Language of document : ECLI:EU:C:2017:619

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C518/15

Ville de Nivelles

vs

Rudy Matzak

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Bruxelles (qorti tal-appell tax-xogħol, Brussell, il-Belġju)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Kunċetti tal-ħin tax-xogħol u perijodi ta’ serħan — Pompiera — Ħin on-call — Ħin stand-by”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 dwar il-ħin tax-xogħol (2) kif tapplika għal pompier riżervista (3), li huwa rikjest, fuq bażi ta’ rota, li jkun disponibbli fuq xogħol stand-by (4) f’raġġ speċifikat (espress f’termini ta’ ħin) tal-post tax-xogħol tiegħu. Hija mitluba wkoll li tagħti l-fehma tagħha dwar (i) il-possibbiltà li jiġu esklużi ċerti kategoriji ta’ pompiera mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva; (ii) jekk ikunx possibbli għal Stat Membru li jadotta definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li tkun inqas restrittiva minn dik stabbilita taħt id-direttiva; u (iii) jekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” previst taħt id-direttiva tapplikax ukoll għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni fil-każ ta’ persuni fuq xogħol ta’ stand-by.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2.        Skont l-Artikolu 153 TFUE:

“1.      Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

(a)      it-titjib in partikolari ta’ l-ambjent tax-xogħol biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;

(b)      il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

(ċ)      is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema;

[…]

2.      Għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

[…]

(b)      jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri.

[…]

5.      Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi […]”.

3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)      il-perijodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa;

(b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE, [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]”

4.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jgħid:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi; [nazzjonali]

2.      ‘perijodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”

5.        Skont l-Artikolu 15 tad-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema”.

6.        Skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88:

“2.      Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perijodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

3.      B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu isiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

(ċ)      fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

[…]

(iii)      servizzi ta’ l-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, tal-produzzjoni ċinematografika, tal-posta jew tat-telekommunikazzjonijiet, ta’ l-ambulanza, servizzi tal-protezzjoni tan[min]-nar jew ċivili;

[…]”

 Id-dritt Belġjan

7.        Il-Loi du 14 décembre 2000 fixant certains aspects de l’aménagement du temps de travail dans le secteur public (liġi tal-14 ta’ Diċembru 2000 li tistabbilixxi ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fis-settur pubbliku; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2000”) ittrasponiet id-Direttiva 93/104 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (5) fid-dritt nazzjonali. L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jiddefinixxi “ħaddiema” bħala “persuni li, taħt relazzjoni ta’ impjieg legali jew kuntrattwali […] iwettqu xogħol taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra”. L-Artikolu 8 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-“‘ħin tax-xogħol’ ifisser il-perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni ta’ persuna li timpjega”.

8.        L-Artikolu 186 tal-Loi du 30 décembre 2009 portant sur diverses dispositions (liġi tat-30 ta’ Diċembru 2009 li tirrigwarda diversi dispożizzjonijiet) jipprevedi li, b’mod partikolari, pompiera riżervisti ma għandhomx jiġu ddefiniti bħala “ħaddiema” għall-finijiet tal-Artikolu 3 tal-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2000.

9.        L-Artikolu 9 a tar-règlement organique du service d’incendie de Nivelles (regolament dwar is-servizz tat-tifi tan-nar ta’ Nivelles) jipprevedi:

“Matul il-perijodi ta’ xogħol stand-by, kull membru volontarju tas-servizz tat-tifi tan-nar fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Nivelles għandu:

–        jibqa’ f’kull ħin f’distanza mill-istazzjon tat-tifi tan-nar tali li l-perijodu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq meta t-traffiku jkun normali ma jaqbiżx massimu ta’ tmien minuti;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      R. Matzak huwa pompier riżervista (6) għall-Ville de Nivelles (belt ta’ Nivelles), il-Belġju (7). Skont l-arranġamenti li japplikaw għall-ingaġġ tiegħu, huwa meħtieġ li jkun disponibbli fuq sejħa għal xogħol, għal ġimgħa minn kull erbgħa, matul il-lejliet u fi tmiem il-ġimgħa. Huwa jitħallas biss għall-ħin meta jkun qiegħed fuq servizz attiv. Il-ħin li jagħmel jistenna għal sejħa mingħajr ma l-pompier ikun meħtieġ iwettaq kompiti r professjonali (l-hekk imsejjaħ “ħin stand-by”) (8) ma jitħallasx għalih.

11.      Matul il-perijodi ta’ xogħol stand-by, R. Matzak għandu jibqa’ kuntattabbli u, jekk meħtieġ, jirrapporta fl-istazzjon tat-tifi tan-nar malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux iktar minn tmien minuti f’kundizzjonijiet normali (9). Il-qorti tar-rinviju tosserva li dan ifisser fil-prattika li l-pompier għandu jirrisjedi ħdejn l-istazzjon tat-tifi tan-nar u li l-attivitajiet tiegħu matul dawk il-perijodi huma għaldaqstant ristretti.

12.      Peress li qies li għadd ta’ aspetti tar-reġim li kien japplika għalih, inkluż b’mod partikolari l-livell ta’ remunerazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda xogħol stand-by, ma kinux sodisfaċenti, R. Matzak ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal du travail de Nivelles (qorti tal-ewwel istanza tax-xogħol ta’ Nivelles), li laqgħet il-maġġoranza tal-ilmenti tiegħu b’sentenza tat-23 ta’ Marzu 2012.

