Language of document : ECLI:EU:C:2018:82

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 2 – Kunċetti ta’ ‘ħin tax-xogħol’ u ta’ ‘perijodu ta’ serħan’ – Artikolu 17 – Derogi – Pompiera – Ħin on-call – Stand-by id-dar”

Fil-Kawża C‑518/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Brussell (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Ville de Nivelles

vs

Rudy Matzak,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), A. Borg Barthet, M. Berger, u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-ville de Nivelles, minn L. Markey, avocate,

–        għal R. Matzak, minn P. Joassart, A. Percy u P. Knaepen, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn F. Baert u J. Clesse, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman u M. Noort kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn G. Brown u S. Simmons kif ukoll minn D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn R. Hill u B. Lask, barristers,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-ville de Nivelles (il-Belt ta’ Nivelles) u Rudy Matzak dwar ir-remunerazzjoni ta’ servizzi mwettqa fi ħdan is-servizz ta’ tifi tan-nar ta’ din il-belt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Direttiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 89/391/KEE, [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]

4.      Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391[…] għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f’din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, bl-isem “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti 1 u 2:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ’ħin tax-xogħol‘ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.      ‘perijodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

5        L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet l-aktar favorevolil”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.“

6        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 […]

[…]

3.      B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

[…]

b)      fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu presenza permanenti sabiex tkun protettai l-propjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

ċ)      fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa, partikolarment:

[…]

iii)      servizzi ta’ l-istampa, tar-radju, tat-televiżjoni, tal-produzzjoni ċinematografika, tal-posta jew tat-telekommunikazzjonijiet, ta’ l-ambulanza, servizzi tal-protezzjoni tan[min]-nar jew ċivili;

[…]”

 Id-dritt Belġjan

7        Il-Loi du 14 décembre 2000 fixant certains aspects de l’aménagement du temps de travail dans le secteur public (Moniteur belge tal-5 ta’ Jannar 2001, p. 212), (il-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2000 li Tistabbilixxi Ċerti Aspetti tal-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol fis-Settur Pubbliku) ittrasponiet id-Direttiva 2003/88 għas-settur pubbliku.

8        L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi:

1.      ħaddiema huma persuni li, taħt relazzjoni ta’ impjieg legali jew kuntrattwali, inklużi l-istagiares u l-ħaddiema temporanji, iwettqu xogħol taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra;

2.      dawk li jħaddmu huma l-persuni li jimpjegaw il-persuni msemmija f’1.”

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmmija liġi jiddefinixxi l-ħin tax-xogħol bħala “il-perijodu li matulu l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni ta’ persuna li timpjega”.

10      L-Artikolu 186 tal-loi du 30 décembre 2009 portant des dispositions diverses (Moniteur Belge tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 82925) (il-Liġi tat-30 ta’ Diċembru 2009 dwar diversi dispożizzjonijiet) jipprevedi:

“L-Artikolu 3 tal-Liġi tal-14 ta’ Diċembru 2000 li tistabbilixxi ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fis-settur pubbliku, huwa interpretat fis-sens li l-voluntiera tas-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar u taż-żoni ta’ salvataġġ kif previsti mil-Liġi tal-15 ta’ Mejju 2007 dwar is-sigurtà ċivili u l-voluntiera ta’ unitajiet operattivi tal-protezzjoni ċivili ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ ħaddiema.”

11      Ir-règlement organique du service d’incendie de Nivelles (ir-Regolament dwar is-Servizz tat-Tifi tan-Nar ta’ Nivelles), adottat b’applikazzjoni tal-arrêté royal du 6 mai 1971 fixant les types de règlements communaux relatifs à l’organisation des services communaux d’incendie (Moniteur belge tad-19 ta’ Ġunju 1971, p. 7891), (id-Digriet Irjali tas-6 ta’ Mejju 1971 li Jiffissa t-Tipi ta’ Regolamenti Komunali Relatati mal-Organizzazzjoni tas-Servizzi tat-Tifi tan-Nar Komunali), jittratta l-kwistjonijiet relatati mal-membri tal-persunal ta’ dan is-servizz.

