Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2012 - Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Viasat Broadcasting UK Ltd (West Drayton, Middlesex, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Kalsmose-Hjelmborg u M. Honoré, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' April 2011, dwar għajnuna mill-Istat C 9/09 li d-Danimarka biħsiebha timplementa fir-rigward tar-ristrutturazzjoni ta' TV Danmark A/S;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, u essenzjalment tallega li l-Kummissjoni Ewropea żbaljat fid-dritt meta ma inkludietx fl-evalwazzjoni tagħha għajnuna mogħtija lil TV 2 Danmark A/S permezz ta' 8 stazzjonijiet reġjonali tax-xandir ta' TV 2.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li x-xandiriet magħmula mingħajr ħlas mill-istazzjonijiet tax-xandir reġjonali, li huma ffinanzjati mit-tariffi tal-liċenzja, lil TV 2 Danmark A/S jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, hija tfakkar li skont il-liċenzja tas-servizz pubbliku maħruġ lil TV 2 Danmark A/S mill-Ministru tal-Kultura, TV 2 Danmark A/S iżżomm id-dħul mir-reklamar iġġenerat mill-"islots għar-riklami" fix-xandir reġjonali.

Ir-rikorrenti tallega wkoll li meta injorat l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV 2 Danmark A/S permezz tal-istazzjonijiet tax-xandir reġjonali, il-konvenuta ma kkunsidratx is-sitwazzjoni finanzjarja ta' TV 2 Danmark A/S fid-dawl tal-ispettru sħiħ tad-dħul ta' din tal-aħħar.

Minħabba dan in-nuqqas, ir-rikorrenti tallega li l-evalwazzjoni kollha li saret mill-konvenuta tal-pjan ta' ristrutturazzjoni hija bbażata fuq suppożizzjonijiet żbaljati rigward TV 2 Danmark A/S. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta ma kinitx f'pożizzjoni li tikkonferma li l-kundizzjoni stabbiliti fil-Linji gwida  tagħha huma ssodisfatti.

Konsegwentement, ir-rikorenti tallega li l-konvenuta naqset milli tkun konformi mal-kriterji ddefiniti mill-Kummissjoni stess fil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà u finalment mal-Artikolu 107 (3) (c) TFUE, meta evalwat l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' TV 2 Danmark A/S.

____________

1 - Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà (ĠU 2004 C 244, p. 2).