jista’ jitlob li jintbagħat lit‑tabib tal‑għażla tiegħu u li għandu jintbagħat lill‑membri tal‑Kumitat Mediku previst fir‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni, ikun fih, jekk ikun il‑każ, ir‑rapport tal‑investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, l‑uffiċjal jista’, jekk ikun għamel talba f’dan is‑sens, jirregola ruħu fuq il‑konstatazzjonijiet li jkunu jinsabu fir‑rapport tal‑investigazzjoni, permezz tal‑intervent tat‑tabib ta’ fiduċja, u jevalwa l‑possibbiltà li jitlob li l‑Kumitat Mediku jagħti l‑opinjoni tiegħu.

Barra minn hekk, in‑natura medika ta’ ċerti dokumenti ma tipprekludix li dawn jistgħu jkunu, jekk ikun il‑każ, jirrigwardaw ukoll is‑sitwazzjoni amministrattiva tal‑uffiċjal. F’dak il‑każ, dawn id‑dokumenti għandhom ikunu jinsabu fil‑fajl personali tal‑persuna kkonċernata.

Għaldaqstant, minn naħa, il‑fajl li jservi ta’ bażi għat‑tabib maħtur mill‑istituzzjoni jew għall‑Kumitat Mediku biex jiġi evalwat jekk il‑marda hijiex ikkaġunata mix‑xogħol huwa ta’ natura medika u ma jistax, għaldaqstant, jiġi kkonsultat ħlief indirettament permezz tal‑intervent tat‑tabib maħtur mill‑uffiċjal u, min‑naħa l‑oħra, l‑elementi ta’ natura amministrattiva, li jistgħu jinsabu f’dak il‑fajl u li jistgħu jaffettwaw is‑sitwazzjoni amministrattiva tal‑uffiċjal, għandhom ikunu jinsabu wkoll fil‑fajl individwali fejn, skont l‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, l‑uffiċjal jista’ jikkonsultahom direttament.

Id‑dokumenti kollha mogħtija lit‑tabib maħtur mill‑istituzzjoni jew lill‑Kumitat Mediku jaqgħu għalhekk taħt is‑sistema prevista mir‑Regoli dwar l‑assigurazzjoni. L‑inklużjoni, fil‑fajl individwali tal‑uffiċjal, ta’ wħud minn dawn id‑dokumenti kif ukoll il‑possibbiltà li dan l‑istess uffiċjal isir jaf bihom ma tkunx meħtieġa, għaldaqstant, ħlief meta dawk id‑dokumenti jintużaw biex tiġi evalwata jew imbiddla s‑sitwazzjoni amministrattiva tal‑uffiċjal mill‑amministrazzjoni li jaqa’ taħtha.

(ara l‑punti 275 sa 282)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il‑Parlament, 88/71, Ġabra p. 499, punt 11; 7 ta’ Ottubru 1987, Strack vs Il‑Kummissjoni, 140/86, Ġabra p. 3939, punti 7, 9, 10, punt 11, u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il‑punti 12 u 13; 1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punti 20 sa 22, 24 u 25; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Lulju 1990, Vidrány vs Il‑Kummissjoni, T‑154/89, Ġabra p. II‑445, punti 33 sa 36; Vainker vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punti 136 u 137

10.    Mit‑titolu stess tar‑Regolament Nru 1049/2001, dwar l‑aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal‑Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni, li t‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tiegħu jippermetti li l‑istituzzjonijiet jirrifjutaw l‑aċċess għal dokument fil‑każ fejn l‑iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l‑protezzjoni tal‑għanijiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, jirriżulta li l‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament jikkonċerna l‑aċċess tal‑pubbliku għad‑dokumenti tal‑Parlament, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni. F’dan il‑każ, id‑drittijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal‑persunal li jitlob li jintbagħatlu dokument li jirrigwarda s‑sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ma humiex l‑istess bħal dawk ta’ membru tal‑pubbliku li jitlob l‑aċċess għad‑dokumenti ta’ istituzzjoni. Fil‑fatt, id‑drittijiet tal‑uffiċjali u l‑membri tal‑persunal f’dan il‑qasam joħorġu mid‑dispożizzjonijiet speċjali tal‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, li jimponu obbligi partikolari fuq l‑istituzzjonijiet, bil‑għan li jiġu ggarantiti d‑drittijiet tad‑difiża tal‑persuna kkonċernata. L‑uffiċjali jibbenefikaw, għaldaqstant, minn dritt veru u proprju, ibbażat fuq l‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal‑Persunal. Barra minn hekk, it‑talba ta’ uffiċjal tista’, jekk ikun il‑każ, tidħol fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet speċjali fil‑qasam tas‑servizz pubbliku, li jirrigwardaw l‑aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti partikolari, bħal pereżempju dokumenti ta’ natura medika. L‑eċċezzjoni prevista fit‑tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, għalhekk, ma tipprekludix l‑applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal‑Persunal.

