Language of document : ECLI:EU:C:2008:37

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

V. TRSTENJAK

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008 1(1)

Kawża C‑350/06

Gerhard Schultz-Hoff

vs

Deutsche Rentenversicherung Bund

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgerichts Düsseldorf [il-Ġermanja])

“Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas – Dritt għall-ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jkunx ittieħed – Drittijiet soċjali fundamentali fid-dritt Komunitarju – Telf tad-dritt għal-leave mal-iskadenza tat-terminu preskritt mil-liġi ”







Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt Komunitarju

B –   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.     Il-liġi

2.     Il-ftehim kollettivi applikabbli

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

VI – L-analiżi ġuridika

A – Fuq l-ewwel domanda

1.     Osservazzjonijiet preliminari

2.     Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bħala dritt soċjali fundamentali

3.     Id-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas fid-dritt Komunitarju.

a)     Il-kompetenza ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri

b)     Il-livell ta’ protezzjoni garantit mid-dritt Komunitarju

c)     Rabta bejn id-dritt għal-leave u l-kapaċità għax-xogħol

i)     Applikazzjoni b’analoġija tal-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza

ii)   Inkompatibbiltà mal-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

–       Riskju ta’ interpretazzjoni li tmur kontra l-għan segwit

–       Interpretazzjoni fid-dawl tal-interessi tal-partijiet fil-kuntratt tax-xogħol

iii) Paragun mar-regoli previsti fil-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO.

B –   Fuq it-tieni domanda

C –   Fuq it-tielet domanda

VII – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 234 KE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/88/KE, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2003/88”).

2.        Id-domandi preliminari ġew imqajma fil-kuntest ta’ kawża bejn Gerhard Schultz-Hoff (ir-rikorrent) u l-kumpannija li kienet timpjegah, il-Deutschen Rentenversicherung (il-konvenuta fil-kawża prinċipali), fejn il-qorti tar-rinviju hija msejħa tiddeċiedi jekk l-appellant jistax jitlob ħlas kumpensatorju għal-leave mingħand l-appellata wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

3.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinvju tistaqsi jekk il-fatt li d-dritt ta’ ħaddiem li jikseb leave minimu bil-ħlas ta’ erba’ ġimgħat jispiċċa fl-aħħar tas-sena ta’ referenza, iżda mhux iktar tard mit-tmiem tal-perijodu tal-ġarr tal-leave, u li f’każ li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun spiċċat, il-leave ma jistax jiġi ssostitwit bi ħlas kumpensatorju meta l-ħaddiem ikun, suċċessivament, inkapaċi li jaħdem minħabba mard sat-tmiem tal-perijodu tal-ġarr tal-leave huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 .

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Id-Direttiva 2003/88 daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004 sabiex tissostiwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (3). Bħad-direttiva preċedenti, hija għandha l-għan li tistabbilixxi ċerti regoli minimi ta’ sigurtà u ta’ ħarsien tas-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, kif riprodott mingħajr bdil mid-direttiva preċedenti, jipprovdi dan li ġej:

“Leave annwali

(1) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

(2) Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

5.        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva. Madankollu l-ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

1.      Il-liġi

6.        Il-liġi federali dwar il-leave (“Bundesurlaubsgesetz”, iktar ’il quddiem : il-“BUrlG”) tat-8 ta’ Jannar 1963, fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Mejju 2002, tipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“L-ewwel Artikolu – Dritt għal-leave

Kull ħaddiem għandu dritt għal-leave bil-ħlas għal kull sena kalendarja.

[…]

Artikolu 3 – Żmien tal-leave

(1) Il-leave għandu jkun ta’ almenu 24 ġurnata tax-xogħol kull sena.

[…]

Artikolu 7 – Terminu ta’ żmien, ġarr u ħlas kumpensatorju tal-leave

(1) Fl-istabbiliment taż-żmien tal-leave, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiema fir-rigward tal-leave, sakemm din il-kunsiderazzjoni ma tmurx kontra l-interessi primarji tal-impriża jew ix-xewqat ta’ ħaddiema oħra li minħabba raġunijiet soċjali jistħoqqu li jingħataw prijorità.

(3) Il-leave għandu jingħata u jittieħed fis-sena kalendarja kurrenti. Ġarr tal-leave għas-sena kalendarja suċċessiva huwa permess biss jekk dan ikun ġustifikat minn raġunijiet urġenti marbutin mal-operazzjoni tal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. F'każ ta’ ġarr tal-leave, il-leave jista’ jingħata u jittieħed fl-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja sussegwenti.

(4) Jekk minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-leave ma jkunx għadu jista’ jingħata totalment jew parzjalment, l-imsemmi leave għandu jiġi kkumpensat.”

7.        L-Artikolu 13 tal-BUrlG jipprovdi li l-ftehim kollettiv jista’ jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet, fosthom l-Artikolu 7(3) tal- BUrlG, taħt il-kundizzjoni li dawn id-derogi ma jkunux ta’ żvantaġġ għall-impjegati.

2.      Il-ftehim kollettivi applikabbli

8.        Il-Ftehim kollettiv ġenerali għall-impjegati tal-aġenzija federali tal-assigurazzjoni tal-impjegati (l-MTAng-BfA, iktar ’il quddiem il-“Ftehim kollettiv”), jipprovdi:

“Artikolu 47 – Leave annwali

(1) L-impjegati għandu jkollhom leave bil-ħlas għal kull sena ta’ referenza. Is-sena ta’ referenza hija s-sena kalendarja.

[…]

(7) Il-leave għandu jittieħed qabel it-tmiem tas-sena ta’ referenza. Jekk ma jkunx possibbli li jittieħed il-leave qabel it-tmiem tas-sena ta’ referenza, l-istess leave għandu jittieħed qabel it-30 ta’ April tas-sena ta’ referenza sussegwenti. Jekk il-leave ma jistax jittieħed qabel it-30 ta’ April minħabba raġunijiet ta’ xogħol, jew minħabba inkapaċità għax-xogħol jew minħabba l-perijodu ta’ protezzjoni li jiġi wara l-leave tal-maternità, il-leave għandu jittieħed qabel it-30 ta’ Ġunju. Jekk leave stabbilit matul is-sena ta’ referenza għal din is-sena ta’ referenza jkun ġie pospost fuq ordni tal-Bundesversicherungsanstalt für Angestellte għall-perijodu li jiġi wara l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ referenza u l-istess leave ma setax jittieħed minħabba inkapaċità għax-xogħol qabel it-30 ta’ Ġunju skont it-tieni paragrafu, dan għandu jittieħed qabel it-30 ta’ Settembru.

[…]

Il-leave li ma jitteħidx fit-termini msemmija, jintilef.

[…]

Artikolu 51 – Ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jitteħidx

(1) Jekk fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, id-dritt għal-leave ikun għadu ma ġiex eżerċitat, il-leave, sa fejn dan ikun possibbli fl-interess tas-servizz jew tal-impriża, għandu jingħata u jittieħed waqt iż-żmien tan-notifika minn qabel tat-temm tal-impjieg. Meta l-leave ma jkunx jista’ jingħata jew iż-żmien tal-avviż minn qabel tat-temm tal-impjieg ma jkunx twil biżżejjed, għandu jingħata ħlas kumpensatorju għal dak il-leave. L-istess japplika meta r-relazzjoni ta’ impjieg tispiċċa skont il-kuntratt (Artikolu 58) jew minħabba tnaqqis fil-kapaċità tax-xogħol (Artikolu 59) jew meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi sospiża bis-saħħa tal-ħames sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(1).

[…]”

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Il-partijiet ma jaqblux fuq il-fatt jekk, wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg fit-30 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrent huwiex intitolat għall-ħlas kumpensatorju għal-leave tas-snin 2004 u 2005.

10.      Ir-rikorrent, li twieled fl-14 ta’ Jannar 1949, kien impjegat mill-1 ta’ April 1971 mal-konvenuta jew mal-predeċessur tagħha. Il-ftehim kollettiv ġenerali għall-impjegati tal-BfA kien japplika għar-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet. Dak iż-żmien, ir-rikorrent kien jaqa’ taħt il-kategorija ta’ kumpens 11. Sa mill-1985, huwa eżerċita xogħlu bħala kollaboratur estern fil-kumpannija sussidjarja ta’ Düsseldorf. Xogħlu kien jikkonsisti fit-twettiq ta’ verifiki ta’ impriżi u ta’ aġenziji ta’ ġbir ta’ dejn. Huwa kellu vettura għal dan il-għan.

11.      Ir-rikorrent, li huwa klassifikat bħala persuna b’diżabbiltà gravi (fi grad 60 “G” (4)) qagħad għal 16-il operazzjoni b’kollox mill-1995 minħabba problemi gravi fid-diski tas-sinsla tad-dahar. Minn dakinhar, kien hemm żmien fejn seta’ jaħdem u żmien fejn ma setax minħabba mard. Fl-2004, l-appellant kien fiżikament kapaċi għax-xogħol sal-bidu tax-xahar ta’ Settembru. B’effett mit-8 ta’ Settembru 2004, huwa ġie ddikjarat marid permezz ta’ ċertifikat mediku miftuħ sat-30 ta’ Settembru 2005. Wara dak iż-żmien, l-appellant ma setax isuq il-vettura tiegħu minħabba li kien jieħu b’mod kontinwu pilloli kontra l-uġigħ li jinkludu l-morfina.

12.      B’ittra tat-13 ta’ Mejju 2005 l-appellant talab li jingħata l-leave għas-sena 2004 b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2005. L-appellata rrifjutat din it-talba fil-25 ta’ Mejju 2005 u mmotivat din id-deċiżjoni bil-fatt li s-servizz mediku tal-impriża kellu qabel kollox jikkonstata l-kapaċità għax-xogħol bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tal-Ftehim kollettiv. B’ittra tal-10 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrent talab il-possibbiltà li jwettaq xogħlu minn daru wara miżura ta’ integrazzjoni mill-ġdid. Fit-tweġiba tagħha tas-6 ta’ Settembru 2005, il-konvenuta informatu li hija xtaqet l-ewwel nett tistenna r-riżultat tal-proċedura għall-pensjoni wara li r-rikorrent kien applika għaliha b’notifika ta’ żmien qasir.

13.      F'Settembru 2005, il-konvenuta, inkwantu amministratur tal-fond ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni, iddeċidiet li r-rikorrent ma setax jaħdem u tagħtu l-pensjoni tal-invalidità għal perijodu indeterminat b’effett retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2005 minħabba l-inkapaċità totali tiegħu għax-xogħol. Huwa abbażi ta’ din il-konstatazzjoni li r-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet intemmet fit-30 ta’ Settembru 2005 bis-saħħa tal-Artikolu 59 tal-Ftehim kollettiv.

