Language of document : ECLI:EU:T:2015:699

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

25 ta’ Settembru 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali BLUECO – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti BLUECAR – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Natura distintiva tat-trade mark preċedenti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Talba għal riforma mressqa mill-intervenjenti – Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑684/13,

Copernicus-Trademarks Ltd, stabbilita fi Borehamwood (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn L. Pechan u S. Körber, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Bolloré SA, stabbilita fi Ergué-Gabéric (Franza), inizjalment irrappreżentata minn B. Fontaine, sussegwentement minn O. Legrand, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-8 ta’ Ottubru 2013 (Każ R 2029/2012‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Bolloré SA u Copernicus-Trademarks Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2014,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2014,

wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2015, li r-rikorrenti ma ħaditx sehem fiha,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Frar 2011, Copernicus Eood ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BLUECO.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi u l-partijiet u l-aċċessorji tagħhom”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 139/2011, tas-26 ta’ Lulju 2011.

5        Fis-26 ta’ Ottubru 2010, l-intervenjenti, Bolloré SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti BLUECAR, irreġistrata fit-23 ta’ Awwissu 2006 taħt in-numru 4597621, b’mod partikolari għall-prodotti fil-klassi 12 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Vetturi; muturi elettriċi u komponenti ta’ trasmissjoni għall-vetturi elettriċi msemmija iktar ʼil fuq”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

8        Fl-20 ta’ Awwissu 2012, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ittrasferita lir-rikorrenti, Copernicus‑Trademarks Ltd.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2012, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni.

10      Fit-30 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      Fl-10 ta’ April 2013, ir-rikorrenti talbet il-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti li jinsabu fl-applikazzjoni għal trade mark għall-“vetturi, ħlief għall-partijiet u l-komponenti tagħhom” li jaqgħu fil-klassi 12. L-UASI aċċetta din il-limitazzjoni u stieden lill-intervenjenti sabiex tiddeċiedi jekk, fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni l-ġdida tal-prodotti, l-oppożizzjoni kellha tiġi rtirata. L-intervenjenti ma weġbitx għal din l-istedina.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors. B’mod partikolari, huwa qies li t-territorju rilevanti kien l-Unjoni Ewropea, li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti minn konsumaturi finali, li l-grad ta’ attenzjoni tagħhom huwa għoli, li dawn huma prodotti għaljin (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata), u li l-prodotti koperti mit-trade mark mitluba kienu identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata). Insegwitu, huwa indika li t-trade mark preċedenti kienet tinkludi l-kliem “blue” u “car”, peress li din tal-aħħar tiddeskrivi direttament il-prodotti inkwistjoni u tikkostitwixxi, konsegwentement, il-kelma l-iktar dgħajfa ta’ din it-trade mark (punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, huwa qies li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma setgħux jistabbilixxu li t-trade mark preċedenti kienet kisbet karattru distintiv ikbar permezz tal-użu u minn dan ikkonkluda li din tal-aħħar kellha karattru distintiv intrinsiku medju (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell qies ukoll li kien hemm xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti, li l-ewwel ħames ittri tagħhom huma identiċi u mqegħdin fl-istess ordni (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-perspettiva fonetika, huwa qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu globalment simili ħafna għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, parti kunsiderevoli tal-pubbliku rilevanti, minħabba pronunzja simili tal-element “blue”, komuni għaż-żewġ sinjali, u ta’ pronunzja simili tal-elementi “ko” u “car” (punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa, barra minn hekk, qies li s-sinjali kienu, parzjalment, kunċettwalment simili għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, minħabba l-preżenza tal-kelma “blue” fiż-żewġ sinjali (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li s-sinjali kunfliġġenti huma globalment simili ħafna (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata), il-prodotti inkwistjoni kienu identiċi u l-ġurisprudenza tqis li huwa biżżejjed li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward biss ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti ma setgħetx tiġi eskluża (punti 30 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna lir-rikorrenti tiġġustifika l-interess ġuridiku tagħha;

–        twarrab l-annessi K 5 sa K 27 prodotti mir-rikorrenti bħala inammissibbli;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, ħlief li jingħad li t-trade mark preċedenti tgawdi minn protezzjoni ikbar minħabba r-reputazzjoni li hija tgawdi fis-suq;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-interess ġuridiku

16      Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti kkontestat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, li ċediet l-applikazzjoni għal trade mark kontenzjuża lill-kumpannija Ivo-Kermartin, u talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex titlob lir-rikorrenti l-produzzjoni ta’ elementi li jiġġustifikaw l-interess ġuridiku tiegħu.

