Language of document : ECLI:EU:C:2018:82

Kawża C518/15

Ville de Nivelles

vs

Rudy Matzak

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Bruxelles)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 2 – Kunċetti ta’ ‘ħin tax-xogħol' u ta’ ‘perijodu ta’ serħan' – Artikolu 17 – Derogi – Pompiera – Ħin on-call – Stand-by id-dar”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑21 ta’ Frar 2018

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol– Kunċett ta’ ħaddiem  – Pompier volontarju integrat fi ħdan is-servizz pubbliku tat-tifi tan-nar – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Directive 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Derogi – Pompiera rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar – Impossibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw mid-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2(1) u l-Artikolu 17(3)(ċ)(iii))

3.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol– Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli  – Portata – Definizzjon inqas restrittiva tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikoli 1, 2 u 15)

4.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Esklużjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jiddeterminaw ir-remunerazzjoni ta’ perijodi ta’ on-call id-dar skont il-klassifikazzjoni minn qabel ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan” – Assenza

(Artikolu 153()5) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2)

5.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ħin tax-xogħol – Kunċett – Ħin on-call tal-ħaddiem li huwa mgħoddi d-dar mal-obbligu li jwieġeb għat-telefonati minn min iħaddmu fi żmien 8 minuta, li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet ta’ attivitajiet oħra Inkluzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 2)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-31)

2.      L-Artikolu 17(3)(ċ)(iii) tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ pompieri rreklutati mis-servizzi pubbliċi tat-tifi tan-nar, mill-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluż l-Artikolu 2 tagħha, li jiddefinixxi b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”.

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri li jżommu jew jadottaw definizzjoni inqas restrittiva tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” kif stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

Skont il-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri għandhom id-dritt li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dipożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema. Minn dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi huma dawk li jistgħu jitqabblu ma’ dawk previsti mid-Direttiva 2003/88 dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jistgħu jkunu biss dawk li, permezz tal-funzjoni u l-iskop tagħhom, huma maħsuba sabiex jistabbilixxu livell minimu ta’ protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Dan huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-Kapitoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tal-imsemmija direttiva, li jinkludu l-Artikoli 1 u 2 tagħha, huma ta’ natura differenti. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jistabbilixxux perijodi minimi ta’ ħin ta’ serħan jew jikkonċernaw aspetti oħra tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, iżda jistabbilixxu d-definizzjonijiet meħtieġa sabiex jiddelimitaw is-suġġett tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tas-sistema stabbilita minn din tal-aħħar, jirriżulta li l-fakultà prevista minn din tal-aħħar artikolu ma tapplikax għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, li jinsab fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 42-44, 47 u d-dispożittiv 2)

4.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi standy-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni minn qabel ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, li huwa paċifiku li d-Direttiva 2003/88 ma tirregolax il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema, peress li dak l-aspett ma jaqax, skont l-Artikolu 153(5) TFUE, fil-kompetenza tal-Unjoni.

Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jiffissaw ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 skont id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ serħan”, li tinsab fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ma humiex obbligati li jagħmlu dan.

(ara l-punti 49, 50, 52 u d-dispożittiv 3)

5.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħin on-call li ħaddiem jgħaddi d-dar mal-obbligu li jwieġeb għat-telefonati tal-persuna li timpjegah f’terminu ta’ 8 minuti, jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li jkollu attivitajiet oħra, għandu jitqies bħala “ħin tax-xoghol”.

Fil-fatt, li jiġi eskluż mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” il-perijodu on-call skont is-sistema ta’ preżenza fiżika fuq il-post tax-xogħol iwassal li jikkontesta l-għan tad-Direttiva 2003/88 li huwa li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan u perijodi adegwati ta’ pawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 49).

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fattur determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa marbut li jkun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi x-xogħlijiet xierqa immedjatament. Fil-fatt, għandu jitqies li dawn l-obbligi, li bihom il-ħaddiema ma jkunux jistgħu jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom matul il-perjodi ta’ on-call, jaqgħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C: 2003:437, punt 63, kif ukoll id-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore, C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Għandu jiġi rrilevat, fl-aħħar nett, li hija differenti s-sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem iwettaq on-call skont is-sistema ta’ stand-by li tfisser li ser ikun aċċessibbli fil-ħinijiet kollha mingħajr ma jkun marbut li jkun preżenti fil-post tax-xogħol. Fil-fatt, anki jekk huwa disponibbli għall-persuna li timpjegah sa fejn jista’ jiġi kkuntattjat, f’din is-sitwazzjoni, il-ħaddiem jista’ jiġġestixxi l-ħin tiegħu b’inqas limitazzjonijiet u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss il-ħin marbut mal-provvista effettiva ta’ servizzi li għandu jitqies bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(ara l-punti 58-60, 66 u d-dispożittiv 4)