(ara l‑punti 289 u 291 sa 296)

11.    L‑għan tal‑Artikolu 44(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa li jippermetti lill‑qorti tiddeċiedi fuq motivi magħmulin bi preċiżjoni suffiċjenti. Din id‑dispożizzjoni, madankollu, ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li twassal biex timponi fuq il‑partijiet formaliżmu eċċessiv li ma jagħmilx ħlief jikkumplika l‑proċedura ġudizzjarja.

Għaldaqstant, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kawża, jista’ jitqies bħala ammissibbli motiv ta’ rikors ippreżentat quddiem it‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku li jagħmel riferiment għall‑motivi kollha fformulati fil‑kuntest ta’ rikors ieħor ippreżentat quddiem dan it‑Tribunal mill‑istess rikorrent meta ż‑żewġ kawżi, li jkunu konnessi, jiġu magħquda flimkien, sa fejn tali riferiment isir bl‑intenzjoni li r‑rikorrent ma jkollux għalfejn jirrepeti argumenti twal u jippreżenta għal darba oħra annessi li jammontaw għal mijiet ta’ paġni.

(ara l‑punti 314 sa 318)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑318/01, Ġabra p. II‑1627, punt 57

12.    Il‑legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fid‑dawl tal‑punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid‑data li fih ikun ittieħed l‑att. L‑elementi eventwali li l‑investigazzjoni fil‑proċedura dixxiplinari toħroġ wara t‑teħid tad‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura msemmija ma jistgħux jaffettwaw il‑legalità ta’ dik id‑deċiżjoni, u dan peress li l‑għan tal‑proċedura istruttorja huwa li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk is‑suspetti inizjali humiex ġustifikati. Barra minn hekk, fid‑dawl tal‑għan u l‑iskop tal‑proċedura dixxiplinari, ma huwiex meħtieġ li l‑fatti li l‑persuna kkonċernata tkun akkużata bihom ikunu pprovati biex tinfetaħ proċedura dixxiplinari valida. Il‑proċedura dixxiplinari hija preċiżament intiża li titfa’ dawl fuq il‑fatti li bihom il‑persuna kkonċernata tkun akkużata.

(ara l‑punti 351 u 360)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku Giraudy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145

13.    Il‑fatt li proċedura dixxiplinari tkun ingħalqet mingħajr ma ġiet imposta sanzjoni dixxiplinari lill‑uffiċjal inkwistjoni ma jistax jimpedixxi lill‑qorti milli tistħarreġ il‑legalità tad‑deċiżjoni li tkun fetħet il‑proċedura dixxiplinari kontra l‑persuna kkonċernata. Fil‑fatt, ikun hemm riskju ta’ arbitrarjetà jekk wieħed jaċċetta li l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha setgħa assoluta u bla limitu li tibda proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal, sabiex imbagħad tagħlaqha mingħajr ma timponi sanzjoni, mingħajr ma l‑uffiċjal jingħata l‑possibbiltà, meta jkun il‑mument, li jikkontesta d‑deċiżjoni biex tinbeda l‑proċedura, minħabba n‑nuqqas ta’ sanzjoni li kontriha huwa jkun jista’ jappella. Għaldaqstant għandu jkun hemm limitazzjoni legali fuq is‑setgħa diskrezzjonali tal‑Awtorità tal‑Ħatra meta hija tieħu deċiżjoni biex tiftaħ proċedura dixxiplinari. Tali limitazzjoni għandha tkun suġġetta għall‑istħarriġ tal‑qorti.

Barra minn hekk, jibqa’ r‑riskju tal‑arbitrarjetà jekk wieħed jaċċetta li l‑każijiet ta’ illegalità ta’ deċiżjoni li tibda proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal huma limitati għal dawk tal‑abbuż ta’ poter. L‑Awtorità tal‑Ħatra għandha għalhekk titqies bħala li teżerċita l‑poteri tagħha b’mod illegali mhux biss fil‑każ li jkun hemm prova tal‑abbuż ta’ poter, iżda ukoll fin‑nuqqas ta’ elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed li juru li l‑persuna kkonċernata wettqet nuqqas dixxiplinarju.