13.      Il-Belt ta’ Nivelles imbagħad ippreżentat appell kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour du travail de Bruxelles (qorti tal-appell tax-xogħol ta’ Brussell). Dik il-qorti tosserva li, skont id-dritt Belġjan, il-ħin tax-xogħol huwa ġeneralment iddefinit bħala ħin li matulu l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u li l-post fejn ikun il-ħaddiem ma jidhirx li hu konklużiv. Fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 (10), jidher li jsegwi li d-definizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol skont id-dritt Belġjan u d-dritt tal-Unjoni ma jikkoinċidux għal kollox. Il-Cour de travail de Bruxelles (qorti tal-appell tax-xogħol ta’ Brussell) tinnota wkoll li hemm tendenza fil-ġurisprudenza nazzjonali sabiex il-kwistjoni tar-remunerazzjoni ta’ pompiera riżervisti bħal R. Matzak tiġi riżolta billi tiġi bbażata, prinċipalment jew esklużivament, fuq id-definizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”. Peress li hija tqis li interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 hija neċessarja sabiex tirriżolvi t-tilwima li hija adita biha, il-qorti msemmija qabel għamlet id-domandi preliminari segwenti għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“(1)      L-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeskludu ċerti kategoriji ta’ pompiera rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mid-dispożizzjonijiet kollha li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, inkluża dik li tiddefinixxi l-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta’ mistrieħ?

(2)      Sa fejn id-Direttiva Ewropea 2003/88 […] tipprevedi biss normi minimi, għandha tiġi interpretata bħala li ma tostakolax li l-leġiżlatur nazzjonali jżomm jew jadotta definizzjoni inqas retrittiva tal-ħin tax-xogħol?

(3)      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 153(5) TFUE u tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/88 […], l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, sa fejn dan jiddefinixxi l-kunċetti prinċipali użati minnha u, b’mod partikolari, dawk tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ, għandu jiġi interpretat bħala li ma huwiex applikabbli għall-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li għandu jippermetti li jiġu ddeterminati r-remunerazzjonijiet dovuti fil-każ ta’ ħin ta’ disponibbiltà mid-dar (“home-based on-call time”)?

(4)      Id-Direttiva 2003/88 […] tipprekludi li l-ħin ta’ disponibbiltà mid-dar jitqies bħala ħin tax-xogħol meta, minkejja li d-disponibbiltà tiġi eżegwita fid-dar tal-ħaddiem, il-limitazzjonijiet fuq dan tal-aħħar matul id-disponibbiltà (bħall-obbligu li jirrispondi t-telefonati tal-persuna li timpjegah f’mhux iktar minn tmien minuti), ikunu jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet ta’ attivitajiet oħra?”

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet kollha bl-eċċezzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja instemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016, ressqu s-sottomissjonijiet.

 Kunsiderazzjonijiet

 Osservazzjonijiet preliminari

 Ammissibbiltà

15.      Kemm il-Belt ta’ Nivelles kif ukoll il-Kummissjoni qajmu kwistjonijiet li jirrigwardaw (għal kollox jew parzjalment) l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (11).

16.      Huma jagħmlu dan fuq il-bażi li s-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju huwa l-paga li għaliha huwa intitolat R. Matzak fir-rigward tas-servizzi tiegħu bħala pompier riżervista u mhux il-kwistjoni tal-ħin tax-xogħol tiegħu. Peress li l-Artikolu 153(5) TFUE jeżenta l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ remunerazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 153 (li jinkludi t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li għalih tirreferi d-Direttiva 2003/88), id-domandi tal-qorti tar-rinviju jindirizzaw kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina.

17.      F’dak ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew l-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jsirulha. Meta tinqala’ kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm għalhekk preżunzjoni ta’ rilevanza (12).

18.      Kwistjoni bħal din tqum f’din il-kawża?

19.      Fil-fehma tiegħi, iva.

20.      Filwaqt li qari tad-digriet tar-rinviju u tal-proċess nazzjonali ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jagħmilha ċara li l-azzjoni ta’ R. Matzak hija essenzjalment relatata mal-kwistjoni tar-remunerazzjoni tiegħu, din minnha nnifisha ma hijiex determinanti dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tirrispondi d-domandi magħmula. Id-domanda li għandha ssir f’dan il-kuntest ma hijiex: “x’inhu s-suġġett tar-rikors fil-proċeduri prinċipali?” Minflok, il-kwistjoni hija jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qed tintalab hijiex relatata mal-fatti attwali jew l-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Issa, id-digriet tar-rinviju jiddikjara li d-definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-kunċett ta “ħin tax-xogħol” hija rilevanti sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tar-remunerazzjoni ta’ pompiera riżervisti bħal R. Matzak (13). L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett mill-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tgħin lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina l-każ quddiemha. Fuq dik il-bażi, id-domandi magħmula huma ammissibbli (14).

 It-tifsira ta’ “ħaddiem”

21.      Għalkemm l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi “ħin tax-xogħol” b’riferiment, inter alia, għall-perijodi li fihom “ħaddiem” ikun “għax-xogħol”, id-direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “ħaddiem” innifsu.

22.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż irrefera għas-sitwazzjoni fi Franza, fejn jissottometti li l-pompiera kollha li ma humiex professjonisti jiġu ingaġġati fuq bażi li ma tinvolvix relazzjoni ta’ subordinazzjoni u fejn ma jitħallsux paga jew salarju, bħala tali. Minflok, huma jirċievu allowance (“indemnité”), li ma hijiex suġġetta għat-taxa jew għat-tnaqqis għas-sigurtà soċjali. Bl-istess mod, il-Gvern Belġjan jiddikjara li l-pompiera riżervisti f’dan l-Istat Membru ma humiex ikklassifikati bħala ħaddiema għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali (15), imma minflok għandhom status ta’ “voluntiera mħallsa” (“bénévolat indemnisé”).

23.      Dan ifisser li dawn il-pompiera ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema” għall-finijiet tad-direttiva?

24.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħaddiem” skont id-direttiva huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (16). Għandu jiġi interpretat bħala li jfisser “kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji”. Il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija li għal ċertu perijodu ta’ ħin persuna twettaq servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra li għaliha tirċievi remunerazzjoni (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx il-kwistjoni ta’ x’tikkostitwixxi “remunerazzjoni” (jew “paga”) għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni. Madankollu, tista’ tinsilet gwida mit-termini tal-Artikolu 157(2) TFUE (fil-kuntest ta’ remunerazzjoni ndaqs), li tiddefinixxi “paga” b’riferiment għal somom “[…] li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu” (18).

