Language of document : ECLI:EU:T:2006:74

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Marzu 2006 (*)

“ Kompetizzjoni – Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini – Drittijiet ta’ difiża – Linji Gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi – Determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku tal-multa – Effett dissważiv – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ mexxej jew provokatur – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva– Sigriet professjonali u prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-kawża T-15/02

BASF AG, stabbilita f’Ludwigshafen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Levy, J. Temple-Lang, solicitors, R. O’ Donoghue, barrister, u C. Feddersen, avocat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament jew tnaqqis tal-multi imposti kontra r-rikorrenti taħt l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ KOMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU L 6,  2003, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 ll-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (kawża KOMP/E‑1/37.512 − Vitamini) (ĠU L 6, 2003, p. 1, iktar ‘il quddiem “id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1, li diversi impriiżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’serje ta’ prattiċi restrittivi distinti li affettwaw tnax-il suq differenti ta’ prodotti tal-vitamini, jiġifieri l-vitamini A, E, B1, B2, B5, B6, l-aċtu foliku, il-vitamini C, D3, H, il-betakaroten u l-karotenojdi. B’mod partikolari, jirriżulta mit-tieni premessa tad-Deċiżjoni li, fil-kuntest ta’ dawn il-prattiċi restrittivi, l-impriżi kkonċernati ffissaw il-prezzijiet tal-prodotti differenti, attribwew lilhom infushom ċerti kwoti ta’ bejgħ, ftehmu dwar u applikaw xi żidiet fil-prezzijiet, irreklamaw il-prezzijiet skond il-ftehim tagħhom, biegħu l-prodotti bil-prezzijiet miftehma, stabbilew mekkaniżmu ta’ sorveljanza u ta’ kontroll biex jiżguraw li l-ftehim jiġi osservat, u ħadu sehem f’sistema ta’ laqgħat regolari biex iwettqu l-pjanijiet tagħhom.

2        Fost dawn l-impriżi kien hemm, b’mod partikolari, BASF AG (iktar ‘il quddiem “BASF ” jew ir-“rikorrenti”), li nżammet responsabbli għal ksur li jaffettwa s-swieq Komunitarji u taż-ŻEE tal-vitamini A, E, B 1, B 2, B 5, C, D 3 u H, tal-betakaroten u tal-karotenojdi (Artikolu 1(1)(b)), tad-Deċiżjoni).

3        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jordna lill-impriiżi li nstabu responsabbli għall-ksur ikkonstatat, li jtemmu l-ksur immedjatament safejn ma jkunux diġà temmewh u ma jiħdux sehem, minn issa ‘l quddiem, fl-atti jew fl-aġir ikkonstatat li jikser regoli, kif ukoll fi kwalunkwe miżura li jkollha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

4        Filwaqt illi l-Kummissjoni imponiet xi multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ, D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi, hija ma imponietx multi għall-ksur ikkonstatat fis-swieq tal-vitamini B 1, B 6, H u ta’ l-aċtu foliku (Artikolu 3 tad-Deċiżjoni).

5        Fil-fatt jirriżulta mill-premessi 645 sa 649 tad-Deċiżjoni li l-ksur ikkonstatat fis-swieq imsemmija l-aħħar kien intemm aktar minn ħames snin qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha u li, għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-preskrizzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tal-penalitajiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), kien applikabbli fir-rigward ta’ dan il-ksur.

6        B’hekk, BASF, b’mod partikolari, ma kinitx suġġetta għal multi għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur relatat mal-vitamini B 1 u H.

7        Min-naħa l-oħra, għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, mal-betakaroten u mal-karotenojdi, ġiet imposta multa kontra BASF għal kull ksur [Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni].

8        L-ammont ta’ dawn il-multi ġie ffissat mill-Kummissjoni skond il-linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar ‘il quddiem il-“linji gwida”) u l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom f’kawżi dwar akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4, iktar ‘il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

9        Fil-premessi 657 u 658 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat il-kriterji ġenerali li abbażi tagħhom hija ddeterminat l-ammont ta’ multi. Hija ppreċiżat li għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur – li huma ż-żewġ kriterji previsti speċifikament fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, li huwa l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13,  1962, p. 204) –, l-evalwazzjoni każ każ tar-rwol li kellha kull impriża li pparteċipat fil-ksur, filwaqt li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imposta, iċ-ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti li seta’ kien hemm, u li tiġi applikata, fejn applikabbli, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

10      Rigward il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-dawl tan-natura tal-ksur eżaminati, ta' l-impatt tagħhom fuq id-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni u tal-fatt li kull wieħed minnhom kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha, li l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni kienu wettqu ksur serju ħafna ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, li għal kull wieħed minnhom il-multa kellha tkun ta’ almenu EUR 20 miljun (premessi 662 sa 674 tad-Deċiżjoni).

11      Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni, wara li ppreċiżat li hija kienet ikkunsidrat id-daqs tas-swieq differenti ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni, fakkret li, “[f]i ħdan il-kategorija ta’ ksur serju ħafna, il-livell ta’ multi speċifikat jippermetti li jingħata trattament diverenzjali lill-impriżi bil-għan li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull waħda minnhom li tagħmel ħsara sostanzjali lill-kompetizzjoni u li l-ammont tal-multa jiġi ffissat f’livell li jassigura li din għandha effett dissważiv suffiċjenti”. Hija osservat li “dan l-eżerċizzju huwa partikolarment neċessarju meta, bħal fil-każ preżenti, ikun hemm diskrepanza konsiderevoli fid-daqs bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur”. Hija sussegwentement indikat li “fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jirrigwarda diversi impriżi, huwa neċessarju, biex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi, li jittieħed in kunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull waħda minnhom u, b’hekk, l-impatt reali ta’ l-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 675, 678 u 679 tad-Deċiżjoni).

12      Għal dan l-iskop, iil-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-impriżi in kwistjoni għandhom jiġu mqassma taħt kategoriji differenti “skond l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fis-swieq differenti ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni”, waqt li stqarret ukoll li “[i]l-klassifika ta’ impriża f’kategorija partikolari tista’, fejn applikabbli, tiġi aġġustata sabiex tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Biex tqabbel l-importanza relattiva tad-diversi impriżi fuq kull wieħed mis-swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni, il-Kummissjoni dehrilha li huwa propizju li tibbaża ruħha fuq il-fatturat relatat mal-prodott in kwistjoni fuq livell dinji. Il-Kummissjoni rrimarkat, fil-fatt, li “l-akkordji kollha kienu ta’ natura dinjija u b’mod partikolari kellhom l-għan li jqassmu s-swieq fuq livell dinji u b’hekk irażżnu l-kompetizzjoni fiż-ŻEE” u li “il-fatturat dinji ta’ membru partikolari f’kartell partikolari jagħti wkoll indikazzjoni tal-kontribut tiegħu għall-effettività ta’ dan il-kartell fit-totalità tiegħu jew, min-naħa l-oħra, ta’ l-instabbiltà li kien ikollu l-kartell kieku ma kienx ipparteċipa fih” Il-Kummissjoni indikat ukoll li, biex jiġu identifikati l-fatturati in kwistjoni, hija ħadet “l-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 680 u 681 tad-Deċiżjoni).

13      Madanakollu jirriżulta mill-premessi 695 u 696 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq tal-betakaroten u tal-karotenojdi, ma kienx propizju li jiġi applikat il-metodu ta’ tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji għall-ksur relatat ma’ dawn il-prodotti, b’mod li ġew imposti l-istess ammonti bażiċi tal-multi għaż-żewġ impriżi involuti fil-ksur, F. Hoffmann-La Roche AG (iktar ‘il quddiem “Roche”) u BASF. 

14      B’hekk il-Kummissjoni stabbilixxiet għar-rikorrenti l-ammonti bażiċi segwenti, li jammontaw għal total ta’ EUR 128.5 miljun: EUR 18 miljun għall-vitamina A; EUR 35 miljun għall-vitamina E; EUR 10 miljun għall-vitamina B 2; EUR 14-il miljun għall-vitamina B 5; EUR 7.5 miljun għall-vitamina Ċ; EUR 4 miljun għall-vitamina D 3; EUR 20 miljun għall-betakaroten u, fl-aħħar, EUR 20 miljun għall-karotenojdi (premessi 683 sa 696 tad-Deċiżjoni).

15      Biex jiġi żgurat li l-multi jkunu ta’ deterrent suffiċjenti, il-Kummissjoni żiedet b’100 % l-ammonti bażiċi tal-multi kkalkulati għal BASF, Roche u Aventis SA, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi (premessi 697 sa 699 tad-Deċiżjoni).

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet għal kull impriża l-ammonti bażiċi tal-multi skond it-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom f’kull ksur, liema ammonti kienu diġà ġew aġġustati bl-applikazzjoni tal-fattur ta’ 100 % imsemmi fil-punt preċedenti. L-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, li t-total tagħhom ammonta għal EUR 438.75, b’hekk ġew iffissati għal: EUR 68.4 miljun għall-vitamina A; EUR 133 miljun għall-vitamina E; EUR 28 miljun għall-vitamina B 2; EUR 50.4 miljun għall-vitamina B 5; EUR 21.75 miljun għall-vitamina Ċ; EUR 11.2 miljun għall-vitamina D 3; EUR 64 miljun għall-betakaroten u, fl-aħħar, EUR 62 miljun għall-karotenojdi (premessi 701 sa 711 tad-Deċiżjoni).

17      Ġiet applikata wkoll ċirkustanza aggravanti kontra Roche u BASF, minħabba li ġie kkonstatat li huma flimkien eżerċitaw ir-rwoli ta’ mexxej u provokatur fid-diversi akkordji. Konsegwentement, l-ammonti bażiċi tal-multi tagħhom ġew miżjuda b’50 % u b’35 % rispettivament (premessi 712 sa 718 tad-Deċiżjoni). B’hekk it-total tal-multi kkalkulati għal BASF ammonta għal kważi EUR 592.32 miljun.

18      Finalment, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-Kummissjoni fl-ewwel lok tat eżenzjoni lil Aventis skond it-Taqsima B ta’ din il-komunikazzjoni għall-ksur relatat mal-vitamini A u E. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li Aventis, permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha tad-19 u l-25 ta’ Mejju 1999, kienet l-ewwel impriża li tat informazzjoni determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dan il-ksur, b’mod konformi mal-kundizzjoni stipulata fit-Taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (premessi 741 u 742 tad-Deċiżjoni).

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li Roche u BASF, permezz tad-dokumenti li huma bagħtu lis-servizzi tagħha bejn it-2 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Lulju kienu l-ewwel li bagħtulha informazzjoni determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ l-ftehim kollużiv fis-swieq tal-vitamini B 2, B 5, Ċ u D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi. Madankollu, peress li Roche u BASF kienu l-instigaturi jew kellhom rwol determinanti fl-attivitajiet illegali relatati mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi, huma ma ssodisfawx, skond il-Kummissjoni, il-kundizzjoni stipulata fit-Taqsima B(e) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, ebda waħda minn dawn iż-żewġ impriżi ma bbenefikat minn tnaqqis tal-multi fuq il-bażi tat-Taqsimiet B jew C ta’ din il-Komunikazzjoni (premessi 743 sa 745 tad-Deċiżjoni).

20      Madankollu, kull waħda minnhom ibbenefikat minn tnaqqis tal-multi skond it-Taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat li Roche u BASF, peress li pprovdew elementi ta’ prova preċiżi dwar l-istruttura organizzattiva tal-ftehim kollużiv fis-swieq tal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi, taw kontribut determinanti sabiex jiġu stabbiliti u kkonfermati ċerti punti essenzjali ta’ dan il-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li Roche u BASF kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel inċiż tat-Taqsima D( 2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u tathom, għal kull ksur, tnaqqis ta’ 50 % ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqhom kieku ma kkooperawx mal-Kummissjoni (premessi 747, 748, 760 u 761 tad-Deċiżjoni).

21      Għaldaqstant il-multi imposti fuq BASF ġew finalment iffissati għal: EUR 46.17 miljun għall-vitamina A; EUR 89.78 miljun għall-vitamina E; EUR 18.9 miljun għall-vitamina B 2; EUR 34.02 miljun għall-vitamina B 5; EUR 14.68 miljun għall-vitamina Ċ; EUR 7.56 miljun għall-vitamina D 3; EUR 43.2 miljun għall-betakaroten u, finalment, EUR 41.85 miljun għall-karotenojdi [Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni]. L-ammont totali ta’ dawn il-multi (iktar ‘il quddiem il-“multa globali”) jammonta għal EUR 296.16 miljun.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Ġunju 2002, Aventis talbet li tintervjeni f’dawn il-proċedimenti in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta. Din it-talba ġiet miċħuda, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, b’digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Frar 2003 (Ġabra p. II-213), id-data meta l-proċedura bil-miktub ġiet konkluża.

24      Fuq rapport ta’ l-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċediet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet biex iwieġbu għad-domandi bil-miktub u lill-konvenuta biex tipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

25       It-trattazzjoni tal-partijiet seħħet u r-risposti għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-12 ta’ Jannar 2005. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-konvenuta biex tippreżenta ittra, li kienet intbagħtitilha minn Roche fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ din l-impriża matul l-investigazzjoni amministrattiva, u ssospendiet il-proċedura orali.

26      Il-konvenuta wieġbet għal din l-istedina fit-terminu stabbilit, billi ppreżentat, fit-18 ta’ Jannar 2005, l-ittra mitluba kif ukoll ittri oħrajn li Roche kienet bagħtitilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Fit-8 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti ppreżentati mill-konvenuta.

27      Ir-rikorrenti talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa globali imposta fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż u spejjeż oħra li għamlet ir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan il-każ.

28      Il-konvenuta talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet għall-annullament u t-tnaqqis tal-multa globali

29      Ir-rikorrenti tammetti kompletament u mingħajr ebda riżerva l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi, li tagħhom hija tirrikonoxxi l-gravità. Hija tenfasizza madankollu li d-Deċiżjoni hija bla preċedent f’dak li jirrigwarda s-severità tal-multi imposti u li din tirrappreżenta bidla ferm radikali fil-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni.

30      In sostenn tat-talba tagħha għall-annullament jew tnaqqis sostanzjali tal-multa globali, ir-rikorrenti tinvoka tmien raġunijiet. L-ewwel żewġ raġunijiet jallegaw ksur tad-drittijiet ta’ difiża għal diversi raġunijiet; it-tielet raġuni tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali fl-iffissar ta’ l-ammont bażiċi ta’ ċerti multi imposti fuq ir-rikorrenti; ir-raba’ raġuni tirrigwarda ż-żieda, għall-finijiet ta’ deterrent, ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti; il-ħames raġuni tallega evalwazzjoni żbaljata fl-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ rwol ta’ mexxej u provokatur f’seba’ każijiet ta’ ksur; is-sitt u s-seba’ raġunijiet jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva; it-tmien raġuni tallega ksur tas-sigriet professjonali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

A –  Fuq l-ewwel u t-tieni raġunijiet, li jallegaw ksur tad-drittijiet ta’ difiża

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     Fuq l-ewwel raġuni, li tallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża minħabba l-fatt li ma ġietx innotifikata minn qabel il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għadd ta’ akkordji distinti.

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li wasslet għall-impożizzjoni ta’ diversi multi separati, u li skondha kien hemm akkordju separat għal kull vitamina, qatt ma ġiet sottomessa lilha qabel id-Deċiżjoni. Hija ssostni li d-drittijiet ta’ difiża tagħha f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multi kollha imposti kienu ġew ippreġudikati peress li din il-konstatazzjoni ma kinitx ġiet innotifikata lilha minn qabel.

32      Hija tfakkar li huwa prinċipju ferm stabbilit li deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax tkun ibbażata fuq konstatazzjonijiet ta’ dritt jew ta’ fatt li jkunu sostanzjalment differenti minn dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Hija ssostni li l-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju meta fformulat għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni konstatazzjoni ġdida u kruċjali dwar il-klassifika ġuridika ta’ arranġamenti illegali. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tippreċiża, b’mod partikolari fil-punti 206, 210 u 212, li kien hemm biss akkordju globali wieħed li kien jikkonsisti f’arranġamenti kollużivi dwar diversi vitamini, filwaqt li d-Deċiżjoni, fil-premessa 584, issemmi għall-ewwel darba li l-arranġamenti għal kull vitamina kienu jikkostitwixxu ksur distint tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni.

33      Konsegwentement, l-ammont bażiku li seta’ jiġi ffissat għal multa eventwali fuq ir-rikorrenti kien mhux ta’ EUR 20 miljun, l-ammont indikat bħala punt ta’ tluq għal ksur wieħed skond il-linji gwida, iżda EUR 160 miljun għal tmien każijiet ta’ ksur separati. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li kien hemm każ ta’ ksur għal kull vitamina kkonċernata fl-arranġamenti in kwistjoni wasslet lill-Kummissjoni biex tiffissa għar-rikorrenti ammont bażiku tal-multa ta’ mill-inqas tmien darbiet aktar mill-ammont li seta’ jiġi stabbilit. Ir-rikorrenti ssostni li hija kellha tingħata l-opportunità li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha dwar din il-konstatazzjoni u fuq il-konklużjonijiet derivati minnha fir-rigward ta’ l-iffissar tal-multa.

34      Il-konvenuta tiċħad dawn l-argumenti bħala infondati. Fil-fehma tagħha, id-Deċiżjoni, billi tirripproduċi kompletament l-istruttura u l-evalwazzjoni ġuridika tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, b’ebda mod ma biddlet ir-raġunament li fuqu ġiet ibbażata din ta’ l-aħħar. Hija ssostni, b’mod partikolari, li kemm l-istruttura kif ukoll għadd kbir ta’ partijiet tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet juru biċ-ċar li l-Kummissjoni ma kinitx qed tikkunsidra l-ftehim kollu relatat mad-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini bħala ksur wieħed kontinwu, iżda bħala għadd ta’ ksur separati. Ir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet hija wkoll prova ta’ dan, safejn din tirreferi, fil-paragrafu ta’ qabel ta’ l-aħħar tal-paġna 5, għal diversi “ksur”, u mhux għal wieħed biss.

35      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li t-taqsima tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tiddeskrivi l-arranġamenti illegali kienet intitolata “l-akkordju”, filwaqt li t-taqsima korrispondenti fid-Deċiżjoni ssemmi “l-akkordji”. Hija tgħid ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet tinkludi għadd ta’ indikazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet qed tirreferi għal ksur wieħed biss. F’kull każ, indipendentement mill-istruttura u mill-partijiet partikolari tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-uniku punt rilevanti huwa l-konklużjoni ġuridika li tinsab f’din ta’ l-aħħar, li kien hemm ksur wieħed għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi.

36      Rigward il-parti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet iċċitata mill-konvenuta, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx qed tirreferi għall-kwistjoni dwar jekk l-arranġamenti illegali kinux jikkostitwixxu ksur wieħed jew diversi ksur, iżda kienet qed tirreferi sempliċement għaċ-ċirkustanzi mitiganti li jikkonċenaw ir-rwol ta’ BASF fl-akkordju.

b)     Fuq it-tieni raġuni, li tallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża minħabba spjegazzjoni insuffiċjenti, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ta’ l-elementi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkunsidra fil-kalkolu tal-multi

37      Ir-rikorrenti tafferma li l-ispjegazzjoni li ngħatat fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet dwar l-elementi rilevanti għall-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqha kienet inadegwata u ma tathiex l-opportunità li teżerċita b’mod xieraq id-drittijiet ta’ difiża tagħha fir-rigward tal-livell ta’ dawn il-multi.

38      Ir-rikorrenti tirrimarka li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet ġenerika u vaga fl-ispjegazzjonijiet tagħha ta’ l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża l-kalkolu tal-multa. Wara sezzjoni introduttiva ġenerika, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tuża biss tliet premessi, minn total ta’ madwar 230, biex tispjega, f’termini standard u ferm ġeneriċi, kif il-Kummissjoni kienet qed tipproponi li tieħu in kunsiderazzjoni l-gravità, l-effett dissważiv, it-tul ta’ żmien u ċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti kollha għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont ta’ multi. Dan il-livell ta’ spjegazzjoni tal-multi previsti huwa inkompatibbli mad-drittijiet ta’ difiża għal tliet raġunijiet prinċipali.

39      Fl-ewwel lok, meta impriża tikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u ma tikkontestax il-fatti, kif għamlet ir-rikorrenti fil-każ preżenti, l-għan prinċipali jew uniku tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet hu li jippermetti lil din l-impriża li tifhem b’mod kemm jista’ jkun ċar il-bażi li fuqha l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li timponi multa fuqha.

40      Fit-tieni lok, il-multi imposti mid-Deċiżjoni huma l-akbar li qatt ġew imposti fi proċedura Komunitarja dwar id-dritt tal-kompetizzjoni u jirriflettu bidla radikali u mingħajr preċedent fil-politika tal-Kummissjoni dwar il-multi. Bħala eżempju, ir-rikorrenti tenfasizza li, qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-multi imposti fuq impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni ammontaw għal total ta’ kważi EUR 1 800 miljun, jew ammont sitt darbiet ogħla mill-ammont totali li qatt kien intlaħaq qabel f’każ wieħed, jiġifieri EUR 273 miljun fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/243/KE, tas-16 ta’ Settembru 1998, dwar proċedura li tapplika l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE (Każ IV/35.134 – Trans-Atlantic Conference Agreement) (ĠU 1999, L 95, p. 1). Hija żżid li l-multa globali imposta fuqha qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – kważi EUR 600 miljun (ara l-punt 17 hawn fuq) – hija madwar sitt darbiet akbar mill-ogħla multa individwali li qatt kienet ġiet imposta qabel mill-Kummissjoni, jiġifieri EUR 102 miljun fuq Volkswagen AG fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.733 –VW) (ĠU L 124, p. 60). Għaldaqstant, il-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt li tinstema’ fir-rigward ta’ l-elementi fundamentali li fuqhom l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa għandha tkun proporzjonata mal-livell ta’ dan l-ammont.

41      Fit-tielet lok, l-elementi li ma ġewx spjegati b’mod adegwat fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet huma estremament sinjifikattivi, peress li dawn irriżultaw f’żieda sostanzjali tal-multa globali imposta fuq ir-rikorrenti. Dan japplika b’mod partikolari għaż-żieda ta’ 100 % għall-finijiet ta’ deterrent, li wasslet lill-Kummissjoni biex iżżid l-ammont tal-multa globali kkalkulata fuq il-bażi tal-gravità minn EUR 128.5 miljun għal EUR 257 miljun (ara l-punti 14 u 15 hawn fuq), kif ukoll għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti kienet waħda mill-mexxej ta’ l-akkordju, li wasslet lill-Kummissjoni biex iżżid l-ammont bażiku tal-multa globali b’35 %, jew b’aktar minn EUR 153 miljun, u biex tiċħad tnaqqis aktar sostanzjali tal-multa fuq il-bażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punti 17 u 19 hawn fuq). Ir-rikorrenti tenfasizza, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet b’ebda mod ma ssemmi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq BASF żieda tal-multa daqstant sostanzjali bħala deterrent u li l-attribuzzjoni lil BASF tar-rwol ta’ mexxej kienet inkompatibbli mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

42      Il-konvenuta tikkontesta l-mertu ta’ dawn l-ilmenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Permezz ta’ l-ewwel u t-tieni raġunijiet, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, l-annullament totali ta’ l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni u, konsegwentement, tal-multi imposti fuqha taħt dan l-istess Artikolu.

44      Għandu jiġi mfakkar li l-ħarsien tad-drittijiet ta’ difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, u b’mod partikolari għal multi jew penalitajiet, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi mħares anki fir-rigward ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9 u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 19).

45      B’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18) – dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ ratione temporis – jobbligaw lill-Kummissjoni tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati u tindirizza biss l-oġġezzjonijiet, fid-deċiżjonijiet tagħha, li fir-rigward tagħhom dawn ta’ l-aħħar ikunu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

46      Skond il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tinkludi espożizzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li jkunu biżżejjed ċari, anki jekk sommarji, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jifhmu sew l-aġir li tiegħu jkunu akkużati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa biss jekk tiġi mħarsa din il-kundizzjoni li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tista’ tissodisfa l-funzjoni attribwita lilha mir-regolamenti tal-Komunità u li tikkonsisti fl-għoti ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-impriżi sabiex huma jkunu jistgħu jippreżentaw b’mod effettiv id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 42 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I‑9855).