Fid‑dawl tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l‑Awtorità tal‑Ħatra u tal‑limiti li għandha tingħata, l‑istħarriġ ġudizzjarju għandu għalhekk ikun limitat għall‑verifika tal‑eżattezza materjali tal‑elementi meħudin inkunsiderazzjoni mill‑amministrazzjoni biex tibda proċedura dixxiplinari, tan‑nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑fatti kkontestati u tan‑nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l‑punti 352 sa 354 u 365 sa 367)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 125; 17 ta’ Mejju 2000, Tzikis vs Il‑Kummissjoni, T‑203/98, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑393, punt 50; Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 352

14.    Id‑dmir ta’ premura jirrifletti l‑bilanċ bejn id‑drittijiet u l‑obbligi reċiproċi li r‑Regolamenti tal‑Persunal ħolqu fir‑relazzjonijiet bejn l‑awtorità pubblika u l‑membri tal‑persunal tas‑servizz pubbliku. Dan id‑dmir jimplika, b’mod partikolari, li l‑Awtorità tal‑Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni, hija u tiddeċiedi fuq is‑sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l‑elementi kollha li huma suxxettibbli li jiddeterminaw id‑deċiżjoni tagħha u li, b’dan il‑mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l‑interess tas‑servizz, imma wkoll l‑interess tal‑uffiċjal ikkonċernat.

Ir‑rekwiżiti tad‑dmir ta’ premura ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludu minnhom infushom lill‑Awtorità tal‑Ħatra milli tibda u tmexxi proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal. Fil‑fatt, tali deċiżjoni għandha tittieħed qabel xejn fl‑interess li għandha l‑istituzzjoni li tara li l‑eventwali nuqqasijiet ta’ twettiq tal‑obbligi statutorji tal‑uffiċjal jiġu kkonstatati u, jekk ikun il‑każ, issanzjonati. Istituzzjoni ma tistax tiġi akkużata b’ebda ksur tad‑dmir ta’ premura tagħha minħabba s‑sempliċi fatt li bdiet proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal.

(ara l‑punti 376 sa 378)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 27; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punt 147

15.    Mill‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li l‑awtoritajiet dixxiplinari għandhom l‑obbligu li jmexxu l‑proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kull att proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l‑att preċedenti. Dan id‑dmir ta’ diliġenza u ta’ rispett tat‑terminu raġonevoli japplika wkoll għall‑ftuħ tal‑proċedura dixxiplinari, b’mod partikolari fil‑każ u mill‑mument meta l‑amministrazzjoni ssir taf dwar fatti u mġiba li jistgħu jammontaw għal ksur tal‑obbligi statutorji ta’ uffiċjal.

Id‑dewmien irraġonevoli ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jirriżulta kemm mit‑tmexxija tal‑investigazzjonijiet amministrattivi ta’ qabel kif ukoll mill‑proċedura dixxiplinari bħala tali. Il‑perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata n‑natura raġonevoli tad‑dewmien tal‑proċedura dixxiplinari ma huwiex biss dak li jibda jiddekorri mid‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura msemmija. Il‑kwistjoni dwar jekk il‑proċedura dixxiplinari, ladarba tinfetaħ, titmexxhiex bid‑diliġenza meħtieġa, hija affettwata bil‑fatt li jkun għadda perijodu xi ftit jew wisq twil bejn meta jkun seħħ l‑allegat ksur dixxiplinarju u d‑deċiżjoni tal‑ftuħ tal‑proċedura dixxiplinari.

In‑natura raġonevoli tad‑dewmien tal‑proċedura trid tiġi evalwata skont iċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, il‑kwistjoni għall‑persuna kkonċernata, il‑kumplessità tal‑kawża kif ukoll l‑aġir tar‑rikorrent u dak tal‑awtoritajiet kompetenti. Ma hemm ebda fattur partikolari li huwa deċiżiv. Kull wieħed minnhom irid jiġi eżaminat b’mod separat, biex imbagħad jiġi evalwat l‑effett kumulattiv tagħhom. Ċerti eżempji ta’ dewmien imputabbli lill‑Awtorità tal‑Ħatra jistgħu ma jidhrux irraġonevoli jekk jitqiesu waħidhom, iżda flimkien jidhru li huma irraġonevoli. Ir‑rekwiżiti fil‑qasam tad‑diliġenza proċedurali ma jmorrux lil hinn, madankollu, minn dak li huwa kompatibbli mal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Meta, minħabba deċiżjonijiet meħuda mill‑Awtorità tal‑Ħatra, proċedura teċċedi dak li wieħed jikkunsidra normalment bħala dewmien raġonevoli, hija dik l‑awtorità li għandha tistabbilixxi l‑eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw tali dewmien.

(ara l‑punti 390 sa 395)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewerbe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 29, u l‑ġurisprudenza ċċitata; 5 ta’ Mejju 1983, Ditterich vs Il‑Kummissjoni, 207/81, Ġabra p. 1359, punt 26; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, Ġabra p. II‑1669, punt 47; It‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku 8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, F‑40/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑337 u II‑A‑1‑1859, punt 194, u l‑ġurisprudenza ċċitata, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il‑Qorti Ġeneral tal‑Unjoni Ewropea, Kawża T‑17/08 P