14.      F’Novembru 2005, l-appellant ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht Düsseldorf sabiex jitħallas tal-leave tas-sena 2004 u 2005. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2006, l-Arbeitsgericht ċaħdet ir-rikors. L-appellant ikkontesta din id-deċiżjoni permezz ta’ appell tas-27 ta’ April 2006 quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.      L-appellant jitlob li jitħallas lura l-ammont totali gross ta’ EUR 14 094.78 abbażi ta’ 35 ġurnata leave fis-sena u dħul mensili gross ta’ EUR 4 362.67. Huwa jsostni li l-leave mitlub mill-1 ta’ Ġunju 2005 kellu jippermettilu li jistrieħ qabel ma jipparteċipa f’miżura ta’ integrazzjoni mill-ġdid ulterjuri. Barra minn hekk, huwa jsostni li huwa kapaċi jwettaq xogħol ħafif f’uffiċċju fuq bażi part-time.

16.      Min-naħa tagħha, il-konvenuta ssostni li l-attivitajiet ta’ uffiċċju part-time mixtieqa mir-rikorrent ma jikkostitwixxux eżekuzzjoni min-naħa tiegħu tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol. Konsegwentement, peress li l-inkapaċità tar-rikorrent li jaħdem tkompli għaddejja sal-ġurnata tal-lum u d-drittijiet għal-leave ma japplikawx u huma mitlufa sat-tmiem tal-perijodu tal-ġarr tal-leave. Għaldaqstant, lanqas ma huwa intitolat għal ħlas kumpensatorju għal-leave li ma tteħidx.

17.      Il-Landesarbeitsgericht ta’ Düsseldorf iqis li s-soluzzjoni għal din il-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Għaldaqstant hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

1)         L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema għandhom f’kull każ jibbenefikaw mil-leave annwali bil-ħlas ta’ almenu erba’ ġimgħat, u li l-leave ma jitteħidx matul is-sena ta’ referenza minħabba mard għandu jingħata wara, jew huwa possibbli li liġijiet u/jew prattiki nazzjonali jipprovdu li d-dritt għal-leave bil-ħlas jispiċċa meta l-ħaddiema jkunu inkapaċi li jaħdmu matul is-sena ta’ referenza qabel l-għoti tal-leave u fejn huma ma jirkuprawx il-kapaċità li jaħdmu qabel l-aħħar tas-sena ta’ referenza u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi, bi ftehim kollettiv jew b’kuntratt individwali?

2)         L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema, f’każ li tiġi terminata r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, għandhom f’kull każ dritt għall-ħlas kumpensatorju għal-leave dovut iżda li ma tteħidx (ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jitteħidx), jew huwa possibbli li l-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali jipprovdu li l-ħaddiema m’għandhomx dritt għall-ħlas kumpensatorju għal-leave li ma jitteħidx jekk huma jkunu inkapaċi li jaħdmu minħabba mard qabel l-aħħar tas-sena ta’ referenza u/jew tal-perijodu għall-ġarr tal-leave ulterjuri u/jew wara li tiġi tterminata r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, huma jibbenefikaw minn pensjoni minħabba tnaqqis fil-kapaċità tagħhom li jaħdmu jew minħabba invalidità?

3)         F'każ ta’ risposti pożittivi għad-domandi 1 u 2:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal-leave jew għall-ħlas kumpensatorju jeħtieġ li l-ħaddiem ikun effettivament ħadem matul il-perijodu ta’ referenza, jew jekk dan id-dritt jitnissel ukoll f’każ ta’ nuqqas ġustifikata (minħabba mard) jew f’każ ta’ nuqqas mhux ġustifikata matul is-sena ta’ referenza kollha kemm hi?”

IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tat-2 ta’ Awwissu 2006 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2006.

19.      L-appellant fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju Unit u tar-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw in-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu previst fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20.      Waqt is-seduta tal-20 ta’ Novembru 2007, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju Unit, tar-Renju tal-Olanda u tal-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

21.      L-appellata ssostni li ġarr indefinit tad-dritt għal-leave tal-ħaddiema li huma kapaċi jaħdmu jmur kompletament kontra l-għan tad-direttiva (li huwa li tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema billi tiggarantilhom perijodi minimi ta’ mistrieħ). Fir-rigward tal-ħaddiema b’diżabbiltà, ġarr indefinit tal-leave jista’ saħansitra jħajjar dawk li jħaddmuhom ikeċċu qabel iż-żmien lill-ħaddiema fuq leave għal żmien twil minħabba mard bil-għan li jevitaw ir-riskju li jkunu obbligati jikkumpensaw għal ħafna leave li jakkumula fuq diversi snin f’każ li r-relazzjoni tal-impjieg tispiċċa; din is-sitwazzjoni tista’ taffettwa b’mod gravi l-interessi tal-impriża.

22.      Skond il-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi biss li ħaddiem għandu dritt għal-leave annwali bil-ħlas ta’ almenu erba’ ġimgħat. Id-direttiva għandha biss l-għan li tiffissa l-perijodu minimu tal-leave annwali. Hija tħalli f'idejn il-leġiżlatur tal-Istati Membri u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali permezz tal-ġurisprudenza, sabiex jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati għall-għoti tal-leave inkluż it-telf tad-dritt għal-leave.

23.      Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li huma l-Istati membri u l-istituzzjonijiet tagħhom li għandhom jiddeċiedu jekk u f’liema kundizzjonijiet hemm lok li jipprovdu għal ħlas kumpensatorju fil-każ ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

24.      Skond il-Gvern Britanniku, l-appellant ma kienx jaħdem meta huwa kien bil-leave tal-mard u għaldaqstant ma kellux bżonn ta’ “mistrieħ effettiv” biex jerġa’ jirkupra mix-xogħol. L-għan tal-Artikolu 7 huwa li jippromwovi s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jkunu fil-fatt qegħdin jaħdmu billi jiggarantilhom perijodi minimi ta’ mistrieħ. Madankollu, f’dan il-każ, l-għoti tal-leave ma wassalx għal dan il-benefiċċju f’termini ta’ saħħa u sigurtà tal-ħaddiem. Il-leave ma setax jittieħed qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Jekk ir-rikorrent kellu dritt għal-leave annwali f’dan il-każ, il-mistoqsija li tqum hija: leave minn x’hiex? Konsegwentement, ma jagħmilx sens li jsir riferiment għall-fatt li r-rikorrent jieħu l-“leave annwali tiegħu” matul il-perijodu tal-“leave tal-mard”.

25.      Barra minn hekk, il-Gvern Britanniku jsostni li r-risposta għat-tieni domanda tirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda. B’dan il-mod, ħaddiem li m’għandux dritt għal-leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, lanqas ma jista’ jitlob ħlas kumpensatorju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) dan il-kumpens huwa legali mat-terminazzjoni tal-impjieg, f’kull każ dan mhuwiex obbligatorju. Għaldaqstant, dan il-ħlas ma jistax ikun obbligatorju fil-każ fejn persuna kienet nieqsa mix-xogħol minħabba li kienet fuq leave tal-mard għal żmien twil.

26.      Il-Gvern Taljan jirreferi għall-Konvenzjonijiet Nru 52 u Nru 132 tal-ILO u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva. Fid-dawl tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tal-Gvern Taljan, mhuwiex possibbli li wieħed jasal għall-konlużjoni li d-dritt għal-leave tal-appellant jintilef mingħajr ma jiġu kkontestati l-għanijiet differenti tal-leave għall-mistrieħ u tal-leave tal-mard.

27.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Gvern Taljan isostni li l-ħaddiema, f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tal’ impjieg, għandhom f’kull każ id-dritt għall-ħlas kumpensatorju fir-rigward tal-leave dovut iżda li ma tteħidx. Konsegwentement, kull dispożizzjoni nazzjonali li ma tagħtix dan id-dritt għall-pagament kumpensatorju tal-leave li ma jitteħidx waqt l-inkapaċità dovuta minħabba mard matul is-sena ta’ referenza u l-perijodu tal-ġarr tal-leave tidher li mhijiex konformi mal-prinċipji Komunitarji.

28.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-argument li l-ħaddiem li kien nieqes mix-xogħol minħabba mard ma ħadimx u għaldaqstant m’għandux bżonn ta’ mistrieħ mhuwiex konformi mal-prinċipji espressi mill-ġurisrprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-każ fejn ħaddiem jiġi ddikjarat marid b’ċertifikat mediku, id-dritt għal-leave annwali lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala sodisfatt, peress li l-waqfa mix-xogħol hija l-konsegwenza tal-inkapaċità għax-xogħol tal-ħaddiem u mhijiex maħsuba biex tippermettilu li jistrieħ, li jaqta’ ftit u li jirkupra, iżda biex ifiq u jirkupra saħħtu u l-kapaċità tiegħu li jaħdem. Skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom josservaw il-limiti li huma imposti fuqhom bid-Direttiva 2003/88. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jaslu biex jobbligaw lill-ħaddiem biex jieħu l-leave annwali tiegħu matul il-perijodu tal-ġarr tal-leave limitat fis-sena sussegwenti, u li jippenalizzaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet bid-dekadenza awtomatika tad-dritt għal-leave.

29.      Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Kummissjoni ssostni li l-argument li fuqu hija bbażata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-possibiltà li d-dritt għal-leave annwali jiġi ssostitwit b’pagament kumpensatorju, fil-prinċipju, huwa inkompatibbli mad-Direttiva 2003/88, japplika a fortiori wkoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li jekk il-leave annwali ma jitteħidx, dan jintilef awtomatikament.

30.      Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Olandiż jikkontesta l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88 għall-każijiet ta’ assenza tal-ħaddiema minħabba mard billi jibbaża ruħu fuq il-fatt li dawn mhumiex is-suġġett ta’ din il-liġi. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa limitat esklużivament għall-ħaddiema li jkunu attivi, u għaldaqstant f’dan il-każ, tapplika biss il-liġi nazzjonali. Madankollu, il-varjetà ta’ liġijiet nazzjonali ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjonijiet ġenerali f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-ħaddiema morda.

VI – L-analiżi ġuridika

 A – Fuq l-ewwel domanda

1.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-Landesarbeitsgericht ta’ Düsseldorf tqajjem il-problema dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u b'mod partikolari tal-kliem “b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika”. Mill-perspettiva ġuridika, din il-problema ta’ interpretazzjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk u sa fejn l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet legali li taħthom jintilef id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas minimu.

32.      Fir-rigward tal-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi leġiżlattivi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-kuntest tad-dritt għall-leave annwali bil-ħlas, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi ppreċiżat li permezz tad-Direttiva 2003/88, il-leġiżlatur Komunitarju uża strument ġuridiku li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, iħalli lill-awtoritajiet nazzjonali ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-forom u metodi għat-traspożizzjoni, filwaqt li jimponilhom madankollu kriterji inkwantu d-direttiva torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq (5). Għaldaqstant, is-sistemi legali nazzjonali, fil-qasam tat-traspożizzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, jingħataw marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni minkejja li mhuwiex illimitat (6). Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom dejjem jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2003/88 fil-kuntest tas-setgħa ta’ traspożizzjoni mogħtija lilhom bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-istess direttiva.

2.      Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas bħala dritt soċjali fundamentali

33.      Jiena tal-fehma li, biex tingħata risposta xierqa lill-qorti nazzjonali, għandu jittieħed pass lura u jiġi eżaminat id-dritt għal-leave annwali nil-ħlas kemm bħala espressjoni tad-dritt sekondarju fil-kuntest tas-sistema legali Komunitarja kif ukoll fid-dawl tal-kuntest iktar ġenerali tad-drittijiet soċjali fundamentali.