12      Dan ir-regolament fih dispożizzjonijiet speċifiċi għall-persunal professjonali u għall-persunal volontarju. Fir-rigward tar-reklutaġġ, li l-kundizzjonijiet tiegħu huma l-istess għaż-żewġ kategoriji, l-Artikolu 11a (1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Fi tmiem l-ewwel sena ta’ stage, l-istagiaire volontarju […] għandu jissodisfa r-rekwiżit ta’ domiċilju li ġej:

1.      għall-persunal assenjat għall-istazzjoni ta’ Nivelles:

ikun domiċiljat jew jirrisjedi f’post hekk li t-terminu meħtieġ sabiex jasal l-istazzjoni ta’ Nivelles, f’kundizzjonijiet fluwidi tat-traffiku u fl-osservanza tal-Code de la Route (il-Kodiċi tat-Traffiku), ma jaqbiżx it-8 minuti massimi.

Matul il-perijodu ta’ xogħol stand-by, kull membru volontarju tas-servizz tat-tifi tan-nar fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Nivelles għandu:

jibqa’ f’kull ħin f’distanza mill-istazzjon tat-tifi tan-nar tali li l-perijodu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq meta t-traffiku jkun normali ma jaqbiżx massimu ta’ tmien minuti;

jeżerċita viġilanza partikolari sabiex jibqa’ fil-kundizzjonijiet ta’ riċeviment tal-mezzi tekniċi varji użati sabiex ifakkru lill-persunal u sabiex jitlaq immedjatament, bl-iktar mezzi xierqa, waqt is-sejħiet tal-persunal on call”.

13      Fir-rigward tar-remunerazzjoni u l-kumpens tal-persunal, l-Artikolu 39 tar-Regolament Organiku tas-Servizz tat-Tifi tan-Nar tal-Belt ta’ Nivelles jipprevedi li l-persunal professjonali huwa remunerat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-istatus finanzjarju tal-persunal tal-Belt ta’ Nivelles.

14      Il-persunal volontarju jirċievi l-allowances iddettaljati fl-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament. Huma kkalkulati pro rata mas-sigħat ta’ servizz. Għal “stand-by id-dar” tal-uffiċjali, hija stabbilita allowance annwali. Hija tikkorrispondi ma’ dik tal-persunal professjonali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Is-servizz tat-tifi tan-nar tal-Belt ta’ Nivelles jinkludi pompieri professjonali u pompieri volontarji.

16      Il-pumpiera volontarji jipparteċipaw fl-interventi. Fost il-missjonijiet l-oħra assenjati lilhom, huma jipprovdu li jkunu on-call f’kull ħin u huma stabbiliti fl-istazzjon li l-iskeda tagħhom hija stabbilita fil-bidu tas-sena.

17      R. Matzak daħal jaħdem mal-Belt ta’ Nivelles fl-1 ta’ Awwissu 1980 u sar pompier volontarju sena wara. Barra minn hekk huwa wkoll impjegat f’impriża privata.

18      Fis-16 ta’ Diċembru 2009, R. Matzak beda proċeduri legali għall-kundanna tal-Belt ta’ Nivelles li jħallaslu EUR 1 provviżorju f’każ ta’ danni minħabba nuqqas ta’ ħlas, matul is-snin tiegħu ta’ servizz tiegħu, tar-remunerazzjoni dwar is-servizzi tiegħu bħala pompier volontarju, b’mod partikoalri s-servizzi tiegħu bħala stand by id-dar.

19      B’sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, it-tribunal du travail de Nivelles (il-Qorti Industrijali ta’ Nivelles, il-Belġju) laqgħet b’mod ġenerali r-rikors ta’ R. Matzak.

20      Il-Belt ta’ Nivelles ippreżenta appell kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell, il-Belġju).

21      Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Settembru 2015, il-qorti tar-rinviju parzjalment laqgħet dan l-appell. Fir-rigward tar-remunerazzjoni mitluba għal servizzi ta’ stand by id-dar, li għandhom jiġu kklassifikati, skont R. Matzak, bħala ħin tax-xogħol, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn is-servizzi jistgħux jitqiesu li jaqgħu fid-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour du travail de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88, tal-4 ta’ Novembru 2003 […] għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeskludu ċerti kategoriji ta’ pompiera rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mid-dispożizzjonijiet kollha li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, inkluża dik li tiddefinixxi l-ħin tax-xogħol u l-perijodi ta’ mistrieħ?