25.      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-direttiva tapplika għall-pompiera professjonali (19). Fir-rigward tal-estensjoni tagħha għal pompiera ta’ kategoriji oħra, nosserva li ma hemm l-ebda suġġeriment fid-digriet tar-rinviju li l-pompiera fil-kategorija ta’ R. Matzak ma humiex qed iwettqu attività reali u ġenwina u li ma humiex “taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra” fil-forma ta’ servizz tat-tifi tan-nar (20). Jekk dan tal-aħħar se jiffunzjona b’mod effettiv, il-membri kollha tat-tim tat-tifi tan-nar (kemm jekk huma pompiera professjonali, pompiera riżervisti jew pompiera volontarji) għandhom jaħdmu b’mod ċar taħt direzzjonijiet u jsegwu l-ordnijiet li jingħataw, inkluż li jżommu lilhom innifishom disponibbli għad-servizz attiv fuq bażi ta’ rota. F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-somom li jirċievi R. Matzak għas-servizzi tiegħu jikkostitwixxux “remunerazzjoni” jew “paga” għall-finijiet tat-test stabbilit fil-punt 24 iktar ’il fuq, apparti mis-sottomissjonijiet (relattivament mhux speċifiċi) tal-Gvern Belġjan, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat ftit informazzjoni dwar l-arranġamenti preċiżi li jirregolaw il-pożizzjoni f’dak l-Istat Membru u għalhekk mhux possibbli li jsiru iktar kummenti. Din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni tal-kriterji li għadni kemm semmejt. Peress li l-kunċett ta’ “ħaddiem” huwa wieħed tal-Unjoni, l-indikazzjoni preċiża tal-istatus tal-persuna li tipprovdi servizzi u l-klassifikazzjoni tal-flus li tirċievi sabiex tipprovdi dawk is-servizzi skont id-dritt nazzjonali ma jistgħux minnhom innifishom ikunu konklużivi.

 L-ewwel domanda

26.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk l-Istati Membri jistgħux jeskludu ċerti kategoriji ta’ pompiera mid-dispożizzjonijiet kollha li jittrasponu d-Direttiva 2003/88 fid-dritt nazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta’ serħan.

27.      Dawn id-definizzjonijiet jinsabu fl-Artikolu 2 tad-direttiva. Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2003/88, huma biss id-dispożizzjonijiet espliċitament imsemmija fihom li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deroga fir-rigward, b’mod partikolari, tas-servizzi tat-tifi tan-nar (21). Għalhekk, l-Artikolu 17(3) jipprevedi li Stat Membru a li josserva r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 17(2) jista’ jidderoga mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 tad-direttiva. Dik il-possibbiltà ma testendix għad-definizzjonijiet ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” stabbiliti fl-Artikolu 2 u, peress li l-Artikolu 17(3) għandu, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet derogatorji kollha (22), jiġi interpretat b’mod strett, fil-fehma tiegħi ma hemmx lok għall-adozzjoni ta’ approċċ estensiv li jista’ jmur lil hinn mill-formulazzjoni espressa tad-deroga (23).

28.      Għaldaqstant nikkunsidra li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeskludu ċerti kategoriji ta’ pompiera rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva stabbiliti fl-Artikolu 17(3) biss. Dan ma jippermettix lill-Istati Membri li jeskludu lil dawn il-ħaddiema mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jittrasponu din id-direttiva u, b’mod partikolari, ma jippermettix li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” jiġu esklużi fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema.

 Fuq it-tieni domanda

29.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, peress li d-Direttiva 2000/88 tistabbilixxi biss rekwiżiti minimi, tistax tiġi interpretata li ma tipprekludix lil Stat Membru milli jadotta definizzjoni inqas restrittiva ta’ “ħin tax-xogħol”.

30.      Il-Gvern Belġjan isostni li din il-mistoqsija hija inammissibbli billi josserva li l-Cour de cassation tal-Belġju (qorti ta’ kassazzjoni) ddeċidiet diversi drabi li l-kunċett ta’ ħin tax-xogħol għandu jingħata l-istess interpretazzjoni skont id-dritt Belġjan bħad-dritt tal-Unjoni, u li l-qorti tar-rinviju għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-materjal kollu neċessarju sabiex tifhem dan il-kunċett. Huwa jibbaża ruħu b’mod partikolari f’dan ir-rigward fuq is-sentenza Dzodzi (24), billi jsostni mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li għandu jkun hemm riskju attwali ta’ diverġenza bejn id-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tirreferi għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ikollha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi skont l-Artikolu 267 TFUE f’dawn iċ-ċirkustanzi.

31.      Jiena diġà indikajt li hemm preżunzjoni ta’ rilevanza fejn din il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (25). Ma narax għalfejn għandi nitbiegħed minn dik il-preżunzjoni hawnhekk. Il-qorti tar-rinviju indikat li l-kwistjonijiet dwar ir-remunerazzjoni ta’ pompiera riżervisti skont id-dritt nazzjonali jistgħu jiġu riżolti fuq il-bażi tad-definizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ “ħin tax-xogħol” (26). Risposta għat-tieni mistoqsija għandha tgħin lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża li biha hija adita. Għaldaqstant, din il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti din ir-risposta. Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza Dzodzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’ġurisprudenza sussegwenti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fejn il-fatti fil-kawżi prinċipali jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, imma fejn dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli bid-dritt nazzjonali (bis-saħħa ta’ riferiment għad-dritt tal-Unjoni) u fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma llimitawx l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (27). F’din il-kawża, jidhirli li l-pożizzjoni nazzjonali, kif deskritta fid-digriet tar-rinviju, tinvolvi riferiment għad-dritt tal-Unjoni li ma jillimitax l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Għal din ir-raġuni, ma naqbilx mal-argument tal-Gvern Belġjan. Jidhirli li l-punt huwa wieħed li din il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tirrispondi u li għaldaqstant għandha tagħmel hekk.

32.      Fir-rigward tad-domanda nnifisha, mal-ewwel daqqa ta’ għajn jista jidher li tirrikjedi risposta affermattiva. Huwa minnu li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li d-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa u li, kif jenfasizzaw kemm R. Matzak kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 15 jagħti d-dritt lill-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u tal-ħaddiema. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” prevista fl-Artikolu 2 tiddikjara espressament li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni; “liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi [nazzjonali]”.