47      Dan ir-rekwiżit huwa rispettat meta d-Deċiżjoni ma ssibx lill-partijiet interessati ħatja ta’ ksur differenti minn dawk previsti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u tkun ibbazata biss fuq fatti li fir-rigward tagħhom il-partijiet interessati jkunu ngħataw l-opportunità li jiddefendu ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 94, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 138).

48      Rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża fir-rigward ta’ l-impożizzjoni ta’ multi, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur allegat u l-fatt li dan ikun twettaq “b’mod deliberat jew negliġenti”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ l-impriżi li jinstemgħu. Meta tagħmel dan, hija tagħtihom l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T‑16/99, Ġabra p. II‑1633, punt 193, ikkonfermata fuq appell, b’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P, C‑208/02 P u C-213/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, b’mod partikolari l-punt 428).

49      Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ multi, id-drittijiet ta’ difiża ta’ l-impriżi kkonċernati huma garantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet dwar it-tul ta’ żmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti allegati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235, u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 194).

50      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni semmiet b’mod ċar, fil-punt 229(b) tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-intenzjoni tagħha li timponi multi fuq l-impriżi destinatarji ta’ dan l-att.

51      Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-punt 227 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) ŻEE kienu nkisru b’mod deliberat.

52      Rigward il-gravità tal-fatti allegati, il-Kummissjoni, wara li fakkret fil-punt 226 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li hija kienet qed tieħu in kunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti – li jikkostitwixxu l-fatturi rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur b’mod konformi ma’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida –, speċifikat, fil-punt 227, li t-tqassim tas-swieq u l-iffissar tal-prezzijiet bi ftehim komuni huma min-natura tagħhom stess l-aktar ksur serju ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) ŻEE; li l-impriżi kkonċernati kienu kompletament konxji ta’ l-illegalità ta’ l-aġir tagħhom; li huwa kienu ftiehmu li jistabbilixxu sistema sigrieta u istituzzjonalizzata bil-għan li jirristrinġu l-kompetizzjoni f’settur industrijali maġġuri; li l-arranġamenti kollużivi kienu affettwaw lill-industrija kollha tal-vitamini, li kienu ġew konklużi, immexxija u mħeġġa f’livell għoli ħafna fi ħdan l-impriżi kkonċernati, li huma kienu kisbu benefiċċju esklużiv minn dawn l-arranġamenti u għad-determiment tal-klijenti tagħhom u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-pubbliku ġenerali, u li dawn kienu jkopru s-suq komuni kollu, u wara l-ħolqien taż-ŻEE, l-Istati Membri kollha tal-Ftehim ŻEE.

53      Fil-punt 226 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-Kummissjoni wriet ukoll l-intenzjoni tagħha li tiffissa l-multi f’livell suffiċjenti biex jiġi assigurat l-effett dissważiv tagħhom.

54      Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll, fil-punt 228, li sabiex tiġi ddeterminata l-multa qabel ma tiġi imposta fuq kull impriża, hija kienet ser tieħu in kunsiderazzjoni, għal kull waħda minnhom, ir-rwol li huma eżerċitaw fl-arranġamenti kollużivi, l-importanza tagħhom fl-industrija tal-vitamini, l-impatt ta’ l-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni u kull ċirkustanza aggravanti jew mitiganti oħra. Hija semmiet espressament ir-rwol ta’ mexxej li kellha b’mod partikolari r-rikorrenti fl-arranġamenti kollużivi.

55      Il-Kummissjoni rreferiet ukoll, fil-punt 228, għall-ħtieġa li jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull impriża f’dawn l-arranġamenti, kif ippreċiżat fil-punt 220 għal kull vitamina u għal kull parteċipant.

56      Jidher ukoll li l-Kummissjoni indikat, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet ser tibbaża l-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti, b’mod li, f’dan ir-rigward, id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’ kien ġie prima facie rrispettat.

57      Hemm lok, madankollu, li jiġi eżaminat jekk din il-konklużjoni treġix fil-konfront ta’ l-argumenti speċifiċi li r-rikorrenti qajmet fil-kuntest ta’ dawn l-ewwel u t-tieni raġunijiet.

58      Dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq l-għan partikolari li għandha d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet meta din tkun indirizzata lil impriża li tkun ikkooperat kompletament mal-Kummissjoni u li ma tkunx ikkontestat il-fatti (ara l-punt 39 hawn fuq). Hekk, kif issostni ġustament il-konvenuta, il-funzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma tvarjax skond is-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża li lilha tkun indirizzata. Irrispettivament mill-grad ta’ kooperazzjoni ta’ din l-impriża, din il-funzjoni tibqa’ dik li tingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi sabiex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom sew qabel ma’ l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenzi Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 46 hawn fuq, punt 42, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 46 hawn fuq, punt 63). Minn din il-perspettiva, il-fatt li r-rikorrenti kkooperat mal- Kummissjoni, ammettiet li kkommettiet atti illegali u ddeskriviet dawn l-istess fatti, bl-ebda mod ma jfisser li hija ma kellhiex dritt u interess li tirċievi mingħand il-Kummissjoni att li jispjega b’mod preċiż l-oġġezzjonijiet kollha li din ta’ l-aħħar kienet qed takkużaha bihom, inklużi dawk li jistgħu jkunu bbażati fuq dikjarazzjonijiet jew provi pprovduti mill-impriżi implikati oħrajn. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti mhuwiex eżistenti minn kontradizzjonijiet, peress li huwa bbażat espressament fuq ċirkustanza waħda, jiġifieri li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatti, li jippresupponi b’mod loġiku, it-trażmissjoni minn qabel tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tesponi l-akkużi tal-Kummissjoni u l-fatti li fuqhom dawn kienu bbażati, komunikazzjoni li n-natura u l-funzjoni tagħha ma setgħu bl-ebda mod, għaldaqstant, jiġu affettwati minn dik iċ-ċirkustanza li seħħet wara.

59      L-argument ibbażat, dejjem fil-kuntest tat-tieni raġuni, fuq bidla radikali u mingħajr preċedent kostitwita mid-Deċiżjoni fil-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi (ara l-punt 40 hawn fuq) lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Mingħajr mhu meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, u safejn, il-multi imposti fid-Deċiżjoni effettivament jirrappreżentaw, fid-dawl ta’l-ammonti għolja tagħhom, stadju ġdid f’din il-politika, huwa importanti li jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tindika fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet il-possibbiltà ta’ bdil eventwali fil-politika tagħha għal dak li jikkonċerna l-livell ġenerali tal-multi, possibbiltà li tiddependi fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-politika tal-kompetizzjoni mingħajr relazzjoni diretta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ in kwistjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 22, u sentenza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 203). Fil-fatt, il-Kummissjoni m’għandha ebda obbligu li tavża lill-impriżi bl-intenzjoni tagħha li tgħolli l-livell ġenerali ta’ l-ammont ta’ multi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 311, u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 203).

60      Huwa ugwalment infondat l-argument ibbażat, b’mod partikolarment konfuż u dejjem fil-kuntest tat-tieni raġuni, fuq in-nuqqas, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ta’ spjegazzjoni adegwata ta’ żewġ elementi, li skond ir-rikorrenti huma “estremament sinjifikattivi”, imsemmija fid-Deċiżjoni fil-kuntest tal-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi, jiġifieri, minn naħa, iż-żieda ta’ 100 % għall-finijiet ta’ deterrent u, min-naħa l-oħra, l-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxej lir-rikorrenti (ara l-punt 41 hawn fuq).

61      Fir-rigward tat-tieni element, ir-rikorrenti tidher li fir-realtà qed issostni mhux nuqqas ta’ spjegazzjonijiet suffiċjenti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, iżda nuqqas ta’ koerenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni, peress li dan l-element, imsemmi fid-Deċiżjoni, ma kienx issemma’ fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie mfakkar ukoll fil-punt 54 hawn fuq, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet issemmi espressament fil-punt 228, ir-rwol ta’ mexxej eżerċitat mir-rikorrenti, b’mod li l-inkoerenza allegata minnha ma teżistix.

62      Fir-rigward ta’ l-ewwel element imsemmi fil-punt 60 hawn fuq, il-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tavża lir-rikorrenti, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, dwar b’kemm setgħet tiżdied il-multa applikata bil-għan li jiġi assigurat effett dissważiv tal-multa. Fil-fatt, l-Kummissjoni mhijiex obbligata, kemm-il darba tkun indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija ser tibbaża l-kalkolu tagħha ta’ l-ammont ta’ multi, li tippreċiża l-mod kif hija ser tapplika kull wieħed minn dawn l-elementi għad-determinazzjoni tal-livell tal-multa. L-għoti ta’ indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi previsti, fi stadju tant bikri li l-impriżi jkunu għadhom mhux f’pożizzjoni li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet miġjuba kontra tagħhom, jikkostitwixxi antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 21, u tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 19; sentenza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 200).

63      Għandhom jiġu eżaminati, fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest ta’ l-ewwel raġuni tagħha u l-effett tagħhom fuq il-konklużjoni provviżorja fformulata fil-punt 56 hawn fuq.

64      Permezz ta’ dan ir-raġuni, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tathiex l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar element speċifiku ieħor li, fil-fehma tagħha, kellu effett konsiderevoli u penalizzanti fil-kuntest tal-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi effettwat fid-Deċiżjoni, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir allegat kien jikkonsisti f’għadd ta’ ksur distint, u mhux ksur wieħed.

65      F’dan ir-rigward, il-preġudizzju li din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tikkawża lir-rikorrenti għandu jitpoġġa f’perspettiva bilanċjata.

66      Ir-rikorrenti titlaq mill-premessa li kieku l-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm biss ksur wieħed fil-każ preżenti, hija kienet timponi fuqha multa waħda biss, li l-ammont bażiku tagħha kien ikun, b’mod konformi mal-linji gwida, ta’ EUR 20 miljun, filwaqt li l-ammont bażiku tat-tmien multi effettivament imposti fuq ir-rikorrenti kien, f’termini aggregati, tmien darbiet ogħla mill-ammont bażiku applikabbli għal multa waħda.

67      Madankollu, din il-premessa tirriżulta minn qari żbaljat tal-linji gwida. Fil-fatt, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A ta’ dawn il-linji gwida, il-“multi applikabbli” għal “ksur serju ħafna”, bħal “restrizzjonijiet [orizz]ontali bħal konsorzji ta’ prezzjiet u kwota tas-sehem tas-suq”, huma “aktar minn [EUR] 20 miljun”. Għaldaqstant ma jirriżultax minn din il-parti tal-linji gwida li l-ammont bażiku ta’ multa imponibbli fuq impriża għal ksur ta’ dan it-tip għandu bħala regola jkun limitat għal EUR 20 miljun.

68      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 675 tad-Deċiżjoni, li għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku tal-multi, hija ħadet in kunsiderazzjoni d-daqs tad-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini kkonċernati. Issa, anki kieku l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-Deċiżjoni tagħha, li kienet hemm ksur globali wieħed li jkopri d-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni, hija kienet tkun tista’, skond il-kriterju msemmi fil-premessa 675 tad-Deċiżjoni, tieħu in kunsiderazzjoni, waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku tal-multa waħda imponibbli, il-valur totali ta’ dawn l-istess swieq. F’din l-ipoteżi, l-ammont bażiku normalment kien jiġi ffissat f’livell ferm ogħla minn EUR 20 miljun, li jikkostitwixxi l-limitu minimu indikattiv għal ksur serju ħafna.

69      Peress li l-ammont ta’ EUR 20 miljun, li jissemma’ fil-linji gwida fuq bażi indikattiva għal ksur serju ħafna, huwa “limitu minimu” u mhux “limitu massimu”, xejn ma jindika li kieku l-Kummissjoni kkonstatat fid-Deċiżjoni tagħha li kien hemm ksur wieħed, li hija neċessarjament kienet ser tiffissa, għall-multa waħda imponibbli fuq ir-rikorrenti ammont bażiku inqas mis-somma ta’ l-ammonti bażiċi effettivament iffissati għat-tmien multi imposti fuq ir-rikorrenti.

70      Ċertament, il-klassifikazzjoni ta’ ċertu aġir illeġali bħala li jikkostitwixxu ksur wieħed jew l-istess ksur, jew li jikkostitwixxu għadd ta’ ksur distint mhijiex, fil-prinċipju, mingħajr konsegwenzi fuq is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ għadd ta’ ksur distint tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ għadd ta’ multi distinti, kull waħda minnhom fil-limiti ffissati fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 118) u b’hekk fil-limitu massimu ta’ 10 % tal-fatturat miksub matul is-sena tal-kontabbiltà ta’ qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

71      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ preżenti, il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat il-fatti kkonstatati bħala għadd ta’ ksur distint ma kellu ebda effett fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu. Fil-fatt, it-total tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, saħansitra qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (EUR 592.32 miljun), jibqa’ sostanzjalment taħt il-limitu ta’ 10 %, li huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-fatturat globali (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 119), peress li r-rikorrenti kellha fatturat globali ta’ EUR 35 946 miljun fis-sena ta’ qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni, jiġifieri fis-sena 2000 (ara l-ewwel tabella tal-premessa 123 tad-Deċiżjoni).

72      Għandu jingħad ukoll li kieku l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-każ preżenti, li kien hemm ksur wieħed li jkopri l-prodotti tal-vitamini kollha msemmija fid-Deċiżjoni, hija setgħet tieħu in kunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imponibbli fuq ir-rikorrenti, l-aġir kollużiv imwettaq mir-rikorrenti fir-rigward tal-vitamini B 1 u H, li l-Kummissjoni ma ppenalizzatx fid-Deċiżjoni fuq il-bażi li dawn kienu jikkostitwixxu ksur distint li kien sar preskritt skond ir-Regolament Nru 2988/74.

73      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, intiżi sabiex iqiegħdu f’perspettiva aktar kompluta u oġġettiva l-argument tar-rikorrenti, mhumiex madankollu, biżżejjed biex jeskludu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li kien hemm għadd ta’ ksur separat fil-każ preżenti li seta’ kellu xi effett fuq il-livell tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ngħatatx l-opportunità li tesprimi, b’risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-pożizzjoni tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fatti li bihom ġiet akkużata fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kinux jikkostitwixxu ksur wieħed jew għadd ta’ ksur.

74      Huwa minnu li, għalkemm il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet identifikat b’mod ċar u ddeskriviet b’mod iddettaljat il-fatti allegati kontra l-impriżi destinatarji u indikat id-dispożizzjonijiet (l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE) li fil-fehma tagħha setgħu ġew miksura mill-istess fatti, hija ma ħaditx pożizzjoni ċara dwar din il-kwistjoni.

75      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti għandha raġun meta ssemmi għadd ta’ elementi fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li jistgħu jindikaw li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra l-aġir antikompetittiv in kwistjoni bħala li jikkostitwixxi ksur wieħed.

76      F’dan ir-rigward għandha ssir referenza, fl-ewwel lok, għat-tielet subparagrafu tal- punt 206 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fejn il-Kummissjoni osservat:

Minkejja n-numru ta’ produtturi, il-varjazzjoni fil-parteċipazzjoni fil-laqgħat u d-diversità tal-firxa tal-prodotti tagħhom, l-arranġamenti kollużivi fit-totalità tagħhom, fil-prattika u fil-fatt, kienu jikkostitwixxu mekkaniżmu ġenerali intiż sabiex jiġi kkontrollat is-suq dinji fuq il-firxa sħiħa ta’ prodotti tal-vitamini ma’ [Roche] fiċ-ċentru tas-sistema ta’ ftehim u arranġamenti”.

(“Notwithstanding the number of producers, the variation in the participation in the meetings and the diversity of their product ranges, the complex of collusive arrangements, in practice and in effect, constituted an overall coordinated scheme to control the world market across the whole range of vitamin products with [Roche] at the centre of the network of agreements and arrangements”).

77      Huma importanti, l-ewwel nett, li jissemma wkoll it-tieni subparagrafu tal-punt 212 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fejn il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari:

“Minħabba l-kontinwità u s-similarità tal-metodu, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa propizju li jiġu indirizzati fl-istess proċedura l-ftehim kollu li jkopri d-diversi vitamini. Il-Kummussjoni ser tikkunsidra dan bħala akkordu ġlobali wieħed tal-vitamini, b’[Roche], BASF u Rhône-Poulenc li jiffurmaw il-'massa' prinċipali u l-produtturi l-oħrajn li jaderixxu ma’, u li jiffurmaw parti mill-kartell għall-vitamini partikolari li huma jipproduċu” .

(“Given the continuity and similarity of method, the Commission considers it appropriate to treat in one and the same procedure the complex of agreements covering the different vitamins. The Commission will consider this as one single overarching vitamin cartel with [Roche], BASF and Rhône-Poulenc forming the main ‘mass’ and the other producers adhering to, and forming a subset of, the cartel for the particular vitamins which they produce”).

78      Fit-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-punt 225 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni enfasizzat li ma kienx possibbli li jingħad b’ċertezza li “il-ksur ” kien intemm għal kollox u li kien neċessarju li l-impriżi destinatarji ta’ dan il-ksur jiġu mġiegħla jtemmu “il-ksur”.

79      Min-naħa l-oħra, il-konvenuta tirrileva wkoll b’mod korrett elementi oħrajn fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li jistgħu juru, għall-kuntrarju, li hija kellha l-intenzjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għadd ta’ ksur.

80      F’dan ir-rigward, għandu jissemma’ li, fit-tielet subparagrafu tal-punt 212 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni osservat b’mod partikolari, meta ċċitat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 111), is-segwenti:

“Mhemm ebda raġuni għalfejn il-Kummissjoni m’għandhiex tieħu deċiżjoni waħda li tkopri diversi każijiet ta’ ksur, anki jekk xi wħud mill-impriżi destinatarji m’għandhomx x’jaqsmu ma xi wħud minn dawn il-ksur, kemm-il darba d-deċiżjoni tippermetti lil kull destinatarju li jidentifika b’mod ċar liema lmenti huma indirizzati lilu. […] Meta u jekk tiġi evalwata multa, il-Kummissjoni ser tieħu kompletament in kunsiderazzjoni r-rwol li kellu kull wieħed mill-parteċipanti u d-daqs tas-suq għall-vitamina partikolari in kwistjoni”

(“There is no reason at all why the Commission should not make a single decision covering several infringements, even if some of the undertakings to which it is addressed are unconnected with some of these infringements, provided that the decision permits each addressee to obtain a clear picture of the complaints made against it. […] When and if any penalty is to be assessed, the Commission will take full account of the part played by each of the participants and the size of the market for the particular vitamin concerned.”)

81      L-ewwel subparagrafu tal-punt 212 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-totalità ta’ ksur f’dan il-każ tirrappreżenta l-karatteristiċi ta’ akkordju sħiħ skond l-Artikolu 81[KE]”

(“The Commission considers that the complex of infringements in this case present all the characteristics of a full agreement in the sense of Article 81.”)

82      It-tielet subparagrafu tal-punt 225 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jindika:

Il-ksur kompla għall-parti l-kbira tal-prodotti ħafna wara l-bidu ta’ l-investigazzjonijiet”

(The infringements continued for most products long after the start of the investigations.” )

83      Fir-raba’ subparagrafu tal-punt 226 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni speċifikat li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija kienet ser tieħu in kunsiderazzjoni kull kooperazzjoni mogħtija mill-produtturi “għal kull prodott separatament” (in relation to each product separately).

84      Il-partijiet f’din il-kawża isemmu diversi partijiet testwali oħrajn tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li, fil-fehma tagħhom, jikkonfermaw l-interpretazzjoni rispettiva tagħhom ta’ dan l-att fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur wieħed jew għadd ta’ ksur distint. Dawn l-elementi, li jikkonsistu b’mod partikolari fl-użu ta’ termini bħal “arranġament”, “ftehim” jew “kartell” fis-singular jew fil-plural, jidhru li huma inqas sinjifikattivi.

85      B’hekk, minn naħa, il-konvenuta ssostni b’mod partikolari li t-termini “totalità ta’ ftehim” (complex of agreements), “totalità ta’ ftehim u arranġamenti” (complex of agreements and arrangements), “akkordji ta’ kartell” (cartel agreements), “akkordji ta’ kartell” (collusive agreements), użati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, jindikaw li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra sew li kien hemm għadd ta’ ksur separat fil-każ preżenti.

86      Madankollu, dawn it-termini, kif ukoll l-espressjoni “arranġamenti kollużivi ” (collusive arrangements) li tintuża wkoll fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ma jistgħux jiġu interpretati li jimplikaw neċessarjament klassifika ġuridika preċiża li kien hemm għadd ta’ ksur. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li serje ta’ aġir li għandu l-istess skop antikompetittiv u li kull wieħed minnhom, meta jittieħed individwalment, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “akkordju”, “prattika miftiehma” jew “deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi” fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE, jistgħu jikkostitwixxu demostrazzjonijiet differenti ta’ ksur wieħed għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 113).

87      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq għadd ta’ siltiet mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fejn il-Kummissjoni użat it-terminu “kartell” mingħajr ma speċifikat xi vitamina speċifika, b’mod partikolari meta l-istituzzjoni indikat, fil-punt 195 ta’ din id-dikjarazzjoni, biex tafferma l-kompetenza tagħha fil-każ preżenti, li “l-kartell kellu effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-KE u fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Komuni” ( the cartel had an appreciable effect on trade between EC Member States and competition in the Common Market).

88      Fl-ewwel lok, l-użu tat-terminu “kartell” ma jimplikax neċessarjament li kienet qed tiġi prevista l-eżistenza ta’ akkordju wieħed fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, dan it-terminu jista’ jindika akkordju tat-tip orizzontali, iżda jista’ jintuża wkoll, b’mod aktar ġenerali, biex jirreferi għal struttura, jew organizzazzjoni responsabbli għal aġir illegali fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni. B’hekk ma jistax jiġi eskluż li, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, it-terminu “kartell” intuża biex jiddeskrivi l-organizzazzjoni globali stabbilita mill-produtturi tal-vitamini, mingħajr ma jippreġudika l-possibbiltà li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diversi akkordji u b’hekk diversi ksur. Fit-tieni lok, ċerti affermazzjonijiet ifformulati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-“kartell”, bħal dik fir-rigward ta’ l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li tinsab fil-punt 195, jew dik li tallega ksur volontarju ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li tinsab fil-punt 227, jistgħu wkoll jiġu interpretati fis-sens li fir-realtà dawn kienu qed jirreferu għall-karatteristiċi komuni ta’ l-akkordji kollha msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, sabiex jiġu evitati repetizzjonijiet żejda, għal kull akkordju, ta’ dawn il-karatteristiċi.

89      Rigward l-istruttura tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li fuqha huwa bbażat l-argument tal-konvenuta, din hija organizzata b’mod li tagħti, taħt it-Titolu C intitolat “il-kartell”, deskrizzjoni speċifika u dettaljata tal-ftehim kollużiv relatat ma’ kull vitamina separatament, ħlief għall-vitamini A u E li huma ttrattati flimkien għalkemm huwa indikat li dawn jappartjenu lil swieq distinti. Ħlief għal din l-eċċezjoni żgħira, f’kull taqsima ta’ dan it-Titolu C, il-Kummissjoni eżaminat individwalment kull prodott ta’ vitamini in kwistjoni, il-karatteristiċi tiegħu, il-produtturi tiegħu u s-suq relatat (identifikat bħala suq distint), l-oriġini, it-tul ta’ żmien, il-mekkaniżmu fundamentali, il-laqgħat u l-funzjonament tal-kartell fir-rigward tal-vitamina in kwistjoni, kif ikoll il-parteċipanti fih. Minkejja li t-titolu huwa fis-singular (the cartel), it-Titolu C tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jagħti sew x’jifhem li kien hemm għadd ta’ akkordji distinti.

90      Barra minn hekk, meta tiġi kkunsidrata d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fit-totalità tagħha, din turi li l-Kummissjoni kienet inċerta, f’dan id-dokument, dwar il-klassifika ġuridika preċiża li kellha tingħata lill-fatti allegati, f’dak li jirrigwarda s-singolarità tal-ksur jew il-pluralità tal-ksur, għalkemm hija indikat b’mod inekwivoku li dawn kienu jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet b’hekk ma tagħtix indikazzjoni ċara dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex l-intenzjoni li tikkonstata ksur wieħed jew għadd ta’ ksur.

91      Din il-konstatazzjoni, mmadankollu, ma timplikax li f’dawk iċ-ċirkustanzi, billi kkonstatat fid-Deċiżjoni l-eżistenza ta’ ksur distint għal kull waħda mill-vitamini kkonċernati, il-Kummissjoni naqset milli tħares id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti.

