Language of document : ECLI:EU:C:2017:336

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 7(f) – Data personali – Kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ pproċessar ta’ data personali – Kunċett ta’ ‘ħtieġa għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu terz’ – Talba għall-komunikazzjoni ta’ data personali ta’ persuna responsabbli għal inċident tat-traffiku sabiex tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja – Obbligu tal-kontrollur tad-data li jilqa’ tali talba – Assenza”

Fil-Kawża C-13/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Valsts policijas Rīgas reģiona pārvaldes Kārtības policijas pārvalde

vs

Rīgas pašvaldības SIA “Rīgas satiksme”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Rīgas pašvaldības SIA “Rīgas satiksme” minn L. Bemhens, bħala aġent,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš kif ukoll minn A. Bogdanova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u H. Kranenborg kif ukoll minn I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Valsts policijas Rīgas reģiona pārvaldes Kārtības policijas pārvalde (uffiċċju għall-investigazzjoni ta’ ksur amministrattiv tat-traffiku tad-dipartiment tal-pulizija taż-żamma tal-ordni tad-dipartiment tal-pulizija nazzjonali tad-distrett ta’ Riga, il-Latvja) (iktar ’il quddiem il-“pulizija nazzjonali”) u Rīgas pašvaldības SIA “Rīgas satiksme” (iktar ’il quddiem “Rīgas satiksme”), kumpannija ta’ trolleybus tal-belt ta’ Riga, dwar talba għal komunikazzjoni ta’ data ta’ identifikazzjoni tal-awtur ta’ inċident.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Għan tad-Direttiva”, jipprovdi:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

(d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]”

5        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, jistabbilixxu b’iktar preċiżjoni il-kondizzjonijiet li bihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun skond il-liġi.”

6        Taħt it-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar,

jew

(b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt,

jew

(ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur,

jew

(d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data;

jew

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

7        L-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċerti tipi ta’ data personali, bħal dawk li jindikaw l-oriġini razzjali jew il-konvinzjonijiet politiċi, ma hijiex applikabbli meta l-ipproċessar jirrigwarda data manifestament ippubblikata mill-persuna kkonċernata jew meta dan ikun neċessarju għall-konstatazzjoni, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ dritt fi proċeduri legali.

 Id-dritt tal-Latvja

8        L-Artikolu 6 tal-Fizisko personu datu aizsardzības likums (liġi dwar il-protezzjoni ta’ data ta’ persuni fiżiċi), tat-23 ta’ Marzu 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 123/124), jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.”

9        L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, li għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, jipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali huwa awtorizzat biss jekk din il-liġi meta tipprovdix mod ieħor u jekk tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfatta:

“(1)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu;

(2)      l-ipproċessar tad-data jirriżulta minn obbligu kuntrattwali tas-suġġett tad-data jew l-ipproċessar tad-data jkun meħtieġ sabiex jiġi konkluż il-kuntratt inkwistjoni, fuq talba tas-suġġett tad-data;

(3)      l-ipproċessar tad-data ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għaliha l-kontrollur huwa suġġett;

(4)      l-ipproċessar tad-data ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data, inkluż ħajtu u saħħtu;

(5)      l-ipproċessar tad-data ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali li tingħata lill-kontrollur jew lit-terz li lilu tiġi żvelata d-data;

(6)      l-ipproċessar tad-data ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew it-terzi li lilhom tkun żvelata d-data, filwaqt li jiġu osservati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data.”

10      L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jipprovdi li d-data personali, li tirrigwarda ksur kriminali, kundanni fil-qasam kriminali u fil-qasam amministrattiv, kif ukoll deċiżjonijiet ġudizzjarji jew proċessi ġudizzjarji, jistgħu jiġu pproċessati biss mill-persuni previsti mil-liġi u fil-każijiet previsti minnha.