34.      Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/88, jirriżulta kemm mill-Artikolu 137 KE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tad-direttiva, kif ukoll mill-Premessi 1, 4, 7 u 8 tad-direttiva, kif ukoll mill-kliem stess tal-Artikolu 1(1) li l-għan tad-direttiva huwa li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi maħsubin biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw b'mod partikolari t-tul taż-żmien tal-ħin tax-xogħol (7). Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan fil-ġurnata, fil-ġimgħa u fis-sena, kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa u billi tipprovdi limitu massimu bħala ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa (8).

35.      Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas ma nħoloqx għall-ewwel darba bid-direttiva dwar il-ħinijiet tax-xogħol iżda ilu jagħmel parti mid-drittijiet soċjali fundamentali rikonoxxuti fid-dritt pubbliku internazzjonali (9) għal żmien twil, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-perijodu tal-leave previst. Fuq il-livell internazzjonali, dan id-dritt fundamentali jissemma fl-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (10) li jagħti lil kulħadd “id-dritt għall-mistrieħ u għall-ħin liberu u b'mod partikolari għal-limiti raġonevoli fil-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll għal-leave perjodiku bil-ħlas” [traduzzjoni mhux uffiċċjali]. Barra minn hekk, dan id-dritt fundamentali huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 2(3) tal-Karta Soċjali Ewropea (11) kif ukoll fl-Artikolu 7(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (12) inkwantu espressjoni tad-dritt li għandha kull persuna li jkollha kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u favorevoli.

36.      Fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) inkwantu istituzzjoni speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas minimu kien is-suġġett ta’ żewġ konvenzjonijiet multilaterali, jiġifieri l-Konvenzjoni Nru 132 (13) li temenda l-Konvenzjoni Nru 52 li kienet fis-seħħ dak iż-żmien (14). Dawn jinkludu dispożizzjonijiet vinkolanti għall-Istati kontraenti fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dawn id-drittijiet soċjali fundamentali fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom.

37.      Madankollu, dawn id-diversi strumenti internazzjonali huma differenti minn xulxin kemm minħabba l-kontenut tagħhom kif ukoll minħabba l-portata leġiżlattiva tagħhom u dan peress li f’ċerti każijiet dawn huma trattati ta’ dritt pubbliku internazzjonali u f’każijiet oħra sempliċi dikjarazzjonijiet solenni mingħajr effett vinkolanti (15). Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn l-istrumenti jipprovdi għal regoli dettaljati differenti b’tali mod li l-klassi tal-persuni koperti ma hija qatt identika. Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni addizzjonali, bħala regola ġenerali, huwa mogħti lill-Istati firmatarji inkwantu destinatarji ta’ dawn l-istrumenti b’tali mod li l-individwi benefiċjarji ma jistgħux jinvokaw direttament dan id-dritt. Madankollu, għandu jiġi osservat li d-dritt għal-leave annwali huwa meqjus biċ-ċar minn dawn l-istrumenti internazzjonali kollha bħala parti mid-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema.

38.      Jidhirli li huwa iktar sinjifikattiv li, bl-adozzjoni ta’ dan id-dritt fil-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (16), dan id-dritt isib il-konferma l-iktar skjetta u l-iktar definittiva tan-natura tiegħu ta’ dritt fundamentali (17). Fil-fatt, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jipprovdi li: “kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni fuq it-tul ta’ żmien massimu tax-xogħol u għall-perjodi ta’ mistrieħ fil-ġurnata, fil-ġimgħa, kif ukoll għall-perijodu annwali ta’ leave imħallas”. Fir-rigward tal-istorja tal-adozzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni sabet l-ispirazzjoni tagħha fl-Artikolu 2(3) tal-Karta Soċjali Ewropea kif ukoll fil-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema (18), u fuq dan is-suġġett, ittieħdet debita kunsiderazzjoni tad-Direttiva 93/104 inkwantu d-direttiva li ppreċediet id-Direttiva attwali 2003/88 b’mod konformi mal-ispjegazzjonijiet tas-segretarjat tal-presidenza tal-Konvenzjoni (19).

39.      Konsegwentement, l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali jistabbilixxi d-dritt għal perijodu annwali ta’ leave bil-ħlas bħala dritt tal-bniedem li kulħadd huwa intitolat għalih (20). Huwa minnu li l-istess bħal ċerti strumenti internazzjonali ċċitati preċedentement, il-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma ngħatatx portata leġiżlattiva awtentika, b’tali mod li hija tikkostitwixxi qabel xejn dikjarazzjoni politika. Madankollu, jiena nsostni li jkun żbaljat li tiġi miċħuda kwalunkwe rilevanza tal-Karta fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju (21). Indipendentement mill-kwistjoni, li għandha tiġi ċċarata fil-ġejjieni, tal-istatus legali definittiv tal-Karta fi ħdan is-sistema legali tal-Unjoni Ewropea, din diġà tikkostitwixxi l-espressjoni konkreta tal-valuri fundamentali komuni (22).

40.      Barra minn hekk, għal parti kunsiderevoli hija tirrifletti wkoll it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri. Sa fejn nista’ nara, huwa possibbli li wieħed jasal għal din il-konklużjoni fil-qasam tad-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas peress li l-Artikolu 31(2) tal-Karta huwa bbażat fuq il-mudelli tal-kostituzzjonijiet ta’ numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri (23). Għaldaqstant wieħed jista’ jafferma li f’kawża dwar in-natura u l-portata tad-dritt fundamentali, bħal dik inkwistjoni, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-prinċipji tal-Artikolu 31(2) tal-Karta fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (24).

3.      Id-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas fid-dritt Komunitarju.

a)      Il-kompetenza ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-portata tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u ddeċidiet li “[]d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem irid ikun ikkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari, li ma jistax jiġi dderogat[] u li t-twettiq fis-seħħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jrid jiġi effettwat biss fil-limiti espressament imħabbra mill-istess Direttiva [93/104]” (25). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxu r-regola li ħaddiem normalment għandu jkun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bil-għan li jiġu mħarsa b’mod effettiv is-sigurtà tiegħu u saħħtu (26).

42.      Sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tad-direttiva għandu jitqies, bħalma għamlet il-ġurisprudenza, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa wiesa’ fir-rigward taż-żmien, b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet segwenti japplikaw ukoll għal-leave li ma jitteħidx fis-sena kurrenti iżda li jittieħed iktar tard. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, l-effett pożittiv ta’ dan il-leave għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem jidher fis-sħiħ jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena kurrenti. Madankollu, dan iż-żmien ta’ mistrieħ jibqa’ sinjifikattiv f’dan ir-rigward jekk jiġi meħud matul perijodu sussegwenti. Peress li l-leave fis-sens tad-Direttiva, meta jittieħed matul sena sussegwenti, jista’ jikkontribwixxi kemm għas-sigurtà kif ukoll għas-saħħa tal-ħaddiem, għandu jiġi kkonstatat li dan jibqa’ rregolat mid-direttiva (27).

43.      Skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri għandhom rwol importanti ħafna fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt peress li biex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, huma marbuta li jadottaw ir-regoli dettaljati ta’ applikazzjoni nazzjonali meħtieġa (28). Dan jinkludi l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet għat-twettiq u implementazzjoni tal-leave annwali bil-ħlas, iżda l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan id-dritt li huma jibbenefikaw minnu skond il-perijodi kollha ta’ xogħol imwettqin (29).

44.      Ir-riferiment li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jagħmel għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huwa intiż sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jiddefinixxu kuntest leġiżlattiv li jirregola l-aspetti ta’ organizzazzjoni u l-aspetti proċedurali għat-tgawdija tal-leave, bħalma huma l-ippjanar tal-perijodi tal-leave, l-obbligu tal-ħaddiem li jinforma minn qabel lil min iħaddmu dwar il-perijodu tal-leave li huwa jkollu l-intenzjoni li jieħu, l-impożizzjoni ta’ perijodu minimu ta’ xogħol qabel ma jkun jista’ jittieħed il-leave, il-kriterji għall-kalkolu proporzjonali tad-dritt għal-leave annwali meta d-dewmien tar-relazzjoni tal-impjieg jkun inqas minn sena, eċċ (30). Iżda dawn dejjem jinvolvu miżuri intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-intitolament u għall-għoti tad-dritt għal-leave, u bħala tali awtorizzati bid-Direttiva 2003/88.

45.      Min-naħa l-oħra, mill-prinċipju tal-lealtà Komunitarja bis-saħħa tal-Artikolu 10 KE, jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jastjenu minn kull miżura li tista’ tkun ta’ ostakolu għal dan il-għan (31). Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ miżuri li jheddu l-eżistenza nfisha tad-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas (32). Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza BECTU (33), ġustament iddeċidiet li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, li timponi xi kundizzjoni għall-intitolament tad-dritt għal-leave annwali b’tali mod li tostakola l-kostituzzjoni nfisha tiegħu għal ċerti ħaddiema, mhux biss trendi d-dritt individwali mogħti espressament mid-Direttiva 93/104 mingħajr sustanza, iżda tmur ukoll kontra l-għan tal-istess direttiva.

46.      Jiena nsostni li b’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju tal-effett utli tad-dritt Komunitarju u ġustament irrikonoxxiet f’'dan ir-rigward li Stat Membru li jista’ jiddeċiedi dwar it-tnissil ta’ dritt, jista’ wkoll jevitah, u saħansitra jxejnu meta huwa jissuġġettah għal kundizzjonijiet li jkunu diffiċli sabiex jiġu sodisfatti. Jiena tal-fehma li dan id-dritt jista’ jiġi evitat ukoll meta Stat Membru jista’ jistabbilixxi huwa nnifsu l-kundizzjonijiet li taħthom jintilef dan id-dritt, inkwantu, iż-żewġ każijiet jirrigwardaw l-eżistenza nfisha ta’ dan id-dritt.

47.      Fil-fatt, l-istess riskju japplika għall-implementazzjoni ta’ dan id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, meta Stat Membru jingħata s-setgħa li jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom il-ħaddiem jitlef dan id-dritt mal-iskadenza ta’ terminu partikolari. F'dan ir-rigward, ma tibqax kwistjoni ta’ deċiżjoni dwar il-mod li għandu jiġi implementat il-leave annwali bil-ħlas (34), jiġifieri t-traspożizzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, iżda kwistjoni ta’ kif għandha tiġi ddefinita l-portata ta’ regola ta’ dritt Komunitarju, jiġifieri l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

48.      Fil-fatt, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-leave annwali jintilef mal-iskadenza ta’ terminu partikolari, minkejja li l-ħaddiema ma jkunux setgħu jieħduh minħabba inkapaċità li jaħdmu dovuta minħabba mard, tmur lil hinn mill-esklużjoni ta’ ċerti ħaddiema minn dan id-dritt minħabba limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae (35).