17      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ppreżentat mandat mill-kumpannija Ivo-Kermartin, proprjetarja ġdida tal-applikazzjoni għal trade mark, li tindika li din tal-aħħar tawtorizzaha tkompli r-rikors tagħha fl-interess tagħha stess u f’isimha. Hija tqis, konsegwentement, li għandha “interess li rippreżenta r-rikors [tagħha]” abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

18      Waqt is-seduta, l-intervenjenti indikat li ma tikkontestax l-interess ġuridiku tar-rikorrenti u l-UASI indikat li tħalli fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-ħtieġa li tiġi deċiża din il-kwistjoni f’dan il-każ.

19      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jiġi deċiż qabel kollox fuq il-mertu tal-kawża, mingħajr ebda ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra, EU:C:2002:118, punti 50 sa 52, u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill, C‑273/04, Ġabra, EU:C:2007:622, punt 33).

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

20      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, kif irrilevaw l-UASI u l-intervenjenti, li r-rikorrenti pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali diversi dokumenti li ma kinux ġew ippreżentati matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, insostenn tal-argument tiegħu, ippreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid li l-kelma “blue” tirreferi, b’mod partikolari fil-qasam awtomobilistiku, għar-rispett tal-ambjent.

21      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-proċess jirriżulta li din tal-aħħar ma kienet żviluppat ebda argument quddiem l-istanzi tal-UASI sabiex turi li l-kelma “blue” tirreferi għar-rispett tal-ambjent. Bl-istess mod, l-Annessi K 5 u K 25 ma kinux ġew prodotti mir-rikorrenti quddiem l-UASI.

22      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra, EU:C:2008:739, punti 136 sa 144, u tal-10 ta’ Novembru 2011, LG Electronics vs UASI, C‑88/11 P, EU:C:2011:727, punt 25). Bl-istess mod, il-fatti li ma humiex invokati mill-partijiet quddiem l-istanzi tal-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenzi Les Éditions Albert René vs UASI, iċċitata iktar ʼil quddiem, EU:C:2008:739, punt 137, u LG Electronics vs UASI, iċċitata iktar ʼil quddiem, EU:C:2011:727, punt 25). Konsegwentement, il-fatti mhux invokati mir-rikorrenti, quddiem l-istanzi tal-UASI u l-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

23      Bl-istess mod, l-Anness K 26, li tinkludi s-sentenza tal-Bundespatentgericht (Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja) tal-24 ta’ Novembru 2010, li ma kinitx ġiet prodotta quddiem il-Bord tal-Appell, u li hija identika għall-Anness K 29, ma jistax jiġi invokat bħala provi relatata mal-fatti tal-każ. Fil-fatt, għalkemm deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali jistgħu, fil-prinċipju, jiġu prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn, madankollu, ma jistgħux jiġu invokati bħala provi relatati mal-fatti ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego ħamra), T‑270/06, Ġabra, EU:T:2008:483, punti 22 u 23].

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal riforma mressqa mill-intervenjenti

24      L-intervenjenti, filwaqt li titlob, bħall-UASI, li r-rikors jiġi miċħud, titlob lill-Qorti Ġenerali li tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, ħlief li tgħid li t-trade mark preċedenti tgawdi minn protezzjoni ikbar minħabba r-reputazzjoni li hija tgawdi fis-suq. Hija tikkontesta, fil-fatt, l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-elementi li hija pproduċiet ma kinux jippruvaw biżżejjed li t-trade mark preċedenti kienet ġiet użata b’tali intensità li kisbet grad ta’ reputazzjoni fost il-konsumaturi rilevanti fl-Unjoni kollha u li ma kellhiex, konsegwentement, karattru distintiv medju. L-intervenjenti talbet li tiddikjara invalida fuq dan il-punt id-deċiżjoni kkontestata jew, għall-inqas, li tiġi kkonfermata sa fejn rrikonoxxiet karattru distintiv medju lit-trade mark preċedenti.