11      Skont l-Artikolu 261 tal-Latvijas Administratīvo pārkāpumu kodekss (kodiċi Latvjan dwar ksur amministrattiv), persuna li tkun sostniet dannu kkawżat minn ksur tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala parti leża, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur amministrattiv, mill-istituzzjoni jew mill-uffiċjal awtorizzat sabiex jeżami l-każ. Din id-dispożizzjoni tipprevedi d-drittijiet tal-partijiet leżi, inkluż id-dritt għall-konsultazzjoni tal-proċess u għall-użu tad-drittjiet proċedurali sabiex jinkiseb kumpens.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fix-xahar ta’ Diċembru 2012, seħħ inċident tat-traffiku f’Riga. Sewwieq tat-taxi waqqaf il-vettura tiegħu mal-ġenb tat-triq. Meta t-trolleybus ta’ Rīgas satiksme kienet għaddejja minn mal-ġenb ta’ din it-taxi, il-passiġġier li kien fis-sit ta’ wara ta’ din it-taxi fetaħ il-bieba u laqat u kkawża ħsara lit-trolleybus. Ingħata bidu għal proċedura ta’ ksur amministrattiv u ġiet stabbilit li kien hemm ksur amministrattiv.

13      Peress li s-sewwieq tat-taxxi ġie inizjalment miżmum responsabbli għall-inċident, Rīgas satiksme talbet kumpens mingħand il-kumpannija tal-assigurazzjoni li kienet tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tat-taxi inkwistjoni jew tal-utent legali tagħha. Madankollu, din il-kumpannija tal-assigurazzjoni informat lil Rīgas satiksme li hija ma kienet se tħallas ebda kumpens minħabba li l-inċident seħħ minħabba l-aġir tal-passiġġier ta’ din it-taxi, u mhux tas-sewwieq. Hija speċifikat li Rīgas satiksme setgħet issostni l-pretensjonijiet tagħha kontra dan il-passiġġier fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.

14      Għalhekk, Rīgas satiksme talbet mingħand il-pulizija nazzjonali l-komunikazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-persuna li kienet irċeviet sanzjoni amministrattiva wara l-inċident, li tintbagħtilha kopja tad-dikjarazzjonijiet tas-sewwieq tat-taxi u tal-passiġġier dwar iċ-ċirkustanzi tal-inċident, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-isem u l-kunjom tal-passiġġier tat-taxi, in-numru ta’ identifikazzjoni u l-indirizz tiegħu. Rīgas satiksme speċifikat lill-pulizija nazzjonali li l-informazzjoni mitluba kienet se tintuża biss sabiex issir azzjoni ċivili.

15      Il-pulizija nazzjonali wieġbet billi laqgħet parzjalment it-talba ta’ Rīgas satiksme, jiġifieri billi kkomunikat l-isem u l-kunjom tal-passiġġier, iżda hija rrifjutat milli tikkomunika n-numru ta’ identifikazzjoni u l-indirizz ta’ dan il-passiġġier. Hija lanqas ma bagħtet il-kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-persuni involuti fl-inċident.

16      Id-deċiżjoni tal-pulizija nazzjonali hija bbażata fuq il-fatt li huma biss il-partijiet f’każ ta’ ksur amministrattiv li jistgħu jiksbu l-informazzjoni relatata miegħu. Issa, Rīgas satiksme ma hijiex parti fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-kodiċi Latvjan dwar ksur amministrattiv, persuna hija rrikonoxxuta, fuq talba tagħha, bħala vittma f’każ ta’ ksur amministrattiv mill-istituzzjoni jew mill-uffiċjal li huwa awtorizzat sabiex jeżamina l-każ. F’dan il-każ, Rīgas satiksme ma għamlitx użu minn dan id-dritt.

17      Rīgas satiksme ressqet azzjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva tad-distrett, il-Latvja) kontra d-deċiżjoni tal-pulizija nazzjonali, sa fejn din kienet qiegħda tirrifjuta li tiżvela n-numru ta’ identifikazzjoni u l-indirizz tal-passiġġier involut fl-inċident. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2014, din il-qorti laqgħet l-azzjoni ta’ Rīgas satiksme u ordnat lill-pulizija nazzjonali tikkomunika l-informazzjoni dwar in-numru ta’ identifikazzjoni u l-indirizz tal-post ta’ residenza ta’ dan il-passiġġier.

