Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social n° 14 de Madrid - Spanja) – EV vs Obras y Servicios Publicos S.A., Acciona Agua, S.A.

(KawżaC-550/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 5 – Miżuri intiżi biex jipprevjenu l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur tal-kostruzzjoni msejħa ‘fijos de obra’ – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 1(1) – Trasferiment ta’ impriża – Artikolu 3(1) – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Surroga fil-kuntratti ta’ xogħol li ssir skont id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv – Ftehim kollettiv li jillimita d-drittijiet u l-obbligi tal-impjegati ttrasferiti għad-drittijiet u għall-obbligi li jirriżultaw mill-aħħar kuntratt konkluż mal-impriża li ħarġet)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social n° 14 de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EV

Konvenut: Obras y Servicios Publicos S.A., Acciona Agua, S.A.

Dispożittiv

Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli kollha tad-dritt nazzjonali applikabbli, jekk il-limitazzjoni għal tliet snin konsekuttivi, ħlief għal kundizzjonijiet partikolari, tal-impjieg ta’ ħaddiema għal żmien determinat abbażi ta’ kuntratti msejħa “fijos de obra” mill-istess impriża fuq postijiet tax-xogħol differenti li jinsabu fl-istess provinċja u l-għoti lil dawn il-ħaddiema ta’ kumpens għat-terminazzjoni, jekk din il-qorti nazzjonali tikkonstata li dawn il-miżuri effettivament jittieħdu fir-rigward tal-ħaddiema msemmija, jikkostitwixxux miżuri xierqa sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi ssanzjonat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat jew “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens ta’ din il-klawżola 5(1). Fi kwalunkwe każ, tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi applikata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat b’tali mod li t-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat imsejħa “fijos de obra” suċċessivi jitqies li huwa ġġustifikat minn “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) ta’ dan il-ftehim qafas, għas-sempliċi raġuni li kull wieħed minn dawn il-kuntratti huwa konkluż b’mod ġenerali għal sit ta’ kostruzzjoni wieħed, indipendentement mit-tul tiegħu, meta tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprekludix, fil-prattika, li l-persuna li timpjega kkonċernata tissodisfa, permezz ta’ tali tiġdid, bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ persunal.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li permezz tagħha, matul trasferiment ta’ persunal fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiem ittrasferit li l-impriża l-ġdida hija marbuta li tosserva huma limitati esklużivament għal dawk li jirriżultaw mill-aħħar kuntratt li dan il-ħaddiem ikkonkluda mal-impriża li ħarġet mill-kuntratt, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma jkollhiex l-effett li tpoġġi lill-imsemmi ħaddiem f’pożizzjoni li tkun inqas favorevoli sempliċement minħabba dan it-trasferiment, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

____________

1     ĠU C 77, 09.03.2020.