49.      Madankollu, wara l-armonizzazzjoni ta’ din il-parti tad-dritt soċjali għall-protezzjoni tax-xogħol li huwa l-għan segwit bis-saħħa tal-Artikolu 137(2)(b) KE, li huwa l-artikolu ċċitat bħala l-bażi ġuridika tad-Direttiva 2003/88, issa hija l-Komunità li hija kompetenti sabiex tiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt (36). Fil-fatt, kieku din il-kompetenza kienet tal-Istati Membri, ikun prattikament impossibbli li fuq il-livell Komunitarju jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni simili u li jiġi b’hekk osservat l-iskop tal-armonizzazzjoni. Għal din ir-raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern tal-Belġju u l-Gvern Ċek li jsostnu li d-dritt għal-leave ta’ ħaddiem li jkun inkapaċi li jaħdem minħabba mard jaqa’ taħt ir-regoli dettaljati għall-għoti tal-leave u huwa suġġett għall-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati Membri.

b)      Il-livell ta’ protezzjoni garantit mid-dritt Komunitarju

50.      Barra minn hekk, jidhirli li huwa importanti li jiġi mfakkar li l-libertà tal-Istati Membri waqt id-determinazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni hija limitata bil-fatt li l-Artikolu 13(2)(b) KE huwa intiż sabiex jiżgura, permezz ta’ rekwiżiti minimi, ċertu livell ta’ protezzjoni li l-Istati Membri ma jistgħux inaqqsu. Bħal ma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Renju Unit vs Il-Kunsill (37) f'dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “rekwiżiti minimi” fis-sens tal-bażi ġuridika preċedenti tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KE, din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-intervent Komunitarju għall-iżgħar denominatur komuni, jiġifieri għal-livell l-iktar baxx ta’ protezzjoni pprovduta fid-diversi Stati Membri. Bil-kontra, jeħtieġ li dan il-kunċett jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma liberi li jagħtu protezzjoni ogħla meta mqabbla ma’ dik il-protezzjoni, possibilment għolja, li tirriżulta mid-dritt Komunitarju.

51.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 136 KE li, bħala għan tal-politika soċjali, jistabbilixxi “t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol”. Dan l-għan għandu jintlaħaq espliċitament bl-approssimazzjoni “fil-progress” (38). Biex jintlaħaq dan l-għan ta’ dritt primarju, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw jew jippromwovu miżuri iktar favorevoli għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema. F’dan is-sens, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jippreċiża li, fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni, bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jiżviluppaw diversi miżuri sakemm ir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-direttiva jiġu osservati, l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema (39).

52.      Il-livell ta’ protezzjoni minima li l-leġiżlatur Komunitarju adotta fil-qasam tad-dritt għal-leave huwa stabbilit mid-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jinkludi l-ebda limitazzjoni fuq id-dritt għall-leave. Id-direttiva ma tipprovdix il-kundizzjoni li biha l-ħaddiem huwa obbligat jitlob il-leave tiegħu fit-termini preskritti u jeħodhom qabel data partikolari, jiġifieri qabel l-aħħar tas-sena ta’ referenza u/jew is-sena tal-ġarr tal-leave u lanqas ma hija prevista d-dekadenza tad-dritt għal-leave. L-Artikolu 7(1) mhuwiex wieħed mid-dispożizzjonijiet li minnu l-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva jippermetti espliċitament li ssir deroga (40).

53.      Il-leġiżlatur jikkontempla għalhekk intenzjonalment livell ta’ protezzjoni minima ogħla mill-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO (41). Filwaqt li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO jipprovdi limitazzjoni fiż-żmien fis-sens li l-leave għandu jingħata u jittieħed fi żmien sena u/jew fi żmien tmintax-il xahar mill-aħħar tas-sena li fiha jqum id-dritt għal-leave (42), fil-verità ma teżisti ebda regola simili fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li l-protezzjoni li d-dritt Komunitarju irid jagħti lill-ħaddiema għandha portata iktar wiesgħa minn dik tar-regoli previsti mid-dritt pubbliku internazzjonali fil-qasam tad-dritt tax-xogħol (43).

54.      Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li d-dritt għal-leave annwali mħallas jispiċċa mal-iskadenza ta’ terminu speċifiku jekk dan ma jitteħidx fil-ħin, minn naħa, mhijiex kompatibbli mal-għan tal-leġiżlatur Komunitarju li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni ogħla minn dik tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO, u min-naħa l-oħra, ma ssib ebda bażi fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni.

c)      Rabta bejn id-dritt għal-leave u l-kapaċità għax-xogħol

i)      Applikazzjoni b’analoġija tal-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza

55.      Bil-kontra tal-argumenti tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tal-Olanda, lanqas ma teżisti prova li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jorbot id-dritt għal-leave minimu annwali mħallas mal-kapaċità għax-xogħol matul is-sena ta’ referenza jew il-perijodu tal-ġarr tal-leave. Wieħed jista’ jargumenta li ħaddiem li kien assenti mix-xogħol minħabba mard u li ma ħadimx m’għandux bżonn żmien ta’ mistrieħ għal dan il-għan. Madankollu, kif ġustament affermat il-Kummissjoni, dan l-argument mhuwiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif espressa fis-sentenzi Merino Gómez (44) u FNV (45).

56.      Fil-kawża Merino Gómez, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-rapport li jeżisti fid-dritt Komunitarju bejn il-leave annwali u l-leave tal-maternità. B’mod konkret, il-kwistjoni kienet jekk, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 92/85/KEE (46) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207/KEE (47), ħaddiema għandhiex id-dritt li tibbenefika mil-leave annwali tagħha matul perijodu li jkun differenti minn dak miftiehem u li ma jikkoinċidix ma’ dak tal-leave tal-maternità, meta l-ftehim kollettivi konklużi bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jiffissaw id-dati tal-leave għall-persunal kollu u li dawn id-dati jikkoinċidu mal-leave tal-maternità ta’ dan il-ħaddiem. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f'dan ir-rigward li l-iskop tad-dritt għal-leave annwali huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-maternità. Dak tal-maternità huwa intiż, minn naħa, għall-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala tagħha u wara l-istess tqala u, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tar-rapporti partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu li jiġi wara t-tqala u t-twelid (48). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiema għandha tkun tista’ tibbenefika mil-leave annwali tagħha waqt perijodu li jkun differenti minn dak tal-leave tal-maternità tagħha (49).

57.      Fis-sentenza FNV, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan il-prinċipju u ppreċiżatu fis-sens li f’każ ta’ kumulu tal-perijodi ta’ diversi perijodi ta’ leave garantiti mid-dritt Komunitarju fl-aħħar tas-sena, il-ġarr tal-leave annwali jew ta’ parti minnu għas-sena sussegwenti jista’ jkun inevitabbli (50) peress li l-leave garantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li wieħed jieħu leave ieħor garantit minn dan id-dritt (51).

58.      Għalkemm it-tqala ċertament ma tistax tiġi pparagunata ma’ marda, jeżistu diversi raġunijiet biex tiġi applikata din il-ġurisprudenza b’analoġija mar-relazzjoni eżistenti bejn il-leave annwali u l-leave tal-mard. Fil-fatt, l-istess bħal-leave tal-maternità, il-leave tal-mard huwa intiż sabiex jippriżerva l-integrità fiżika u psikika tal-ħaddiem, fis-sens li l-eżenzjoni mill-obbligu tax-xogħol u l-għoti ta’ żmien ta’ mistrieħ jagħtuh il-possibbiltà li jirkupra fiżikament u sussegwentement jerġa’ jintegra ruħu fix-xogħol. B’mod differenti mil-leave annwali, li l-funzjoni tiegħu huwa l-mistrieħ, il-qtugħ mix-xogħol u l-irkupru, il-leave tal-mard huwa intiż esklużivament għall-irkupru u għall-fejqan, jiġifieri għall-fejqan minn stat patoloġiku li l-kawżi tiegħu jinsabu barra mill-influwenza tal-ħaddiem ikkonċernat (52).

59.      F’dan ir-rigward, bi qbil mal-argumenti tal-Gvern Taljan u Pollakk, għandu jiġi ppreċiżat li fid-dawl tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-leave tal-mard u l-leave annwali jistgħu jinzertaw fl-istess perijodu mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-għanijiet differenti tal-leave għall-mistrieħ u l-leave tal-mard. Skond l-idea fundamentali tal-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq, għandu jkun ipprojbit li jingħata leave tal-mard bi preġudizzju għal-leave annwali bil-ħlas peress li, inkella, dan id-dritt fundamentali jista’ jisfa mċaħħad mill-kontenut tiegħu.

ii)    Inkompatibbiltà mal-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88

–       Riskju ta’ interpretazzjoni li tmur kontra l-għan segwit

60.      Minbarra d-dubji espressi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fejn jingħad li l-ħaddiem għandu l-possibbiltà li jieħu l-leave annwali tiegħu matul l-assenza tiegħu minħabba mard, wieħed jista’ jinvoka bħala argument addizzjonali l-inkompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mal-għan tad-Direttiva 2003/88 li huwa li tiżgura t-titjib tas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiem.

61.      L-għan oriġinali tal-projbizzjoni li teżisti fid-dritt tax-xogħol kontra l-kumulu tal-leave mhux meħud, kif ukoll dik prevista f’ċerti sistemi legali nazzjonali fosthom tal-Ġermanja, jidher li jinsab fil-fatt li jiġi garantit l-użu effettiv tal-leave matul is-sena kurrenti, b’tali mod li l-ħaddiem isir responsabbli għall-implementazzjoni tad-dritt għal-leave tiegħu. Skond dan l-approċċ, jidher manifestament loġiku li l-ħaddiem jiġi mġiegħel ibati l-konsegwenza tal-passività tiegħu jew tat-tardività tad-deċiżjoni tiegħu li jitlob il-leave billi jitlef dan id-dritt (53).

62.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan oriġinali tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, li fuqu hija bbażata din il-leġiżlazzjoni u li, bħala tali, huwa identiku għal dak tad-Direttiva 2003/88, jiġi kompletament żnaturat meta l-ħaddiem ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt għal-leave tiegħu minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu. Fost dawn ir-raġunijiet jeżistu, minn naħa, il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni intenzjonata tal-obbligi ta’ min iħaddem, li barra minn hekk huwa ppremjat b’din il-leġiżlazzjoni, u min-naħa l-oħra, elementi ta’ forza maġġuri li huma naturali u mhumiex taħt il-kontroll tal-persuna interessata.

63.      Fiż-żewġ każijiet, it-telf tad-dritt għal-leave għandu mhux biss l-effett li l-għan imfittex ma jintlaħaqx, iżda wkoll li dan it-telf ikun fl-aħħar mill-aħħar ekwivalenti għal penalizzazzjoni oġġettivament mhux ġustifikata tal-ħaddiem. Tali effett imur manifestament kontra l-għan tad-Direttiva 2003/88. Konsegwentement, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-inkapaċità li ħaddiem imur għax-xogħol minħabba mard twassal għat-telf tad-dritt għal-leave annwali minimu garantit mid-drittijiet fundamentali.