92      Huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 29), invokata mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “[i]d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tiddikjara, b’mod ċar, il-fatti li fuqhom tkun qed tibbaża ruħha l-Kummissjoni kif ukoll il-klassifika mogħtija lilhom”.

93      Madankollu, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni li tikkonstata ksur m’għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni fil-fatt għandha tkun f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tieħu in kunsiderazzjoni, fl-imsemmija deċiżjoni, ir-risposti ta’ l-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha mhux biss taċċetta jew tiċħad l-argumenti ta’ l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll twettaq l-analiżi tagħha tal-fatti ppreżentati minnhom biex tabbanduna l-oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw infondati, jew biex temenda jew tissupplementa, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argumenti tagħha in sostenn ta’ l-oġġezzjonijiet li hija tibqa’ ssostni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 47 hawn fuq, punti 91 u 92; Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 80 hawn fuq, punti 437 u 438, u tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68).

94      Għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-fatti hija parti mill-att deċiżjonali nnifsu u li d-dritt ta’ smigħ jestendi għall-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi ta’ l-att deċiżjonali u mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech‑Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T‑129/95, T‑2/96 u T‑97/96, Ġabra p. II‑17, punt 231, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs l-UASI, T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punt 75).

95      B’hekk, minn naħa, id-drittijiet ta’ difiża mhumiex miksura mill-fatt li jkun hemm inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk xi oġġezzjoni li tkun tinsab f’din ta’ l-aħħar ma tkunx ġiet esposta b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarji li jiddefendu ruħhom. Min-naħa l-oħra, il-klassifika ġuridika tal-fatti ritenuti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, skond it-tifsira tagħha, tista’ tkun biss ta’ natura provviżorja u għaldaqstant deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li l-konklużjonijiet definittivi derivati minn dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż ma’ din il-klassifika provviżorja. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tikkunsidra l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex jirrispondu għall-oġġezzjonijiet allegati billi tbiddel l-analiżi tagħha, preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet ta’ difiża tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 98 sa 100)

96      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sempliċement emendat u spjegat il-bażi ġuridika ta’ l-argumenti tagħha li fuqhom kienu bbażati l-oġġezzjonijiet ritenuti u li hija, b’hekk, b’ebda mod ma waqqfet lir-rikorrenti milli tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar dawn l-oġġezzjonijiet qabel it-teħid tad-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Hüls vs Il-Kummissjoni, T‑9/89, Ġabra p. II‑499, punti 59 sa 65). Fil-fatt, ir-rikorrenti kellha tirrealizza, mill-qari tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għadd ta’ ksur distint. Il-Kummissjoni ċertament setgħet tevita l-konfużjoni u l-kontradizzjoni mhux mixtieqa li jikkaratterizzaw l-evalwazzjoni ġuridika li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm ksur wieħed jew diversi ksur, li kieku fformulat b’mod aktar ċar l-alternattiva li kien hemm f’dan ir-rigward u li fuqha hija kienet qed tirriżerva d-dritt li tippronunċja ruħha fid-deċiżjoni finali tagħha. Madankollu, din il-konfużjoni u kontradizzjoni ma waqqfitx lir-rikorrenti milli tesprimi l-pożizzjoni tagħha fuq din il-kwistjoni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

97      Barra minn hekk, kif osservat ġustament il-konvenuta, jirriżulta minn din ir-riposta li r-rikorrenti stess kienet ta’ mill-inqas konxja mill-fatt li l-proċedura amministrattiva setgħet tirrigwarda għadd ta’ ksur. Fil-fatt, fil-paġna 5 ta’ din ir-riposta, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-miżuri li hija kienet ħadet internament biex tevita ksur fil-futur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, ir-rikorrenti osservat li hija kienet “temmet immedjatament il-ksur li kien is-suġġett ta’ din il-proċedura” (immediately brought to an end the infringements which are subject of this proceedings). Il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li din l-osservazzjoni ġiet ifformulata fil-kuntest ta’ argumenti bil-għan li tikkonvinċi lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi favur ir-rikorrenti ċirkustanzi mitiganti ma jeliminax il-possibbiltà li wieħed jikkonkludi minn dan li r-rikorrenti kienet konxja, f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva, li hija setgħet tinstab ħatja ta’ għadd ta’ ksur fit-tmiem ta’ din il-proċedura.

98      Barra minn hekk, il-konvenuta ġustament issemmi l-fatt li, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, Roche, li kienet destinatarja ta’ l-istess dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ifformulat, fir-risposta tagħha għal din id-dikjarazzjoni, osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm ksur wieħed jew għadd ta’ ksur. Mhuwiex relevanti f’dan ir-rigward li Roche riedet tippreċiża li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha tikkonstata l-eżistenza ta’ għadd ta’ ksur separati. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan l-orjentament ta’ l-osservazzjonijiet ta’ Roche ma jistax jiġi interpetat fis-sens li din l-impriża kienet fehmet li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet qed takkuża lid-destinatarji b’akkordju globali wieħed. F’kull każ, mhuwiex relevanti kif Roche setgħet interpretat id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, peress li dak li jimporta hu l-kontenut oġġettiv ta’ din id-dikjarazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti mhijiex korretta meta ssostni li fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet hija ġiet akkużata li ħadet sehem f’akkordju wieħed globali. Id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tinkludi, minbarra l-elementi li jippuntaw f’din id-direzzjoni, għadd ta’ elementi oħrajn li jippuntaw fid-direzzjoni tal-pożizzjoni finalment adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li setgħet tipprova, bħal m’għamlet Roche, torjenta fid-direzzjoni li hija xtaqet l-analiżi ġuridika tal-Kummissjoni, li tirriżulta b’mod ċar li kienet għadha miftuħa fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-aġir allegat kienx jikkostitwixxi ksur wieħed jew għadd ta’ ksur. L-ambigwitajiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lanqas ma kellhom iwaqqfu lir-rikorrenti milli tagħmel dan. Il-fatt li r-rikorrenti ma ssottomettietx dawn l-argumenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, b’hekk kien għal kollox l-għażla tagħha.

100    Barra minn hekk, billi adottat pożizzjoni finali ċara u sħiħa dwar il-klassifika ġuridika tal-fatti illegali allegati, li ssib lir-rikorrenti ħatja ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE għal kull vitamina kkonċernata minn dawn il-fatti, il-Kummissjoni ma kisritx id-dritt tar-rikorrenti li tinstema’.

101    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li l-ewwel u t-tieni raġunijiet għandhom jiġu miċħuda.

102    Fl-aħħar, fir-rigward tas-suġġeriment li għamlet ir-rikorrenti matul is-seduta, fil-forma ta’ rimarka finali fit-tmiem tat-trattazzjoni tagħha dwar l-argumenti li jappoġġaw l-ewwel raġuni, li l-kwistjoni mqajma minn din ir-raġuni mhijiex biss kwistjoni proċedurali u li l-linji gwida ma jipprevedux li f’każ ta’ akkordju wieħed li jkopri għadd ta’ prodotti l-Kummissjoni tista’ timmultiplika l-multi bin-numru ta’ prodotti, għandu jingħad li, anki fl-ipoteżi li permezz ta’ din ir-rimarka l-konvenuta kienet qed tilmenta li l-Kummissjoni kienet kisret ukoll il-linji gwida meta kkonstatat, fid-Deċiżjoni, l-eżistenza ta’ ksur għal kull prodott tal-vitamini in kwistjoni u imponiet numru korrispondenti ta’ multi fuq ir-rikorrenti, dan l-ilment, b’mod ċar, imur lilhinn mill-portata ta’ l-imsemmija raġuni u jikkostitwixxi raġuni ġdida inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, peress li mhijiiex ibbażata fuq l-istess element, ta’ fatt jew ta’ dritt, li kien ġie rrilevat matul il-proċedura kontenzjuża.

B –  Fuq it-tielet raġuni, li tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali fl-iffissar ta’ l-ammont bażiku ta’ ċerti multi imposti fuq ir-rikorrenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

103    Ir-rikorrenti tikkontesta l-ammonti bażiċi tal-multi li ġew iffissati kontriha mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur, li skond l-istess rikorrenti kienu arbitrarji, sproporzjonati u kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

104    Hija tfakkar li ġie affermat b’mod ċar fid-Deċiżjoni, fil-premessi 680 u 681, li, fil-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multi, ġiet ikkunsidrata l-importanza relattiva ta’ kull impriża f’kull wieħed mis-swieq ta’ prodotti rilevanti, u, b’mod aktar preċiż, il-fatturat dinji tagħhom għal kull vitamina. Madankollu, hija ssostni li l-Kummissjoni ma segwietx dan il-kriterju u kienet inkonsistenti fil-kalkolu ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi minn żewġ aspetti prinċipali.

105    Fl-ewwel lok, l-ammonti bażiċi ta’ wħud mill-multi imposti fuq ir-rikorrenti kienu sproporzjonati meta mqabbla ma dawk iffissati għall-partijiet l-oħrajn fl-istess akkordji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrimarka li, għall-ksur relatat mal-vitamini B 5, Ċ u E, il-betakaroten u l-karotenojdi, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, espressa bħala perċentwali tal-fatturat dinji ta’ l-impriża fir-rigward tal-vitamina in kwistjoni, kien ħafna ogħla minn dak iffissat għal Roche, minkejja l-fatt li l-porzjon tas-suq ta’ Roche kien, f’kull każ, nettament akbar minn dak tar-rikorrenti u li, dejjem skond il-Kummissjoni, ir-rwol ta’ mexxej li eżerċitat Roche fl-akkordji kien ferm differenti minn dak tar-rikorrenti.

106    Fit-tieni lok, l-ammonti bażiċi ta’ wħud mill-multi imposti fuq ir-rikorrenti varjaw b’mod sproporzjonat skond id-diversi ksur, minkejja li l-porzjonijiet tas-suq tar-rikorrenti għad-diversi vitamini kkonċernati kienu ferm simili. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrimarka li, fil-każ tal-vitamini A u B 2, hija tpoġġiet fit-tieni kategorija (wara Roche), peress li hija kellha porzjonijiet ta’ 32 u 29% mis-suq rispettivament, waqt li, fil-każ tal-vitamina E, hija tpoġġiet fl-ewwel kategorija (ma’ Roche), minkejja li l-porzjon tagħha tas-suq (29 %) kien ekwivalenti jew inferjuri għall-porzjon tagħha tas-suq fil-każ tal-vitamini A u B 2 u minkejja s-similaritajiet fl-istruttura ta’ dawn it-tliet swieq. Ir-rikorrenti tikkonkludi li hija kellha titpoġġa fit-tieni kategorija għal kull wieħed minn dawn il-ksur u li dan it-trattament inugwali, li għalih ma ngħatat ebda spjegazzjoni mill-Kummissjoni, mhuwiex ġustifikat.

107    Il-konvenuta tirribatti li l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti jinsabu fil-limiti tal-marġni li hija tista’ timponi bis-saħħa tad-diskrezzjoni tagħha u li dawn huma oġġettivament ġustifikati.

108    Permezz tad-definizzjoni tal-kategoriji relattivi ta’ kull ksur, il-konvenuta, biex tistabbilixxi l-multi b’mod ekwu, ikkunsidrat l-ordni tad-daqs minflok ma bbażat fuq formoli aritmetiċi. B’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-premessi 685, 689 u 691 tad-Deċiżjoni, l-impriża tpoġġiet fit-tieni kategorija wara Roche meta l-porzjonijiet tagħhom tas-suq kienu sostanzjalment iżgħar minn dawk ta’ Roche, kif kien il-każ għar-rikorrenti fil-kuntest tal-ksur relatat mal-vitamini B 5 u Ċ.

109    Madankollu, għall-ksur fir-rigward tal-betakaroten u l-karotenojdi, ġie deċiż, fl-isfond tal-karatteristiċi ta’ dawn iż-żewġ swieq, li kienu essenzjalment ikkontrollati minn BASF u Roche, li dawn ta’ l-aħħar kellhom l-istess piż speċifiku fl-operat tal-kartell u li d-differenzi fil-porzjonijiet fuq dawn is-swieq ma kinux jagħtu indikazzjoni valida tar-rwol eżerċitat minn kull impriża fil-ksur, u lanqas tad-dimensjoni globali tagħhom. Kien għalhekk għal din ir-raġuni li ma nħolqot ebda kategorija distinta għal dawn il-ksur u li l-ammont bażiku tal-multi ġie stabbilit biss fuq il-bażi tad-daqs tas-suq.

110    Fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta pprovdiet ċerti preċiżjonijiet dwar il-metodu li hija segwiet fid-determinazzjoni ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti mid-Deċiżjoni.

111    B’mod partikolari, il-konvenuta indikat li, sabiex taġġusta, b’referenza għad-daqs ta’ kull suq ta’ prodotti ta’ vitamini, l-ammont bażiku li jikkorrispondi għall-gravità ta’ kull ksur individwali (iktar ‘il quddiem l-“ammont bażiku ġenerali”), hija rreferiet għal informazzjoni dwar id-daqs tas-suq fuq il-livell taż-ŻEE għall-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Hija speċifikat ukoll din l-informazzjoni għal kull prodott tal-vitamini in kwistjoni u ppreċiżat li l-ammonti bażiċi ġenerali, fejn il-Kummissjoni għamlet tqassim f’kategoriji, baqgħu relatati ma’ l-ewwel kategorija ta’ kull ksur.

112    Fl-istess kuntest, il-konvenuta indikat kif hija ffissat l-ammont bażiku preċiż li kien ġie applikat – għal kull ksur li għalih kienet qassmet lill-membri ta’ l-akkordju f’kategoriji skond ir-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida – fir-rigward ta’ l-impriżi kklassifikati taħt it-tieni kategorija. F’dan ir-rigward, hija spjegat li kienet ikkalkulat l-ammont bażiku għat-tieni kategorija skond ir-relazzjoni bejn il-medja tal-fatturati globali relatati mal-prodott (iktar ‘il quddiem il-“fatturati rilevanti”) ta’ l-impriżi kklassifikati f’din il-kategorija u l-medja tal-fatturati rilevanti ta’ l-impriżi kklassifikati taħt l-ewwel kategorija, imnaqqsa jew miżjuda sa l-eqreb numru sħiħ. L-informazzjoni użata għal dan l-iskop kienet dik ta’ l-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur, kif elenkati, mingħajr parenteżi, fl-ewwel kolonna tat-tabelli dwar id-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini li jinsabu fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni.

113    B’hekk, per eżempju, fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina A, l-ammont bażiku ġenerali, li ġie ffissat għal EUR 30 miljun skond id-daqs tas-suq Ewropew ta’ din il-vitamina fl-1998, ġie impost fuq Roche, li kienet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, u ġie aġġustat għal BASF u Aventis, li kienu kklassifikati fit-tieni kategorija, għal EUR 18-il miljun, jiġifieri 60 % ta’ EUR 30 miljun, peress li l-medja tal-fatturati rilevanti ta’ dawn l-aħħar impriżi kienet tirrappreżenta 60.64 % tal-fatturat rilevanti ta’ Roche.

114    Waqt li r-rikorrenti ħadet konjizzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet – li fil-fehma tagħha kienu essenzjali, hekk kif ikkritikat il-fatt li dawn ma kinux ingħataw fid-Deċiżjoni u ma kinux intbagħtulha mill-Kummissjoni fiż-żmien meħtieġ minkejja diversi talbiet li għamlet f’dan is-sens qabel il-preżentata tar-rikors preżenti –, l-istess rikorrenti, matul is-seduta, ifformulat ilmenti supplementari fil-konfront ta’ l-ammonti bażiċi ffissati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

115    B’hekk, fl-ewwel lok, waqt li bdiet billi rrimarkat li ċerta informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, f’dak li jirrigwarda kemm id-daqs tas-swieq Ewropej tal-prodotti tal-vitamini kif ukoll l-ammonti bażiċi ġenerali, ma kinitx tikkorrispondi ma’ dik mogħtija fid-Deċiżjoni ir-rikorrenti osservat li, fl-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-swieq Ewropej tal-prodott in kwistjoni, il-Kummissjoni ffissat għas-swieq ta’ daqs iżgħar ammont li, meta espress bħala perċentwali tad-daqs tas-suq, huwa nettament ogħla minn dak għas-swieq aktar kbar. Hija lmentat ukoll li l-Kummissjoni ma ressqet ebda prova li tiġġustifika din iċ-ċirkustanza.

116    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti sostniet il-metodu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ kategoriji u l-kalkolu ta’ l-ammont bażiku għat-tieni kategorija fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn il-medja tal-fatturati rilevanti ta’ l-impriżi kklassifikati taħt din il-kategorija u l-medja tal-fatturati rilevanti ta’ l-impriżi kklassifikati taħt l-ewwel kategorija wassal għal distorzjonijiet. Skond ir-rikorrenti, dan il-metodu wassal biex jiġi impost kontriha, għall-ksur relatat mal-vitamini B 5, Ċ u E, ammonti bażiċi sostanzjalment ogħla minn dawn li kienu jinkisbu skond metodu “klassiku, sempliċi u aktar razzjonali”, li jikkonsisti fil-kalkolu ta’ dawn l-ammonti direttament bħala perċentwali ta’ l-ammont bażiku impost fuq l-operatur prinċipali, fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn il-fatturat rilevanti tar-rikorrenti u dak ta’ dan l-operatur. Skond ir-rikorrenti, dan il-metodu ta’ kategoriji u ta’ medji huwa inkompatibbli mal-linji gwida, li mkien ma jsemmu dawn il-medji, li ma jirriflettux il-piż speċifiku, u konsegwentement l-impatt reali, ta’ l-aġir ta’ kull impriża li pparteċipat fl-akkordju.

117    Il-konvenuta, matul is-seduta, rrispondiet għal dawn l-ilmenti supplementari billi sostniet, b’mod partikolari, li d-Deċiżjoni tispjega b’mod biżżejjed ċar għall-finijiet tal-liġi l-mod kif ġew ikkalkulati l-ammonti bażiċi tal-multi, li l-ammont bażiku ġenerali kien relatat mhux ma’ l-operatur prinċipali iżda ma’ l-ewwel kategorija u b’hekk l-impriżi kollha kklassifikati taħt din il-kategorija u li, għalkemm setgħu ntużaw metodi oħrajn il-metodu użat fil-każ preżenti huwa razzjonali u koerenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Osservazzjonijiet preliminari

118    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-premessi 655 sa 775 tad-Deċiżjoni li l-multi imposti mill-Kummissjoni għall-ksur ikkonstati ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE kienu skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li l-Kummissjoni – għalkemm id-Deċiżjoni ma tirreferix espliċitament għal-linji gwida – iffissat l-ammont ta’ multi skond il-metodu ddefinit fihom.

119    Għalkemm iil-Kummissjoni għandha diskrezzjoni fl-iffissar ta’ l-ammont ta’ kull multa, mingħajr mhi obbligata li tapplika xi formola matematika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59), hija ma tistax tmur kontra r-regoli li tkun imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 53, ikkonfermata fuq appell, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I‑4235). Peress li l-linji gwida jikkostitwixxu strument intenzjonat biex jippreċiża, b’ħarsien tar-regoli tad-dritt ta’ grad ogħla, il-kriterji li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tapplika fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha fl-iffissar tal-multi, il-Kummissjoni għandha effettivament tikkunsidra t-termini tal-linji gwida meta tiffissa l-ammont ta’ multi, b’mod partikolari l-elementi li jkunu mandatorji (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 537).

120    Skond il-metodu definit fil-linji gwida, l-Kummissjoni tieħu bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi imponibbli fuq l-impriżi kkonċernati ammont determinat skond l-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur trid tikkunsidra n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni (punt 1 A, l-ewwel subparagrafu). F’dan il-kuntest, il-ksur huma kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri ‘ksur ftit gravi’, li għalihom l-ammont ta’ multi applikabbli huwa ta’ bejn 1 000 u miljun euro, ‘ksur serju ’, li għalihom l-ammont tal-multi applikabbli jista’ jvarja bejn miljun u EUR 20 miljun, u l-‘ksur serju ħafna’, li għalihom l-ammont tal-multi applikabbli jaqbeż EUR 20 miljun (punt 1 A, it-tieni subparagrafu, l-ewwel sat-tielet inċiżi). Fi ħdan kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa ‘serju’ u ‘serju ħafna’, l-iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (punt 1 A, it-tielet subparagrafu). Barra minn hekk, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jagħmlu ħsara sostanzjali lil operaturi oħrajn, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għal livell li jkun ta’ deterrent suffiċjenti (punt 1 A, ir-raba’ subparagrafu).

121    Fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji hawn fuq imsemmija, jista’ jkun meħtieġ li jiġi mwieżen, f’ċerti każijiet, l-ammont determinat, bil-għan li jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali, ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza konsiderevoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li jkunu awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura u li jiġi adattat konsegwentement il-punt ta’ tluq bażiku skond in-natura speċfika ta’ kull impriża (punt 1 A, is-sitt subparagrafu).

122    Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti la tikkontesta n-natura ferm serja tal-ksur li tagħhom hija akkużata fid-Deċiżjoni u lanqas l-kunsidrazzjonijiet li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni meta kkonstatat in-natura ferm serja ta’ dawn il-ksur u li tirrigwarda n-natura tagħhom, l-impatt reali tagħhom fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni (premessi 662 sa 674 tad-Deċiżjoni).

123    Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-kriterju, segwit fil-każ preżenti mill-Kummissjoni (premessa 675), li tikkonsisti f’li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont bażiku tal-multi, id-daqs tad-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni. Dan il-kriterju sarraf essenzjalment fl-aġġustament, skond id-daqs ta’ kull suq in kwistjoni, ta’ l-ammont bażiku ġenerali, li sussegwentement ġie assoċjat ma’ l-ewwel kategorija ta’ impriżi stabbilita mill-Kummissjoni għal kull ksur, fejn ġie applikat trattament differenzjat skond ir-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, jew, in-nuqqas ta’ dan it-trattament differenzjat, għall-impriżi kollha implikati.

124    Barra minn hekk, matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti b’ebda mod ma kkontestat il-livell assolut ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali. Anki fir-rigward tal-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, li għalihom ma sar ebda tqassim f’kategoriji mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma lmentatx, matul l-imsemmija proċedura, dwar in-natura eċċessiva f’termini assoluti ta’ l-ammont ta’ EUR 20 miljun li kien ġie ffissat għal Roche u għaliha, iżda dwar in-nuqqas ta’ differenzjar ta’ l-ammont bejn iż-żewġ impriżi jew, f’termini oħrajn, in-natura eċċessiva ta’ l-ammont ffissat għaliha meta mqabbel ma’ l-ammont iffissat għal Roche.

125    Madankollu, matul is-seduta u fuq il-bażi ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-konvenuta fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti kkontestat li l-mod kif il-Kummissjoni applikat b’mod konkret l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali. Permezz ta’ l-argumenti ppreżentati fil-punt 115 hawn fuq, hija tallega li kien hemm inkonsistenzi bejn l-informazzjoni li l-konvenuta tafferma li bbażat fuqha u dik li tinsab fid-Deċiżjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għaċ-ċirkustanza li, għas-swieq ta’ daqs iżgħar, l-ammont bażiku ġenerali, bħala perċentwali tad-daqs tas-suq, kien nettament ogħla minn dak għas-swieq akbar.

126    Qabel ma jiġu eżaminati l-elementi dwar l-ammonti bażiċi speċifikament imposti fuq ir-rikorrenti, għandhom jiġu eżaminati l-ammissibbiltà fir-rigward ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, fejn applikabbli, il-merti ta’ dawn l-ilmenti ġodda dwar l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-suq affettwat.

b)     Fuq l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-suq affettwat

127    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti matul is-seduta f’dak li jirrigwarda l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-suq affettwat huma ammissibbli, peress li huma bbażati fuq elementi li ġew żvelati mill-konvenuta matul il-proċedura. Għandu jingħad, b’mod partikolari, li fil-premessa 675 tad-Deċiżjoni, fejn iddikjarat li “biex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi, hija kkunsidrat id-daqs tad-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ma indikatx jekk kinitx qed tirreferi għas-swieq fuq livell taż-ŻEE jew fuq livell dinji u lanqas liema kien il-perijodu ta’ referenza użat għall-evalwazzjoni tad-daqs tas-swieq, kwistjonijiet li ġew ikkjarifikati permezz tal-preċiżjonijiet mogħtija mill-konvenuta fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 110 hawn fuq).