33.      Naħseb li l-pożizzjoni reali hija iktar ikkumplikata. Meta adotta d-Direttiva 2008/33, il-leġiżlatur (ta’ dik li kienet) il-Komunità kien qed ifittex li jistabbilixxi standards minimi li għandhom jiġu applikati fi ħdan dik li issa hija l-Unjoni Ewropea (28). Huwa għamel hekk billi ppreveda, b’mod partikolari, definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol”, flimkien ma’ dak ta’ “perijodu ta’ serħan”, li kellu jkun uniformi fl-Istati Membri kollha. Minn dan isegwi li dawn id-definizzjonijiet għandhom jiġu interpretati skont karatteristiċi oġġettivi b’riferiment għall-iskema u l-għan tal-imsemmija direttiva, peress li tali interpretazzjoni biss tista’ tiżgura għal din id-direttiva l-effikaċja sħiħa kif ukoll l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (29). Għalhekk, ma hemmx marġni ta’ libertà għal Stat Membru li jfittex li jimplementa d-direttiva sabiex jadotta verżjoni inqas restrittiva ta’ waħda minn dawn id-definizzjonijiet.

34.      Dan ma jfissirx, ovvjament, li Stat Membru ma jistax isaħħaħ il-protezzjoni mogħtija mid-direttiva permezz ta’ użu ta’ tekniki leġiżlattivi differenti. L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jipprevedu perijodi ta’ serħan minimi itwal minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 7 tad-direttiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 15. L-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ix-xogħol ta’ bil-lejl u bix-xift fl-Artikoli 8 sa 13. Iżda l-Istati Membri għandhom iżommu d-definizzjonijiet ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” stabbiliti fl-Artikolu 2 jekk jagħmlu hekk.

35.      Għaldaqstant nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata bħala li tostakola lil-leġiżlatur nazzjonali ta’ Stat Membru milli jżomm jew jadotta definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li hija inqas restrittiva minn dik prevista mid-direttiva. Madankollu, il-leġiżlatur ta’ dan l-Istat Membru jista’ jsaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema iżda meta jagħmel dan, ma għandux jitbiegħed mit-termini ta’ din id-definizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

36.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, sa fejn jiddefinixxi dak li l-qorti tar-rinviju ssejjaħ “il-kunċetti prinċipali użati” fid-direttiva, inklużi b’mod partikolari dawk tal-“ħin tax-xogħol” u l-“perijodu ta’ serħan”, jistax jiġi interpretat bħala li ma japplikax għall-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li huwa użat sabiex jiddetermina r-remunerazzjoni mħallsa lil pompiera bħal R. Matzak.

37.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa meħtieġ li jiġu ddelimitati t-termini tagħha. L-ewwel nett, sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma jiddefinixxix kunċetti ta’ ħin għajr għal “ħin tax-xogħol” u l-korollarju tiegħu, il-“perijodu ta’ serħan”. Jekk id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” testendix sabiex tkopri ċirkustanzi bħal dawk tal-ħaddiema fis-sitwazzjoni ta’ R. Matzak hija s-suġġett tar-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju.

38.      It-tieni nett, ma hemm l-ebda dubju li r-rwol ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE huwa limitat sabiex jipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali, billi dik hija kwistjoni li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat (30). Għalhekk, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tgħid li hemm tendenza fil-ġurisprudenza nazzjonali sabiex l-kwistjoni tar-remunerazzjoni ta’ pompiera riżervisti tiġi riżolta billi tiddependi fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” tad-dritt tal-Unjoni (31), it-tħaddim ta’ dawk ir-regoli taħt id-dritt intern ma huwiex kwistjoni li din il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindirizza. Sakemm ir-regoli nazzjonali jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom għażla sabiex jistrutturaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kif jidhrilhom xieraq, u huma l-qrati nazzjonali tagħhom li għandhom jinterpretawha. Għalhekk ser nindirizza (biss) il-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fl-analiżi tiegħi ta’ din id-domanda.

39.      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, jidhirli li t-tielet domanda tinftiehem aħjar fis-sens li tistaqsi dwar jekk id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 tapplikax ukoll, b’mod awtomatiku u xejn iżjed, sabiex tirregola r-remunerazzjoni tal-ħaddiema intitolati li jibbenefikaw mill-protezzjoni f’termini ta’ saħħa u sigurtà li tagħti din id-direttiva.

40.      Fil-fehma tiegħi ma teżisti l-ebda rabta awtomatika bħal din.

41.      Id-Direttiva 2003/88 ġiet adottata abbażi ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 153(2) TFUE. Dik id-dispożizzjoni tagħti lill-leġiżlatur tal-Unjoni s-setgħa li jadotta direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi għal armonizzazzjoni gradwali fir-rigward (sa fejn rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet) tas-saħħa u s-sigurtà [Artikolu 153(1)(a)], il-kundizzjonijiet tax-xogħol [Artikolu 153(1)(b)] kif ukoll tas-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali [Artikolu 153(1)(ċ)]. Il-paragrafu 5 jgħid espressament li d-“dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi […]”. Din tal-aħħar hija, għalhekk, kwistjoni għall-Istati Membri biss (32).

42.      Dik id-diviżjoni ta’ kompetenzi hija riflessa wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza Dellas et, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, li kemm l-iskop kif ukoll il-kliem stess tad-direttiva wasslu għall-konklużjoni li ma kinitx tapplika għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema. Hija żiedet tgħid li din l-interpretazzjoni segwiet mingħajr ambigwità minn dak li issa huwa l-Artikolu 153(5) TFUE (33). Fis-sentenza Vorel, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fir-rigward tad-Direttiva 2003/88 (34).