–       Interpretazzjoni fid-dawl tal-interessi tal-partijiet fil-kuntratt tax-xogħol

64.      Bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-konvenuta, huwa fil-fatt possibbli li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ min iħaddem u li fl-istess ħin tillimita inqas id-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas mil-limitazzjoni li timponi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni. Bħalma esponiet ġustament il-Kummissjoni, jidher li huwa ġustifikat li Stat Membru jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li, fl-interess tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, id-drittijiet għal-leave, pereżempju, jinġarru biss f'każ ta’ neċessità. Huwa possibbli wkoll li jiġu adottati miżuri li jħajru lill-ħaddiema jieħdu l-leave annwali tagħhom matul perijodu raġonevoli fis-sena sussegwenti.

65.      It-traspożizzjoni konkreta ta’ dawn il-miżuri mill-impriżi, għal darba oħra, hija r-responsabbiltà tal-persuni li jħaddmu li, bis-saħħa tas-setgħat ta’ organizzazzjoni u koordinazzjoni tagħhom (54), huma f’pożizzjoni li jikkonċiljaw id-dritt għal-leave tal-ħaddiema mal-bżonnijiet tal-impriżi.

iii) Paragun mar-regoli previsti fil-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO.

66.      Barra minn hekk, kontra r-rabta tad-dritt għal-leave mal-kapaċità għax-xogħol ta’ ħaddiem jista’ jiġi invokat ukoll il-kliem espliċitu tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO, fejn jingħad li “l-assenzi mix-xogħol minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna impjegata kkonċernata, bħalma huma l-assenzi dovuti għal mard, aċċident jew leave għall-maternità, għandhom jingħaddu fil-perijodu tas-servizz” (55). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) ta’ din l-istess konvenzjoni jgħid b’mod ċar li “il-perijodi ta’ inkapaċità għax-xogħol li tirriżulta minn mard jew minn aċċidenti ma jistgħux jiġu kkalkolati fil-leave minimu annwali bil-ħlas stabbilit”.

67.      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod konformi mal-għan tagħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leave tal-mard li jkun intalab qabel ma jistax jippreġudika l-leave annwali minimu bil-ħlas (56). Għalkemm huwa minnu li l-Istati firmatarji – u l-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma fil-fatt firmatarji (57) – għandhom jiżguraw dan “taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti jew permezz tal-proċeduri adattati f'kull pajjiż”, il-kompetenza tal-Istati Membri, anki f'dan il-każ, hija limitata għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni, b’tali mod li huma għandhom ikunu pprojbiti min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dawn l-assenzi mix-xogħol bħala perijodi ta’ servizz.

68.      Għalhekk, essenzjalment, ir-regoli tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO u dawk tad-Direttiva 2003/88 jaqblu fil-prinċipji ġuridiċi tagħhom (58). Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati li jinterpretaw dawn ir-regoli u li jorganizzaw is-sistema legali tagħhom b’tali mod li l-assenzi mix-xogħol minħabba mard ma jaffettwawx id-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas.

B –    Fuq it-tieni domanda

69.      It-tieni domanda tirrigwarda l-portata leġiżlattiva tad-dritt għall-pagament kumpensatorju previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. Id-dritt għall-pagament li jikkumpensa għal-leave, jiġifieri l-kumpens għal-leave li ma jitteħidx, jissostitwixxi l-għoti ta’ ħin liberu fil-każ fejn, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, il-leave ma jistax jittieħed iktar. Dan id-dritt jikkostitwixxi l-unika eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-prinċipju tal-kumpens previst fid-Direttiva li normalment tipprojbixxi b’mod kategoriku lill-partijiet f'kuntratt ta’ impjieg milli jissostitwixxu l-leave annwali b’pagament kumpensatorju, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan kellux jittieħed fis-sena kurrenti jew fis-sena sussegwenti.

70.      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-projbizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, u dan sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tiegħu (59). B’hekk l-għan huwa li jiġi evitat li jkun hemm “bejgħ” abbużiv tad-dritt għal-leave minn min iħaddem u/jew rinunzja min-naħa tal-ħaddiem għal-leave minħabba raġunijiet sempliċiment finanzjarji (60).

71.      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jenfasizza l-funzjoni taż-żamma tal-pagament tar-remunerazzjoni matul il-perijodu tal-leave li tikkonsisti fil-fatt li l-ħaddiem, waqt l-imsemmi leave, jitqiegħed f’sitwazzjoni li, f'termini ta’ paga, hija komparabbli mal-perijodi tax-xogħol (61). Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit tal-pagament ta’ dan il-kumpens għal-leave huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-ħaddiem, fuq livell ekonomiku, jitqiegħed f'sitwazzjoni li tippermettilu jeżerċita b’mod effettiv id-dritt għal-leave tiegħu (62). Il-kumpens għal-leave ma għandu l-ebda skop ieħor. Fil-fatt, dan il-kumpens sostituttiv, fil-prinċipju, huwa intiż sabiex jippermetti lill-ħaddiem li jieħu perijodu ta’ serħan wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg u qabel ma jikkonkludi kuntratt ġdid (63). Konsegwentement, it-telf ta’ dan il-kumpens ikollu l-effett li l-għan tad-Direttiva 2003/88 ta’ serħan tal-ħaddiem ma jkunx jista’ jintlaħaq.

72.      Fis-sentenza Robinson-Steele (64), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2003/88 tqis li d-dritt għal-leave annwali u d-dritt għall-ħlas tal-leave annwali jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess dritt. Jiena nsostni li din l-identiċità fil-funzjoni bejn id-dritt għall-paga u d-dritt għall-pagament kumpensatorju għal-leave twassal sabiex dan id-dritt ta’ kumpens jiġi kkunsidrat ukoll bħala parti inseparabbli mid-dritt għal-leave annwali minimu bil-ħlas.

73.      F’dan ir-rigward, ir-risposta għat-tieni domanda tirriżulta diġà mill-osservazzjonijiet li saru fl-ewwel parti tal-ewwel domanda. Fil-fatt, għalkemm il-fatt li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jintilef awtomatikament mal-iskadenza ta’ terminu speċifiku jmur kontra l-għan tad-Direttiva 2003/88, kif diġà ġie spjegat, dan għandu japplika bl-istess mod għad-dritt għall-pagament kumpensatorju li huwa marbut mad-dritt għal-leave bħala dritt kumpensatorju.

74.      Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax jaċċetta l-argument tal-konvenuta li l-prospett li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, wieħed ikollu jikkumpensa n-numru kunsiderevoli ta’ ġranet tal-leave li jakkumulaw matul is-snin, jista’ jħajjar lil min iħaddem biex ikeċċi ħaddiema li huma fuq leave tal-mard għal żmien twil. Fil-fatt, wieħed jista’ jirribatti li huwa proprju n-nuqqas ta’ obbligu ta’ min iħaddem biex jikkumpensa l-leave li ma jitteħidx li jista’ jinkoraġġixxi t-tkeċċija ta’ ħaddiema qabel jingħatalhom il-leave, u dan minħabba li inkella, huwa jkun marbut jirrispetta d-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali minimu skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Jekk wieħed irid jevita li jsir użu abbużiv mid-dritt ta’ tkeċċija biex jiġi evitat dan id-dritt fundamentali garantit mid-dritt Komunitarju, allura l-ħaddiem, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, għandu dejjem ikollu d-dritt għal kumpens li jagħmel tajjeb għal-leave li jkun dovut u li ma tteħidx.

75.      Bl-istess mod, analiżi ġuridika komparattiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Nru 132 ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni differenti. L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jipprovdi għad-dritt tal-ħaddiem għal pagament kumpensatorju proporzjonat mat-tul ta’ żmien tal-perijodu fis-servizz li għalih huwa jkun għadu ma ħax leave. Sa fejn id-dritt għall-pagament kumpensatorju tal-leave huwa marbut ukoll mad-dritt għal-leave annwali minimu inkwantu dritt primarju, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni fejn jingħad li l-assenzi mix-xogħol għal raġunijiet indipendenti mill-volontà tal-persuna impjegata, bħalma huma l-assenzi dovuti għal mard, minħabba aċċident jew minħabba l-leave tal-maternità, għandhom jingħaddu mal-perijodu fis-servizz (65). Konsegwentement, l-inkapaċità għax-xogħol minħabba mard ma jistax ikollu effetti negattivi fuq id-dritt għall-pagament kumpensatorju tal-leave.

76.      Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, jeħtieġ li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jiġi interpretat fis-sens li mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-ħaddiem għandu f’kull każ id-dritt għall-pagament kumpensatorju li jissostitwixxi l-leave li jkun dovut u li ma tteħidx.

C –    Fuq it-tielet domanda

77.      Kif diġà urejt, mill-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (66) kif ukoll mill-kunsiderazzjoni ġuridika esposta fl-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO (67) jirriżulta li l-perijodu tal-mard huwa ekwivalenti għall-perijodu fis-servizz peress li l-assenza hija ġġustifikata minn raġunijiet li huma indipendenti mill-volontà tal-ħaddiem u li, għaldaqstant, huma ġġustifikati.

78.      Din hija r-raġuni għaliex, fl-istess perijodu speċifiku, jiġu mnissla d-drittijiet kollha tal-ħaddiem, inkluż id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, li jista’ jittieħed meta l-kapaċità li l-ħaddiem imur għax-xogħol terġa’ tiġi stabbilita, jew li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, jista’ jiġi kkumpensat bil-pagament ta’ kumpens, anki f’każ ta’ inkapaċita totali għax-xogħol.

79.      L-intitolament tad-dritt għal-leave annwali u tad-dritt għall-kumpens, minnu nnifsu, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkun sar xogħol effettiv preċedentement b’tali mod li l-ħaddiem ikollu dawn id-drittijiet anki jekk huwa kien assenti matul is-sena kollha ta’ referenza minħabba mard.

80.      Fir-rigward tad-domanda sussidjarja addizzjonali dwar jekk dawn id-drittijiet jiġux imnissla ukoll f’każ ta’ assenza mhux ġustifikata matul is-sena ta’ referenza kollha, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura tar-rinviju preliminari stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li biha l-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jkunu meħtieġa minnhom għas-soluzzjoni tal-kawża quddiemhom (68).

81.      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li jkollha l-kawża quddiemha u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari kollha tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li jagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-relevanza tal-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi li saru jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, għandha tiddeċiedi (69).

82.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tista’ teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-każ ġie mressaq quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tara jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni. Ir-rifjut milli tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali mhuwiex possibbli ħlief jekk ikun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali u ta’ dritt meħtieġa biex twieġeb utilment għad-domandi magħmulha quddiemha (70).

83.      Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fil-proċedura tar-rinviju preliminari jimplika li, min-naħa tiegħu, il-qorti nazzjonali għandha żżomm f'moħħha l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet ta’ natura konsultattiva fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (71).

