Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2019 – Front Polisario vs Il-Kunsill

(Kawża T-344/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) (rappreżentant: G. Devers, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors tiegħu għal annullament ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4), ir-rikorrent jinvoka ħdax-il motiv.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk ma għandhomx il-kompetenza sabiex jikkonkludu ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent, minflok il-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat mill-Front Polisario.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżami tal-kwistjoni tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt internazzjonali umanitarju, sa fejn il-Kunsill ma eżaminax din il-kwistjoni qabel ma adotta d-deċiżjoni kkontestata.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jeżegwixxi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinjora r-raġunijiet tas-sentenza tas-27 Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118).

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tal-valuri essenzjali li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, sa fejn:

l-ewwel nett, bi ksur tad-dritt tal-popli għall-osservanza tal-unità nazzjonali tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tinnega l-eżistenza tal-poplu tas-Saħara tal-Punent billi tuża minflok it-termini “popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent” u “popolazzjonijiet ikkonċernati”;

it-tieni nett, bi ksur tad-dritt tal-popli li liberament jiddisponu mir-riżorsi naturali tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi ftehim internazzjonali li jorganizza, mingħajr il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tiegħu minn bastimenti tal-Unjoni;

it-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi ftehim internazzjonali applikabbli għat-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent, mar-Renju tal-Marokk, fil-kuntest tal-politika annessjonista tiegħu fir-rigward ta’ dan it-territorju u tal-ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali li ż-żamma ta’ din il-politika teħtieġ.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Unjoni li, ripetutament, ma waqfetx tafferma n-neċessità li l-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u ta’ effett relattiv tat-trattati jiġu osservati.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, fid-dawl tal-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent, tan-natura intanġibbli tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tal-kwalità ta’ terz tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jagħmel paragun ta’ proporzjonalità bejn l-allegati “benefiċċji” ġġenerati mill-ftehim tas-sajd u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq ir-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-kuntrarjetà mal-politika komuni tas-sajd, sa fejn, skont il-ftehim konkluż mid-deċiżjoni kkontestata, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jaċċedu għar-riżorsi tas-sajd tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, mingħajr il-kunsens tiegħu, inkambju għal korrispettiv finanzjarju mħallas lill-awtoritajiet Marokkini, meta l-ilmijiet tas-Saħara tal-Punent ma humiex “ilmijiet” Marokkini fis-sens tal-Artikoli 61 u 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, sa fejn:

l-ewwel nett, billi fir-rigward tiegħu tuża t-termini “popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent” u “popolazzjonijiet ikkonċernati”, id-deċiżjoni kkonċernata tinnega l-unità nazzjonali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala suġġett tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni;

it-tieni nett, bi ksur tad-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li liberament jiddisponi mir-riżorsi naturali tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata torganizza, mingħajr il-kunsens tiegħu, l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tiegħu minn bastimenti tal-Unjoni;

it-tielet nett, bi ksur tad-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-osservanza tal-integrità territorjali tat-territorju nazzjonali tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata tinnega l-istatus separat u distint tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u tirratifika d-diviżjoni illegali tiegħu bil-“Berm” Marokkin.

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinnega l-kwalità ta’ terz tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għar-relazzjonijiet UE-Marokk u timponi fuqu obbligi internazzjonali, marbuta mat-territorju nazzjonali tiegħu u mar r-riżorsi naturali tiegħu, mingħajr il-kunsens tiegħu.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-dritt kriminali internazzjonali sa fejn:

l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent meta l-forzi Marokkini ta’ okkupazzjoni ma għandhomx jus tractatus fir-rigward ta’ dan it-territorju u huma preklużi milli jisfruttaw ir-riżorsi naturali;

it-tieni nett, skont il-ftehim konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni ser tissussidja l-infrastrutturi Marokkini fit-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punentes, sabiex ir-Renju tal-Marokk ikun jista’ jistabbilixxi b’mod permanenti l-popolazzjoni ċivili u l-forzi armati tiegħu;

it-tielet nett, bl-użu tat-termini ta’ “popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent” u ta’ “popolazzjonijiet ikkonċernati”, id-deċiżjoni kkontestata tapprova t-trasferiment illegali ta’ Marokkini lejn it-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent.

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligi tal-Unjoni fuq il-bażi tad-dritt tar-responsabbiltà internazzjonali, sa fejn, billi kkonkludiet ftehim internazzjonali, mar-Renju tal-Marokk, applikabbli għas-Saħara tal-Punent, id-deċiżjoni kkontestata tirratifika l-okkorrenzi ta’ ksur gravi tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-forzi Marokkini tal-okkupazzjoni kontra l-poplu tas-Saħara tal-Punent u tagħti għajnuna u assistenza għaż-żamma tas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dawn l-okkorrenzi ta’ ksur.

____________