43.      Dan waħdu jista’ jingħad li jagħti risposta għat-tielet domanda. Madankollu, kif josserva ġustament il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm id-Direttiva 2003/88 ma teħtieġx li l-Istati Membri japplikaw id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” għal kwistjonijiet ta’ remunerazzjoni, din ma tipprovdix ukoll li huma ma jistgħux jagħmlu dan. Għalhekk, Stat Membru jista’ jadotta, skont il-kompetenzi tiegħu, leġiżlazzjoni domestika li tipprevedi li r-remunerazzjoni ta’ kategorija waħda jew iktar ta’ ħaddiema għandha tkun ibbażata fuq dik id-definizzjoni. Kuntratti ta’ xogħol u diversi ftehimiet kollettivi tipikament jużaw wkoll “ħin tax-xogħol” flimkien man-numru ta’ sigħat maħduma u r-rati miftiehma ta’ remunerazzjoni sabiex jistabbilixxu remunerazzjoni ġenerali. Dawn ir-rati tal-paga jistgħu jvarjaw ukoll skont it-tip ta’ ħin tax-xogħol (ħin ta’ servizz attiv, ħin ta’ xogħol on-call) inkwistjoni (35). Dan kollu jaqa’ fid-dritt nazzjonali.

44.      Għaldaqstant nikkunsidra li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma tapplikax, awtomatikament u xejn iżjed, sabiex tirregola r-remunerazzjoni tal-ħaddiema intitolati sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni f’termini ta’ saħħa u sigurtà li tagħti dik id-direttiva. Madankollu, għalkemm dik id-direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri japplikaw id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” għall-kwistjonijiet ta’ remunerazzjoni, lanqas ma tipprevedi li huma ma jistgħux jagħmlu dan. Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li r-remunerazzjoni ta’ kategorija waħda jew iktar ta’ ħaddiema għandha tkun ibbażata fuq din id-definizzjoni.

 Ir-raba’ domanda

45.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 għandhiex tiġi interpretata li testendi għal ħaddiema, bħal R. Matzak, li huma ingaġġati fuq xogħol stand-by u huma meħtieġa li jirrispondu għal sejħiet mill-persuna li timpjegahom f’perijodu qasir ta’ ħin (f’dan il-każ, tmien minuti) mingħajr ma jkunu meħtieġa fl-istess ħin li jkunu fiżikament preżenti fil-bini tal-persuna li timpjegahom u li l-opportunitajiet tagħhom li jwettqu attivitajiet oħrajn matul il-perijodu inkwistjoni jistgħu għalhekk ikunu limitati.

46.      Bħala punt preliminari, għandi ngħid li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tesprimi d-domanda tagħha fuq il-bażi li l-ħin on-call huwa “mwettaq fid-dar tal-ħaddiem”, ir-rekwiżit attwali msemmi fid-digriet tar-rinviju ma huwiex li l-ħaddiem jgħaddi l-ħin d-dar imma pjuttost li jkun jista’ jasal fil-post tax-xogħol tiegħu fi żmien tmien minuti (36). Jiġifieri, jista’ jkun il-każ, fil-prattika, li l-ħaddiema fil-fatt joqogħdu d-dar matul perijodi ta’ ħin stand-by u li jistgħu, bħala riżultat dirett ta’ dak ir-rekwiżit, ikollhom il-bżonn li darhom tkun fiż-żona li din il-limitazzjoni timponi.

47.      Dwar is-sustanza tad-domanda, R. Matzak isostni li l-fatti ta’ din il-kawża, flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ifissru li l-perijodi ta’ ħin stand-by tiegħu jirrappreżentaw b’mod ċar ħin tax-xogħol. B’mod partikolari, il-fatt li huwa jista’ ma jkunx meħtieġ li jwettaq dmirijiet attwali waqt li jkun on-call huwa irrilevanti. Huwa meħtieġ li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah, u li jista’ jiġi kkuntattjat, f’kull ħin u l-libertà tiegħu ta’ moviment u l-libertà li jorganizza l-affarijiet tiegħu huma konsegwentement ristretti severament matul il-perijodi ta’ xogħol tiegħu. Nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti jista’ jwassal għal sanzjonijiet dixxiplinarji, u possibbilment penali. Is-sitwazzjoni ta’ R. Matzak, li tinvolvi d-dmir li jippreżenta lilu nnifsu fil-post tax-xogħol tiegħu f’terminu qasir ħafna, hija fil-fatt iktar vinkolanti minn dik ta’ ħaddiem li, għalkemm ikun on-call, jitħalla ħafna iktar perijodu ta’ ħin sabiex jagħmel dan jew li jista’ jintervjeni minn distanza. Minn dan isegwi li għandu jitqies bħala li huwa għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah fil-ħinijiet rilevanti kollha.

48.      Filwaqt li nara, sa ċertu punt, il-loġika ta’ dawn is-sottomissjonijiet, ma nemminx li l-pożizzjoni hija daqstant sempliċi kif qed jissuġġerixxi R. Matzak.

49.      Il-punt tat-tluq għal kull analiżi għandu, fil-fehma tiegħi, ikun il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88. Dan jiddefinixxi l-“ħin tax-xogħol” bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu […]” u “perijodu ta’ serħan” bħala li jfisser “kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”. Kif osservaw numru ta’ partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, kif ukoll, fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, id-distinzjoni hija għalhekk waħda binarja: il-ħin huwa jew ħin tax-xogħol jew ma huwiex (37). Il-leġiżlatur ma deherlux li kellu jistabbilixxi xi kategorija jew kategoriji ulterjuri, u b’hekk jippermetti xi grad ta’ rfinar jew sottiljezza. Din l-assenza ta’ flessibbiltà tista’ tkun ta’ dispjaċir, però hekk huwa t-test tad-direttiva.

50.      Peress li l-kategorija ta’ “perijodu ta’ serħan” hija minnha stess waħda reżidwa, ser nikkonċentra, fl-analiżi li ġejja, fuq il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”. Xi gwida dwar kif dan għandu jinftiehem tista’ tinstab diġà fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” skont id-Direttiva 2003/88 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi ddefinit skont kunsiderazzjonijiet oġġettivi b’riferiment għall-iskema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiżi sabiex jittejbu il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema (38). Dan jirrikjedi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, il-ħaddiem irid ikun “għax-xogħol”; it-tieni, għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah; u, it-tielet, huwa għandu jkun qed iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu (39).