25      Tali talba għandha tinftiehem bħala li tikkostitwixxi talbiet għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata, kif l-intervenjenti ammettiet barra minn hekk waqt is-seduta, billi ppreċiżat li dawn it-talbiet kellhom natura sussidjarja. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, intervenjenti għandha, fil-prinċipju, dritt li tifformula, fir-risposta tagħha, talbiet għal riforma tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq punt mhux imqajjem fir-rikors.

26      Matul is-seduta, l-UASI ddikjara li t-talbiet għal riforma tad-deċiżjoni kkontestata kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

27      Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedu li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI huwa miftuħ għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell “li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni”. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi r-rekwiżit essenzjali ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja (digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, Ġabra, EU:C:1989:333, punt 8) u, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, għandu jkun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, taħt piena ta’ inammissibbiltà (sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42). L-interess ġuridiku jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, Ġabra, EU:C:2008:230, punt 25).

28      Skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha titqies bħala li laqgħat it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet quddiem dan il-Bord, meta huwa jilqa’ t-talba ta’ din il-parti abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew għall-invalidità ta’ trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ parti biss mill-argument imressaq mill-imsemmija parti, anki jekk jonqos milli jeżamina jew jiċħad il-motivi l-oħra jew l-argumenti invokati minn din il-parti [sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, Ġabra, EU:T:2011:739, punt 26; ara wkoll f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2009, Hoo Hing vs UASI – Tresplain Investments (Golden Elephant Brand), T‑300/08, EU:T:2009:275, punti 29 sa 37; ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra, EU:T:1992:95, punti 30 sa 35].

29      F’dan il-każ, peress li l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, intlaqgħet kollha kemm hi, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata laqgħet it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

30      Mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009, ċertament, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi b’mod partikolari mill-għarfien tat-trade mark inkwistjoni. Barra minn hekk, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun wiesgħa l-probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li t-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin lill-pubbliku, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra, EU:C:1997:528, punt 24; tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra, EU:C:1999:323, punt 20).

31      Madankollu, peress li l-Bord tal-Appell qies li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti u li huwa laqa’ l-oppożizzjoni, anki jekk huwa ma rrikonoxxiex il-karattru distintiv ikbar mill-użu tat-trade mark preċedenti, kwalunkwe riforma tad-deċiżjoni kkontestata biss fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fuq il-grad ta’ karattru distintiv u ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkun mingħajr effett fuq id-drittijiet li l-intervenjenti tislet minn din it-trade mark u li l-imsemmija deċiżjoni bl-ebda mod ma taffettwahom. L-intervenjenti barra minn hekk ippreċiżat, insostenn tat-talba tagħha għal riforma, li hija xtaqet, għall-inqas, li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kkonstatat il-karattru distintiv medju tal-imsemmija trade mark.

32      Konsegwentement, hemm lok li t-talbiet għal riforma ppreżentati mill-intervenjenti jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

34      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali kunfliġġenti ma għandhomx probabbiltà ta’ konfużjoni. Hija ssostni, qabel kollox, li t-trade mark preċedenti għandha biss karattru distintiv żgħir ħafna, il-kelma “blue” hija deskrittiva u użata ta’ spiss mit-trade marks irreġistrati fil-qasam awtomobilistiku. Ir-rikorrenti tqis, barra minn hekk, li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li s-sinjali kunfliġġenti kienu simili fuq il-livell viżiv, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kellha tiġi identifikat bħala li għandha l-kliem “blue” u “eco”. Fuq il-livell fonetiku, iż-żewġ sinjali kellhom differenzi sinjifikattivi. Fl-aħħar nett, is-sinjali ma humiex simili fuq il-livell kunċettwali, minħabba d-diverġenza tal-partijiet finali tagħhom.

35      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

36      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi rrifjutata għal reġistrazzjoni meta, għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti magħmula mill-Bord tal-Appell.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

39      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

40      F’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ikkonstata, ġustament, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li peress li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti kienu ta’ prezz għoli, il-pubbliku rilevanti kien magħmul mill-konsumatur finali li juru livell għoli ta’ attenzjoni. Barra minn hekk, peress li t-trade mark preċedenti kienet trade mark Komunitarja, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-pubbliku tal-Unjoni kollha.

 Fuq it-tqabbil tal-prodotti

41      Fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament qies, u mingħajr barra minn hekk ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li l-prodotti inkwistjoni, li kollha jaqgħu fil-klassi 12, kienu identiċi, minkejja l-limitazzjoni tal-lista inizjali ta’ prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni matul il-proċedimenti ta’ appell quddiem l-UASI.

