Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2013 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-257/13)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/123/UE, tas-26 ta’ Frar 2013 (notifikata bid-dokument numru C(2013) 981), dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2013L 67, p. 20), sa fejn is-somom ta’ EUR 28 763 238.60  u ta’ EUR 5 688 440.96 imġarrba mill-aġenzija ta’ ħlas awtorizzata mir-Repubblika tal-Polonja huma esklużi mill-finanzjament;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 1 u tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 2 minħabba l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali ineżatti u interpretazzjoni legalment żbaljata.

Il-Kummissjoni applikat il-korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali ineżatti u interpretazzjoni legali żbaljata, minkejja li l-ispejjeż tal-awtoritajiet Pollakki twettqu skont id-dritt tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-interpretazzjoni legali u l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar l-allegati nuqqasijiet eżistenti fis-sistema ta’ amministrazzjoni tal-azzjoni “Rtirar Antiċipat”, nuqqasijiet dwar, l-ewwel nett, l-obbligu li tiġi eżerċitata attività kummerċjali waqt il-perijodu li jippreċedi l-waqfien ta’ operat għall-finijiet tal-irtirar antiċipat, it-tieni nett, il-provi insuffiċjenti tal-kapaċità professjonali aċċettata, fil-forma ta’ dikjarazzjoni, mill-awtoritajiet Pollakki, u, it-tielet nett, in-nuqqas ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ osservanza, mill-bdiewa li jerġgħu jibdew azjenda, tal-obbligu li matul ħames snin jeżerċitaw attività agrikola.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ rata fissa totalment eċċessiva fid-dawl tar-riskju eventwali ta’ telf finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni

L-ebda mill-allegati nuqqasijiet ma kkawżaw, jew setgħu jikkawżaw, telf finanzjarju għall-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, ir-riskju ta’ tali telf kien perfettament marġinali.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

Il-Kummissjoni la ppreżentat prova u lanqas konstatazzjoni fattwali jew legali insostenn tal-konklużjonijiet tagħha bbażati fuq l-ispezzjonijiet ta’ tliet azjendi agrikoli

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-Kummissjoni kisret, b’mod flagranti, l-prinċipju ta’ sussidjarjetà inkluż fil-politika ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali. Il-Kummissjoni interpretat id-dokumenti ta’ programmazzjoni dwar is-sostenn għall-iżvilupp rurali u essenzjalment ifformulat rekwiżiti dwar il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-programm, li jippreġudikaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-għanijiet imsemmija fid-dokument ta’ programmazzjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414)

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal- 21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1)