52.      L-ewwel okkażjoni li fiha l-Qorti ta-Ġustizzja ntalbet tinterpreta dawk ir-rekwiżiti kienet fis-sentenza Simap (40). Il-kawża kien tikkonċerna l-ħin on-call ta’ tobba f’timijiet tas-saħħa primarja li jaħdmu f’ċentru tas-saħħa. Għal parti minn dan il-ħin, huma kienu meħtieġa li jkunu preżenti fil-post tax-xogħol tagħhom, filwaqt li għall-bqija, huma kienu meħtieġa li jkunu “kuntattabbli” biss. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm differenza essenzjali bejn dawn iż-żewġ perijodi. Fir-rigward tal-ewwel, anki jekk l-attività mwettqa tista’ tvarja skont iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-tobba kienu obbligati li jkunu preżenti u disponibbli fuq il-post tax-xogħol bil-ħsieb li jipprovdu s-servizzi professjonali tagħhom ifisser li kienu qed iwettqu dmirijiethom. Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) ġew għalhekk issodisfatti. Għall-iskopijiet tat-tieni, madankollu, u anki għalkemm kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom għaliex kellu jkun possibbli li jiġu kkuntattjati, it-tobba setgħu jiġġestixxu ħinhom b’inqas restrizzjonijiet u jsegwu l-interessi tagħhom stess. Għalhekk dak il-ħin waqa’ fil-kategorija ta’ “perijodu ta’ serħan” (41).

53.      Is-sentenzaJaeger (42) ikkonċernat tabib tal-isptar li kien obbligat li jgħaddi ħinu on-call fil-bini tal-persuna li timpjegah. Huwa ġie allokat kamra b’sodda fejn seta’ jorqod meta s-servizzi tiegħu ma kinux meħtieġa. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet l-osservazzjonijiet tagħha fis-sentenza Simap (43), iżda nnutat li ma kienet ingħatat l-ebda deċiżjoni, f’din il-kawża, fir-rigward taċ-ċirkustanzi fejn il-ħaddiem seta’ jagħżel jistrieħx jew jorqodx meta jkun għassa fil-bini tal-persuna li timpjegah. Hija ddeċidiet li dan il-punt kien irrilevanti. Dak li sejħet bħala l-“fattur deċiżiv” kien li l-ħaddiem kien mitlub li jkun preżenti fil-post iddeterminat mill-persuna li timpjegah u li jkun disponibbli għaliha sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu minnufih f’każ ta’ bżonn. Isegwi li l-ħaddiem ma setax jingħad li kien “waqt is-serħan” matul il-perijodi inkwistjoni (44). Madankollu, fir-risposta għad-domanda tal-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li d-deċiżjoni tagħha applikat għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiem kien meħtieġ “matul il-perijodu tax-xogħol ta’ l-għassa” l-isptar (45). Il-ħaddiema inkwistjoni kienu ristretti b’mod sinjifikattiv fil-mod kif setgħu jiġġestixxu ħinhom u kienu separati mill-ambjent familjari u soċjali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” ma tistax tiġi kkontestata b’oġġezzjonijiet ibbażati fuq il-konsegwenzi ekonomiċi u organizzattivi li ċerti Stati Membri kienu argumentaw li jinqalgħu kieku dan il-ħin kellu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” (46).

54.      Fis-sentenza Dellas et (47), li bl-istess mod kienet tinvolvi rekwiżit għal ħaddiema bi bżonnijiet speċjali li jgħaddu perijodi ta’ ħin on-call fil-bini tal-persuna li timpjegahom, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni identika bħal dik stabbilita fis-sentenza Jaeger.

55.      Il-kawża Grigore (48) kienet tinvolvi ħaddiem tal-foresti li kien pprovdut b’akkomodazzjoni għall-persunal mill-persuna li timpjegah, fil-post taż-żona tal-foresta li għaliha kien responsabbli. Huwa kien meħtieġ li jgħaddi perijodi ta’ ħin hemm (49). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti ta’ din l-akkomodazzjoni ma kienx fih innifsu evidenza konklużiva li l-ħin li għadda hemm kien jikkostitwixxi ħin tax-xogħol, minħabba l-fatt biss li kien jinsab fiż-żona tax-xogħol ta’ N. Grigore. Madankollu, jekk il-pożizzjoni vera kienet li kien taħt obbligu li jkun immedjatament disponibbli għal persuna li timpjegah sabiex jipprovdi s-servizzi xierqa f’każ ta’ bżonn, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett tkun issodisfatta (50).

56.      Fl-aħħar nett (51), fis-sentenza Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (“Tyco”) (52), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita bil-kwistjoni dwar jekk il-ħin li jgħaddu l-ħaddiema li ma għandhomx post tax-xogħol fiss jew regolari, li jivvjaġġaw bejn id-dar tagħhom u l-klijenti tal-persuna li timpjegahom, kif indikat mill-persuna li timpjegahom, jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-affermattiv. Hija nnotat, b’mod partikolari, il-prinċipju li jsib l-oriġini tiegħu fis-sentenza Jaeger li l-fattur deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk id-definizzjoni hijiex issodisfatta huwa r-rekwiżit li wieħed ikun preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u sabiex jipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament. Fl-istess ħin, enfasizzat li r-rimarka li hija kienet ifformulat inċidentalment fis-sentenza Simap, li l-possibbiltà li l-ħaddiema jsegwu l-interessi tagħhom stess huwa fattur li jista’ juri li l-perijodu inkwistjoni ma huwiex ħin tax-xogħol għall-finijiet tad-Direttiva 2003/88. Issa, dan ma kienx il-każ tal-ħaddiema fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali. Minkejja l-fatt li kellhom ċertu libertà meta jivvjaġġaw, madankollu kienu obbligati jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegahom matul il-perijodi inkwistjoni (53).