128    Madankollu jirriżulta li dawn l-ilmenti mhumiex fondati.

129    Rigward l-informazzjoni rilevanti, effettivament hemm inkonsistenza bejn l-allegazzjonijiet li jinsabu fir-risposta tal-konvenuta għall-mistoqsijiet bil-miktub u d-Deċiżjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa, id-daqs tas-suq tal-vitamina B 5 fuq il-livell taż-ŻEE fl-1998 u, min-naħa l-oħra, l-ammonti bażiċi ġenerali ffissati għall-ksur relatat mal-vitamini A, B 2 u Ċ. Din l-inkonsistenza madankollu m’għandha ebda konsegwenza prattika, peress li huwa ċar li din hija r-riżultat ta’ żbalji tipografiċi min-naħa tal-konvenuta fil-kitba ta’ l-imsemmija risposta, kif din ta’ l-aħħar ikkonfermat matul is-seduta meta ppreċiżat li l-informazzjoni korretta kienet dik li tinsab fid-Deċiżjoni.

130    Rigward in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għaċ-ċirkustanza li, għas-swieq ta’ daqs iżgħar, l-ammont bażiku ġenerali, bħala perċentwali tad-daqs tas-suq, huwa nettament ogħla minn dak tas-swieq akbar, l-eżaminazzjoni ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni, kif riprodotta, għall kull wieħed mit-tmien swieq in kwistjoni, fit-tabella hawn isfel (li tindika d-daqs tas-suq fuq il-livell taż-ŻEE għall-aħħar sena sħiħa tal-ksur kif ukoll l-ammont bażiku ġenerali rappreżentat bħala valur assolut u bħala perċentwali tad-daqs tas-suq), turi effettivament li l-argument tar-rikorrenti mhuwiex infondat fil-fatt.

Suq

Daqs tas-suq taż-ŻEE

(A)

(f’miljuni ta’ euro)

Ammont bażiku ġenerali (B)

(f’miljuni ta’ euro)

B

bħala perċentwali ta’ A

Vitamina E

277

35

12.63 %

Vitamina Ċ

166

30

18.07 %

Vitamina A

158

30

18.98 %

Betakaroten

63

20

31.74 %

Vitamina B 5

54

20

37.04 %

Vitamina B 2

45

20

44.44 %

Karotenojdi

42

20

47.62 %

Vitamina D 3

22

10

45.45 %


131    Safejn ir-rikorrenti ssostni li ma ngħatawx raġunijiet għal dan l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, biex jiġi miċħud dan l-ilment, li għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni ma tindikax il-metodu li permezz tiegħu l-Kummissjoni waslet għal dawn l-ammonti preċiżi fuq il-bażi tad-daqs tad-diversi swieq in kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti proċedurali essenzjali li jingħataw raġunijiet huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi li hija kkunsidrat biex tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, mingħajr mhi obbligata li tagħti spjegazzjoni aktar dettaljata jew iċ-ċifri relatati mal-metodu kif ġiet ikkalkulata l-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 39 sa 47, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejjaħ “PVC II”, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 463 u 464; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 252). Għaldaqstant, kemm-il darba l-konvenuta tkun ippreċiżat, matul il-proċedura, l-informazzjoni li hija kkunsidrat għall-evalwazzjoni tad-daqs tas-swieq, ir-rikorrenti tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-merti ta’ l-aġġustament in kwistjoni u li tqajjem, jekk ikun il-każ, ilmenti f’dan ir-rigward.

132    Safejn, permezz ta’ l-argument imsemmi fil-punt 130 hawn fuq, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, il-merti ta’ dan l-aġġustament, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tagħha mhuwiex sostanzjat biżżejjed, peress li r-rikorrenti ma tindikax kif il-fatt li, għas-swieq ta’ daqs iżgħar, l-ammont bażiku ġenerali bħala perċentwali tad-daqs tas-suq huwa nettament ogħla minn dak tas-swieq akbar, jagħmel id- Deċiżjoni illegali.

133    F’kull każ, anki fl-ipoteżi li r-rikorrenti tinvoka impliċitament ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew tal-linji gwida, għandu jingħad li l-ammont bażiku ġenerali mhux neċessarjament irid jirrappreżenta, f’kull każ ta’ ksur serju ħafna, l-istess perċentwali tad-daqs tas-suq affettwat rappreżentat bħala fatturat totali.

134    Għall-kuntrarju, il-linji gwida jipprevedu bħala punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multa ammont determinat fuq il-bażi ta’ kategoriji li jirriflettu d-diversi gradi tal-gravità tal-ksur (ara l-“multi applikabbli ” imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida) u li, bħala tali, m’għandhom ebda relazzjoni mal-fatturat rilevanti. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dan il-metodu, li jikkostitwixxi, b’mod definittiv, l-innovazzjoni prinċipali tal-linji gwida u li huwa bbażat essenzjalment fuq tarifikazzjoni, għalkemm relattiva u flessibbli, tal-multi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 225). Dan il-metodu ma jeħtieġx – u lanqas ma jipprojbixxi – li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku ġenerali, id-daqs tas-suq affettwat u wisq inqas jeħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa dan l-ammont skond perċentwali fiss tal-fatturat totali tas-suq.

135    Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li l-Kummissjoni hija obbligata – meta hija tikkonstata diversi ksur serju ħafna fl-istess u l-unika deċiżjoni u tiddeċiedi li taġġusta l-ammonti bażiċi ġenerali biex tikkunsidra d-daqs tad-diversi swieq affettwati – li żżomm relazzjoni strettament proporzjonata bejn dawn l-ammonti u d-daqs tagħhom, xejn ma jindika li fil-każ preżenti l-ammonti bażiċi ġenerali ffissati għall-ksur li jaffettwa l-aktar swieq żgħar kienu wisq għoljin. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jista’ jwassal ukoll għall-iffissar ta’ ammonti bażiċi ġenerali saħansitra ogħla għall-ksur li jaffettwa s-swieq l-aktar kbar. Ir-rikorrenti la tallega u lanqas turi, b’mod partikolari, li l-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li jiġi ffissat għal kull ksur fil-każ preżenti ammont bażiku ġenerali ugwali, għal fil-każ tal-ksur fir-rigward tal-vitamina E, ta’ 12,63 % tad-daqs tas-suq affettwat.

136    Eżaminazzjoni ta’ l-informazzjoni rilevanti turi wkoll li l-konvenuta wettqet b’mod raġonevoli u koerenti l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-suq. Fil-fatt, jirriżulta mit-tabella tal-punt 130 hawn fuq li l-Kummissjoni ffissat l-ammonti bażiċi ġenerali akbar fil-każ ta’ swieq akbar (ara l-kolonni 2 u 3), mingħajr ma użat madankollu formola matematika preċiża, u f’kull każ mingħajr ma kienet meħtieġa li tagħmel hekk. B’hekk, għas-suq nettament akbar dak tal-vitamina E, l-ammont bażiku ġenerali ġie ffissat għal EUR 35 miljun; għaż-żewġ swieq f’ordni ta’ kobor, dawk tal-vitamina Ċ u tal-vitamina A, li huma prattikament ta’ l-istess daqs, l-ammont bażiku ġenerali ġie ffissat għal EUR 30 miljun; għas-swieq l-oħra, li huma iżgħar sew, il-Kummissjoni, għalkemm il-linji gwida jipprevedu li għal ksur serju ħafna l-ammont iffissat fuq il-bażi tal-gravità jista’ jkun “ aktar minn 20 miljun [euro] ”, dehrilha li kien xieraq li dan l-ammont jiġi limitat għal EUR 20 miljun, jew, fil-każ ta’ l-iżgħar suq, li d-daqs tiegħu kien ta’ EUR 20 miljun, li jitnaqqas għal EUR 10 miljun.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jipprovaw ebda difett fil-legalità ta’ l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tad-diversi swieq affettwati, kif effettwati fid-Deċiżjoni.

c)     Fuq l-ammonti bażiċi speċifiċi imposti fuq ir-rikorrenti

138    Għandhom jiġu eżaminati, sussegwentement, l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, fin-noti tagħha (ara l-punti 104 sa 106 hawn fuq) u matul is-seduta (ara l-punt 116 hawn fuq), fil-konfront ta’ l-ammonti bażiċi li ġew imposti speċifikament kontriha għall-ksur relatat mal-vitamini B 5, Ċ u E, il-betakaroten u l-karotenojdi.

139    Ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet iddikjarat il-Kummissjoni fil-premessi 680 u 681, l-ammonti bażiċi tagħha ma ġewx iddeterminati bħala perċentwali ta’ l-ammonti bażiċi iffissati għall-operatur prinċipali, Roche, skond il-proporzjon bejn il-fatturat rilevanti tar-rikorrenti u dak ta’ Roche, jew, fi kliem ieħor, il-fatt li l-ammonti bażiċi ta’ BASF u ta’ Roche ma jirrappreżentawx l-istess perċentwali tal-fatturati rilevanti rispettivi tagħhom.

140    Ir-rikorrenti tirrimarka li, għall-vitamina E, għalkemm ġie ffissat l-istess ammont bażiku ta’ EUR 35 miljun kontriha u kontra Roche, dan l-ammont jirrappreżenta 14 % tal-fatturat rilevanti tagħha matul l-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur (1998), waqt li jirrappreżenta biss 10 % tal-fatturat korrispondenti ta’ Roche. B’ hekk, bħala perċentwali tal-fatturat individwali rilevanti, l-ammont bażiku iffissat għar-rikorrenti kien 40 % ogħla minn dak iffissat għal Roche, minkejja l-fatt li l-porzjon tas-suq tal-vitamina E ta’ Roche kien madwar 50 % akbar minn dak tar-rikorrenti. Anomalija simili tinsab f’dak li jirrigwarda l-vitamini B 5 u Ċ u, fi proporzjonijiet akbar, f’dak li jirrigwarda l-betakaroten u l-karotenojdi, l-ammonti bażiċi ffissati għar-rikorrenti, rappreżentati bħala perċentwali tal-fatturat rilevanti tagħha, huma għal kull wieħed minn dawn l-aħħar tliet prodotti, tliet darbiet iżjed minn dawk ta’ Roche, minkejja l-fatt li l-porzjon tas-suq ta’ Roche huwa, fiż-żewġ swieq, madwar tliet darbiet akbar minn dak tar-rikorrenti.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fuq bażi preliminari, li, għall-ksur relatat mal-vitamina E, mal-betakaroten u l-karotenojdi, għar-rikorrenti ġie ffissat ammont bażiku identiku, bħala valur assolut, bħal dak ta’ Roche. Din hija l-konsegwenza jew tal-klassifikazzjoni ta’ Roche u BASF taħt l-istess kategorija (l-ewwel), fejn il-Kummissjoni qassmet lill-impriżi f’kategoriji (vitamina E), jew ta’ tnaqqis ta’ tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji jew kull forma oħra ta’ trattament differenzjat (betakaroten u karotenojdi).

142    Min-naħa l-oħra, għall-ksur relatat mal-vitamini B 5 u Ċ, għar-rikorrenti ġie ffissat ammont bażiku inferjuri, bħala valur assolut, minn dak ta’ Roche. Din hija l-konsegwenza tal-klassifikazzjoni tar-rikorrenti f’kategorija distinta u inferjuri (it-tieni) għal dik li fiha ġiet ikklassifikata Roche.

143    MMinn naħa, għandu jiġi kkonstatat, bħal ma ssostni l-konvenuta, li, fil- premessi 680 u 681 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma indikatx li hija kienet ser tiffissa l-ammonti bażiċi tal-multi direttament skond il-fatturat rilevanti ta’ l- impriżi kkonċernati, per eżempju proporzjonalment ma’ din iċ-ċifra. Għall-kuntrarju, dawn il-premessi jistabbilixxu li l-fatturat rilevanti ser jintuża biex tiġi evalwata l-importanza relattiva ta’ kull impriża fuq is-suq ikkonċernat fil-kuntest tat-tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji, eżerċizzju li jsir bil-għan li jiġi aġġustat l-ammont bażiku ġenerali – definit skond in-natura tal-ksur, l-impatt tal-ksur fuq is-suq ikkonċernat, il-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni kif ukoll tad-daqs tas-suq ikkonċernat – sabiex tiġi kkunsidrata, b’mod konformi mar-raba' u s-sitt subparagrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-“kapaċità ekonomika effettiva ta’ [kull impriża] li tagħmel ħsara sostanzjali lill-kompetizzjoni” u l-“piż speċifiku” ta’ kull impriża “b’hekk, [ta’] l-impatt reali ta’ l-aġir illegali tagħhom fuq il-kompetizzjoni” (ara l-punti 11 u 12 hawn fuq) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur relatat mal-betakaroten u l-karotenojdi, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 682, 695 u 696, li l-kriterju segwit mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi kien preċiżament dak li ma jiġix applikat trattament differenzjat għall-uniċi żewġ impriżi implikati f’dawn il-ksur (ara l-punt 13 hawn fuq).

144    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi stipulat fil-linji gwida mhuwiex ibbażat fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati u li l-linji gwida ma jmorrux kontra l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 282, ikkonfermata b’mod partikolari fuq dan il-punt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punti 254 sa 257 u 261).

145    Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, matul id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur in kwistjoni, li taħdem il-kalkolu tal-multa bi tluq minn ammonti bbażati fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati, u lanqas li tiżgura, f’każ fejn jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li jirriżultaw mill-kalkoli tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza fosthom fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat tagħhom fuq is-suq tal-prodott in kwistjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 278, ikkonfermata b’mod partikolari fuq dan il-punt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punti 255 u 312).

146    F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza ferm stabbilita skond liem il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi (ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 54, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33; sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 279).

147    B’hekk, mhemmx dubju li l-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, tikkunsidra l-fatturat relatat mal-prodotti li jkunu l-oġġett tal-ksur bħala element għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, iżda din iċ-ċifra m’għandhiex tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla ma’ elementi oħrajn ta’ l-evalwazzjoni, peress li l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq din iċ-ċifra (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punti 120 u 121, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 280).

148    Barra minn hekk, għalkemm il-linji gwida ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-fatturat globali jew il-fatturat rilevanti, dawn ma jipprekludux li l-imsemmija ċifri tal-fatturat jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa kemm-il darba jiġu mħarsa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u jekk dan ikun meħtieġ skond iċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, il-linji gwida jistabbilixxu li l-prinċipju ta’ penali ugwali għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi hekk ikunu jeħtieġu, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza ssegwi xi kalkolu aritmetiku (is-seba’ subparagrafu tal-punt 1A) (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punti 283 sa 285, ikkonfermata b’mod partikolari fuq dan il-punt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punti 258 u 259).

149    Rigward il-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali, invokati mir-rikorrenti, dawn ma jesiġux li l-ammonti bażiċi tal-multa għad-diversi membri ta’ akkordju jkunu jirrappreżentaw perċentwali identiku tal-fatturat individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 303).

150    Il-fatt li l-ammont bażiku tal-multa mhux neċessarjament jirrappreżenta għall-membri kollha ta’ akkordju perċentwali identiku tal-fatturat rispettiva tagħhom huwa inerenti fil-metodu li jikkonsisti fit-tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji, bil-konsegwenza li jiġi stabbilit ammont bażiku fiss għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija. Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li dan il-metodu, għalkemm jinjora d-differenza fid-daqs bejn impriżi ta’ l-istess kategorija, ma jistax bħala regola jiġi impunjat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 385, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punt 217).

151    Isegwi li s-sempliċi fatt li, għal xi wħud mill-multi imposti mid-Deċiżjoni, il- perċentwali tal-fatturat rilevanti ta’ BASF li jirrappreżenta l-ammont bażiku speċifiku ta’ din l-impriża rriżulta li huwa ogħla mill-perċentwali tal-fatturat korrispondenti ta’ Roche li jirrappreżenta l-ammont bażiku speċifiku ta’ din ta’ l-aħħar, ma jindikax minnu nnifsu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-proporzjonalità u trattament ugwali. Mhemm ebda differenza meta wieħed jikkunsidra fl-istess ħin, kif tinvoka r-rikorrenti, id-diskrepanza bejn iż-żewġ impriżi f’termini tal-porzjonijiet rispettivi tagħhom mis-suq dinji, peress li din id-diskrepanza ma żżid xejn mat-tqabbil li għamlet ir-rikorrenti bejn l-ammonti bażiċi speċifiċi espressi bħala perċentwali tal-fatturat rilevanti. Dan it-tqabbil, fil-fatt, peress li huwa bbażat fuq il-fatturati globali rispettivi taż-żewġ impriżi għall-prodott in kwistjoni, diġà jikkunsidra d-diskrepanza bejn il-porzjonijiet tagħhom fis-suq dinji, peress li dawn il-porzjonijiet huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ dawn iċ-ċifri.

152    Madankollu, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-tqabbil bejn l-ammonti bażiċi imposti kontriha u dawk imposti fuq Roche jistgħu jinftiehmu li qed jitolbu li jiġi kkonstatat li:

a)      fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina E, fejn ġie ffissat ammont bażiku identiku għal Roche u r-rikorrenti permezz ta’ l-inklużjoni tagħhom fl-istess kategorija, ir-rikorrenti kellha, fuq il-bażi tal-kriterju tal-fatturat rilevanti, imsemmi fil-premessa 681 tad-Deċiżjoni, tkun suġġetta għal ammont bażiku inferjuri għal dak iffissat għal Roche u b’hekk tiġi kklassifikata, għal dan il-fini, f’kategorija distinta u inferjuri meta mqabbla ma’ dik ta’ Roche;

b)      Fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini B 5 u Ċ, fejn ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata f’kategorija distinta u inferjuri għal dik ta’ Roche u kienet suġġetta għal ammont bażiku inferjuri għal dak iffissat għal Roche, l-ammonti bażiċi magħżula ma jirriflettux b’mod adegwat is-sitwazzjonijiet differenti ta’ l-impriżi fir-rigward tal-kriterju hawn fuq imsemmi;

c)      fir-rigward tal-ksur relatat mal-betakaroten u l-karotenojdi, fejn ġie ffissat ammont bażiku identiku għal Roche u r-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji jew kull forma oħra ta’ trattament differenzjat, l-Kummissjoni kellha, fir-rigward ta’ l-istess kriterju, tapplika trattament differenti għal dawn iż-żewġ impriżi billi tiffissa għar-rikorrenti ammonti bażiċi inferjuri għal dawk iffissati għal Roche.

153    Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-argument ifformulat taħt il-paragrafu (a) flimkien ma’ l-argument invokat mir-rikorrenti, biex tikkontesta l-klassifikazzjoni tagħha taħt l-ewwel kategorija għall-ksur relatat mal-vitamina E, li huwa bbażat fuq tqabbil bejn din il-klassifikazzjoni u dik li għaliha kienet suġġetta fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u B 2 (ara l-punt 106 hawn fuq).

154    L-argument ifformulat taħt il-paragrafu (b) ser jiġi eżaminat fit-tieni lok, flimkien mal-kontestazzjoni li għamlet ir-rikorrenti matul is-seduta (ara l-punt 116 hawn fuq) u li hija ammissibbli fir-rigward ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura peress li hija bbażata fuq elementi li ġew żvelati matul il-proċedura, dwar il-metodu li jikkonsisti fid-determinazzjoni fuq il-bażi ta’ medji ta’ l-ammont bażiku assoċjat mat-tieni kategorija, waqt li l-kontestazzjoni mqajma fl-istess ħin matul is-seduta kontra l-metodu li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ kategoriji hija inammissibbli fir-rigward ta’ l-istess Artikolu u f’kull każ hija diġà indirizzata fil-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 150 hawn fuq, in fine.

155    L-argument ifformulat taħt il-paragrafu (c), li jirrigwarda l-ksur relatat mal-betakaroten u l-karotenojdi, ser jiġi eżaminat fit-tielet lok.

 Vitamina E

156    Safejn ir-rikorrenti tikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni effettwat konkretament it-tqassim ta’ l-impriżi f’kategoriji għal dak li jirrigwarda l-ksur relatat mal-vitamina E, għandu jiġi osservat li t-tqassim f’kategoriji għandu jirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali li jistabbilixxi li huwa pprojbit li jiġu ttrattati b’mod differenti sitwazzjonijiet komparabbli u li jiġu ttrattati b’mod identiku sitwazzjonijiet differenti, ħlief jekk dan it-trattament ikun oġġettivament iġġustifikat. Barra minn hekk, l-ammont ta’ multi għandu, ta’ mill-inqas, ikun proporzjonat ma’ l-elementi li jkunu ġew ikkunsidrati għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punt 219, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Sabiex jiġi vverifikat jekk it-tqassim ta’ membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-proporzjonalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità ta’ l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, għandha madankollu tillimita ruħha li tikkontrolla jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 15o hawn fuq, punti 406 u 416, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punti 220 u 222), mingħajr ma tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

158    Fil-każ preżenti, ħlief għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, li għalihom dehrilha li ma kienx hemm lok li jiġu ffurmati kategoriji (ara l-premessi 695 u 696 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni wettqet, għal kull ksur ikkonstat fid-Deċiżjoni, tqassim f’żewġ kategoriji: l-ewwel kategorija, li tinkludi l-produttur prinċipali jew il-produtturi prinċipali tal-vitamina in kwistjoni fuq is-suq dinji, u t-tieni kategorija, li tinkludi l-produttur(i) l-ieħor (l-oħrajn) ta’ din il- vitamina “li l-porzjon tagħhom tas-suq ikun sostanzjalment iżgħar” (ara l-premessi 683, 685, 687, 689, 691 u 693 tad-Deċiżjoni).

159    Għandu jiġi kkunsidrat li t-tqassim tal-produtturi f’żewġ kategoriji, dik tal-produtturi prinċipali u l-oħrajn, ma jistax jitqies li huwa mod mhux raġonevoli sabiex tiġi kkunsidrata l-importanza relattiva tagħhom fuq is-suq għall-finijiet ta’ l-aġġustament ta’ l-ammont bażiku speċifiku, kemm-il darba dan ma jwassalx għal rappreżentazzjoni nettament distorta tas-swieq in kwistjoni.

160    Rigward l-implementazzjoni għal kull ksur ta’ dan il-metodu ta’ tqassim segwit fid-Deċiżjoni, għandu jingħad li għalkemm fil-premessa 681 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tikkunsidra “l-informazzjoni relatata mal-fatturat dinji imputabbli għall-prodott in kwistjoni għall-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur”, jidher madankollu fid-dawl tal-partijiet l-oħrajn tad-Deċiżjoni – kif essenzjalment ikkonfermat il-konvenuta f’risposta għal domanda bil-miktub mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura –, li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ l-impriżi f’kategoriji, il-Kummissjoni fir-realtà bbażat ruħha fuq il-porzjonijiet tas-suq ikkontrollati fuq livell dinji minn dawn l-impriżi matul il-perijodu kollu tal-ksur.

161    Fil-fatt, il-premessa 682 tad-Deċiżjoni tippreċiża li “il-fatturi utli għall-klassifikazzjoni tal-produtturi fid-diversi kategoriji” huma indikati “separatament għal kull vitamina” fil-premessi 683 sa 696.

162    Jirriżulta minn dawn il-Jirriżulta minn dawn il-premessi li, f’dak li jirrigwarda kull ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, il-Kummissjoni stabbilixxiet żewġ kategoriji “fuq il-bażi tal-kriterju ta’ l-importanza relattiva ta’ l-impriżi fuq [is-]suq” u ffissat l-ammonti bażiċi “fid-dawl ta’ [dawn il-] kategoriji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ kull impriża taħt l-ewwel jew it-tieni kategorija ta’ kull ksur, il-Kummissjoni bbażat fuq informazzjoni relatata mal-porzjonijiet tas-suq. Madankollu, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija fil-premessi 691 u 693 tad-Deċiżjoni, jirriżulta li dawn il-porzjonijiet tas-suq ma ġewx ikkalkulati fuq il-bażi tal-fatturati dinjin imputabbli għall-prodott in kwistjoni għall-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur (iċ-ċifri mhux bejn paranteżi fit-tieni kolonna tat-tabelli dwar id-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini li jinsabu fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni), iżda jikkostitwixxu l-porzjonijiet medji tas-suq ikkontrollati mill-impriżi matul, essenzjalment, il-perijodu kollu tal-ksur (dawn il-porzjonijiet medji tas-suq huma ċ-ċifri bejn paranteżi fit-tieni kollona ta’ l-istess tabelli).