84.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent kien ġie ddikjarat marid b’ċertifikat mediku mit-8 ta’ Settembru 2004, bla waqfien sat-30 ta’ Settembru 2005, u għaldaqstant sal-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg. Għaldaqstant, l-assenza tiegħu kienet b’dan il-mod iġġustifikata biċ-ċar b’tali mod li fir-rigward tad-domanda sussidjarja addizzjonali dwar jekk id-dritt għal-leave annwali jew għall-kumpens iqumx ukoll fil-każ ta’ assenza mix-xogħol mhux ġustifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex bżonn tagħti risposta minħabba li mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

VII – Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmulin mil-Landesarbeitsgerichts ta’ Düsseldorf bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema għandhom f’kull każ jibbenefikaw mil-leave annwali mħallas ta’ almenu erba’ ġimgħat. Il-leave li ma jitteħidx matul is-sena ta’ referenza minħabba mard għandu jingħata suċċessivament.

2)      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema, f’każ li tiġi terminata r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, għandhom f’kull każ dritt għal ħlas kumpensatorju li jagħmel tajjeb għal-leave li jkun dovut iżda li ma jkunx ittieħed (ħlas kumpensatorju għal-leave li ma tteħidx).

3)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal-leave jew għal ħlas kumpensatorju jqum ukoll f’każ ta’ assenza ġustifikata (minħabba mard) matul is-sena sħiħa ta’ referenza.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 299, p. 9.


3 – ĠU L 307, p. 18.


4 – Il-livell ta’ diżabbiltà (GdB jew Grad der Behinderung”) huwa kunċett tad-dritt Ġermaniż li jirrigwarda d-diżabbiltà gravi. Dan jinvolvi unità għall-kalkolu tal-grad ta’ mankament ikkaġunat mid-diżabbiltà. Dan il-kunċett huwa użat fil-kodiċi soċjali IX – Riabilitazzjoni u parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà –. Il-GdB jista’ jvarja bejn 20 u 100. Huwa mqassam fi skaluni ta’ 10. Huma meqjusin bħala persuni b’diżabbiltà gravi dawk il-persuni kollha li għandhom livell ta’ diżabbiltà li huwa ta’ almenu 50 GdB li jiġi kkonstatat mill-uffiċċju għall-kura (Versorgungsamt) jew mill-uffiċċju tal-affarijiet soċjali. Fuq il-karta tal-identità tal-persuna b’diżabbiltà ikun hemm indikazzjoni li turi l-mankament partikolarment gravi. L-ittra “G” turi mankament fil-kapaċità ta’ moviment fit-trasport fit-triq.


5 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497, punti 69u 73), fejn jingħad “l-obbligu, għall-Istati Membri, li jagħżlu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom permezz ta’ l-Artikolu 249 KE, il-forom u l-mezzi l-iktar adattati sabiex jiggarantixxu l-effett utli tad-direttivi, fid-dawl ta’ l-għan ta’ l-imsemmija direttivi”.


6 – Ara Stärker, L., Kommentar zur EU-Arbeitszeit-Richtlinie, (kummentarju fuq id-direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol), Vjenna 2006, p. 81.


7 – Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑13/99, Ġabra p. I‑4881, punt 3); tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punti 45 u 47); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 91), u tal-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, Ġabra p. I‑10253, punt 40).


8 – Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, Ġabra p. I‑7963, punt 49); BECTU (iċċitata iktar ’il fuq, nota 7, punt 38); Jaeger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 46); tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel (C‑313/02, Ġabra p. I‑9483, punt 4), u Dellas et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 41).


9 – Kif jikteb l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2001, BECTU (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, nota 7, punt 26 tal-konklużjonijiet), id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ilu jagħmel parti mid-drittijiet soċjali fundamentali.


10 – Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, adottata fl-10 ta’ Diċembru 1948 bir-Riżoluzzjoni 21 A (iii) mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


11 – Il-Karta Soċjali Ewropea, li hija konvenzjoni li ġiet ippreżentata mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-18 ta’ Ottubru 1961 u daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1965. L-Artikolu 2(3) tal-istess Karta jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jipprovdi leave annwali mħallas ta’ almenu ġimgħatejn sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni effettiva tad-dritt għal kundizzjonijiet ġusti ta’ xogħol.


12 – Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali ġie adottat fid-19 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Artikolu 7(d) tal-istess Patt jipprovdi li “l-Istati kontraenti f’dan il-Patt jirrikonoxxu d-dritt li kull persuna għandha biex tgawdi kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u favorevoli, li jiżguraw b’mod partikolari l-mistrieħ, il-ħin liberu, il-limitazzjoni raġonevoli tat-tul ta’ żmien tax-xogħol u l-leave perjodiku mħallas, kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-vaganzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


13 – Konvenzjoni Nru 132 fuq il-leave mħallas (verżjoni ġdida tal-1970) adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fl-24 ta’ Ġunju 1970, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973.


14 – Konvenzjoni Nru 52 dwar il-leave annwali mħallas, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fl-24 ta’ Ġunju 1936, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Settembru 1939. Din il-konvenzjoni ġiet riveduta mill-Konvenzjoni Nru 132 iżda tibqa’ miftuħa għar-ratifika.


15 – Zuleeg, M., "Der Schutz sozialer Rechte in der Rechtsordnung der Europäischen Gemeinschaft“, Europäische Grundrechte-Zeitschrift 1992, Ktieb 15/16, p. 331, josserva li istrumenti li mhumiex vinkolanti bħalma hija l-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema iservu, fl-ewwel lok, bħala linji gwida u bħala programm. F’kull każ, huma jiksbu importanza ġuridika meta l-qrati jużawhom għall-finijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ żvilupp tad-dritt. Balze, W.: "Überblick zum sozialen Arbeitsschutz in der EU, Europäisches Arbeits- und Sozialrecht", 38. Ergänzungslieferung 1998, punt 4, jsostni ġustament li minkejja l-fatt li l-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema m’għandha l-ebda effett vinkolanti inkwantu dikjarazzjoni solenni, madankollu, hija serviet ta’ katalizzatur importanti għall-programm ta’ azzjoni tal-Kummissjoni adottat fit-tmiem tas-sena 1989 għall-implementazzjoni tal-Karta Komunitarja tat-28 ta’ Novembru 1989. Dan il-programm ta’ azzjoni kien jipprovdi total ta’ 23 proposta konkreta għal direttivi, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà u tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, li essenzjalment ġew implementati qabel l-1993. Minn dan jirriżulta li anki dikjarazzjonijiet solenni, inkwantu sorsi ta’ ispirazzjoni għax-xogħol leġiżlattiv, jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiksbu importanza fl-implementazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali li huma jipproklamaw.


16 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1).


17 – L-avukat ġenerali Tizzano huwa tal-istess fehma fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2001, BECTU (iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).


18 – Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali tal-Ħaddiema ġiet adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 fi Strasburgu mill-kapijiat tal-Istat u tal-gvernijiet tal-Istati membri tal-Komunità Ewropea. Il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tippreskrivi li: “kull ħaddiem fil-Komunità Ewropea għandu dritt għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-mistrieħ annwali mħallas li d-dewmien tiegħu għandu jiġi approssimat fil-futur, skond il-prattiċi nazzjonali”. Eichenhofer, E., Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts (Editur von Dauses, M. A.), Mjunik 2004, Vol 1, D. III., punti 38 u 39, f’dan ir-rigward jitkellem espressament fuq id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala “dritt soċjali fundamentali” kontenut fil-Karta Komunitarja.


19 – Fuq dan is-suġġett ara Rengeling, H.-W., Grundrechte in der Europäischen Union, Köln, 2004, punt 1016, p. 812.


20 – Riedel, E., Charta der Grundrechte der Europäischen Union (editjat minn Jürgen Meyer), it-tieni edizzjoni, Baden-Baden 2006, Artikolu 31, punt 20, isostni li l-importanza tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tinsab prinċipalment fil-fatt li bħala drittijiet soċjali minimi li mhumiex ikkontestati, il-prinċipji tal-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien massimu għax-xogħol, taż-żmien ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa li huwa garantit anki f’każ ta’ relazzjoni ta’ impjieg li għandha bħala suġġett xogħol bix-xift jew flessibbli, l-istess bħal-leave annwali mħallas, jikkostitwixxu drittijiet fundamentali rikonoxxuti lil kull persuna.


21 – Jiena esprimejt dan l-argument reċentement fil-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007, Zefeser (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, C‑62/06, punt 54 u nota 43 tal-konklużjonijiet) b’rabta mad-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Preċedentement, l-Avukat Ġenerali Tizzano kien diġà esprima ruħu fil-konklużjonijiet fil-kawża BECTU (iċċitata iktar ’il fuq, punt 28) kif ukoll l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2001 fil-kawża Il-Kunsill vs Hautala (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punti. 3 sa 86). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha iktar u iktar fuq id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fl-aħħar nett ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, Ġabra, p. I‑5769, punt 38), li tirreferi għar-referenzi li hemm għall-Karta fil-premessi tad-direttiva in kwistjoni, kif ukoll għas-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, punt 37), u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, Ġabra p. I-3633, punt 46).


22 – F’dan ir-rigward, ara Poiares Maduro, M., “The double constitutional life of the Charter of Fundamental Rights”, Unión Europea y derechos fundamentales en perspectiva constitucional, Madrid 2004, p. 306; Schmitz, T., “Die Charta der Grundrechte der Europäischen Union als Konkretisierung der gemeinsamen europäischen Werte”, Die Europäische Union als Wertegemeinschaft, Berlin 2005, p. 85 kif ukoll Beyer, U./Oehme, C./Karmrodt, F., Der Einfluss der Europäischen Grundrechtecharta auf die Verfahrensgarantien im Unionsrecht, Beiträge zum Transnationalen Wirtschaftsrecht, Vol 34, Novembru 2004, p. 14. García Perrote Escartín, I., “Sobre el derecho de vacaciones”, Scritti in memoria di Massimo D’Antona, Volum 4 (2004), p. 3586, jassumi li d-dritt għal-leave annwali mħallas, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 40(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, jirriżulta mill-istrumenti kollha internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jsostni li dawn l-istrumenti kollha flimkien ikkontribwixxew għat-tnissil ta’ għarfien Ewropew universali u saħansitra speċifiku fir-rigward tal-eżistenza tad-drittijiet soċjali fundamentali.