 Fuq it-tqabbil tas-sinjali

42      Qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-paragrafi 26 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li s-sinjali kunfliġġenti kienu simili fil-livell viżiv u globalment kellhom xebh fonetiku għoli għall-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż u xebh kunċettwali, fir-rigward tal-parti inizjali tagħhom “blue”, għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż.

–       Fuq ix-xebh viżiv

44      Fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li s-sinjali inkwistjoni kellhom komuni bejniethom l-ewwel ħames ittri tagħhom, imqiegħda fl-istess ordni, u li dawn l-ittri kienu jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sinjali. Peress li l-konsumatur ġeneralment jagħti iktar attenzjoni għall-bidu ta’ trade mark verbali, il-Bord tal-Appell ikkonkluda minn dan li jeżisti xebh viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni.

45      Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali ma humiex simili fil-livell viżiv. Hija ssostni li l-ittra “e” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha użu doppju u li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija b’hekk identifikata bħala li fiha l-kliem “blue” u “eco”, żewġ kelmiet komuni bl-Ingliż. Hija, barra minn hekk, prattika komuni li titqassar il-kelma “blue” għal “blu” u diversi trade marks għandhom b’hekk l-element “blu”. Iż-żewġ sinjali inkwistjoni konsegwentement huma distinti b’mod ċar fit-tieni parti tagħhom. Issa, fir-rigward ta’ sinjali qosra, differenzi żgħar huma suffiċjenti sabiex joħolqu impressjoni globali differenti. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi tliet sillabi, filwaqt li t-trade mark preċedenti għandha tnejn biss.

46      Għandu jitfakkar li dak li huwa importanti fl-evalwazzjoni tax-xebh viżiv ta’ żewġ trade marks verbali huwa, pjuttost, il-preżenza, f’kull waħda minnhom, ta’ diversi ittri fl-istess ordni. [sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Kaul vs UASI – Bayer (ARCOL), T‑402/07, Ġabra, EU:T:2009:85, punt 83].

47      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, rispettivament magħmula minn seba’ u minn sitt ittri, għandhom komuni bejniethom l-ewwel ħames ittri tagħhom, jiġifieri “ b ”, “ l ”, “ u ”, “ e ” u “ c ”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha, barra min hekk, l-ittra “ o ”, u t-trade mark preċedenti l-ittri “ a ” u “ r ”. Din il-parti komuni għaż-żewġ sinjali kunfliġġenti twassal għal xebh viżiv, b’mod partikolari peress li l-pubbliku huwa ġeneralment iktar attent għall-parti inizjali tat-trade marks verbali [ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Celtipharm vs UASI – Alliance Healthcare France (PHARMASTREET), T‑411/12, EU:T:2013:304, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija viżwalment ipperċepita bħala li tinkludi ż-żewġ kelmiet “blue” u “eco” u bħala li hija magħmula minn tliet sillabi. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha biss kelma waħda, li, fil-pronunzja tagħha l-iktar naturali, b’mod partikolari minn min jitkellem bl-Ingliż, hija magħmula biss minn żewġ sillabi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Copernicus-Trademarks vs UASI – Blue Coat Systems (BLUECO), T‑685/13, EU:T:2015:38, punt 35] u li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova rilevanti insostenn ta’ dan l-argument. Barra minn hekk, għalkemm l-ittri “ a ’’ u “ r ’’ fl-aħħar tat-trade mark preċedenti u l-ittra “ o ” fl-aħħar tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jipprekludu li jiġi konkluż li hemm identiċità tas-sinjali, peress li dawn l-elementi ma jiddominawx l-impressjoni globali prodotta minn dawn is-sinjali, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti.

49      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li ż-żewġ sinjali għandhom xebh fil-livell viżiv.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

50      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali inkwistjoni kienu globalment simili ħafna fil-livell fonetiku għall-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż, li għalihom l-element “blu”, komuni għal żewġ sinjali, huwa ppronunzjat b’mod identiku u l-elementi “co” u “car” huma ppronunzjati b’mod simili. Huwa qies, barra minn hekk, li l-possibbiltà li t-trade mark tiġi ppronunzjata “blou eco” f’xi lingwi ma jipprekludix ix-xebh fonetiku msemmi iktar ʼil fuq għal parti kunsiderevoli tal-konsumaturi kkonċernati.