18      Il-pulizija nazzjonali ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija talbet l-opinjoni tad-Datu valsts inspekcija (awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, il-Latvja) li indikat, fit-tweġiba tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2015, li l-Artikolu 7(6) tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data ta’ persuni fiżiċi ma jistax iservi bħala bażi legali għall-komunikazzjoni tad-data personali fit-tilwima tal-kawża prinċipali, peress li l-kodiċi Latvjan dwar ksur amministrattiv jelenka l-persuni lil min il-pulizija nazzjonali tista’ tikkomunika l-informazzjoni relatata ma’ każ. Konsegwentement, skont l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, il-komunikazzjoni ta’ data personali li toħroġ minn każ ta’ ksur amministrattiv tista’ ssir biss skont il-punti 3 u 5 ta’ dan l-artikolu fil-każijiet previsti minn din il-liġi. L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi ma jimponix obbligu, iżda jagħti d-dritt lill-kontrollur tad-data, f’dan il-każ il-pulizija nazzjonali, li jipproċessa d-data.

19      L-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data indikat li Rīgas satiksme kellha żewġ mezzi sabiex tikseb din l-informazzjoni. Hija setgħet jew tibgħat talba motivata lir-reġistru tal-popolazzjoni, jew tressaq azzjoni legali fuq il-bażi tal-Artikoli 98 sa 100 tal-liġi dwar il-proċedura ċivili sabiex tikseb provi billi titlob lill-qorti teżiġi mingħand il-pulizija nazzjonali d-data personali neċessarja sabiex hija tkun tista’ taġixxi legalment kontra l-persuna kkonċernata.

20      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-effikaċità tal-mezzi indikati mill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data sabiex tinkiseb data personali. Hija tispeċifika, f’dan ir-rigward, minn naħa, li jekk talba mibgħuta lir-reġistru tal-popolazzjoni ssemmi biss l-isem tal-passiġġier tat-taxi, jista’ jagħti l-każ li dan il-passiġġier ma jkunx jista’ jiġi individwalizzat mingħajr in-numru tal-karta ta’ identifikazzjoni tiegħu, peress li l-istess isem u kunjom jistgħu jappartjenu lil diversi persuni. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-provvista ta’ provi, sabiex titressaq azzjoni ċivili, l-attur għandu tal-inqas ikun jaf l-indirizz tal-post ta’ residenza tal-konvenut.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “meħtieġ” previst fl-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas, Civillietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet ċivili, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-frażi ‘ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu […] il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data’, li tinsab fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-pulizija nazzjonali hija marbuta li tikkomunika lir-Rīgas satiksme d-data personali li [din] tkun talbet u li hija meħtieġa sabiex jiġi ppreżentat rikors fi proċedura ta’ dritt ċivili?

2)      Iċ-ċirkustanza, li tirriżulta mill-fatti tal-każ, li l-passiġġier li r-“Rīgas satiksme” qed tipprova tikseb id-data tiegħu kien minorenni fil-mument tal-inċident tista’ taffettwa r-risposta għad-domanda preliminari?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ data personali lil terz sabiex dan ikun jista’ jressaq azzjoni għad-danni quddiem qorti ċivili għal dannu kkawżat mill-persuna li tkun is-suġġett tad-data u jekk il-fatt li din il-persuna tkun minorenni jistax ikollu effett fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

24      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li n-numru ta’ identifikazzjoni u l-indirizz tal-passiġġier tat-taxi, li Rīgas satiksme titlob li jiġu kkomunikati, jikkostitwixxu informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli u, għalhekk, “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Huwa paċifiku wkoll, li l-pulizija nazzjonali, li lilha saret din it-talba, hija l-kontrollur ta’ din id-data u, b’mod partikolari, hija responsabbli għall-komunikazzjoni eventwali tagħha, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva.

25      Konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, huma l-Istati Membri li għandhom jippreċiżaw, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, li tistipula l-prinċipji relatati mal-leġittimazzjoni ta’ tali pproċessar, jipprovdi f’dan ir-rigward li “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk” tirriżulta waħda mill-ipoteżijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 7(f), tali pproċessar jista’ jsir meta dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew it-terz jew it-terzi li lilhom tkun żvelata d-data, sakemm ma jkunux prevalenti l-interess jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data, li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46.