23 – Skond id-dritt Komunitarju, huma l-Istati Membri li għandhom, primarjament, jirregolaw il-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Diversi testi kostituzzjonali jinkludu garanziji fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li jsemmu d-dritt għall-mistrieħ tal-ħaddiem. B’dan il-mod, l-Artikolu 11(5) tal-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu u l-Artikolu 40(2) tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja jimponu fuq l-Istat l-obbligu li joħloq kundizzjonijiet ta’ xogħol tajbin għas-saħħa u li jiżgura l-mistrieħ tal-ħaddiema, u/jew li jħarishom (ara González Ortega, S., "El disfrute efectivo de la vacaciones anuales retribuidas: una cuestión de derecho y de libertad personal, de seguridad en el trabajo y de igualdad", Revista española de derecho europeo, Nru. 11 [2004], p. 423 et seq). Fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni Taljana nistgħu nsibu leġiżlazzjoni li hija biċ-ċar iktar preċiża mill-kliem previst fl-Artikolu 31 tal-Karta; dan l-Artikolu jipprovdi partikolarment għal dritt ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għal-leave annwali mħallas. Il-Kostituzzjoni tal-Portugall tidher li kienet wieħed mill-mudelli tar-regoli previsti fil-Karta, peress li l-Artikolu 59(1)(d) tagħha, jipprovdi d-dritt għall-mistrieħ u għall-ħin liberu, għal limitazzjoni fuq il-ġurnata tax-xogħol, għall-mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għal-leave perjodiku imħallas (ara Vieira De Andrade, J. C., "La protection des droits sociaux fondamentaux dans l’ordre juridique du Portugal“, La protection des droits sociaux fondamentaux dans les États membres de l’Union européenne – Étude de droit comparé, Ateni/Brussell/Baden-Baden 2000, p. 677). Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri qodma tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal-leave minimu annwali mħallas huwa bbażat fuq sempliċi dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirriflettu r-regoli tad-dritt sekondarju tad-direttivi, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni Komunitarju huwa kkonċernat. Mill-banda l-oħra, l-Istati Membri l-ġodda, mingħajr ma ninsew lil Ċipru, għandhom kodifikazzjoni dettaljata ħafna ta’ dan id-dritt. Dan japplika b'mod partikolari għall-Artikolu 36(f) tal-Kostituzzjoni Slovakka, għall-Artikolu 66(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka, għall-Artikolu 70/B(4) tal-Kostituzzjoni Ungeriża, għall-Artikolu 107 tal-Kostituzzjoni tal-Estonja kif ukoll għall-Artikolu 49(1) tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja li jiggarantixxu d-dritt għal-leave minimu annwali mħallas. B'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma ttrattati fil-Kostituzzjoni tal-iSlovenja (Artikolu 56), fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka (Artikolu 28) kif ukoll f’dik tal-Estonja (Artikolu 29(4)) (ara Riedel, E., iċċitata iktar ’il fuq, nota 19, Artikolu 31, punti 3 u 4).


24 – Skond Smismans, S., “The Open Method of Coordination and Fundamental Social Rights”, Social Rights in Europe (Editur Gráinne de Búrca u Bruno de Witte), Oxford 2005, p. 229, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqum neċessarjament il-kwistjoni dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u d-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skond Krebber, S., Kommentar zu EU-Vertrag und EG-Vertrag (Editur Christian Calliess/Matthias Ruffert), l-ewwel edizzjoni, Neuwied 1999, Artikolu 136 KE, punt 35, p. 1365, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta Komunitarja jipprovdu għajnuna importanti għall-interpretazzjoni fir-rigward tat-tifsira tal-kunċetti tad-dritt tax-xogħol fid-dritt Komunitarju. Stärker, L., Kommentar zur EU-Arbeitszeit-Richtlinie, Vjenna 2006, p. 81, isostni li anki l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu natura leġiżlattiva fis-sens li fil-fehma tiegħu, din id-dispożizzjoni teżiġi l-iffissar tal-leave annwali mħallas. Skond Benedetti, G., “La rilevanza giuridica della Carta Europea innanzi alla Corte di Giustizia: il problema delle ferie annuali retribuite”, Carta Europea e diritti dei privati, 2000, p. 128 u 129, f’kawża dwar il-portata tad-dritt għal-leave minimu annwali mħallas, mhuwiex possibbli li tiġi injorata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minkejja li din m’għandhiex natura vinkolanti minħabba li hija tinkludi dispożizzjonijiet li jirriflettu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri. Konsegwentement, hija għandha l-funzjoni ta’ punt ta’ riferiment u/jew ta’ għajnuna għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.


25 – Sentenzi BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 43); tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, Ġabra p. I‑2605, punt 29), Dellas et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 8, punt 49), u tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C-124/05, Ġabra p. I-3423, punt 28).


26 – Sentenza BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 44).


27 – Sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 25, punti 30 u 31).


28 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele (C‑131/04 u C‑25/04, Ġabra p. I‑2531, punt 57).


29 – Sentenza BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 53).


30 – Ara l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawża BECTU li l-Avukat Ġenerali Tizzano rriproduċa fil-konklużjonijiet tiegħu mogħtija fl-istess kawża (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota 9, punt 34).


31 – Huwa paċifiku fil-ġurispridenza li mill-Artikolu 10 KE jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jittrasponu direttiva b’mod li tiġi żgurata b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C‑62/00, Ġabra p. I‑6325, punti 24 sa 26; tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑214/98, Ġabra p. I‑9601, punt 49) u tad-9 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑217/97, Ġabra I‑5087, punt 31). Konsegwentement, il-leġiżlatur nazzjonali huwa marbut li jibdel, iħassar jew jissostitwixxi l-liġi nazzjonali tiegħu sabiex l-obbligi tad-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jkollhom l-effett utli tagħhom b’mod sħiħ (ara s-sentenza tat-8 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 30/72, Ġabra p. 161, punt 11; Kahl, W., “Kommentar eu EU-Vertrag und EG-Vertrag, Editur Christian Calliess/Matthias Ruffert, l-ewwel edizzjoni Neuwied 1999, Artikolu 10 KE, punt 19, p. 374).


32 – F’dan is-sens, ara Bogg, A. L., "The right to paid annual leave in the Court of Justice: the eclipse of functionalism", European Law Review, Volum 31 (2006), Nru 6, p. 897, fejn jingħad li leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tasal sal-punt li tiċħad l-eżistenza tad-dritt għal-leave minimu annwali mħallas.


33 – Sentenza BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 48).


34 – Fis-sentenza BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 93/104 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jorganizzaw ir-regoli dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali billi, pereżempju, jirregolaw il-mod li bih il-ħaddiema jistgħu jieħdu l-leave li għalih għandhom dritt matul l-ewwel ġimgħat tal-impjieg tagħhom.


35 – Madankollu, dan huwa preċiżament dak li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jagħmlu (ara s-sentenza BECTU, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 52). Skond din is-sentenza, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jillimitaw unilateralment id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti lill-ħaddiema kollha, billi jissuġġettaw dan id-dritt għal kundizzjoni ta’ intitolament li jkollha l-effett li teskludi ċerti ħaddiema mill-benefiċċju tad-dritt imsemmi.


36 – L-Artikolu 137 KE huwa l-bażi ġuridika l-iktar importanti għall-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-politika soċjali. Huwa jipprovdi li l-armonizzazzjoni għandu jkollha għan speċifiku li jirriżulta mir-riferiment li hemm fil-paragrafu 2 għall-paragrafu 1. Għaldaqstant l-armonizzazzjoni għandha sseħħ sabiex tiġi promossa l-funzjoni ta’ sostenn u ta’ tkomplija tal-attività tal-Komunità fl-oqsma ċċitati fil-punt 1(a) sa (i). Skond il-paragrafu 1(a), dawn l-oqsma jinkludu l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Il-bażi kienet ikkostitwita, sa ftit ilu, mill-Artikolu 118 tat-Trattat KE li kien jikkostitwixxi ukoll primarjament orjentament soċjopolitiku u li, minħabba f’hekk, kien differenti mir-regoli l-oħra dwar il-kompetenza fl-Artikolu 100a tat-Trattat KE (l-Artikolu 94 KE) minħabba l-għan tiegħu fil-konfront tas-suq intern (ara Krebber, S., iċċitat iktar ’il fuq, punt 23, l-Artikolu 13 KE, punt 18, p. 133).


37 – Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996 (C‑84/94, Ġabra p. I‑5755, punt 56).


38 – Balze, W., iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 14, punt 38. Edizzjoni supplementari 1998, punt 3.


39 – Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 37, punt 42). Balze, W., Arbeitszeit, Urlaub und Teilzeitarbeit, Europäisches Arbeits- und Sozialrecht, Edizzjoni supplementari (Ottubru 2002), B 3100, punt 6, p. 9, tqis li r-regoli li jinsabu fid-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol jikkostitwixxu r-rekwiżiti minimi b’mod konformi mal-kunċett wara l-Artikolu 173KE, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu liġijiet fir-rigward tal-ħin tax-xogħol li jkunu iktar ħorox. Madankollu, skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88, id-dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tad-direttiva indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-livell ta’ protezzjoni tagħhom ikun inqas minn dak tad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol.


40 – Ara s-sentenzi Robinson-Steele (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 26, punt 62) u BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 41). F’dan is-sens ara wkoll Balze, W., "Die Richtlinie über die Arbeitszeitgestaltung", Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, Nru 7 (1994), p. 207, li ma jippermetti ebda deroga sostantiva f’din il-leġiżlazzjoni.


41 – F’dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li skond il-Premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-ILO. L-Avukat Ġenerali Kokott tirreferi għal dan ukoll fin-nota 8 tal-konklużjonijiet tagħha tat-12 ta’ Jannar 2006 fil-kawża Federatie Nederlandse Vakbeweging (sentenza iċċitata iktar ’il fuq fn-nota 24). Jiena nsostni li huwa indispensabbli li d-Direttiva 2003/88 tiġi interpretata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji essenzjali tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO minħabba l-fatt li l-liġi tal-ILO stabbilixxiet standards internazzjonali ta’ riferiment fil-qasam tad-dritt tax-xogħol. Fil-qosor, jeżisti livell għoli ta’ konverġenza bejn iż-żewġ strumenti ġuridiċi. Madankollu, meta wieħed iħares ftit iktar mill-qrib lejhom, wieħed m’għandux jinsa li ċerti regoli tad-Direttiva 2003/88 imorru lil hinn minn dak li tipprovdi l-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO. Għal din ir-raġuni, wieħed jista’ jsostni ġustament li d-Direttiva 2003/88 tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ din il-konvenzjoni min-naħa tal-Komunità (ara Murray, J., Transnational Labour Regulation: The ILO and EC Compared, The Hague 2001, p. 185).


42 – L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-OIX huwa dispożizzjoni partikolari fil-qasam tad-dritt għal-leave li huwa bbażat fuq il-possibbiltà ta’ tqassim tal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 8. Dan it-tqassim jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti; madankollu l-ħaddiem għandu d-dritt għal-leave mhux interrott ta’ almenu ġimgħatejn, sakemm min iħaddem u l-ħaddiem ma jiftiehmux mod ieħor. L-Artikolu 9 jipprovdi li dik il-parti mhux interrotta tal-leave annwali mħallas għandha tingħata u tittieħed f’terminu ta’ żmien massimu ta’ tmintax-il xahar li jibda jgħodd mit-tmiem tas-sena kalendarja tad-dritt għal-leave. Il-posponiment ta’ parti mil-leave li taqbeż il-minimu preskritt hija leġittima għal perijodu limitat wara t-terminu previst, jekk il-ħaddiem jaqbel ma’ dan. L-iffissar tat-terminu jista’ jseħħ wara li jinstemgħu l-federazzjonijiet professjonali fuq il-livell nazzjonali (f’dan ir-rigward, ara Böhmert, S., Das Recht der ILO und sein Einfluss auf das deutsche Arbeitsrecht im Zeichen der europäischen Integration, Baden-Baden 2002, p. 128).