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-referenza għall-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur, li tinsab fil-premessa 681 tad-Deċiżjoni, tirriżulta minn żball klerikali, li jirriżulta li mhux relevanti u b’hekk ma jifformax parti integrali tal-motivazzjoni li abbażi tagħha saret il-klassifika ta’ l-impriżi f’kategorija jew f’oħra.

164    B’hekk, fuq il-bażi tal-porzjonijiet tas-suq fuq il-livell dinji, derivati direttament mill-fatturat dinji relatat mal-prodott għall-perijodu kollu tal-ksur, il-Kummissjoni qassmet lill-operaturi fiż-żewġ kategoriji hawn fuq imsemmija skond kif ġej:

Vitamini

L-Ewwel kategorija

Produttur(i) prinċipali

(porzjon tas-suq)

It-Tieni kategorija

Produttur(i) ieħor (oħrajn)

(porzjon tas-suq)

Vitamina A

44 %

32 % – 20 %

Vitamina E

43 % – 29 %

14 % – 10 %

Vitamina B 2

47 %

29% – 12 %

Vitamina B 5

36 % – 29 %

21 %

Vitamina Ċ

40 % – 24 %

8 % – 6%

Vitamina D 3

40 % – 32 %

15 % – 9 %


165    Jirriżulta minn din l-informazzjoni li l-Kummissjoni dejjem poġġiet il-limitu minimu fil-punt tad-differenza massima, anki meta d-differenza kienet biss ta’ punt perċentwali wieħed. Il-kategorija tal-produtturi prinċipali kienet limitata għal impriża waħda meta din kellha porzjon tas-suq ferm kbir (44 u 47 %). Huwa minnu li l-porzjonijiet tas-suq ta’ 29 % ġew ikkunsidrati li jaqgħu kemm taħt l-ewwel kif ukoll taħt it-tieni kategorija, iżda l-pożizzjoni relattiva ta’ l-impriżi li kellhom dawn il-porzjonijiet kienu differenti: il-klassifikazzjoni taħt it-tieni kategorija kienet tikkorrispondi għal differenza ta’ 18-il punt perċentwali b’paragun mal-produttur prinċipali (vitamina B 2), għall-kuntrarju ta’ differenza ta’ 7 u 14-il punt perċentwali biss għall-klassifikazzjoni taħt l-ewwel kategorija (vitamini B 5 u E). L-uniku każ fejn il-porzjon tas-suq ta’ 24 % iġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala “produttur prinċipali” (vitamina Ċ) kien meta kien hemm differenza ta’ 16-il punt perċentwali biss bejn din l-impriża u l-impriża ewlenija fis-suq u pożizzjoni ferm marġinali (8 u 6 %) għall-produtturi l-oħrajn.

166    F’dak li jirrigwarda, b’mod aktar partikolari, il-ksur relatat mal-vitamina E, id-differenza limitata bejn Roche, l-ewwel operatur, u r-rikorrenti (14-il punt perċentwali), peress li porzjon tas-suq ta’ Roche ma kienx partikolarment kbir, il- Kummissjoni setgħet, b’mod kompletament koerenti u oġġettiv u għaldaqstant mingħajr ma tikser il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, tittratta lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-ewwel produttur, u b’mod differenti mit-tielet u r-raba’ operaturi, bħala “produttur prinċipali” u, b’hekk, tiffissa għaliha l-istess ammont bażiku bħal Roche.

167    Sussegwentement, it-tqabbil li għamlet ir-rikorrenti bejn is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina E u s-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u B 2 (ara l-punt 106 hawn fuqma jistax iwassal għal konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jippresupponi li persuna jew kategorija ta’ persuni jiġu diskriminati meta mqabbla ma’ persuna oħra jew kategorija ta’ persuni. Dan it-tqabbil l-aktar li jista’ jwassal hu għal konstatazzjoni ta’ l-eżistenza, f’xi wieħed mill-każijiet, ta’ evalwazzjoni żbaljata mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju magħżul għat-tqassim f’kategoriji. Madankollu, anki fl-ipoteżi li din id-differenza fit-trattament allegata mir-rikorrenti ġiet stabbilita, din fiha nnifisha ma tippermettix li jiġi identifikat t-trattament xieraq li kellha tingħata r-rikorrenti meta l-impriżi ġew imqassma f’kategoriji għal dawn it-tliet ksur u mhijiex suffiċjenti biex tiġġustifika l-inseriment tar-rikorrenti fit-tieni kategorija tal-ksur relatat mal-vitamina E. L-argument tar-rikorrenti b’hekk mhuwiex validu.

168    F’kull każ, kif issostni wkoll ġustament il-konvenuta, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjonjiet imsemmija mir-rikorrenti huma komparabbli mal-fatt li hija kellha, f’kull wieħed mit-tliet swieq in kwistjoni, porzjon tas-suq identiku jew ferm simili. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni kienet qed tevalwa l-importanza ta’ l-impriżi fuq kull suq f’termini relattivi, din iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti ma tistax tiġi evalwata b’mod iżolat mid-distribuzzjoni tal-porzjonijiet tas-suq. Din id-distribuzzjoni tas-suq tal-vitamina ma kinitx komparabbli ma’ dik li tikkaratterizza s-swieq tal-vitamini A u B 2. Minn naħa, il-pożizzjoni ta’ l-ewwel operatur kienet aktar b’saħħitha f’dawn l-aħar swieq, Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-każ fis-swieq tal-vitamini A u B 2, fis-suq tal-vitamina E il-porzjon ta’ BASF kien aktar qrib dak ta’ l-ewwel operatur milli dak tat-tieni operatur, b’14 u 15-il punt perċentwali li jisseparaw lil BASF minn dawn it-tnejn rispettivament. Il-fatt li BASF kienet f’kategorija differenti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina E minn dik fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u B 2 b’hekk mhijiex mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

169    Isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-ammont bażiku speċifiku tal-multa imposta kontriha għall-ksur relatat mal-vitamina E ġie ffissat bi ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali.

 Vitamini B 5 u Ċ

170    Safejn ir-rikorrenti tikkunsidra, fir-rigward tad-differenti tal-fatturati rilevanti individwali, li d-differenza bejn l-ammonti bażiċi iffissati għaliha u dawk iffissati għal Roche fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini B 5 u Ċ ma kinitx suffiċjenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu magħżul mill-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ dawn l-ammonti huwiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tiddetermina l-ammont tal-multi fuq il-bażi ta’ formola matematika preċiża, hija madankollu obbligata li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 150 hawn fuq, punt 431).

171    Għandu jiġi mfakkar li, kemm għall-vitamina E kif ukoll għall-vitamini l-oħrajn, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha, qassmet f’kategoriji l-impriżi implikati fl-akkordji relatati mal-vitamini B 5 u Ċ fuq il-bażi ta’ l-importanza relattiva ta’ kull waħda minnhom fuq is-suq ikkonċernat, evalwati fuq il-bażi tal-porzjonijiet medji tas-suq għall-perijodu tal-ksur.

172    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-ammont bażiku assoċjat ma’ l-ewwel kategorija ta’ kull ksur huwa l-ammont bażiku ġenerali, jiġifieri dak li jirriżulta, fid-Deċiżjoni, mill-konstatazzjoni li l-ksur kien ferm serja u wara li ġie kkunsidrat id-daqs tas-suq ikkonċernat fuq il-livell taż-ŻEE.

173    Madankollu, peress li la d-Deċiżjoni u lanqas in-nota ta’ eċċezzjonijiet tal-konvenuta ma juru l-metodu ta’ kalkolu użat biex inkisbu l-ammonti bażiċi preċiżi applikati, għal kull ksur, għat-tieni kategorija ta’ impriżi stabbilita mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-konvenuta biex tispjega dan il-metodu li huwa bbażat fuq sistema ta’ medji u huwa sintesizzat fil-punti 112 u 113 hawn fuq.

174    Ir-rikorrenti tikkontesta din is-sistema ta’ medji, billi ssostni li l-ammont bażiku speċifiku tagħha kellu jiġi kkalkulat esklużivament skond il-proporzjon bejn il-fatturat rilevanti tagħha u dak ta’ Roche bħala l-operatur prinċipali.

175    Safejn din il-kontestazzjoni fil-fatt tikkontesta l-iffissar ta’ ammont fiss għall- ammonti bażiċi għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija – u b’hekk il-metodu nnifsu ta’ tqassim f’kategoriji fejn l-iffissar ta’ ammonti fissi huwa element intrinsiku – jew in-numru ta’ kategoriji maħluqa f’dan il-każ mill-Kummissjoni, li allegatament mhumiex suffiċjenti, din il-kontestazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, rispettivament, fil-punt 150 u l-punti 159, 164 u 165 hawn fuq.

176    Safejn din il-kontestazzjoni, mingħajr ma tikkontesta l-iffissar ta’ ammonti bażiċi fissi għall- impriżi li jappartjenu lill-istess kategorija jew numru ta’ kategoriji maħluqa f’dan il-każ mill-Kummissjoni, hija sempliċement orjentata kontra l-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatturati medji ta’ kull kategorija biex tikseb l-ammonti bażiċi speċifiċi għall-impriżi kklassifikati taħt it-tieni kategorija, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx kif dan il-metodu kien nieqes mill-koerenza jew ġustifikazzjoni oġġettiva, meta dan jidher, prima facie, ta’ natura li jippermetti evalwazzjoni loġika u bilanċjata ta’ l-ammonti bażiċi relatati mat-tieni kategorija.

177    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-ammonti bażiċi speċifiċi tal-multi li kellhom jiġu imposti kontriha għall-ksur relatat mal-vitamini B 5 u Ċ ġew iffissati bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali.

 Betakaroten u karotenojdi

178    Fir-rigwardFir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kritika tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tathiex trattament differenti minn Roche f’dak li jirrigwarda l-ammonti bażiċi speċifiċi għall-ksur relatat mal-betakaroten u l-karotenojdi, għandu jiġi mfakkar li s-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jistabbilixxi, “Meta ksur jinvolvi aktar minn impriża waħda (eż konsorzji)”, jista’ jkun meħtieġ li “f’ċerti każijiet li jiġu applikati ko-effiċjenti korrettivi lill-ammonti determinati f’kull waħda mit-tliet kategoriji [ta’ ksur] sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni” Skond dan is-subparagrafu, dan il-metodu huwa adattat “partikolarment meta hemm disparità kunsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”.

179    F’dan il-każ, iil-Kummissjoni indikat, fil-premessi 695 u 696 tad-Deċiżjoni, li, peress li s-swieq dinjin tal-betakaroten u tal-karotenojdi kienu “essenzjalment f’idejn iż-żewġ produtturi l-kbar”, ma kienx hemm lok li jinħolqu kategoriji ta’ impriżi distinti sabiex jiġu ffissati l-ammonti bażiċi tal-multi. Roche u BASF, li flimkien kellhom 100 % ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ swieq matul il-perijodu tal-ksur, b’hekk ġew suġġetti, għal kull wieħed miż-żewġ ksur in kwistjoni, għal ammont bażiku ta’ EUR 20 miljun (ara l-punt 13 hawn fuq).

180    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-użu ta’ l-espressjoni “f’ċerti każijiet” u tat-terminu “partikolarment”, li jinsabu fis-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, li l-użin skond id-daqs individwali ta’ l-impriżi mhuwiex stadju ta’ kalkolu sistematiku li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, iżda fakultà ta’ flessibbiltà li hija rriżervat għall-każijiet fejn din tkun meħtieġa. Għandha tiġi mfakkra f’dan il-kuntest il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha diskrezzjoni jekk tikkunsidrax jew le ċerti elementi meta hija tiffissa l-ammont ta’ multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, b’mod partikolari skond iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata mal-punt 146 hawn fuq). B’referenza għat-termini tas-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, hawn fuq imsemmija, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni rriżervat ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-opportunità li tiżen il-multi skond id-daqs ta’ kull impriża (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 119 hawn fuq, punt 553).

181    Peress li, f’suq fejn hemm biss żewġ operaturi, akkordju jista’ jeżisti biss jekk jipparteċipaw iż-żewġ operaturi, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-konvenuta, li l-parteċipazzjoni tat-tieni operatur f’termini tal-porzjonijiet tas-suq hija indispensabbli għall-eżistenza proprja ta’ l-akkordju daqs dik ta’ l-ewwel operatur. Barra minn hekk, l-operaturi fil-każ preżenti kienu żewġ produtturi kbar.

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja d-differenzi inkontestabbli fil-fatturati rilevanti u fil-porzjonijiet tas-suq miżmuma minn dawn l-impriżi matul il-perijodu tal-ksur, kif jirriżulta mit-tabella relatati mas-swieq tal-betakaroten u tal-karotenojdi mogħtija fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma teċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tastjeni milli tittratta b’mod differenti lir-rikorrenti u lil Roche fl-istadju ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti kontrihom għall-ksur imwettaq f’dawn is-swieq.

183    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-ammonti bażiċi speċifiċi tal-multi imposti kontriha għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi ġew iffissati bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali.

184    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li it-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

C –  Fuq ir-raba’ raġuni, relatata maż-żieda, għall-finijiet ta’ deterrent, ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-rikorrenti tikkontesta ż-żieda minn EUR 128.5 għal 267 miljun, għall-finijiet ta’ deterrent, ta’ l-ammont bażiku tal-multa globali tagħha. Hija ssostni li din iż-żieda mhijiex ibbażata fuq raġunijiet suffiċjenti u tirriżulta minn diversi żbalji fid-dritt.

a)     L-ewwel parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent ma kinitx motivata biżżejjed

186    Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda ta’ 100 % ta’ l-ammont bażiku tal-multi bħala deterrent ma kinitx motivata biżżejjed. Fil-fatt, id-deċiżjoni la tispjega għalfejn kien meħtieġ deterrent fir-rigward tagħha u lanqas għalfejn kienet meħtieġa żieda daqshekk kbira. Id-dikjarazzjoni li l-multi ġew miżjuda fuq il-bażi tad-daqs ta’ l-impriża jew skond skond il-kunċett ġenerali ta’ deterrent ma tagħti ebda motivazzjoni għal żieda daqstant sostanzjali fuq il-bażi ta’ deterrent.

187    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni insuffiċjenti mogħtija għad-Deċiżjoni fir-rigward ta’ l-effett dissważiv toħroġ aktar ċara meta wieħed iqabbel din il-motivazzjoni mal-motivazzjoni ferm aktar dettaljata mogħtija mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-impożizzjoni tal-fattur dissważiv fid-Deċiżjoni 1999/60/KE tal-21 ta’ Ottubru 1998 dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E‑4 – Pajpijiet insulati minn qabel (ĠU L 24,  1999, p. 1, iktar ‘il quddiem id- “ deċiżjoni Pajpijiet insulati minn qabel”).

188    Il-konvenuta tikkunsidra li d-Deċiżjoni fil-fatt spjegat għalfejn l-ammont bażiku tal-multi kellu jiżdied b’100 % fil-każ ta’ BASF, Roche u Aventis. Hija tirreferi għall-premessa 698 tad-Deċiżjoni, li tippreċiża din iż-żieda kienet meħtieġa minħabba d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom. Din il-premessa għandha tinqara fil-kuntest tar-raġunijiet ġenerali mogħtija fid-Deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 156), li jispjegaw fit-tul l-impatt ta’ l-aġir illegali ta’ dawn l- impriżi fid-diversi swieq ta’ vitamini.

b)     It-tieni parti: ebda żieda bħala deterrent ma kienet meħtieġa fil-każ tar-rikorrenti

189    Skond ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni ma tiddistingwix biżżejjed bejn l-iskopijiet punittivi u l-iskopijiet ta’ deterrent tal-multa. Fil-fehma tagħha, sabiex jiġi eżaminat jekk xi żieda bħala deterrent tkun iġġustifikata, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk impriża ikollhiex deterrent biżżejjed biex ma terġax twettaq ksur fil-ġejjieni fin-nuqqas ta’ żieda, bħala deterrent, tal-multa imposta fuq il-bażi tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur.

190    Mhuwiex neċessarju li tiżdied il-multa kontra impriża għal raġunijiet ta’ deterrent għas-sempliċi fatt li din tkun ta’ daqs kbir. Politika li tikkonsisti f’li jiġu ppenalizzati aktar dawk l-impriżi ta’ daqs kbir mingħajr ebda ġustifikazzjoni oħra tmur kontra kull kunċett raġonevoli ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni. B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk deterrent huwiex meħtieġ għal kull impriża fuq il-bażi tal-probabbiltà li din l-impriża taqa’ riċediva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 134). Madankollu, mhemm ebda ness razzjonali bejn il-fatturat dinji ta’ impriża u l-eżiġenzi ta’ deterrenza. Peress li din iċ-ċifra ma tagħti ebda indikazzjoni dwar il-probabbiltà li din l-impriża taqa’ riċediva. Il-linji gwida nfushom jiddistingwu b’mod ċar, f’paragrafi separati tal-punt 1 A, bejn id-daqs ta’ l-impriżi u d-deterrenza.

191    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ preżenti, fl-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiżdiedu l-multi tar-rikorrenti bħala deterrent, l-istituzzjoni b’mod skorrett naqset milli teżamina għadd ta’ ċirkustanzi li kellhom iwassluha biex twarrab din in-neċessità.

192    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ħadet azzjonijiet straordinarji meta keċċiet tliet uffiċjali ta’ grad ogħli ħafna li kienu direttament responsabbli għall-kartell u billi infurmat sew lill-impjegati kollha tagħha dwar dawn it-tkeċċijiet u dwar il-konsegwenzi interni u esterni ferm serja li għalihom ikunu suġġetti l-impjegati involuti f’attivitajiet illegali simili. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ammettiet volontarjament li kienet ħadet sehem fil-kartell u kkooperat b’mod sħiħ fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti kienet ħallset multi għal total ta’ madwar EUR 270 miljun għall-kartell f’ġurisdizzjonijiet barra ż-ŻEE (l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja) u kienet qed tistenna li d-danni u l-interessi ċivili li kien ser ikollha tħallas ser jitilgħu, fl-Istati Uniti biss, għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro. Fir-raba’ lok, l-effett dissważiv kien diġà inerenti fl-ammont bażiku tal-multa globali, li ġie ffissat għal EUR 128.5 miljun u li b’hekk kien ferm għoli, b’hekk illi ebda żieda ma kienet meħtieġa għall-finijiet ta’ deterrent. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti kienet ħadet miżuri eċċezzjonali biex iżżid kuxjenza dwar u konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni, u b’hekk uriet l-intenzjoni tagħha li tevita ksur fil-futur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 221).

193    Il-konvenuta ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, iż-żieda ta’ 100 % mhijiex ibbażata fuq il-fatturat dinji ta’ l-impriża. Dan jikkonsisti, għall-kuntrarju, f’korrezzjoni approssimattiva li tikkunsidra d-daqs ta’ BASF fuq kull wieħed mid-diversi swieq tal-vitamini u tar-riżorsi globali tagħha. Il-konvenuta tosserva li kieku l-interpretazzjoni tar-rikorrenti kienet korretta, il-multiplikatur kellu jkun ferm ogħla fil-każ ta’ BASF, peress li hija kellha fatturat dinji superjuri għal dak ta’ Roche, li ġiet suġġetta għall-istess żieda.

194    Hija tikkontesta li l-ammont bażiku diġà kellu effett dissważiv inerenti. F’dan ir-rigward, hija tirrimarka li ċ-ċifra ta’ EUR 128.5 miljun iċċitata mir-rikorrenti ma tidher imkien fid-Deċiżjoni u hija qarrieqa, peress li tirrappreżenta t-total ta’ l-ammonti bażiċi tat-tmien multi imposti għad-diversi ksur li fihom ipparteċipat ir-rikorrenti.

195    Fl-aħħar, il-konvenuta ssostni li ċ-ċirkustanzi li, skond ir-rikorrenti, jeskludu n-neċessità ta’ żieda ta’ l-ammonti bażiċi għall-finijiet ta’ deterrent (bħal dawk imsemmija fil-punt 192 hawn fuq) mhumiex relevanti.

c)     It-tielet parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent tmur kontra l-linji gwida u l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minnha

196    Skond ir-rikorrenti, żieda daqstant sostanzjali bħala deterrent tmur kontra l-linji gwida u l-aspettattivi leġittimi li jinħolqu minnha. Il-linji gwida jindikaw li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati, meta dan ikun meħtieġ, mill-Kummissjoni biex tiddetermina jekk il-multa inqas jew ogħla mil-livell ta’ EUR 20 miljun indikat għall-ksur serju ħafna. Madankollu, il-linji gwida mkien ma jissuġġerixxu li l-Kummissjoni tista’ jew għandha tikkunsidra l-effett dissważiv bħala element addizzjonali jew separat, li jiġġustifika per se ż-żieda ta’ l-ammont bażiku ta’ multa b’100%, jew, fil-każ preżenti, b’mhux inqas minn EUR 128.5 miljun.

197    Hija tafferma li jekk il-Kummissjoni xtaqet timponi multi fuq il-bażi ta’ ammont bażiku superjuri għal EUR 120 miljun, u li timponi żieda ta’ 100 % ta’ l-ammont bir-riżultat, fil-każ tar-rikorrenti, li l-ammont bażiku għall-gravità ikun ta’ EUR 257 miljun, il-Kummissjoni kien imissha adottat linji gwida ġodda. Fil-fatt, multi daqstant kbar huma għal kollox imprevedibbli fuq il-bażi tal-linji gwida attwali, u la hu raġonevoli u lanqas ġustifikabbli li l-Kummissjoni tafferma li multi daqstant kbar, ikkalkulati b’dan il-mod, huma kumpatibbli magħhom.

198    Il-konvenuta tirribatti li, permezz taż-żieda ta’ 100 % ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, hija ma kisritx il-linji gwida. Dawn ma jistgħux jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-livell tal-multi, li l-Kummissjoni għandha d-dritt li żżid, fid-diskrezzjoni tagħha, fil-limiti ffissati fir-regolament nru. 17.

d)     Ir-raba’ parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent hija eċċessiva u sproporzjonata

199    Skond ir-rikorrenti, indipendentement mil-linji gwida, il-Kummissjoni ma tistax timponi multa “ bħala deterrent ” ħlief jekk din tkun proporzjonata ma’ l-objettiv li impriża tiġi mwaqqfa milli tikkommeti ksur ġdid. Hija ssostni li fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma osservatx dan il-prinċipju u imponiet d-deterrenza “in terrorem”. Iż-żieda ta’ 100 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa għal raġunijiet ġenerali ta’ l-effett dissważiv biss hija eċċessiva u sproporzjonata.

200    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li dan l-argument jirrappreżenta, f’termini reali, aktar minn 40 % tal-multa globali finalment impost kontriha wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u li din iż-żieda ta’ 100 % ġiet iffissata għall-ksur kollha li hija wettqet, mingħajr ebda relazzjoni mal-fatturat li hija kisbet fid-diversi swieq ta’ prodotti tal-vitamini in kwistjoni u mat-tul ta’ żmien differenti ta’ dawn id-diversi ksur.

201    Il-konvenuta ssostni li l-multi kellhom ikunu proporzjonati mal-gravità u mat-tul ta’ żmien tal-ksur. Għaldaqstant mhuwiex relevanti li ż-żieda applikata għall-skopijet ta’ deterrent tirrappreżenta 40 % tal-multa globali imposta fuq ir-rikorrenti wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, hija ttenni li mhijiex obbligata li tiffissa l-ammont definittiv tal-multi skond id-diversi fatturati ta’ l-impriżi.

e)     Il-ħames parti: l-effett dissważiv kellu jiġi evalwat b’relazzjoni mal-multa totali u mhux b’relazzjoni ma’ l-ammont bażiku tal-multa

202    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta evalwat l-eżiġenza ta’ deterrent qabel ma’ l-multa totali kienet ġiet ikkalkulata b’referenza għall-gravità, it-tul ta’ żmien u ċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti. Fil-fatt, huwa biss f’dak il-mument li l-Kummissjoni tista’ tiddetermina jekk il-multa għandhiex, fiha nnifisha, effett dissważiv suffiċjenti jew kienx hemm lok li tiġi ffissata żieda addizzjonali bħala deterrent. 