2)      Sa fejn id-Direttiva 2003/88 […] tipprevedi biss normi minimi, għandha tiġi interpretata bħala li ma tostakolax li l-leġiżlatur nazzjonali jżomm jew jadotta definizzjoni inqas retrittiva tal-ħin tax-xogħol?

3)      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 153(5) TFUE u tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/88 [...[.], l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, sa fejn dan jiddefinixxi l-kunċetti prinċipali użati minnha u, b’mod partikolari, dawk tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ, għandu jiġi interpretat bħala li ma huwiex applikabbli għall-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li għandu jippermetti li jiġu ddeterminati r-remunerazzjonijiet dovuti fil-każ ta’ ħin ta’ disponibbiltà mid-dar (’home-based on-call time’)?

4)      Id-Direttiva 2003/88 [....] tipprekludi li l-ħin ta’ disponibbiltà mid-dar jitqies bħala ħin tax-xogħol meta, minkejja li d-disponibbiltà tiġi eżegwita fid-dar tal-ħaddiem, il-limitazzjonijiet fuq dan tal-aħħar matul id-disponibbiltà (bħall-obbligu li jirrispondi t-telefonati tal-persuna li timpjegah f’mhux iktar minn tmien minuti), ikunu jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet ta’ attivitajiet oħra?”“

 Fuq id-domandi preliminari

 Kummenti preliminari

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li kemm il-Belt ta’ Nivelles kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li d-domandi preliminari, sa fejn jirrigwardaw il-kunċett ta’ remunerazzjoni, huma inammissibbli. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/88, ibbażata fuq l-Artikolu 153(2)TFUE, ma hijiex maħsuba sabiex tapplika, skont l-Artikolu 5(5)TFUE, għall-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Issa, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa dak li tiddeċiedi l-kwistjoni tar-remunerazzjoni ta’ R. Matzak għas-servizzi ta’ stand-by id-dar magħmul bħala pompier volontarju mal-Belt ta’ Nivelles.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni fil-każ tal-ipoteżi speċifika fir-rigward tal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din tal-aħħar tillimita ruħha biss li tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li bħala prinċipju hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et, C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

26      Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali tixtieq titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 17(3)(ċ) (iii) tad-Direttiva 2003/88, ikkunsidrata neċessarja mill-imsemmija qorti sabiex issolvi t-tilwima pendenti quddiemha. Il-fatt li din tal-aħħar tirrigwarda, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ remunerazzjoni huwa, f’dan il-kuntest, irrilevanti, peress li hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dik il-kwistjoni fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

27      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 għandha tapplika għall-attivitajiet tal-pompiera, anki jekk jitwettqu mill-forzi ta’ intervent fuq l-art u ma tantx huwa importanti jekk humiex intenzjonati sabiex jiġġieldu nar jew sabiex jipprovdu għajnuna b’xi mod ieħor, sakemm dawn jitwettqu f’kundizzjonijiet normali, skont il-missjoni assenjata lis-servizz ikkonċernat, u dan għalkemm l-interventi li dawn l-attivitajiet jistgħu jagħtu lok huma, min-natura tagħhom, imprevedibbli u jistgħu jesponu lill-ħaddiema li jwettquhom għal ċerti riskji għas-sigurtà u/jew għas-saħħa tagħhom (digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Personrat der Feuerwehr Hamburg, C‑52/04, EU:C:2005:467, punt 52).

28      It-tielet nett, sa fejn tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ R. Matzak bħala “ħaddiem”, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti skont il-liġi nazzjonali iżda għandu tifsira indipendenti tiegħu stess fid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 28). Skont ġuriprudenza stabbilita fil-qasam, għandha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet li huma tant minimi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala purament marġinali u anċillari. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li persuna twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C-316/13, EU:C:2015:200, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li n-natura ġuridika tar-relazzjoni ta’ impjieg fid-dawl tad-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      B’hekk, sa fejn jikkonċerna l-kawża prinċipali, il-fatt li R. Matzak, skont id-dritt nazzjonali, ma għandux l-istatus ta’ pompier professjonali, iżda dak ta’ pompier volontarju, ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li persuna fiċ-ċirkustanzi ta’ R. Matzak għandha tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, sa fejn mill-informazzjoni disponibbli għall Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan tal-aħħar kien inkluż fis-servizz tat-tifi tan-nar tal-Belt ta’ Nivelles li fi ħdanu eżerċita xi attivitajiet reali u effettivi taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra, li għalihom kien ġie rremunerat, u dan huwa dak li l-qorti tar-rinviju hija msejħa tivverifika.