43 – Ir-regola tat-terminu previst fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO bl-ebda mod ma tippermetti l-konklużjoni li eventwalment jintilef id-dritt tal-ħaddiema u dan peress li din ir-regola, minnha nfisha, ma tipprovdi għal ebda konsegwenza ġuridika fil-każ li l-leave ma jkunx ittieħed u lanqas ingħata qabel l-iskadenza tat-terminu. Bil-kontra, mill-Artikolu 12 ta’ din l-istess Konvenzjoni jirriżulta ċar li wieħed ma jistax ikollu dritt għal-leave minimu annwali mħallas, b’tali mod li, skond il-kundizzjonijiet nazzjonali, kull ftehim li jirrigwarda l-abbandun jew ir-rinunzja għal dan id-dritt għandu jkun null jew ipprojbit. García Perrote Escartín, I., (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 22, p. 3602) ukoll iqis li leġiżlazzjoni li tipprovdi li d-dritt għal-leave minimu annwali mħallas jispiċċa mal-iskadenza ta’ terminu partikolari, ma ssib l-ebda bażi la fil-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO, u lanqas fid-Direttiva 2003/88. Bil-kontra, mill-Artikolu 12 ta’ din l-istess Konvenzjoni jirriżulta li wieħed ma jistax jirrinunzja għal dan id-dritt.


44 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 25.


45 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 25.


46 – Direttiva tal-Kunsill Nru 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, p.1).


47 – Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40).


48 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hoffman (184/83, Ġabra p. I-3047, punt 25); tal-5 ta’ Mejju 1994, Habermann-Beltermann (C-421/92, Ġabra p. I-1657, punt 21); tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb (C-32/93, Ġabra p. I-3567, punt 20); tat-30 ta’ April 1998, Thibault (C-136/95, Ġabra p. I-2011, punt 25); tat-2 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, Ġabra p. I-6401, punt 41), u Merino Gómez (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota 24, punt 32).


49 – Sentenza Merino Gómez (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, punt 38).


50 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, u s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-519/03, Ġabra p. I-3067, punt 33).


51 – Sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, punt 24), Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 4, punt 33), u Merino Gómez (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, punt 41).


52 – González Ortega, S., iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 22, p. 432, josserva li l-ewwel fażi tal-leave tal-maternità sservi għall-irkupru fiżiku u/jew għall-protezzjoni bijoloġika tal-omm wara l-wild. Din il-fażi għandha għaldaqstant għan ieħor minbarra dawk tal-fażijiet suċċessivi ta’ dan il-leave li għandhom bħala għan il-kura tat-tarbija kif ukoll is-sostenn tar-relazzjoni tal-omm mat-tarbija. L-awtur jislet analoġija bejn din l-ewwel fażi tal-leave tal-maternità u l-leave tal-mard u jargumenta għalhekk favur l-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza dwar ir-rapport eżistenti bejn il-leave tal-maternità u l-leave annwali għar-rapport eżistenti bejn il-leave tal-mard u l-leave annwali.


53 – Glaser, R./Lüder, H., "§ 7 BUrlG auf dem Prüfstand des EuGH – Anmerkungen zum Vorlagebeschluss des LAG Düsseldorf", Betriebs-Berater, 61 Sena (2006), Volum 49, p. 2692, isostnu li t-theddida tat-telf tad-dritt għal-leave twassal preċiżament sabiex fil-fatt jittieħed il-leave u jittieħed fit-termini stabbiliti. García Perrote Escartín, I., (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 22, p. 3592 u 3600), josserva li din il-projbizzjoni ta’ kumulu tal-leave hija maħsuba biex tippermetti lill-ħaddiem effettivament igawdi mid-dritt tiegħu għal-leave. Skond din l-idea, il-ħaddiem iġorr il-“piż” biex jiddefendi d-dritt għal-leave tiegħu. Madankollu, l-awtur jinnota li din il-projbizzjoni tinvolvi numru ta’ żvantaġġi. Hija tista’ wkoll ikollha effett “boomerang” fuq il-ħaddiema li huwa magħruf mill-ispeċjalisti fid-dritt tax-xogħol, fis-sens li fl-aħħar mill-aħħar ikun possibbli li l-ħaddiem jitlef kompletament id-dritt għal-leave tiegħu u dan iwassal sabiex jinkoraġġixxi l-aġir illegali ta’ min iħaddem. L-awtur isostni li leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip tiġġustifika azzjonijiet illegali u toffri l-possibbiltà ta’ arrikkiment inġust ta’ min iħaddem. Fil-fatt, min iħaddem jista’ jara kif jista’ jtellef lill-ħaddiem mid-dritt għal-leave tiegħu mingħajr ma jkun obbligat iħallas kumpens. Dan ikollu bħala konsegwenza li dak li jiġi ppenalizzat ma jkunx dak li huwa responsablli għall-illegalità (min iħaddem) iżda minflok dak li ma jkunx f’pożizzjoni li jinvoka d-drittijiet tiegħu (il-ħaddiem).


54 – Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni soċjali u teknika tax-xogħol jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet globali ta’ organizzazzjoni u ta’ koordinazzjoni ta’ min iħaddem inkwantu, skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, huma obbligati li jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett marbut max-xogħol. Fl-aħħar nett ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġabra p. I-4619, punti 40 u 41), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-obbligu ta’ min iħaddem li jiżgura s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema.


55 – L-ekwivalenza tal-mard u tal-maternità fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 132 tikkonferma barra minn hekk l-idea stabbilita fil-punt 60 li fiż-żewġ każijiet il-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema huwa ugwali.


56 – F’dan is-sens, ara García Perrote Escartín, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota 22, p. 3584 u 3595.


57 – L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma membri tal-ILO. Min-naħa l-oħra, il-Komunità Ewropea mhijiex membru, iżda, wara l-iskambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni Ewropea u d-Direttur Ġenerali tal-ILO tal-14 ta’ Mejju 2001, dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom l-istess ħsieb komuni li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali, li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u jippromwovu l-impjieg (ĠU, C 165, p. 23). Wara l-ewwel ftehim konkluż bejn l-ILO u l-Komunitajiet fl-1958, iż-żewġ organizzazzjonijiet saħħew progressivament il-kooperazzjoni tagħhom fid-dawl ta’ dawn l-objettivi. Fuq livell istituzzjonali, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-istatus ta’ osservatur. Hija tipparteċipa fil-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea fi ħdan l-ILO, sabiex tiżgura b’dan il-mod li jkun hemm qbil fir-regoli tal-ILO u r-regoli Komunitarji u tiffaċilita b’dan il-mod ir-ratifika tar-regoli tal-ILO. Sal-ġurnata tal-lum, il-pajjiżi li ser insemmi rratifikaw il-Konvenzjoni Nru 132: il-Belġju (fit-2 ta’ Ġunju 2003), ir-Repubblika Ċeka (fit-23 ta’ Awwissu 1996), il-Finlandja (fil-15 ta’ Jannar 1990), il-Ġermanja (fl-1 ta’ Ottubru 1975), l-Ungerija (fid-19 ta’ Awwissu 1998), l-Irlanda (fl-20 ta’ Ġunju 1974), l-Italja (fit-28 ta’ Lulju 1981), l-Estonja (fl-10 ta’ Ġunju 1994), il-Lussemburgu (fl-1 ta’ Ottubru 1979), Malta (fid-9 ta’ Ġunju 1988), il-Portugall (fis-17 ta’ Marzu 1981), is-Slovenja (fid-29 ta’ Mejju 1992), Spanja (fit-30 ta’ Ġunju 1972), u l-Isvezja (fis-7 ta’ Ġunju 1978). Stati Membri oħra bħalma huma l-Bulgarija (29 ta’ Diċembru 1949), id-Danimarka (fit-22 ta’ Ġunju 1939), Franza (fit-23 ta’ Awwissu 1939), il-Greċja (fit-13 ta’ Ġunju 1952) u l-iSlovakkja (fl-1 ta’ Jannar 1993) għadhom sal-lum firmatarji tal-Konvenzjoni qadima Nru 52. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mhuwiex rari li l-konvenzjonijiet tal-ILO ikollhom effetti prattiċi għaliex, peress li jservu ta’ mudell, huma għandhom influwenza fuq l-iżvilupp tad-dritt ta’ diversi Stati, u dan anki mingħajr ratifika formali (f’dan ir-rigward ara Verdier, J.‑M., “L’apport des normes de l’OIT au droit français du travail”, Revue internationale du Travail, Volum 132, 1993, Nru 5-6, p. 474 u 478; Kohl, H., "Pas de paix possible sans une politique sociale internationale", Regards sur l’avenir de la justice sociale – Mélanges à l’occasion du 75e anniversaire de l’OIT, Genève 1994, p. 177).


58 – Għaldaqstant mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar sa liema livell l-Istati membri huma marbutin bl-obbligi differenti li jirriżultaw minn parti mill-Konvenzjoni Nru 132 tal-ILO u mid-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, ara l-ispjegazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tal-24 ta’ Jannar 1991,fil-kawża Stöckel (sentenza tal-25 ta’ Lulju 1951, C-345/89, Ġabra p. I-4047, punt 11).


59 – Sentenzi BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 44); Merino Gómez (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, punt 30), u Robinson-Steele (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 26, punt 60).


60 – Fis-sentenza Federatie Nederlandse Vakbeweging (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 24, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà ta’ kumpens finanzjarju minflok il-leave minimu annwali toħloq inċentiv, li huwa inkompatibbli mal-għanijiet tad-direttiva, sabiex wieħed jirrinunzja għal-leave tal-mistrieħ jew sabiex iġġiegħel lill-ħaddiema jirrinunzjaw għalih. Fenski, M., “Urlaubsrecht im Umbruch?”, Der Betrieb, Volum 12 (2007), p. 688, kif ukoll Jacobsen, K., Münchener Anwaltshandbuch Arbeitsrecht (Editur Wilhelm Moll), l-ewwel edizzjoni fl-2005, Artikolu 25, punt 102, jirreferu għall-prattika illegali li tikkonsisti fix-“xiri” tal-leave matul l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg.


61 – Sentenza Robinson-Steele (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 26, punt 58).


62 – Bogg, A.L., “The right to paid annual leave in the Court of Justice: the eclipse of functionalism”, European Law Review, Vol. 31 (2006), Nru 6, p. 899.


63 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża BECTU (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 7, punt 38).


64 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 28, punt 58.


65 – Ara l-punt 66.


66 – Ara l-punti 55 sa 65.


67 – Ara l-punti 66 sa 68.


68 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punt 22), u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 20).


69 – Sentenza Schneider (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 68, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 18); tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et (C‑422/93 sa C‑424/93, Ġabra p. I‑1567, punt 29); tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali (C‑314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 19), u Schneider (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 68, punt 22). Ara l-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Tizzano tat-18 ta’ Jannar 2005 fil-kawża Längst (C‑165/03, punt 45) kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005 mogħtija fl-istess kawża (Ġabra p. I‑5637, punti 30 sa 35).


71 – Sentenza Schneider (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 68, punt 23).