203    Skond ir-rikorrenti, l-gravità ta’ ksur tiddependi biss fuq in-natura u t-tul ta’ żmien tal-ksur innifsu u mhux minn fatturi esterni bħan-neċessita li jinħoloq deterrent għal aġir futur. Hija ssemmi l-punt 109 tas-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq, li minnha jirriżulta li l-gravità ta’ ksur huwa relatat biss mal-kundizzjonijiet li fihom ikun seħħ il-ksur u li l-effett dissważiv għandu jiġi eżaminat għal kull impriża separatament u wara li jkun ġie kkalkulat l-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ l-elementi l-oħrajn kollha.

204    Il-konvenuta tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li l-effett dissważiv ta’ multa huwa wieħed mill-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur (sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq, punt 167). Barra minn hekk, hija ssostni li l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat l-effett dissważiv ta’ multa tissemma’ fil-punt 1 A tal-linji gwida, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, u li s-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq, b’ebda mod ma tissuġġerixxi l-effett dissważiv m’għandux jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq il-ħarsien ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni (l-ewwel parti)

205    Il-motivazzjoni li għandha tingħata skond l-Artikolu 253 KE għanda turu, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja li tkun l-awtriċi ta’ l-att ikkontestat, b’mod li tippermetti li l-partijiet interessati li jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti biex teżerċita l-kontroll tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivazzjoni mogħtija u d-destinatarji jew persuni oħra li jkollhom interess dirett u individidwali li jirċievu spjegazzjonijiet dwar l-att. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispejga l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni mogħtija għal att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-mod kif ikun miktub, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

206    Fil-każ ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq bosta impriżi għall-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, l-iskop ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi, b’mod partikolari, iddeterminat fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-element dissważiv ta’ l-ammendi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO u vs il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar ‘il fuq, punt 378).

207    F’dan il-każ, fir-rigward taż-żieda ta’ 100 % ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi ffissati għar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 697 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li “ biex jiġi żgurat li l-multa tkun ta’ deterrent suffiċjenti, [hija] tiddetermina jekk għandux jiġi aġġustat l-ammont bażiku għal xi waħda mill-impriżi kkonċernati ”. Sussegwentement, fil-premessa 698, il-Kummissjoni stmat li, fil-każ ta’ BASF, Roche u Aventis, kien hemm lok li “jiżdied l-ammont bażiku tal-multa kkalkulat fuq il-bażi ta’ l-importanza relattiva fuq is-suq ikkonċernat sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ dawn l-impriżi”. Fl-aħħar, fil-premessa 699 il-Kummissjoni indikat separatament, għal kull waħda minn dawn l-impriżi u għal kull ksur, ir-rata ta’ żieda applikata “bil-għan li jiġi żgurat l-effett dissważiv ”. Din ir-rata telgħet, f’kull każ, għal 100 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

208    Isegwi minn dawn il-premessi, li jikkostitwixxu l-parti tad-Deċiżjoni taħt l-intestatura “ Effett dissważiv suffiċjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-Kummissjoni stmat li żieda ta’ l-ammonti bażiċi iffissati għar-rikorrenti kienet meħtieġa, sabiex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett suffiċjenti ta’ deterrent, fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-istess rikorrenti.

209    Huwa minnu li din il-parti tad-Deċiżjoni ma tippreċiżax fuq liema informazzjoni fattwali l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tad-daqs u tar-riżorsi globali tar-rikorrenti. Madankollu, mid-Deċiżjoni jirriżulta b’mod biżżejjed ċar għall-finijiet tal-liġi – fatt mhux ikkontestat mir-rikorrenti – li l-Kummissjoni bbażat, f’dan ir-rigward, fuq il-fatturati globali ta’ l-impriżi, kif speċifikati fl-ewwel tabella tal-premessa 123 tad-Deċiżjoni.

210    Fil-fatt, fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, l-Kummissjoni indikat li t-tabelli mogħtija f’din il-premessa “[kienu] jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-importanza relattiva ta’ kull impriża fuq is-suq dinji u dak taż-ŻEE, kif ukoll lejn id-daqs rispettiv tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn it-tabelli jikkonsistu fl-ewwel tabella li turi l-fatturat totali fuq livell dinji miksub fis-sena 2000 minn kull impriża li lilha kienet indirizzata d-Deċiżjoni u f’serje ta’ tabelli li jindikaw, għal kull suq ta’ prodotti ta’ vitamini, il-fatturat rilevanti għall-aħħar sena kalendarja sħiħa tal-ksur u l-porzjonijiet tas-suq għall-perijodu tal-ksur, fuq livell dinji u fuq il-livell taż-ŻEE, għall-produtturi li joperaw f’dan is-suq.

211    Peress li d-Deċiżjoni tindika li l-Kummissjoni evalwat l-importanza relattiva ta’ kull impriża fuq is-suq ikkonċernat fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata mas-suq dinji tal-prodott ta’ vitamina in kwistjoni (fatturati jew porzjonijiet tas-suq: ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi tat-tielet raġuni hawn fuq), u peress li dik l-informazzjoni kienet diġà ġiet eżawrita għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi u ċ-ċifri relatati mas-suq taż-ŻEE ma kinux għadhom relevanti f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punt 246), għandu jiġi kkunsidrat li d-daqs u r-riżorsi globali rispettivi ta’ l-impriżi – li ġew ikkunsidrati għall-finijiet taż-żieda ta’ l-ammonti bażiċi – ġew evalwati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-fatturati globali speċifikati fl-ewwel tabella tal-premessa 123 relatati mas-sena 2000. Din it-tabella turi li kienu preċiżament BASF, Roche u Aventis li kellhom l-ogħla fatturati globali fost l-impriżi li lilhom ġiet indirizzata d-Deċiżjoni.

212    Teżisti ġurisprudenza stabbilita li l-fatturat globali jagħti indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tal-qawwa ekonomka ta’ impriża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 121; tat-12 ta’ Novembru 1985, Krupp Stahl vs Il-Kummissjoni, 183/83, Ġabra p. 3609, punt 37, u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 139; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T‑77/92, Ġabra p. II‑549, punt 94; ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 176, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 61). Min-naħa l-oħra, ir-relevanza, kemm bħala indikaturi tad-daqs u tar-riżorsi globali – li huma l-uniċi fatturi msemmija fil-premessa 698 tad-Deċiżjoni – ta’ l-elementi l-oħrajn invokati mill-konvenuta fin-noti ta’ osservazzjoni tagħha (l-impatt ta’ l-aġir illegali individwali, id-daqs f’kull wieħed mid-diversi swieq ta’ vitamini, id-daqs fis-settur tal-vitamini fit-totalità tiegħu, il-kapaċità ta’ Roche u BASF li jirrestrinġu l-marġni tal-klijenti tagħhom li joperaw, bħalhom stess, fis-suq sussidjarju ta’ taħlitiet minn qabel jew l-implikazzjoni tad-diriġenti ta’ Roche, BASF u Aventis fl-akkordji illegali) ma jirriżultawx minn evidenza immedjata u ebda parti fid-Deċiżjoni ma turi, għall-kuntrarju tal-każ tal-fatturat globali, li dawn l-elementi ġew effettivament ikkunsidrati għall-finijiet taż-żieda għal skop ta’ deterrent ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi. Matul is-seduta, il-konvenuta finalment ikkonfermat li fil-fatt intużaw biss il-fatturati globali indikati fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, fil-kuntest tal-premessa 698, għall-evalwazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati.

213    Safejn, permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tallega li ma ngħatatx motivazzjoni suffiċjenti kemm dwar il-livell preċiż taż-żieda in kwistjoni (100 %, jew multiplikatur doppju), kif iffissat, bl-istess mod għal kull ksur, fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni, għandu jingħad li, għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni ma tindikax l-metodu li l-Kummissjoni użat biex tistabbilixxi dan il-livell preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżiti proċedurali essenzjali li tingħata motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi li hija kkunsidrat biex tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, mingħajr mhi obbligata li tagħti spjegazzjoni aktar dettaljata jew iċ-ċifri relatati mal-metodu kif ġiet ikkalkulata l-multa (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 hawn fuq).

214    B’mod partikolari, mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq (punti 47 u 48) jirriżulta, li l-indikazzjoni taċ-ċifri li l-Kummissjoni użat għall-finijiet tad-diskrezzjoni tagħha li tiffissa l-multi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-effett dissważiv mixtieq, hija fakultà li preferibbilment għandha tuża l-Kummissjoni, iżda li tmur lilhinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

215    B’hekk jidher ukoll li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat l-elementi li kienu ġew ikkunsidrati għall-finijiet taż-żieda, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi għall-finijiet ta’ deterrent, b’mod li r-rikorrenti setgħet tkun taf il-ġustifikazzjoni ta’ din iż-żieda u tiddefendi d-drittijiet tagħha, u l-ġudikatura tal-Komunità kienet f’pożizzjoni li teżerċita l-kontroll tagħha. Il-kwistjoni jekk din il-ġustifikazzjoni hijiex suffiċjenti bħala bażi legali għal din iż-żieda hija kwistjoni sostantiva, li ser tiġi eżaminata fl-analiżi tal-partijiet l-oħrajn ta’ din ir-raġuni (b’mod partikolari t-tieni u l-ħames partijiet).

216    Peress li kien hemm motivazzjoni suffiċjenti għaż-żieda bħala deterrent ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fil-premessi 697 sa 699 b’relazzjoni mal-premessa 123 tad-Deċiżjoni, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq il-validità taż-żieda ta’ 100 % għall-finijiet ta’ deterrent (it-tieni u l-ħames partijiet)

217    Permezz tat-tieni u l-ħames partijiet ta’ din ir-raġuni, ir-rikorrenti tikkontesta l-validità ta’ din iż-żieda. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina, fl-ewwel lok, it-tieni parti, li permezz tagħha r-rikorrenti tikkontesta n-neċessità ta’ kwalunkwe żieda bħala deterrent fir-rigward tagħha, flimkien mal-ħames parti, li permezz tagħha r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni eżaminat dan ir-rekwiżit fi stadju prematur tal-kalkolu tal-multi. Fit-tieni lok, ser jiġu analizzati t-tielet u r-raba’ partijiet, li essenzjalment jikkontestaw il-livell taż-żieda in kwistjoni.

 Fuq it-tieni parti u l-ħames parti

–       Fuq il-fatt li ġew ikkunsidrati l-ħtiġijiet ta’ deterrent fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa

218    Għandu jiġi mfakkar li l-penalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 għandhom l-iskop li kemm li jwaqqfu aġir illegali kif ukoll li dawn jerġgħu jitwettqu (sentenza ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 47 hawn fuq, punt 173; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 1166, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 119 hawn fuq, punt 543).

219    L-effett dissważiv b’hekk huwa wieħed mill-iskopijiet tal-multa.

220    Il-linji gwida jsemmu dan l-iskop fil-punt 1 A tagħhom, li jiffoka fuq il-“gravità”. B’mod aktar preċiż, ir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-punt jiddikjara li “[s]e jkun wkoll neċessarju […]tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv”.

221    F’dan il-każ, dan ir-rekwiżit jissemma’ fl-intestatura tat-taqsima kkonċernata tad-Deċiżjoni (“Effett dissważiv suffiċjenti ”) u, f’żewġ każijiet, fil-premessi ta’ din il-parti (premessa 697: ” [b]iex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement diswassiv”; premessa 699: “il-Kummissjoni jidhirlha li huwa meħtieġ, sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv”). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

222    Biex tissodisfa dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien opportun fir-rigward tat-tliet impriżi fosthom ir-rikorrenti, li jiġu mmultiplikati b’koeffiċjent (fil-każ preżenti tnejn, jew + 100 %) l-ammonti bażiċi speċifiċi tal-multi kif irriżultaw mill-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fit-totalità tiegħu, tal-kunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq u, fejn applikabbli, ta’ l-importanza relattiva ta’ kull impriża fuq is-suq ikkonċernat. Din l-operazzjoni tippreċedi, fil-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi, il-kunsiderazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur, imsemmija fil-punt 1 B tal-linji gwida, u taċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti, imsemmija fil-punti 2 u 3 tagħhom.

223    Ir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ l-elementi testwali meħuda mill-punt 221 hawn fuq, tinterpreta l-imsemmija taqsima tad-Deċiżjoni fis-sens li l-Kummissjoni fiha wettqet verifika tan-natura adattati ta’ l-ammonti bażiċi, kif iffissati fit-taqsima preċedenti tad-Deċiżjoni, fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ deterrent. Fuq din il-premessa, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli, fl-ewwel lok, naqset milli tivverifika b’mod konkret il-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tiegħu u eżaminat il-ħtieġa ta’ deterrent fuq il-bażi ta’ kriterju mhux rilevanti, jiġifieri dak tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriża, u, fit-tieni lok, li għamlet dan l-eżami fi stadju prematur tal-kalkolu tal-multa, u b’hekk indebitament naqset milli tikkunsidra l-effett dissważiv supplementari li rriżulta mill-ammonti addizzjonali applikati mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha fuq il-bażi tal-tul ta’ żmien tal-ksur u taċ- ċirkustanza aggravanti tar-rwol ta’ mexxej u provokatur li eżerċitat fil-ksur.

224    Mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni, sabiex tapplika għar-rikorrenti u għaż-żewġ impriżi oħrajn ikkonċernati (Roche u Aventis) żieda fl-ammonti bażiċi tal-multi, ma wettqitx evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tagħhom. B’hekk, kif jirriżulta mill-premessi 697 sa 699 tad-Deċiżjoni, hija kkunsidrat biss id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi.

225    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva tar-rikorrenti b’ebda mod ma jaffettwa l-legalità ta’ din iż-żieda.

226    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, peress li l-effett dissważiv huwa wieħed mill-iskopijiet tal-multa, il-ħtieġa li dan jiġi żgurat tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li l-Kummissjoni għandha ssegwi matul il-proċess kollu tal-kalkolu tal-multa, u ma tfissirx li għandha sseħħ f’xi stadju partikolari fejn issir evalwazzjoni globali taċ- ċirkustanzi relevanti kollha għall-finijiet tal-kisba ta’ dan l-objettiv.

227    Għaldaqstant il-linji gwida, għalkemm isemmu l-ħtieġa “tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv” fir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A, – u b’hekk fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa skond il-gravità tal-ksur –, isemmu wkoll, fost iċ-ċirkustanzi aggravanti, il-”bżonn li tiżdied il-multa sabiex jinqabeż l-ammont ta’ dħul magħmul b’mod illegali b’riżultat ta’ ksur meta hu oġġettivament possibli li jiġi kalkolat l-ammont” (punt 2, ħames inċiż). Il-kunsiderazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju li seta’ nkiseb mill-awturi tal-ksur – li jissemma’ wkoll fil-punt 5(b) tal-linji gwida bħala “fatturi oġġettivi” li għandu jiġi kkunsidrat, wara l-kalkoli msemmija fil-punti preċedenti tagħha, sabiex “multi [...] jiġu emendati kif xieraq” – jekk dan ikun iġġustifikat preċiżament mill-iskop ta’ deterrent tal-multa. Fil-fatt, l-effett dissważiv tal-multi jkun inqas meta l-impriżi li jkunu kkommettew ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni jkunu qed jistennew li l-aġir tagħhom ser jiġi ppenalizzat b’multa ta’ ammont inferjuri għall-qligħ li setgħu jiksbu mill-imsemmi aġir (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 456, ikkonfermata fuq appell, b’mod partikolari fuq dan il-punt, bis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 292).

228    Bl-istess mod, il-ħtieġa ta’ deterrent tikkostitwixxi r-raġuni bażilari ta’ l-applikazzjoni ta’ żieda tal-multa fuq il-bażi ta’ “ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”, li tikkostitwixxi wkoll, skond il-linji gwida (punt 2, l-ewwel inċiż), ċirkustanza aggravanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 293).

229    Peress li l-ħtieġa ta’ deterrent ma tikkostitwixxix element speċifiku li għandu jiġi kkunsidrat, u li tirrappreżenta stadju partikolari tal-proċedura tal-kalkolu tal-multa, l-argument tar-rikorrenti fejn hija ssostni li l-element ta’ deterrent għandu jiġi evalwat fl-isfond tal-probabbiltà ta’ reċidiva ma jreġix fil-konfront taż-żieda ta’ l-ammonti bażiċi li l-Kummissjoni wettqet fil-każ preżenti. Fil-fatt, din iż-żieda hija żieda fuq il-bażi tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi, waqt li l-iskop ta’ deterrent tal-multi kien ir-raġuni msemmija fid-Deċiżjoni sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont ta’ multi (ara l-premessa 698 tad-Deċiżjoni).

230    Fi kliem ieħor, anki fl-ipoteżi li l-Kummissjoni naqset b’mod skorrett milli tikkunsidra l-fatturi li, fil-fehma tar-rikorrenti, setgħu wasslu għal tnaqqis tar-riskju ta’ reċidiva min-naħa tagħha (ara l-punt 192 hawn fuq), dan in-nuqqas ma jaffettwax il-legalità tal-prinċipju taż-żieda effettwata fil-premessi 697 sa 699 tad-Deċiżjoni, li tiddependi biss fuq il-kwistjoni jekk il-kriterju użat mill-Kummissjoni, jiġifieri dak tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi, kienx rilevanti għall-iskop li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv. Dan in-nuqqas jiġġustifika, min-naħa l-oħra, li dawn il-fatturi jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’kuntest distint ta’ analiżi tal-legalità taż-żieda hawn fuq imsemmija.

231    Barra minn hekk, fir-rigward tal-punt 134 tas-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq (ikkonfermata fuq appell, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C-359/01 P, Ġabra p. I‑4933), invokat mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat biss li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddeċiedi l-livell tal-multi bil-għan li ssaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom meta ċerti tipi ta’ ksur ikunu għadhom relattivament frekwenti, minkejja l-fatt li l-illegalità tagħhom tkun ilha li ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni, minħabba l-qligħ li ċerti impriżi involuti jkunu jistgħu jiksbu. Għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi r-rikorrenti, lanqas ma jirriżulta minn din l-osservazzjoni li l-effett dissważiv tal-multa jista’ jiġi kkunsidrat biss f’każ meta l-impriża in kwistjoni jkollha l-intenzjoni ta’ reċidiva.

232    Għaldaqstant għandha tiġi evalwata l-kwistjoni jekk il-kriterju tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi huwiex rilevanti għall-finijiet sabiex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv (ara l-punti 233 sa 236 iktar ‘il quddiem) u, f’każ affermattiv, li jiġi kkontrollat il-mod kif dan il-kriterju ġie applikat fir-rigward tar-rikorrenti (ara punti 237 sa 245 iktar ‘il quddiem). Huwa biss f’dak il-każ li jkun hemm lok li tiġi mistħarrġa l-kwistjoni jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti bħala indikaturi ta’ probabbiltà baxxa ta’ reċidiva min-naħa tagħha humiex, min-naħa tagħhom, relevanti fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa u ta’ natura li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ fatturi għat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa tagħha (ara l-punti 264 sa 271 iktar ‘il quddiem).

–       Fuq ir-relevanza li jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi sabiex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv

233    Għandu jiġi rrelevat li l-ġurisprudenza Komunitarja rrikonoxxiet f’diversi każijiet ir-relevanza tad-daqs u tal-qawwa ekonomika ta’ impriża bħala elementi li għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imponibbli skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Hija ddeċidiet, per eżempju, li dawn l-elementi jistgħu jintużaw kemm bħala indikaturi ta’ l-influwenza li l-impriża kkonċernata tista’ teżerċita fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 120, u du 8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 52; is-sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 212 hawn fuq, punt 176) jew, b’mod konformi mal-ħames subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, bħala indikaturi ta’ l-għarfien tar-rekwiżiti u l-konsegwenti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni li jista’ jkollha l-impriża (sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq, punt 169).

234    Fid-Deċiżjoni, il-kunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi hija madankollu ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv.

235    Il-konnessjoni bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi u, min-naħa l-oħra, din il-ħtieġa, ma tistax tiġi kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji konsiderevoli meta mqabbla ma’ dawk tal-membri l-oħra ta’ l-akkordju, tista’ timmobilizza aktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ multiplikatur, ta’ multa proporzjonalment aktar għolja mill-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punti 241 u 243; ara wkoll is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq, punt 170, ikkonfermata fuq appell, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, u sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 119 hawn fuq, punt 244).

236    Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata meta tikkontesta r-relevanza tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi bħala elementi li għandhom jiġu evalwati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żjieda għall-finijiet ta’ deterrent, u għandu jiġi kkonstatat ukoll li hija b’ebda mod ma tikkontesta r-relevanza ta’ l-informazzjoni użata mill-Kummissjoni biex tevalwa d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi ppenalizzati, jiġifieri, kif diġà ssemma’ fil-punti 210 u 211 hawn fuq, il-fatturati globali miksuba minn dawn l-impriżi matul is-sena (2000) qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni.

–       Fuq l-istadju fil-proċedura tal-kalkolu tal-multa meta għandhom jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi għall-finijiet ta’ deterrent

237    Permezz tal-ħames parti ta’ din ir-raġuni, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li l-evalwazzjoni dwar jekk il-multa għandhiex tiżdied biex jiġi żgurat li din ikollha effett dissważiv m’għandhiex issir fuq il-bażi ta’ l-ammont bażiku, iżda fuq il-bażi ta’ l-ammont finali tal-multa, li jirriżulta wara li jkunu ġew ikkunsidrati l-gravità, it-tul ta’ żmien u ċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti.

238    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 226 sa 229 hawn fuq, il-ħtieġa ta’ deterrent mhijiex suġġetta għal evalwazzjoni partikolari li ssir, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, fi stadju speċifiku tal-kalkolu tal-multi, iżda għandha tkun il-bażi tal-proċess kollu tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa.

239    Safejn din il-parti tar-raġuni hija intiża, f’kull każ, biex tikkontesta l-istadju fil-proċess tal-kalkolu tal-multa meta l-Kummissjoni kkunsidrat id-daqs u ir-riżorsi globali ta’ l-impriżi għall-finijiet ta’ deterrent, din ma tistax tiġi aċċettata, peress li hija bbażata fuq premessa żbaljata, jiġifieri li ż-żieda in kwistjoni hija bbażata fuq deċiżjoni dwar jekk kienx adegwat l-ammont ta’ multa partikolari u l-iskop ta’ deterrent tal-multa fil-kuntest tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi.

240    Il-premessa 699 tad-Deċiżjoni turi wkoll li l-Kummissjoni qatt ma qieset l-operazzjoni li tikkunsidra d-daqs u tar-riżorsi globali għall-finijiet ta’ deterrent bħala deċiżjoni ta’ dan it-tip. Fil-fatt, l-ammonti li jirriżultaw minn din l-operazzjoni huma ferm differenti, għall-istess impriża, skond id-diversi ksur allegati kontriha. Per eżempju, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġiet miżjuda għal EUR 70 miljun għall-vitamina E (ammont bażiku ta’ EUR 35 miljun miżjud b’100 %) waqt li għall-vitamina D 3 kien biss ta’ EUR 8 miljun (ammont bażiku ta’ EUR 4 miljun miżjud b’100 %). Madankollu, mhuwiex ċar għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont bażiku ta’ EUR 35 miljun iffissat għall-vitamina E ma kienx ta’ deterrent biżżejjed fl-isfond tal-fatturat globali tar-rikorrenti u li għollietu għal EUR 70 miljun, waqt li hija stmat, fir-rigward tal-vitamina D 3, li l-ammont ta’ EUR 8 miljun kien biżżejjed biex jiġi żgurat l-effett dissważiv.

241    Permezz taż-żieda ta’ l-ammonti bażiċi stipulati fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, indipendentement mil-livell ta’ dawn l-ammonti, fir-realtà sempliċement applikat, biex tiżgura li l-multi jkollhom effett dissważiv, trattament differenti għall-membri ta’ l-istess akkordju sabiex tikkunsidra l-mod kif dawn kienu ser jintlaqtu fir-realtà mill-multa. Dan it-trattament differenti ġie effettwat permezz ta’ multiplikaturi ffissati skond id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi, irrispettivament mil-livell ta’ l-ammonti li għalihom ġew applikati dawn il-multiplikaturi.

242    Dan il-metodu, li huwa konsistenti mar-regola stabbilita fil-punt 235 hawn fuq, jimplika li d-deċiżjoni dwar jekk kienx meħtieġ li jiġi applikat fattur ta’ deterrent fuq il-bażi tad-daqs u tar-riżorsi globali, peress li din ma tirrigwardax il-punt jekk xi ammont partikolari jkun adegwat, mhijiex influwenzata mill-istadju meta din issir fil-proċess tal-kalkolu tal-multa.