26      B’hekk, mill-istruttura tad-Direttiva 95/46 u mill-kliem tal-Artikolu 7 tagħha jirriżulta li l-Artikolu 7(f) ma jippreskrivix, fih innifsu, obbligu iżda jesprimi fakultà ta’ pproċessar ta’ data bħall-komunikazzjoni lil terz ta’ data meħtieġa għal finijiet ta’ interess leġittimu mfittex minnu. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tista’ wkoll tiġi dedotta minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li għandhom rabta mad-data personali (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C-275/06, EU:C:2008:54, punti 54 u 55).

27      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 ma jipprekludix tali komunikazzjoni, fil-każ meta din isseħħ fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, filwaqt li jiġu osservati l-kundizzjonijet previsti minn din id-dispożizzjoni.

28      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux prevalenti.

29      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar it-tfittxija ta’ interess leġittimu, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 65, 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemmx dubju li l-interess ta’ terz li jikseb informazzjoni personali dwar persuna li kkawżatlu dannu għall-proprjetà tiegħu sabiex jaġixxi legalment kontra tiegħu u jikseb kumpens jikkostitwixxi interess leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C-275/06, EU:C:2008:54, punt 53). Din l-analiżi hija kkonfortata mill-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva 95/46, li jipprevedi li l-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ ċerti tipi ta’ data personali, bħalma huma dawk li juru l-oriġini razzjali jew il-konvinzjonijiet politiċi, ma hijiex applikabbli b’mod partikolari meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konstatazzjoni, għall-eżerċizzju jew għad-difiża ta’ dritt f’azzjoni legali.

30      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data, għandu jitfakkar li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data personali għandhom joperaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662, punt 86; tas-7 ta’ Novembru 2013, IPI, C-473/12, EU:C:2013:715, punt 39, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C-212/13, EU:C:2014:2428, punt 28). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-komunikazzjoni tal-isem u l-kunjom biss tal-persuna li kkawżat id-dannu ma tippermettix li din tiġi identifikata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi legalment azzjonata. B’hekk, għal dan l-iskop, jidher li huwa meħtieġ li jinkiseb ukoll l-indirizz u/jew in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ din il-persuna.

31      Finalment, dwar il-kundizzjoni ta’ bbilanċjar tad-drittijiet u l-interessi invokati inkwistjoni, din tiddependi, fil-prinċipju, miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C-468/10 u C-469/10, EU:C:2011:777, punt 40, u tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 62).

32      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli li jitqies il-fatt li l-gravità tal-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tista’ tvarja skont il-possibbiltà tal-aċċess għad-data inkwistjoni f’sorsi aċċessibbli għall-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C-468/10 u C-469/10, EU:C:2011:777, punt 44).

33      Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari kif ifformulata mill-ġdid fil-punt 23 ta’din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-età tas-suġġett tad-data tista’ tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu u taħt riżerva li jsiru verifiki f’dan ir-rigward mill-qorti nazzjonali, ma jidhirx li huwa ġġustifikat, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li parti leża tiġi rrifjutata l-komunikazzjoni ta’ data personali meħtieġa sabiex titressaq azzjoni għall-kumpens kontra l-awtur tad-dannu, jew, jekk ikun il-każ, il-persuni li jeżerċitaw l-awtorità parentali, minħabba li dan l-awtur ikun minorenni.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva Nru 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix obbligu ta’ komunikazzjoni tad-data personali lil terz sabiex dan ikun jista’ jressaq azzjoni għall-kumpens quddiem qorti ċivili minħabba dannu kkawżat mis-suġġett ta’ din id-data. Madankollu, l-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix tali komunikazzjoni fuq il-bażi tad-dritt.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(f) tad-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix obbligu ta’ komunikazzjoni tad-data personali lil terz sabiex dan ikun jista’ jressaq azzjoni għall-kumpens quddiem qorti ċivili minħabba dannu kkawżat mis-suġġett ta’ din id-data. Madankollu, l-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix tali komunikazzjoni fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.