32      Ir-raba’ nett, peress li l-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva 2003/88 huma redatti f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi trasposta għall-artikoli msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2003/88 (digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk)

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ pompieri reklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mill-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxu b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li għalihom hija permessa deroga minnhom (digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 45).

35      Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 ta’ din id-direttiva u l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jispeċifika li għas-servizzi msemmija fiha, fosthom dawk tal-pompiera, jista’ jkun hemm deroga mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 tal-imsemmija direttiva.

36      B’hekk, il-kliem stess tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 ma jawtorizzax deroga mill-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxi l-kunċett prinċipali li jinsab f’din id-direttiva.

37      Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jeżisti ebda marġni għall-adozzjoni ta’ interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, li tista’ tmur lil hinn mid-derogi permessi fiha.

38      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ deroga previsti mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha, bħala eċċezzjonijiet għas-sistema tal-Unjoni Ewropea dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol previst minn din id-direttiva, dawn id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi limitata l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li l-imsemmija derogi jistgħu jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union Solidaires Union Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punti 39 u 40).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ pompieri reklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mill-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”.

 Fuq it-tieni domanda

40      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw definizzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

41      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat il-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, fid-dawl tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva u tal-għan tagħha.

42      Skont il-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom id-dritt li japplikaw jew jintroduċu l-introduzzzjoni ta’ liġijiet, regoli jew dipożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. Minn dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi huma dawk li jistgħu jitqabblu ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2003/88 dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

43      Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jistgħu jkunu biss dawk li, permezz tal-funzjoni u l-iskop tagħhom, huma maħsuba sabiex jistabbilixxu livell minimu ta’ protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Dan huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-Kapitoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tal-imsemmija direttiva, li jinkludu l-Artikoli 1 u 2 tiegħu, huma ta’ natura differenti. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jistabbilixxux perijodi minimi ta’ ħin ta’ serħan jew jikkonċernaw aspetti oħra tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, iżda jistabbilixxu d-definizzjonijiet meħtieġa sabiex jiddelimitaw is-suġġett tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

44      Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tas-sistema stabbilita minn din tal-aħħar, jirriżulta li l-fakultà prevista minn din tal-aħħar artikolu ma tapplikax għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, li jinsab fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

45      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-iskop tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-direttiva tfittex li tiżgura, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, livell minimu ta’ protezzjoni applikabbli għall-ħaddiema kollha tal-Unjoni. Għal dan il-għan, u sabiex jiġi żgurat li l-imsemmija direttiva tkun kompletament effikaċi, id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tagħha ma jistgħux jiġu interpretati b’mod differenti skont id-dritt nazzjonali, iżda għandhom, kif ġie speċifikat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem”, portata awtonoma proprja għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-kuntest, madankollu, għandu jiġi speċifikat li jekk l-Istati Membri ma humiex intitolati li jbiddlu d-definizzjoni tal-“ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, jibqgħu, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, liberi li jadotta, fid-drittijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu termini ta’ ħin tax-xogħol u perjodi ta’ serħan li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri li jżommu jew jadottaw definizzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tielet domanda

48      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi ta’ stand-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, li huwa paċifiku li d-Direttiva 2003/88 ma tirregolax il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema, peress li dak l-aspett jaqa’, skont l-Artikolu 153(5) TFUE, fil-kompetenza tal-Unjoni.

50      Għaldaqstant, jekk l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jiffissaw ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 skont id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”, li tinsab fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ma humiex obbligati li jagħmlu dan.

51      B’hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem f’”ħin tax-xogħol” tvarja minn dik ta’ ħaddiem f’”perijodu ta’ serħan”, u dan anki sal-punt li ma tingħata l-ebda remunerazzjoni matul dan l-aħħar tip ta’ perijodu.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tingħata riposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi stand-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”.