243    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ kalkolu bbażat, bħal fid-Deċiżjoni, fuq l-applikazzjoni ta’ multiplikaturi jew diviżuri għall-ammont bażiku – li twassal, essenzjalment, għall-applikazzjoni ta’ żidiet jew tnaqqis espressi bħala punti perċentwali –, kieku l-fattur ta’ żieda ta’ 100 % preżentament in kwistjoni ġie applikat fl-istadju ssuġġerit mir-rikorrenti, jiġifieri wara u mhux qabel l-evalwazzjoni tat-tul taż-żmien u taċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti, l-ammont finali tal-multa ma kienx ikun differenti minn dak li waslet għalih il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

–       Fuq il-ħtieġa li jiġi applikat għar-rikorrenti, għall-finijiet ta’ deterrent, fattur ta’ żieda tal-multa fuq il-bażi tad-daqs u tar-riżorsi globali tagħha

244    Għandu jiġi rrelevat li, b’mod ċar, il-Kummissjoni kienet korretta meta stmat li, fl-isfond tad-daqs u tar-riżorsi globali tar-rikorrenti, evalwati fuq il-bażi tal-fatturat globali miksub fis-sena 2000, kien hemm lok, għall-finijiet ta’ deterrent, li jiġi applikat fir-rigward tar-rikorrenti fattur ta’ żieda tal-multa. Fil-fatt, jirriżulta mill-ewwel tabella li tinsab fil-premessa 123 tad-Deċiżjoni, li l-imsemmija ċifra telgħat għal EUR 35 946 miljun, li turi d-dimensjoni ferm konsiderevoli ta’ din l-impriża, li teċċedi sew dik ta’ l-impriżi l-oħrajn destinatarji tad-Deċiżjoni.

245    L-argument imqajjem mir-rikorrenti fejn hija tallega li l-ammont ta’ EUR 128.5 miljun kien diġà ta’ deterrent biżżejjed jafferma din il-konklużjoni. Minn naħa, kif tosserva wkoll il-konvenuta, id-Deċiżjoni ma ffissat ebda ammont bażiku b’din iċ-ċifra, peress li din ma tissemmiex fid-Deċiżjoni u peress li tirriżulta biss mis-somma li għamlet ir-rikorrenti ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi kollha imposti kontriha fir-rigward tad-diversi ksur li bihom ġiet akkużata, li l-ogħla fosthom kienet fir-realtà ta’ EUR 35 miljun. Min-naħa l-oħra, u prinċipalment, kif ġie indikat ukoll fil-punti 239 sa 241 hawn fuq, l-operazzjoni in kwistjoni mhijiex ibbażata fuq deċiżjoni dwar l-adegwatezza ta’ l-ammont bażiku ta’ multa u ta’ l-iskop ta’ deterrent ta’ din ta’ l-aħħar, b’hekk illi ċ-ċifra ta’ EUR 35 miljun mhijiex relevanti f’dan il-kuntest.

246    Isegwi minn dak li ntqal hawn fuq li xejn fil-każ preżenti ma jwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-linji gwida jew kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew xi regola jew prinċipju tad-dritt applikabbli għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multi, meta l-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li jiżdiedu l-ammonti bażiċi speċifiċi ffissati għar-rikorrenti għall-finijiet ta’ deterrent minħabba d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-istess rikorrenti.

 Fuq it-tielet u r-raba’ partijiet

247    Permezz tat-tielet u r-raba’ partijiet, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-livell li fil-fehma tagħha huwa eċċessiv taż-żieda ta’ l-ammonti bażiċi applikata fir-rigward tagħha fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni. Minn naħa, hija ssostni li żieda ta’ 100 %, li f’dan il-każ tikkorrispondi għal EUR 128.5 miljun u li twassal għal ammont bażiku għall-gravità ta’ EUR 257 miljun, ma setgħetx raġonevolment tiġi prevista fuq il-bażi tal-linji gwida. Min-naħa l-oħra, iż-żieda in kwistjoni – li r-rikorrenti ssostni li tirrappreżenta 40 % tal-multa globali imposta kontriha wara l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – mhijiex proporzjonata ma’ l-għan li jiġi evitat it-twettiq ta’ ksur ġdid u, billi huwa l-istess għal kull ksur, b’ebda mod mhi relatata mal-fatturati miksuba minn BASF fid-diversi swieq ta’ vitamini u mat-tul ta’ żmien differenti tal-ksur tagħha.

248    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi osservat, kif tirrimarka wkoll il-konvenuta, li l-ammont ta’ EUR 128.5 miljun, imsemmi mir-rikorrenti, ma jikkorrispondix għall- valur assolut taż-żieda ta’ l-ammont bażiku iffissat għal ksur partikolari, iżda jirriżulta mit-total ta’ żidiet kollha applikati, fuq il-bażi tad-daqs u tar-riżorsi globali u għall-finijiet ta’ deterrent, għad-diversi ksur tar-rikorrenti ppenalizzati fid-Deċiżjoni. L-ogħla żieda, bħala valur assolut, applikata għar-rikorrenti fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni kienet ta’ EUR 35 miljun għall-vitamina E.

249    Il-linji gwida b’ebda mod ma jipprekludu, għal ksur “serju ħafna”, bħal dawk fil-każ preżenti, żieda b’ammont bħal dan bħala valur assolut jew żieda b’rata ta’ 100 %.

250    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, kif ġie ppreċiżat fil-preambolu tal-linji gwida, il-prinċipji stabbiliti minn dawn ta’ l-aħħar għandhom l-iskop li "jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġiżlazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali.". L-għan tal-linji gwida b’hekk hu dak ta’ trasparenza u oġġettività, u mhux dak tal-prevedibbiltà tal-livell tal-multi.

251    Barra minn hekk,, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-ksur li jiġu kkwalifikati bħala “serju ħafna”, il-linji gwida jindikaw biss li l-ammonti ta’ multi applikabbli huma “aktar minn [EUR] 20 miljun”. L-uniċi limiti massimi msemmija fil-linji gwida li huma applikabbli fir-rigward ta’ ksur ta’ dan it-tip huma l-limitu ġenerali ta’ 10 % tal-fatturat globali stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [ara l-preambolu u l-punt 5(a) tal-linji gwida] – li l-ksur tiegħu mhuwiex allegat fil-każ preżenti – u l-limiti massimi relatati ma’ ammont addizzjonali li jista’ jingħata fuq il-bażi tal-tul ta’ żmien tal-ksur (ara l-ewwel u t-tieni inċiż ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida) – li l-ksur tagħhom lanqas mhu allegat fil-każ preżenti.

252    Għaldaqstant, il-linji gwida ma jistgħu jagħtu lok għal ebda aspettattiva leġittima dwar il-livell ta’ l-ammont bażiku, ta’ l-ammonti addizzjonali applikati għal dan l-ammont għal raġunijiet oħra għajr it-tul ta’ żmien tal-ksur u, b’hekk, ta’ l-ammonti finali tal-multi li jkunu ser jiġu imposti għal ksur serju ħafna. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-proporzjon tal-multa finali li jista’ jirrappreżenta l-ammont addizzjonali impost matul il-kalkolu.

253    Barra minn hekk, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni bil-għan li jiġi kkunsidrat id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi għall-finijiet ta’ deterrent mhijiex eskluża mill-fatt li din ma tissemmiex espressament fil-linji gwida. Fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A, fil-kuntest ta’ indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, issemmi l-ħtieġa li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li din tkun ta’ deterrent suffiċjenti. Kif jirriżulta mill-paragrafi 235 u 236 hawn fuq, il-kunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi sodisfatta din il-ħtieġa, u dan kemm billi jiġi ffissat direttament ammont bażiku fid-dawl b’mod partikolari ta’ dawn l-elementi, kif ukoll billi tiġi applikata għall-ammont bażiku iffissat fuq il-bażi ta’ elementi oħrajn (fosthom in-natura tal-ksur jew l-impatt ta’ l-aġir illegali individwali) korrezzjoni bil-għan li jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi. Dan it-tieni metodu, segwit fid-Deċiżjoni, mhux biss ma jmurx kontra l-linji gwida, iżda jsaħħaħ ukoll it-trasparenza tal-kalkolu tal-Kummissjoni meta mqabbel ma’ l-ewwel metodu.

254    Rigward l-argument tar-rikorrenti li ż-żieda in kwistjoni hija sproporzjonata mal-ħtieġa li jkun hemm deterrent għal kull reċidiva min-naħa tagħha, diġà ġie deċiż, fil-kuntest ta’ l-analiżi tat-tieni parti ta’ din ir-raġuni (ara l-punti 218 sa 236 hawn fuq), li ż-żieda effettwata fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi u mhux fuq evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tagħhom u li dan il-metodu ma jistax jiġi kkontestat. Jirriżulta li l-proporzjonalità ta’ din iż-żieda għandha tiġi evalwata biss fir-rigward tad-daqs u r-riżorsi globali.

255    Diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, evalwat id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatata mal-fatturat globali miksub fis-sena 2000, informazzjoni li r-relevanza tagħha f’dan il-kuntest mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li multiplikatur identiku ġie applikat għall-ksur kollha li tagħhom ġew akkużati r-rikorrenti, b’mod indipendenti mill-fatturat rilevanti tagħha u t-tul ta’ żmien tal-ksur, mhuwiex sorprendenti u b’ebda ma mod ma jindika li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

256    Finalment, fir-rigward tal-livell preċiż ta’ dan il-multiplikatur (doppju, jew + 100 %), għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija sostanzjalment l-akbar impriża affettwata mid-Deċiżjoni. Il-fatturat globali tagħha għas-sena 2000 tela’ għal EUR 35 946 miljun. Għalkemm il-fatturat globali tagħha kien id-doppju ta’ dak ta’ Roche (EUR 17 678 miljun) u sostanzjalment aktar minn dak ta’ Aventis (EUR 22 304 miljun), ir-rikorrenti kienet suġġetta għall-applikazzjoni ta’ l-istess multiplikatur bħal dawn ta’ l-aħħar.

257    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni Pajpijiet insulati minn qabel, imsemmija fil-punt 187 hawn fuq, li ġiet adottata fl-1998 u li kienet is-suġġett b’mod partikolari tas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq (ara l-punti 162 sa 172), ġiet applikat multiplikatur ta’ 2.5 (jew żieda ta’ 150 %) fir-rigward ta’ impriża, ABB, li kienet il-kumpannija li finalment kienet tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji b’fatturat ikkonsolidat fl-1997 ta’ madwar EUR 27 600 miljun. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’din is-sentenza, ma kkuntrarjatx il-proporzjonalità ta’ dan il-multiplikatur, li kien ġie kkontestat mill-imsemmija impriża.

258    Sussegwentement, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq (punti 245 sa 249), il-Qorti tal-Prim’Istanza min-naħa l-oħra, ikkonkludiet li multiplikatur ta’ 2.5 kien eċċessiv fil-kuntest tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Showa Denko KK (iktar ‘il quddiem “SDK”), li kienet, skond id-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Każ KOMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafit (ĠU L 100, 2002, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni Elettrodi tal-grafit “)], “sostanzjalment l-akbar fost l-impriżi kkonċernati ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-multiplikatur kien ta’ natura eċċessiva fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn dan il-multiplikatur u dak ta’ 1.25 (jew żieda ta’ 25 % ta’ l-ammont bażiku) applikat għal membru ieħor tal-kartell, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li kellu fatturat globali (EUR 3 693 miljun fis-sena 2000) li kien jammonta għal nofs dak ta’ SDK (EUR 7 508 miljun fis-sena 2000). Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkunsidrat, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont bażiku iffissat għal SDK kellu jiġi mmodifikat b’multiplikatur ta’ 1.5 biss (jew żieda ta’ 50 %).

259    F’dan il-każ, il-fatturat globali ta’ BASF fis-sena 2000, li ġie kkunsidrat fid-Deċiżjoni, kien madwar ħames darbiet ogħla mill-fatturat ta’ SDK fis-sena 2000, li ġie kkunsidrat fid-deċiżjoni Elettrodi tal-grafit (imsemmija fil-punt 258 hawn fuq), li ġiet adottata ftit xhur qabel id-Deċiżjoni, kif ukoll fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq. Barra minn hekk, huwa madwar 30 % mill-fatturat ta’ ABB għall-1997 u li ġie kkunsidrat fid-deċiżjoni Pajpijiet insulati minn qabel (imsemmija fil-punt 187 hawn fuq), li ġiet adottata fl-1998, kif ukoll fis-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq. Il-multiplikatur ta’ tnejn applikat għar-rikorrenti fil-każ preżenti b’hekk ma jidhirx li huwa eċċessiv fuq il-bażi ta’ tqabbil ma’ dawn il-preċedenti.

260    Għaldaqstant, xejn fil-każ preżenti ma jwassal għall-konklużjoni li l-livell taż-żieda ta’ l-ammonti bażiċi speċifiċi tar-rikorrenti stipulati fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni tmur kontra l-linji gwida, l-aspettattivi leġittimi li r-rikorrenti setgħu jibbażaw fuqhom jew il-prinċipju tal-proporzjonalità.

261    Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba’ partijiet ta’ din ir-raġuni għandhom jiġu miċħuda.

 Konklużjoni dwar l-applikazzjoni tal-fattur ta’ żieda tal-multi msemmi fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni

262    Fl-isfond tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti ta’ fattur ta’ żieda tal-multa ta’ 100 % bil-għan li jiġu kkunsidrati, għall-finijiet ta’ deterrent, id-daqs u r-riżorsi globali tagħha ma tistax tiġi kkundannata.

263    Din il-konklużjoni madankollu ma tippreġudikax il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex, fil-każ preżenti, tikkunsidra għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ fatturi għat-tnaqqis tal-multa, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ din ir-raġuni, bil-għan li turi l-probabbiltà baxxa ta’ reċidiva min-naħa tagħha.

 Fuq iċ-ċirkustanzi li allegatament juru l-probabbiltà baxxa ta’ reċidiva min-naħa tar-rikorrenti

264    Iċ-ċirkustanzi li, skond ir-rikorrenti, jimmitigaw il-ħtiġijiet ta’ prevenzjoni speċjali fir-rigward tagħha jikkonsistu fit-tkeċċija ta’ l-uffiċjali għolja tagħha implikati fl-azzjonijiet illegali, l-adozzjoni ta’ programmi interni ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u inizjattivi sabiex tinħoloq kuxjenza fost l-impjegati tagħha f’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u l-ħlas jew l-obbligu li jitħallsu multi u danni b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ġurisdizzjonijiet ta’ Stati terzi adottati għall-aġir kollużivi fir-rigward tal-prodotti tal-vitamini (ara l-punt 192 hawn fuq).

265    Għalkemm jirriżulta mill-analiżi preċedenti li dawn iċ-ċirkustanzi mhumiex ta’ ostaklu għall-applikazzjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ fattur ta’ żieda tal-multa bil-għan li jiġu kkunsidrati, għall-finijiet ta’ deterrent, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriża, għandu jiġi vverifikat kemm dawn kienu jeħtieġu, min-naħa tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni favur ir-rikorrenti ta’ fatturi ta’ tnaqqis tal-multa.

–       Fuq il-miżuri adottati mir-rikorrenti biex tevita li taqa’ reċidiva

266    Rigward il-miżuri li r-rikorrenti adottat internament wara t-tmiem tal-ksur sabiex tevita li taqa’ reċidiva (it-tkeċċija ta’ l-uffiċjali għolja tagħha implikati fl-azzjonijiet illegali, l-adozzjoni ta’ programmi interni ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u inizjattivi sabiex tinħoloq kuxjenza fost l-impjegati tagħha f’dan ir-rigward), għandu jingħad li, waqt li huwa tabilħaqq importanti li impriża tieħu miżuri biex tevita li ksur ġdid tal-liġi tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni jitwettaq fil-futur minn membri tal-personal tagħha, dan il-fatt ma jbiddilx ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Is-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, l-istabbiliment ta’ programm ta’ konformità bħala ċirkustanza mitiganti ma jimplikax li l-Kummissjoni għandha obbligu li tipproċedi bl-istess mod f’kull każ (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 119 hawn fuq, punt 357; ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 395; ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 127, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 345, ikkonfermata b’mod partikolari fuq dan il-punt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punt 373).

267    B’hekk, il-miżuri preventivi li r-rikorrenti tallega li adottat b’ebda mod ma jobbligaw lill-Kummissjoni li tapplika fatturi ta’ tnaqqis tal-multa.

–       Fuq il-kooperazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni matul l-inkjesta

268    Peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza tal-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti matul l-investigazzjoni tagħha u peress li hija ppremjata bi tnaqqis tal- multi fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-kwistjoni jekk din il-kooperazzjoni setgħetx timmerita tnaqqis aktar tal-multi għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fis-sitt u s-seba’ raġunijiet, li huma relatati preċiżament mal-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

–       Fuq is-sentenzi ta’ ħtija mogħtija f’pajjiżi terzi

269    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex tikkunsidra, fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ deterrent fir-rigward ta’ impriża li tkun ser tiġi ppenalizzata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità, sentenzi ta’ ħtija mogħtija f’pajjiżi terzi għall-istess aġir ta’ kollużjoni, għandu jingħad li l-objettiv ta’ deterrent li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi fl-iffissar ta’ l-ammont ta’ multa għandu l-għan li jiżgura l-ħarsien mill-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat permezz tat-tmexxija ta’ l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE. Għaldaqstant, l-effett dissważiv ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità la jista’ jiġi ddeterminat sempliċement fuq il-bażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża misjuba ħatja u lanqas skond jekk ħarsitx ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi barra miż-ŻEE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 110, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punt 147).

270    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-kundanni subiti mir-rikorrenti fi stati terzi għall-aġir ta’ kollużjoni relatat mal-prodotti tal-vitamini, ma kinux jagħtu dritt għall-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis ta’ l-ammont ta’ multi imposti kontriha.

–       Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti

271    Jirriżulta mill-analiżi preċedenti li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti biex turi l- probabbiltà baxxa ta’ reċidiva min-naħa tagħha mhux biss ma jistgħux jinġiebu kontra l-applikazzjoni, fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ fattur ta’ żieda tal-multi li tikkunsidra, għall-finijiet ta’ deterrent, id-daqs u r-riżorsi globali tagħha, iżda lanqas ma jobbligaw lill-Kummissjoni biex tapplika, favur ir-rikorrenti, fatturi ta’ tnaqqis tal-multi.

c)     Konklużjoni dwar ir-raba’ raġuni

272    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-raba’ raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

D –  Fuq il-ħames raġuni, li tallega evalwazzjoni żbaljata fl-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxej u provokatur lir-rikorrenti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi

1.     Kwistjonijiet preliminari ta’ natura ġenerali

a)     L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat lil BASF, flimkien ma’ Roche, bħala l-mexxejja u l-provokaturi tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi. Hija ssostni li r-rwol tagħha f’dawn il-ksur kien sostanzjalment inqas importanti minn dak ta’ Roche u mhux aktar importanti minn dak ta’ l-impriżi l-oħrajn implikati li ma ġewx ikkunsidrati bħala mexxejja jew provokaturi.

274    Fil-kuntest ta’ akkordju, impriża jkollha r-rwol ta’ mexxej meta hija teżerċita rwol deċiżiv fl-istabbiliment ta’ l-akkordju, per eżempju, billi tikkonċepixxi l-akkordju jew tistieden kumpanniji oħrajn, tipproponi mekkaniżmi importanti għall-ħidma ta’ l-akkordju, bħal per eżempju arranġamenti fir-rigward ta’ l-iffissar tal-prezzijiet u l-volumi, u l-kontroll tal-ħidma ta’ l-akkordju, b’mod partikolari billi tippenalizza lil impriżi oħrajn li ma jikkonformawx ma’ l-istrateġija miftiehma. Fl-isfond ta’ dawn il-kriterji, l-azzjonijiet ta’ mexxej invokati mill-Kummissjoni fil-każ ta’ BASF huma, fir-realtà, sempliċi atti preparatorji ta’ strateġija li kienet ġiet maħluqa, elaborata u kkontrollata minn Roche. Ir-rikorrenti tirrimarka li kieku l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kellha tiġi kkonfermata, il-parteċipanti kollha fl-akkordju jkollhom jiġu kkunsidrati, għas-sempliċi fatt tal-parteċipazzjoni tagħhom, bħala mexxejja ta’ l-akkordju.

275    Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, l-aġir ta’ Roche biss seta’ jitqies bħala dak ta’ mexxej u ebda żieda fuq il-bażi tar-rwol ta’ mexxej ma kellha tiġi applikata kontra BASF. Hija ssostni li l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija żbaljata minn diversi aspetti u ma tissodisfax il-kriterji ta’ provi stabbiliti mill-ġurisprudenza, li jeħtieġu li l-Kummissjoni ma tgħawwiġx it-tifsira tad-dokumenti jew elementi ta’ prova billi tħalli barra kliem relevanti, tipproduċi elementi ta’ prova parzjali, ineżatti jew insuffiċjenti biex tikkorrobora l-allegazzjonijiet tagħha jew billi tanalizza b’mod skorrett id-dokumenti invokati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, SIV et vs Il-Kummissjoni, T‑68/89, T‑77/89 u T‑78/89, Ġabra p. II‑1403, punti 95, 223, 228, 271 u 281).

276    Hija ssostni li l-mod kif id-Deċiżjoni tindirizza l-kwistjoni tar-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordju tvarja sostanzjalment mill-mod segwit fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Hija tgħid li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet essenzjalment ikkunsidrat lil Roche bħala l-mexxej globali ta’ l-akkordju u li BASF, Aventis u Takeda Chemical Industries Ltd (iktar ‘il quddiem “Takeda”) eżerċitaw biss rwol minuri. Min-naħa l-oħra, waqt li ssemmi essenzjalment l-istess fatti, id-Deċiżjoni ma ssemmix ir-rwoli ta’ mexxej li preċedentement kienu ġew attribwiti lil Aventis u Takeda u tistabbilixxi li BASF kienet mexxej tal-kartell flimkien ma’ Roche. Ir-rikorrenti ssostni li din l-inkonsistenza fl-atteġġament tal-Kummissjoni, li jikkostitwixxi żball manifest fid-dritt, hija partikolarment evidenti fil-każ tal-ksur relatat mal-vitamini A u E.

277    Ir-rikorrenti tisħaq dwar l-impatt sinjifikattiv li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tagħha bħala mexxej fl-akkordji kellha fuq il-livell tal-multa globali imposta fuqha, safejn l-Kummissjoni bbażat fuq din il-konstatazzjoni kemm, minn naħa, biex iżżid b’35 % (jew b’aktar minn EUR 153 miljun) l-ammont bażiku ta’ din il-multa u, min-naħa l-oħra, biex tiċħad lir-rikorrenti tnaqqis akbar tal-multa skond it-taqsimiet B jew Ċ tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

278    Il-konvenuta tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li hija tista’ tapplika rati ta’ żieda differenti mill-ammonti bażiċi tal-multi biex tikkunsidra d-diversi rwoli eżerċitati mill-impriżi (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 204). Hija tosserva li, għall-ksur kollha msemmija mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din ir-raġuni, id-differenza bejn ir-rwoli ta’ Roche u BASF hija riflessa fir-rati ta’ żieda applikati għall-multi tagħhom, jiġifieri 50 % għal Roche u 35 % biss għal BASF.

279    Il-konvenuta ssostni li hija analizzat effettivament l-elementi ta’ prova disponibbli u li hija kellha kull dritt li tikkunsidra, fuq il-bażi ta’ serje ta’ indizzji jew elementi kkunsidrati fit-totalità taħhom, li BASF kienet eżerċitat rwol ta’ mexxej f’kull wieħed mill-akkordji kkonċernati. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza kostanti, ir-raġunijiet mogħtija f’deċiżjoni għandhom jinqraw fil-kuntest ta’ l-aġir tal-partijiet matul proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95), u osservat li r-rikorrenti la kkontestat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas matul is-seduta d-dikjarazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni li hija kienet eżerċitat ir-rwol ta’ mexxej fil-ksur li bihom kienet qed tiġi akkużata. Il-konvenuta tosserva, għall-kuntrarju, li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet affermat biss li hija kienet qed taċċetta l-evalwazzjoni ġenerali tal-każ mill-Kummissjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

280    Meta jitwettaq ksur minn diversi impriżi, ikun hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ multi, li tiġi eżaminata l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 80 hawn fuq, punt 623, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 92), li timplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi fil-ksur matul il-parteċipazzjoni tagħhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija fil-punt 86 hawn fuq, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 264).