51      Ir-rikorrenti ssostni li ż-żewġ sinjali għandhom differenzi fonetiċi sinjifikattivi, peress li t-trade mark għandha tliet sillabi, filwaqt li l-trade mark preċedenti għandha tnejn biss. Sussidjarjament, hija ssostni li s-suċċessjoni u l-għaqda taż-żewġ sinjali huma differenti ħafna, peress li hemm pawża bejn il-vokali “ u ” u “ e ” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tenfasizza, fl-aħħar nett, li l-aħħar sillabi tas-sinjali kunfliġġenti ma humiex ippronunzjati b’mod simili.

52      Qabel kollox, għandu jitfakkar li ma huwiex suffiċjenti, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni biss għal parti mill-pubbliku rilevanti [ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Scandic Distilleries vs UASI – Bürgerbräu, Röhm & Söhne (BÜRGER), T‑460/11, EU:T:2012:432, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      Issa, fir-rigward tal-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, għandu jiġi rrilevat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li dan ma huwiex ser jirdoppja l-vokali ċentrali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li l-kelma “blue” taqa’ fil-vokabularju kurrenti. Konsegwentement, dan il-pubbliku ma jqisx li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tliet sillabi, iżda jqis li għandha tnejn, u dan ma jagħmilx pawża bejn il-vokali “ u ” u “ e ” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BLUECO, punt 48 iktar ʼil fuq, EU:T:2015:38, punt 40).

54      Barra minn hekk, il-preżenza tal-element komuni “blue” fil-parti inizjali tas-sinjali kunfliġġenti tippermetti li jitqies li dawn tal-aħħar huma fonetikament simili ħafna. Barra minn hekk, għalkemm il-Bord tal-Appell irrileva, b’mod żbaljat, li l-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż jippronunzjaw l-elementi “car” u “co” bl-istess mod, dawn il-partijiet tal-aħħar tal-kelma ma humiex ʼil bogħod ħafna għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, peress li dan iqiegħed l-aċċent fuq il-pronunzja tal-ittra “ c ” u jħassar il-pronunzja tal-finali tar-“ r ” finali tal-element “car”. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li l-ittra “ o ” tal-aħħar sillaba tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiddomina l-impressjoni fonetika totali tagħha.

55      Il-Bord tal-Appell għaldaqstant ġustament ikkonkluda li ż-żewġ sinjali kienu simili ħafna mill-aspett fonetiku għal parti kunsiderevoli tal-pubbliku rilevanti.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

56      Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali inkwistjoni ma humiex simili mill-aspett kunċettwali, peress li t-trade mark preċedenti tinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni deskrittiva u ż-żewġ sinjali għandhom differenzi sinjifikattivi fil-partijiet finali tagħhom.

57      Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif tirrikonoxxi barra minn hekk ukoll ir-rikorrenti, il-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż jipperċepixxi l-preżenza tal-kelma “blue”, fiż-żewġ sinjali, bħala indikazzjoni tal-kulur blu. Madankollu, dan l-istess pubbliku ser jipperċepixxi l-kelma “car” tat-trade mark preċedenti bħala li tfisser “karozza” u jiddistingwiha mill-parti tal-aħħar tal-kelma “co” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jew ma jkollha l-ebda tifsira, jew tista’ tinftiehem bħala taqsira tal-kelma “company”. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix madankollu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala li għandha tinqasam f’żewġ kelmiet, “blue” u “eco”.

58      Konsegwentement, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell qies li, għal parti mill-pubbliku rilevanti, is-sinjali kunfliġġenti jkunu kunċettwalment simili fir-rigward tal-parti inizjali tagħhom, peress li d-differenzi tas-sinjali fil-parti finali tagħhom ma jistgħux jeskludu l-eżistenza ta’ ċertu xebh kunċettwali.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

59      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenzi Canon, punt 30 iktar ʼil fuq, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 74].

60      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra, EU:T:2003:264, punt 47, u tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI – Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra, EU:T:2006:245, punt 98].