57.      Jidhirli li d-dikjarazzjoni li r-“r-rekwiżit li tkun preżenti f’post stabbilit mill-persuna li timpjega biex tipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament” huwa l-“fattur deċiżiv” sabiex jiġi ddeterminat x’inhu, u x’ma huwiex, il-ħin tax-xogħol għandu jinqara b’ċertu kawtela. B’mod ċar, kien japplika fil-kawżi bħal dawk li taw lok għas-sentenzi Jaeger u Dellas, fejn l-obbligu kien li jgħaddu ħin fuq stand-by fil-bini tal-persuna li timpjega. Il-fatt li l-ħaddiem jista’ ma jgħaddix dan il-ħin kollu fil-fatt jaħdem kien irrilevanti. Bl-istess mod, madankollu, dan il-fattur ma kienx konklużiv fis-sentenza Grigore, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi wkoll fuq il-grad ta’ libertà li jgawdi l-ħaddiem. Fil-fatt, dan l-aspett jinsab fil-qalba tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Simap. Jidhirli li l-kwalità tal-ħin li l-ħaddiem jista’ jgawdi meta jkun fuq xogħol stand-by (kif jidher, pereżempju, mill-abbiltà tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess u għall-familja) (54) hija ta’ rilevanza ugwali. Il-fatt li, f’xi każ partikolari, ħaddiem jista’ jeħtieġ li jgħaddi ħin stand-by f’raġġ li huwa relattivament qrib il-post tax-xogħol tiegħu ma jnaqqasx, fil-fehma tiegħi, mill-ħtieġa li titqies il-kwalità tal-ħin li huwa jista’ jgħaddi. Ħlief fejn il-ħaddiem ikun jista’ jintervjeni remotament, tkun fin-natura ta’ dan it-tip ta’ xogħol li huwa jista’ jkun taħt obbligu li jibqa’ qrib il-post tax-xogħol tiegħu. Hija l-kwalità tal-ħin li huwa jgħaddi, pjuttost milli l-grad preċiż ta’ prossimità meħtieġa fejn il-post tax-xogħol li hija ta’ importanza primarja f’dan il-kuntest. Hija l-qorti tar-rinviju, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk il-kwalità tal-ħin stand-by ta’ R. Matzak kinitx iddgħajfet sa tali grad b’xi restrizzjoni imposta mill-persuna li timpjegah li dan jista’ jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol.

58.      Għaldaqstant nikkunsidra li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 ma għandhiex tiġi interpretata bħala li testendi awtomatikament għall-ħaddiema li jaħdmu fuq xogħol stand-by li huma meħtieġa li jkunu jistgħu jirrispondu għal sejħiet mill-persuna li timpjegahom f’perijodu qasir ta’ ħin (mingħajr ma jkunu meħtieġa, fl-istess ħin, li jkunu fiżikament preżenti fil-bini tal-persuna li timpjegahom) u li l-opportunitajiet tagħhom sabiex iwettqu attivitajiet oħra matul il-perijodu inkwistjoni jistgħu għaldaqstant ikunu limitati. Pjuttost, huwa meħtieġ li titqies il-kwalità tal-ħin li l-ħaddiem jista’ jgawdi meta jkun fuq dak it-tip ta’ xogħol, fil-forma, pereżempju, tal-kapaċità tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess u tal-familja. Hija l-kwalità tal-ħin li wieħed jgħaddi iktar milli l-grad preċiż ta’ prossimità meħtieġa għall-post tax-xogħol li hija ta’ importanza primarja f’dan il-kuntest. Jekk dak iż-żmien għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” f’każ partikolari, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-fatti.

 Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jien tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Cour du travail de Bruxelles (qorti tal-appell tax-xogħol, Brussell, il-Belġju) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 17(3)(c)(iii) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeskludu ċerti kategoriji ta’ pompiera rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva stabbiliti fl-Artikolu 17(3) biss. Dan ma jippermettix lill-Istati Membri jeskludu lil dawk il-ħaddiema mill-kamp ta’ applikazzjoni td-dispożizzjonijiet kollha li jittrasponu din id-direttiva u, b’mod partikolari, ma jippermettix li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” jiġu esklużi fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema.

(2)      Id-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata bħala li tostakola lil-leġiżlatur nazzjonali ta’ Stat Membru milli jżomm jew jadotta definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li hija inqas restrittiva minn dik prevista mid-direttiva. Madankollu, il-leġiżlatur ta’ dan l-Istat Membru jista’ jsaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema iżda meta jagħmel dan, ma għandux jitbiegħed mit-termini ta’ din id-definizzjoni.

(3)      Id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma tapplikax, awtomatikament u xejn iżjed, sabiex tirregola r-remunerazzjoni tal-ħaddiema intitolati biex jibbenefikaw mill-protezzjoni f’termini ta’ saħħa u sigurtà li tagħti din id-direttiva. Madankollu, għalkemm din id-direttiva ma teħtieġx li l-Istati Membri japplikaw id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” għall-kwistjonijiet ta’ remunerazzjoni, lanqas ma tipprevedi li huma ma jistgħux jagħmlu dan. Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li r-remunerazzjoni ta’ kategorija waħda jew iktar ta’ ħaddiema għandha tkun ibbażata fuq din id-definizzjoni.

(4)      Id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/88 ma għandhiex tiġi interpretata bħala li testendi awtomatikament għall-ħaddiema li jaħdmu fuq xogħol stand-by li huma meħtieġa li jkunu jistgħu jirrispondu għal sejħiet mill-persuna li timpjegahom f’perijodu qasir ta’ ħin (mingħajr ma jkunu meħtieġa fl-istess ħin li jkunu fiżikament preżenti fil-bini tal-persuna li timpjegahom) u li l-opportunitajiet tagħhom sabiex iwettqu attivitajiet oħra matul il-perijodu inkwistjoni jistgħu għaldaqstant ikunu limitati. Pjuttost, huwa meħtieġ li titqies il-kwalità tal-ħin li l-ħaddiem jista’ jgawdi meta jkun fuq dak it-tip ta’ xogħol, fil-forma, pereżempju, tal-kapaċità tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess u tal-familja. Hija l-kwalità tal-ħin li wieħed jgħaddi iktar milli l-grad preċiż ta’ prossimità meħtieġa għall-post tax-xogħol li hija ta’ importanza primarja f’dan il-kuntest. Jekk dan iż-żmien għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” f’każ partikolari, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-fatti.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


3      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il quddiem għal kjarifika ulterjuri ta’ dan l-aspett tat-terminoloġija li użajt f’dawn il-konklużjonijiet.