 Fuq ir-raba’ domanda

53      Permezz tar-raba’ domanda tagħħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ħin on-call li l-ħaddiem jgħaddi d-dar mal-obbligu li jwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ 8 minuti, jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li jkollu attivitajiet oħra, għandu jitqies bħala “ħin tax-xoghol”.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-ħin on-call bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”, imwettqa minn ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

55      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, qabel kollox, li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perjodu ta’ mistrieħ” huma esklużivi waħda mill-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 47, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación Servicios Privados del Sindicato vs Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, għandu jiġi kkonstatat, li fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-ħin on-call li jgħaddi minnu ħaddiem fil-kors tal-attivitajiet tiegħu għal min iħaddmu għandu jkun ikklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol”, jew “perijodu ta’ serħan”.

56      Barra minn hekk, fost l-elementi karatteristiċi tal-kunċett tal-“ħin tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 ma jinsabux l-intensità tax-xogħol imwettaq mill-impjegat jew l-effiċjenza tiegħu (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 43).

57      Ġie deċiż, insegwitu, li l-preżenza fiżika u d-disponibbiltà tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol, matul il-perijodu on-call, sabiex jipprovdi servizzi professjonali, għandha titqies bħala li taqa’ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, anki jekk l-attività li effettivament titwettaq tvarja skont iċ-ċirkustanzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 48).

58      Fil-fatt, li jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” il-perijodu on-call skont is-sistema ta’ preżenza fiżika fuq il-post tax-xogħol iwassal li jikkontesta l-għan tad-Direttiva 2003/88 li huwa li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan u perijodi adegwati ta’ pawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 49).

59      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fattur determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament. Fil-fatt, għandu jitqies li dawn l-obbligi, li bihom il-ħaddiema ma jkunux jistgħu jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom matul il-perjodi ta’ on-call, jaqgħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 63, kif ukoll id-digriet tal-4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:122, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li hija differenti s-sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem iwettaq on-call skont is-sistema ta’ stand-by li tfisser li ser ikun aċċessibbli fil-ħinijiet kollha mingħajr ma jkun marbut li jkun preżenti fil-post tax-xogħol. Fil-fatt, anki jekk huwa disponibbli għall-persuna li timpjegah sa fejn jista’ jiġi kkuntattjat, f’din is-sitwazzjoni, il-ħaddiem jista’ jiġġestixxi l-ħin tiegħu b’inqas limitazzjonijiet u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss il-ħin marbut mal-provvista effettiva ta’ servizzi li għandu jitqies bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-kawża prinċipali, skont l-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja u li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tivverifika, R. Matzak ma għandux biss jista’ jiġi kkuntattjat matul il-perijodu tiegħu on-call. Kien, minn naħa, marbut iwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ 8 minuti u, min-naħa l-oħra, konstrett li jkun fiżikament preżenti fil-post determinat mill-persuna li timpjegah. Madankollu, dan il-post kien id-dar ta’ R. Matzak u mhux, bħal fil-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, il-post tax-xogħol tiegħu.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 27).

63      Issa, l-obbligu li jibqa’ fiżikament preżenti fil-post iddeterminat minn min iħaddem kif ukoll ir-restrizzjoni li tirriżulta, minn perspettiva ġeografika u temporali, mill-ħtieġa li jasal fil-post tax-xogħol f’terminu ta’ 8 minuti, huma tali li jillimitaw b’mod oġġettiv il-possibbiltajiet li ħaddiem fil-kundizzjoni ta’ R. Matzak għandu sabiex jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu.

64      Fid-dawl ta’ tali restrizzjonijiet, is-sitwazzjoni ta’ R. Matzak hija differenti minn dik ta’ ħaddiem li, matul is-servizz on-call tiegħu, għandu sempliċement ikun disponibbli għall-persuna li timpjegah sabiex dan tal-aħħar jista’ jikkuntattjah.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni fejn ħaddiem huwa mġiegħel li jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by id-dar tiegħu, li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u li jista’ jasal fil-post tax-xogħol tiegħu f’terminu ta’ 8 minuti.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin on-call li ħaddiem jgħaddi d-dar mal-obbligu li jwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ 8 minuti, jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li jkollu attivitajiet oħra, għandu jitqies bħala “ħin tax-xoghol”.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ pompieri reklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mill-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”.

2)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri li jżommu jew jadottaw definizzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi standy-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni minn qabel ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”.

4)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin on-call li ħaddiem jgħaddi d-dar mal-obbligu li jwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ 8 minuti, jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li jkollu attivitajiet oħra, għandu jitqies bħala “ħin tax-xoghol”.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.