61      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell indika, qabel kollox, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark preċedenti kellha l-kliem “blue’’ u “car”, peress li din tal-aħħar tiddeskrivi direttament il-prodotti inkwistjoni u tikkostitwixxi, konsegwentement, il-kelma l-iktar dgħajfa ta’ din it-trade mark. Huwa, insegwitu, qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma jistgħux jistabbilixxu li t-trade mark preċedenti kienet kisbet karattru distintiv ikbar bl-użu. Huwa minn dan ikkonkluda li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv intrinsiku medju.

62      Sussegwentement, fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell indika, fil-punti 30 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi u li s-sinjali kunfliġġenti kienu simili fil-livelli viżwali, fonetiku u kunċettwali għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, li huwa parti sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti. Huwa ppreċiża li l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż ser jirrikonoxxi l-kelma “car” tat-trade mark preċedenti bħala deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni u jagħtiha, konsegwentement, inqas importanza fl-evalwazzjoni globali tas-sinjali. Għaldaqstant, il-kelma “blue” tattira iktar l-attenzjoni tal-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż, li b’hekk iwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

63      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv medju, peress li l-element “blue” għandu karattru deskrittiv u diversi trade marks irreġistrati fil-qasam awtomobilistiku għandhom dan l-element.

64      Qabel kollox, għandhom jitwarrbu l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-intervenjenti tfittex li tibbaża fuq ir-reputazzjoni partikolari tat-trade mark preċedenti, li ma kinitx ġiet invokata quddiem l-UASI. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-intervenjenti llimitat ruħha li tindika, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Bord tal-Appell kellu jirrikonoxxi karattru distintiv għoli lit-trade mark preċedenti minħabba l-użu tagħha, argument li hija kienet diġà sostniet quddiem l-UASI u li ġie mwarrab mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, it-talbiet għal riforma ppreżentati mill-intervenjenti, relatati mal-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-karattru distintiv li t-trade mark preċedenti kienet kisbet bl-użu, ġew imwarrba bħala inammissibbli (ara l-punti 24 sa 32 iktar ʼil fuq).

65      Insegwitu, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ karattru distintiv żgħir tat-trade mark preċedenti, fih innifsu, ma jipprekludix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI C‑235/05 P, EU:C:2006:271, punti 42 sa 45). Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan huwa biss element wieħed fost elementi oħra involuti f’din l-evalwazzjoni. Għalhekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv żgħir tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra, EU:T:2005:102, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra, EU:T:2007:387, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata].

66      Fi kwalunkwe każ, kif indikat l-Bord tal-Appell, għalkemm huwa minnu li l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż ser jirrikonoxxi l-kelma “car” tat-trade mark preċedenti bħala deskrittiva tal-prodotti inkwistjoni, ir-rikorrenti, matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, ma ressqet ebda element sabiex jiġi stabbilit li l-kelma “blue” ser tiġi pperċepita bħala li għandha sinjifikat li ser jikkorrispondi mal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li trade marks oħra rreġistrati fil-qasam awtomobilistiku jinkludu wkoll il-kelma “blu”, jekk jiġi stabbilit, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din il-kelma tista’ tiġi pperċepita, mill-pubbliku rilevanti, bħala esklussivament deskrittiva tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni. Konsegwentement, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell qies li t-trade mark preċedenti kellha, kollha kemm hi, karattru distintiv medju.

67      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-grad għoli ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

68      Qabel kollox, għandu jitfakkar li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni biss għal parti mill-pubbliku rilevanti (ara l-punt 52 iktar ʼil fuq).

69      Issa, mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li, minn naħa, il-prodotti inkwistjoni huma identiċi u li, min-naħa l-oħra, is-sinjali kunfliġġenti huma viżwalment simili għall-pubbliku rilevanti kollha, fonetikament simili ħafna għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż u kunċettwalment simili, sa fejn jikkonċerna l-parti inizjali tagħhom, għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li hemm, f’dan il-każ, minkejja l-livell għoli ta’ attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż.

70      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 meta qies li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

71      Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti, stabbilita fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, NewSoft Technology vs UASI – Soft (Presto! Bizcard Reader), T‑205/06, EU:T:2008:163, punt 70, u tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra, EU:T:2009:14, punti 35 u 67].

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet f’dak li huwa essenzjali, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      It-talbiet għal riforma ppreżentati minn Bolloré SA huma miċħuda.

3)      Copernicus-Trademarks Ltd hija kkundannata għal-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2015*.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.