4      Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il quddiem.


5      Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). Dik id-direttiva kienet tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88.


6      R. Matzak huwa deskritt fid-digriet tar-rinviju bħala “pompier volontaire” (pompier volontarju). Jidher ċar, madankollu, li jirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjegah meta jkun fuq servizz attiv. Il-Gvern tar-Renju Unit jinnota li, f’dak l-Istat Membru, il-pompiera jistgħu jaqgħu fi tliet kategoriji: (i) il-pompiera professjonali, li normalment jaħdmu fuq bażi full-time u jirċievu remunerazzjoni skont dan; (ii) il-pompiera riżervisti, li jirċievu remunerazzjoni sabiex ikunu disponibbli għal sejħiet matul ċerti perijodi; u (iii) il-pompiera volontarji, li ma jirċevux remunerazzjoni. Għalkemm jidher li l-pompieri riżervisti fir-Renju Unit jistgħu jirċievu remunerazzjoni mhux biss għall-ħin mgħoddi fuq servizz attiv iżda wkoll (u b’differenza minn R. Matzak) għal ħin mgħoddi on call (almenu parzjalment), jiena użajt dak it-terminu f’dawn il-konklużjonijiet peress li għandu l-eqreb relazzjoni mas-sitwazzjoni li fiha sab ruħu R. Matzak. Ara wkoll, madankollu, il-punt 22 iktar ’il quddiem.


7      R. Matzak jindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, minn April 2015, il-persuna li timpjegah kienet iż-Zone de secours du Brabant Wallon (servizz ta’ salvataġġ ta’ Brabant Wallon). Ma jidhirx li hemm rilevanza fir-rigward ta’ din il-bidla.


8      Id-digriet tar-rinviju juża wkoll l-espressjoni “ħin ta’ disponibbiltà mid-dar” (“heures de garde à domicile”). Madankollu, jidher ċar li ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed ikollu r-residenza tiegħu fir-raġġ ta’ tmien minuti mill-istazzjon tat-tifi tan-nar jew, jekk wieħed jagħmel hekk, li dak li jkun jibqa’ f’dik ir-residenza matul il-perijodi kkonċernati, jiena użajt l-espressjonijiet “ħin stand-by” u “xogħol stand-by” iktar ’il qudiem sabiex nirrappreżenta ħin meta l-ħaddiem irid ikun kuntattabbli mill-persuna li timpjegah u lest li jwettaq kompiti għal din tal-aħħar mingħajr ma huwa meħtieġ li jkun preżenti fil-post tax-xogħol (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 18).


9      Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.


10      Ara l-punt 51 et seq iktar ’il quddiem.


11      Ara wkoll il-punti 29 sa 31 iktar ’il quddiem dwar l-argumenti tal-Gvern Belġjan dwar l-ammissibbiltà tat-tieni domanda.


12      Ara f’dak is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Archusu Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358, punt 42).


13      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


14      Għal analiżi ulterjuri tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari f’ċirkustanzi li jinvolvu kwistjonijiet simili, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:285, punti 26 sa 49. Dak il-każ jikkonċerna wkoll id-Direttiva 2003/88. L-Avukat Ġenerali Wathelet ikkonkluda bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni.


15      Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.


16      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28.


17      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015 (Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara wkoll s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 46, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dak il-kriterju “huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni” fil-kuntest ta’ dak li issa hu l-Artikolu 157 TFEU. Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess definizzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “paga” għall-finijiet tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267) (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 16).


19      Ara d-digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 52, u s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 44.


20      M’iniex ser nidħol fil-kwistjoni tal-pożizzjoni fi Franza. Ma hijiex rilevanti f’dawn il-proċeduri.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010 (Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punti 34 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40).


23      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 61), u d-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:122, punt 45), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni.


24      Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dzodzi”).


25      Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


26      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


27      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 17).


28      Ara l-Artikolu 1 tad-direttiva.


29      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009 (Schwarz, C‑321/07, EU:C:2009:104, punt 48).


31      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


32      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 40).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 38 u 39).


34      Digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel (C‑437/05, EU:C:2007:23, punti 32 u 35). Ara wkoll id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10 (mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punti 81 sa 84), u s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 48). L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju jinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li jirrigwarda l-btajjel annwali mħallsin.


35      Ara, pereżempju, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel (C‑437/05, EU:C:2007:23, punt 11 et seq).


36      Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.


37      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Simap”).


41      Ara s-sentenza Simap, punti 48 sa 50.


42      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437) (iktar 'il quddiem is-“sentenza Jaeger”).


43      Ara s-sentenza Simap, punti 48 sa 51.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jaeger, punti 60 sa 65.


45      Ara s-sentenza Jaeger, punt 71 u l-punt 1 tad-dispożittiv tagħha.


46      Ara s-sentenza Jaeger, punt 66.


47      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dellas”).


48      Digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122) (iktar ’il quddiem id-“digriet Grigore”).


49      Id-digriet jagħmilha ċara li l-estensjoni preċiża ta’ dan l-obbligu ma kinitx ċara (ara, b’mod partikolari, il-punt 35).


50      Ara, b’mod partikolari, id-digriet Grigore, punti 64 sa 70.


51      Għandi nsemmi għall-kompletezza li, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑180/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:840), il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet il-konstatazzjonijiet tagħha fis-sentenzi Simapu Jaeger (ara l-punti 36 u 37 tal-imsemmija sentenza).


52      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578).


53      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 35, 37 u 39).


54      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fis-sentenza Simap (C‑303/98, EU:C:1999:621, punt 37). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 37), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-possibbiltà li l-ħaddiema jistgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’inqas limiti u jaħdmu fuq l-interessi tagħhom stess huwa element ta’ natura li juri li l-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88”.