281    Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxej” eżerċitat minn impriżi waħda jew aktar fil-kuntest ta’ akkordju għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, safejn l- impriżi li jkunu eżerċitaw dan ir-rwol għandhom, għan dan il-fatt, iġorru responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ l-impriżi l-oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 45, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 291 u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punt 301).

282    B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-linji gwida jistabbilixxi, taħt l-intestatura ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multa u li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej, jew provokatur tal-ksur” (it-tielet inċiż).

283    Fil-premessa 712 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li “Roche u BASF flimkien kienu l-mexxejja u l-provokaturi tal-ftehim kollużiv fuq il-firxa ta’ prodotti tal-vitamini li huma jipproduċu” u li “b’hekk għandu jiġi kkunsidrat ir-rwol tagħhom fid-diversi ksur bħala ċirkustanza aggravanti ”. L-ammonti bażiċi tal-multi tagħhom, kif iffissati skond il-gravità (fis-sens tal-punt 1 A tal-linji gwida) u tat-tul ta’ żmien (fis-sens tal-punt 1 B tal-linji gwida) tal-ksur, konsegwentement ġew miżjuda b’50 % għal Roche u b’35 % għal BASF (premessa 718 tad-Deċiżjoni).

284    Jirriżulta mill-premessi 712 sa 717 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kkonstatat li Roche u BASF kellhom għal raġunijiet doppji r-rwol ta’ mexxej u provokaturi fit-tmien ksur li taw lok għall-impożizzjoni tal-multi.

285    Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni, permezz ta’ referenza f’qiegħ il-paġna tal-premessa 712 għal diversi premessi inseriti fit-taqsima tad-Deċiżjoni li tagħti deskrizzjoni tal-fatti relatati ma’ kull ksur(taqsima 1.4), isemmi għadd ta’ ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tar-rwol eżerċitat minn Roche u BASF fid-diversi ksur.

286    Fit-tieni lok, il-premessi 713 sa 717 jinkludu kunsiderazzjonijiet aktar ġenerali, li japplikaw għall-ksur kollha, li mhumiex ibbażati fuq ċirkustanzi speċifiċi, iżda fuq il-vantaġġi li Roche u BASF setgħu jiksbu mill-firxa estiża ta’ prodotti tal-vitamini li huma kienu jipprovdu, fuq il-“front komuni” li huma kienu fformaw għall-finijiet tal-ħolqien u l-implementazzjoni tal-ftehim kollużiv u fuq l-objettivi komuni tagħhom bil-għan li tiġi eliminata l-kompetizzjoni fis-settur tal-vitamini.

287    Wara li analizzat żewġ mistoqsijiet preliminari (punti 290 sa 294 iktar ‘il quddiem), il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-pertinenza tal-kunsiderazzjonijiet effettwati fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni (punti 295 sa 302 iktar ‘il quddiem), u sussegwentement dik taċ-ċirkustanzi fattwali invokati fid-Deċiżjoni bħala elementi ta’ prova tar-rwol ta’ mexxej u/jew provokatur tar-rikorrenti, li huma s-suġġett tad-dibattitu bejn il-partijiet fil-kuntest ta’ l-iżviluppi identifikati speċifikament għal kull ksur imsemmi fid-Deċiżjoni (punti 305 sa 464 iktar ‘il quddiem).

288    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tikkontesta r-rwol attribwit lilha ta’ mexxej jew provokatur f’dak li jirrigwarda seba’ mit-tmien ksur li għalihom ġiet imposta multa kontriha. Fil-fatt, hija ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward taż-żieda tal-multa li ġiet applikata kontriha, fuq il-bażi tar-rwol tagħha bħala mexxej u provokatur, għall-ksur relatat mal-vitamina B 2.

 Fuq l-inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni f’dak li jirrigwarda r-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordji.

289    Għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jallega bidla fl-atteġġament tal-Kummissjoni bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni fir-rigward tar-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordji (ara l-punt 277 hawn fuq), bil-għan li juri li l-Kummissjoni għamlet żball manifest fid-dritt.

290    Fil-fatt, dan l-argument huwa manifestament infondat fil-fatt għal dak li – bl-istess mod bħall-argument li jallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża, imsemmi fil-punti 41, 60 u 61 hawn fuq u li diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza – jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol tar-rikorrenti fil-ksur. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrelevat fil-punt 61 hawn fuq, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet semmiet espressament, fil-punt 228 tagħha, ir-rwol ta’ mexxej eżerċitat mir-rikorrenti.

291    F’kull każ, għandu jingħad li, b’mod mill-aktar ċar, is-sempliċi fatt l-Kummissjoni setgħet, fid-Deċiżjoni, immodifikat l-evalwazzjoni ġuridika tagħha dwar ir-rwol ta’ mexxej fl-akkordji meta mqabbla ma’ dik ifformulata fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li bħala definizzjoni hija ta’ natura provviżorja, ma jurix per se li d-Deċiżjoni kienet b’xi mod ivvizzjata.

 Fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx ir-rwol tagħha ta’ mexxej matul il-proċedura amministrattiva

292    Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-inammissibbiltà ta’ din ir-raġuni, il-konvenuta tirrileva madankollu li r-rikorrenti la kkontestat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas matul is-seduta tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva l-affermazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni li tallega li hija eżerċitat ir-rwol ta’ mexxej fil-ksur li tagħhom ġiet akkużata. Għall-kuntrarju, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti stess affermat li hija kienet qed taċċetta l-evalwazzjoni ġenerali tal-każ mill-Kummissjoni (ara l-punt 280 hawn fuq).

293    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-klassifika ġuridika tal-fatti, in-nuqqas ta’ kontestazzjoni fuq dan il-punt min-naħa tar-rikorrenti fl-istadju finali tal-proċedura amministrattiva ma jfissirx li din il-kontestazzjoni ma tistax tinġieb matul il-proċedura kontenzjuża. Din ir-raġuni b’hekk hija ammissibbli.

 Fuq il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li saru fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni

294    Għandu jingħad li, meta fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat diversi ksur distint u ppenalizzathom permezz ta’ multi distinti, hija kellha – sabiex tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 2 tal-linji gwida – turi għal kull ksur, billi ssemmi jew tipprova b’fatti partikolari għal kull impriża, li xi waħda mill-parteċipanti fid-diversi akkordji kellha r-rwol ta’ mexxej jew provokatur.

295    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni mhumiex suffiċjenti, fihom infushom, biex jissodisfaw dan l-oneru ta’ prova li għandha l-Kummissjoni.

296    Rigward il-fatt, imsemmi fil-premessi 713 sa 716, li Roche u BASF kienu jipproduċu “firxa wiesgħa ta’ vitamini fi swieq ta’ prodotti distinti iżda relatati mill-qrib” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dan b’ebda mod ma jipprova li dawn l-impriżi effettivament kellhom ir-rwol ta’ mexxej jew provokatur fil-ksur. Il-Kummissjoni lanqas ma spjegat, la fl-imsemmija premessi u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-relazzjoni eżistenti bejn il-firxa tal-prodotti tal-vitamini u r-rwol effettivament eżerċitat fil-ksur. Fir-realtà, jirriżulta b’mod ċar minn dawn l-istess premessi li, skond l-Kummissjoni, il-firxa estiża ta’ prodotti tal-vitamini ta’ Roche u BASF tagħti lil dawn ta’ l-aħħar xi vantaġġi – bħal pożizzjoni aktar b’saħħitha fir-rigward tal-klijenti, flessibbiltà fl-istrutturar tal-prezzijiet, promozzjonijiet u skontijiet, ekonomiji ta’ l-iskala u ta’ firxa fl-attivitajiet ta’ bejgħ, kredibbiltà akbar fit-theddida ta’ rifjut ta’ provvista min-naħa tagħhom – li jżidu l-“kapaċità globali tagħhom li jimplementaw u jżommu l-ftehim antikompetittiv”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

297    B’hekk jidher li, taħt it-titolu tar-rwol ta’ mexxej u provokatur, il-Kummissjoni, f’dawn il-premessi bbażat fuq ċirkustanzi li ma jurux ir-rwol effettivament eżerċitat minn Roche u minn BASF fil-ksur, iżda li ma jistgħux jiġu eżkluzi bħala fatturi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens tal-punt 1 A tal-linji gwida, bħala indikaturi tal-kapaċità ekonomika effettiva li jagħmlu ħsara lill-operaturi l-oħrajn jew tal-“piż speċifiku” ta’ l-aġir illegali individwali.

298    Min-naħa l-oħra ma jistax jiġi preżunt, miċ-ċirkustanza li Roche u BASF jipproduċu firxa wiesgħa ta’ vitamini, jew mill-vantaġġi miksuba minnhom, li dawn l-impriżi effettivament eżerċitaw rwol ta’ mexxej jew instigaturi fil-ksur fil-każ preżenti.

299    B’hekk, għall-finijiet tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti eżerċitawx jew le r-rwol ta’ mexxej jew instigaturi fid-diversi ksur li tagħhom instabu ħatja fid-Deċiżjoni, il-kunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza jew ta’ dawn il-vantaġġi tista’ sservi biss, fil-massimu, biex tpoġġi f’perspettiva l-aġir speċifiku li l-Kummissjoni allegat kontra r-rikorrenti bħala elementi ta’ prova tar-rwol tagħha ta’ mexxej jew provokatur ta’ l-akkordju. Fil-fatt, dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-kuntest tal-każ, b’mod partikolari tal-pożizzjoni fuq is-suq li kellhom l-impriżi u tar-riżorsi li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 269 hawn fuq, punt 241).

300    L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet ferm ġenerali effettwati mill-Kummissjoni fil-premessa 717 tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, il-“front komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li allegatament ikkostitwixxew Roche u BASF u l-objettiv tagħhom “li jeliminaw kull kompetizzjoni effettiva bejniethom fi ħdan il-Komunità u ż-ŻEE għal kważi l-firxa kollha tal-vitamini prinċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huma fatturi li jistgħu juru l-motivazzjoni ta’ dawn l-impriżi fl-aġir ta’ kollużjoni, iżda ma jindikawx, fihom infushom, li dawn kellhom responsabbiltà partikolari u konkreta fil-ħolqien u fit-tħaddim ta’ l-akkordji in kwistjoni. Barra minn hekk, l-objettiv li tiġi eliminata l-kompetizzjoni reċiproka hija karatteristika tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża f’akkordju illegali u l-fatt li dan l-objettiv kien ikopri l-firxa sħiħa tal-vitamini ta’ BASF u Roche huwa biss sempliċi riflessjoni tal-wisa’ ta’ din il-firxa u mhuwiex, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet aktar sostanzjati, ta’ sinjifikat partikolari.

301    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti in kwistjoni, ibbażat essenzjalment ir-risposta tagħha fuq l-invokazzjoni ta’ ċirkustanzi fattwali preċiżi li jistgħu, fil-fehma tagħha, juru r-rwol ta’ mexxej u/jew ta’ provokatur ta’ BASF fid-diversi ksur.

 Fuq iċ-ċirkustanzi fattwali invokati mill-konvenuta bħala elementi ta’ prova tar-rwol ta’ mexxej u/jew provokatur tar-rikorrenti f’kull ksur

302    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma ppreżentatx, fid-Deċiżjoni, analiżi dettaljata tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti f’kull wieħed mit-tmien ksur li għalihom din ta’ l-aħar ġiet ippenalizzata, iżda, kif issemma’ fil-punti 286 u 287 hawn fuq, ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali (premessi 713 sa 717) u fuq referenza għall-premessi tad-Deċiżjoni li jippreżentaw, fil-kuntest tad-deskrizzjoni tal-fatti relatati ma’ kull ksur, ċerti ċirkustanzi fattwali (nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712).

303    Madankollu, fin-noti ta’ eċċezzjonijiet tagħha, il-konvenuta semmiet ukoll, ta’ mill-inqas għal xi wħud mill-ksur in kwistjoni, ċirkustanzi fattwali supplementari, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu diġà ssemmew fid-Deċiżjoni, li fil-fehma tagħha jagħtu prova tar-rwol ta’ mexxej jew provokatur eżerċitat mir-rikorrenti. Madankollu, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma ssemmewx, lanqas indirettament permezz ta’ referenza, fil-parti tad-Deċiżjoni relatata maċ-ċirkustanza aggravanti in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhux ser tikkunsidrhom ħlief jekk jiġi kkonstatat li hemm vizzju li jaffettwa l-legalità ta’ din il-parti tad-Deċiżjoni u, konsegwentement teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa skond l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17.

2.     Eżaminazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fid-diversi ksur

a)     Ksur relatati mal-vitamini A u E

 L-argumenti tal-partijiet

304    Ir-rikorrenti tfakkar li d-Deċiżjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712, issemmi żewġ ċirkustanzi iżolati in sostenn tal-konklużjoni li BASF kienet mexxej flimkien ma’ Roche fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E.

305    L-ewwel ċirkustanza, imsemmija fil-premessa 183 tad-Deċiżjoni, jiġifieri l-fatt li Roche xi kultant saqsiet lil BASF biex tħabbar l-ewwel żieda fil-prezzijiet, ma tistax tiġi mqabbla mad-diversi azzjonijiet imwettqa minn Roche fil-ħolqien, l-organizzazzjoni u l-istabbiliment ta’ l-akkordju, u l-aktar l-aktar tissuġġerixxi li BASF setgħet ħabbret, fuq talba ta’ Roche, għadd żgħir ta’ żidiet fil-prezzijiet biex taħbi l-fatt li dawn kienu instigati minn Roche. Ir-rikorrenti tirrimarka li l-konklużjoni globali tal-Kummissjoni, ifformulata fil-premessa 569 tad-Deċiżjoni, kienet li BASF kienet qed issegwi l-istruzzjonijiet ta’ Roche. Għaldaqstant, dan l-atteġġament min-naħa ta’ BASF mhuwiex kumpatibbli mar-rwol ta’ mexxej.

306    It-tieni ċirkustanza, imsemmija fil-premessa 160 tad-Deċiżjoni, jiġifieri l-fatt li BASF ħadet sehem fid-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu bażiku ta’ l-arranġamenti, hija għaldaqstant minnha fir-rigward ta’ Aventis, minkejja l-fatt li din ta’ l-aħħar ibbenefikat minn immunità minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li hija ma kinitx mexxej. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi invokata in sostenn tal-konklużjoni li BASF kienet mexxej. Fir-realtà, ir-rwol ta’ BASF kien essenzjalment l-istess bħal dak ta’ Aventis.

307    Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi, kif għamlet ġustament fil-każ ta’ Aventis, li BASF kienet parteċipanti, iżda mhux mexxej fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E.

308    Il-konvenuta tirribatti li r-rwol ta’ provokatur jew mexxej ta’ BASF fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E jirriżulta minn diversi elementi msemmija fid-Deċiżjoni u mhux biss minn dawk imsemmija mir-rikorrenti. Hija ssemmi b’mod partikolari f’dan ir-rigward, il-kompitu li kellha r-rikorrenti biex tinnomina l-persuni li kellhom jieħdu sehem regolarment fil-laqgħat organizzati fil-livell ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fuq skala reġjonali (premessa 177). Hija ssostni li l-fatt li BASF u Roche kienu l-fundaturi ta’ dawn l-akkordji, billi stabbilixxew l-ewwel kuntatti bejniethom u billi kellhom l-ewwel laqgħa fis-7 ta’ Ġunju 1989, huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet li għamlu Aventis u Takeda matul il-proċedura amministrattiva.

309    Il-konvenuta tirrifjuta l-argument tar-rikorrenti li r-rwol ta’ Aventis u tar-rikorrenti fl-akkordji in kwistjoni kienu paragunabbli. Hija tisħaq, b’mod partikolari, li BASF u Roche flimkien avviċinaw lil Aventis u li kienet BASF, u mhux Aventis, li ħabbret żieda sostanzjali, għalkemm okkażjonali, tal-prezzijiet.

310    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għar-rendikonti ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva minn Roche u Aventis ta’ l-arranġamenti relatati mal- vitamini A u E, li minnhom jirriżulta li Roche ħolqot u organizzat dawn l-arranġamenti u li r-rwoli ta’ BASF u d’Aventis kienu ekwivalenti u sekondarji. Hija ssostni, b’mod partikolari, li jirriżulta mir-rendikont ta’ Roche li din organizzat ċerti laqgħat preparatorji biex tiddiskuti l-istruttura ta’ l-arranġamenti, li l-ewwel waħda minnhom saret ma’ Aventis f’Basle fl-24 ta’ April 1989 u li ġiet segwita minn laqgħa bejn Roche u BASF f’Basle ukoll mhux qabel is-7 ta’ Ġunju 1989. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ Takeda b’ebda mod ma jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tal-konvenuta, peress li dawn ma jgħidu xejn dwar il-kronoloġija tal-laqgħat u l-parteċipanti li ħadu sehem fihom, li fihom Takeda ma kinitx preżenti, peress li din ma tipproduċix il-vitamini A u E. F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha tressaq prova tar-rwol ta’ mexxej, u mhux sempliċement tafferma dan ir-rwol unikament fuq il-bażi tal-kronoloġija tal-laqgħat.

311    Rigward l-allegat kompitu li tinnomina l-parteċipanti għal-laqgħat organizzati fuq livell ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fuq skala reġjonali, ir-rikorrenti tosserva li l-premessa relevanti tad-Deċiżjoni, jiġifieri l-premessa 178, tindika biss li, meta kkooperat mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-inkjesta tagħha, BASF pprovdiet lill-Kummissjoni b’lista ta’ l-ismijiet tal-parteċipanti f’dawn il-laqgħat, b’mod li ma jistax serjament jiġi konkluż li BASF kienet responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat.

312    Rigward it-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet, ir-rikorrenti ssostni li Roche affermat b’mod ċar, fir-rendikont tagħha, li kien ġie miftiehem bejn il-parteċipanti li waħda minnhom kellha tħabbar iż-żieda fil-prezzijiet u li l-oħrajn kellhom isegwu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni tal-konvenuta li kienu biss BASF u Roche li għamlu dan it-tħabbir hija żbaljata, peress li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Aventis li din kienet l-ewwel li ħabbret żieda tal-prezzijiet fl-1 ta’ Jannar 1997.

313    Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta tallega li, skond it-termini nfushom tar-rendikont ta’ Roche imsemmi mir-rikorrenti, dan ma jistax jitqies bħala deskrizzjoni preċiża u oġġettiva ta’ l-avvenimenti. F’kull każ, dan ir-rendikont lanqas ma jindika li Roche kienet l-unika waħda li ħadet inizjattivi biex tlaqqa’ lill-produtturi jew li r-rwoli ta’ BASF u Aventis kienu ekwivalenti u sekondarji. Fir-rigward tar-rendikont ta’ Aventis, ir-rikorrenti għamlet referenzi selettivi u impreċiżi, peress li minn dan id-dokument jirriżulta b’mod partikolari li BASF ħabbret il-prezzijiet aktar minn darba, għall-kuntrarju ta’ Aventis.

314    Il-laqgħa bejn Roche u BASF ta’ l-24 ta’ April 1989 mhijiex relevanti biex jiġi ddeterminat min kienet il-mexxej ta’ l-akkordji, peress li din saret qabel id-data (Settembru 1989) stabbilita fid-Deċiżjoni bħala l-bidu tal-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

315    Għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mad-Deċiżjoni, fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E ħadu sehem it-tliet produtturi Ewropej Roche, BASF u Aventis kif ukoll, f’dak li jirrigwarda biss il-vitamina E, il-produttur Ġappuniż Eisai Co. Ltd. Iż-żewġt iksur bdew f’Settembru 1989 għat-tliet produtturi Ewropej, waqt li Eisai ssieħbet fl-akkordju relatat mal-vitamina E f’Jannar 1991 (premessi 701 sa 703 tad-Deċiżjoni).

316    Barra minn hekk li l-konvenuta osservat f’diversi okkażjonijiet fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha li jirriżulta mill-mod kif huwa miktub it-tielet inċiż tal-punt 2 tal-linji gwida, li għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-ksur in kwistjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ mexxej u dak ta’ provokatur ta’ ksur, u li għandhom isiru żewġ analiżi separati biex jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti eżerċitatx xi wieħed minn dawn ir-rwoli. Fil-fatt, waqt li r-rwol ta’ provokatur jirrigwarda mument meta jiġi stabbilit jew imkabbar akkordju, ir-rwol ta’ mexxej jirrigwarda t-tħaddim tiegħu.

317    Il-konvenuta, fin-noti ta’ eċċezzjonijiet tagħha, issostni li wriet, fid-Deċiżjoni, li r-rikorrenti kellha r-rwol kemm ta’ provokatur kif ukoll ta’ mexxej fiż-żewġ akkordji in kwistjoni.

318    In-nota f’qiegħ il-paġna tal-premessa 712 fil-fatt tirreferi b’mod partikolari għall- premessi 160 u 183 tad-Deċiżjoni, li jirrigwardaw rispettivament l-oriġini u t-tħaddim ta’ dawn l-akkordji. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għall-ksur relatat mal-vitamini A u E hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tar-rwol ta’ provokatur u r-rwol ta’ mexxej li hija eżerċitat f’dawn il-ksur.

–       Rwol ta’ provokatur

319    Ir-rwol ta’ provokatur eżerċitat mir-rikorrenti flimkien ma’ Roche fil-ksur relatat mal-vitamini A u E jirriżulta, skond il-konvenuta, mill-premessa 160 tad-Deċiżjoni, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti u li tiddeskrivi l-oriġini taż-żewġ akkordji, u li hija kkonfermata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Aventis u Takeda matul il-proċedura amministrattiva. Hija ssostni li ġiet stabbilita, b’mod partikolari, li l-ewwel kuntatti saru bejn Roche u BASF, waqt li l-kuntatti ma’ Aventis saru fi stadju aktar tard, fuq inizjattiva konġunta ta’ Roche u BASF.

320    Għalkemm il-premessa 160 hija waħda mill-premessi elenkati fin-nota f’qiegħ il-paġna tal-premessa 712 tad-Deċiżjoni, b’hekk illi ċ-ċirkustanzi speċifikati fiha jistgħu jitqiesu bħala l-bażi tal-motivazzjoni ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li BASF kellha rwol ta’ provokatur fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni ma tistax tirreżisti l-eżaminazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija ċirkustanzi, evalwati fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet ta’ Aventis u Takeda, invokati mill-konvenuta, u tad-dikjarazzjonijiet ta’ Roche, invokati mir-rikorrenti, ma jipprovawx li BASF eżerċitat dan ir-rwol fl-akkordji hawn fuq imsemmija.

321    Għandu jiġi osservat li, biex tiġi kkwalifikata bħala l-provokatur ta’ akkordju, impriża trid tkun ikkonvinċiet jew ħeġġet lil impriżi oħrajn biex jistabbilixxu l-akkordju jew biex jingħaqdu miegħu. Mhuwiex biżżejjed, min-naħa l-oħra, li tkun sempliċement waħda mill-membri fundaturi ta’ l-akkordju. Għaldaqstant, per eżempju, f’akkordju maħluq minn żewġ impriżi biss, mhuwiex iġġustifikat li dawn l-impriżi jiġu kkwalifikati awtomatikament bħala instigaturi. Din il-klassifika għandha tiġi riżervata għall-impriż li, jekk ikun il-każ, tkun ħadet l-inizjattiva, per eżempju billi tissuġġerixxi lill-oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew billi tipprova tikkonvinċiha biex tipproċedi b’dan il-mod.

322    Il-premessa 160 tad-Deċiżjoni ssemmi tliet laqgħat li saru matul is-sena 1989: l-ewwel laqgħa saret fis-7 ta’ Ġunju bejn Roche u BASF f’Basle, it-tieni laqgħa saret matul is-sajf f’Zurich bil-parteċipazzjoni ta’ Aventis waqt li t-tielet laqgħa saret f’Settembru bejn Roche, BASF u Aventis. Skond id-Deċiżjoni (ara b’mod partikolari l-premessa 162), kienet din l-aħħar laqgħa, li saret ukoll f’Zurich, li mmarkat il-ħolqien taż-żewġ akkordji.

323    Iċ-ċirkustanza deċiżiva li fuqha ġiet ibbażata d-dddDeċiżjoni meta stabbilixxiet ir-rwol ta’ provokatur ta’ BASF fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E tinsab fil-fatt li l-ewwel laqgħa preparatorja ta’ dawn l-akkordji saret esklussivament bejn Roche u BASF.

324    Id-dikjarazzjoni ta’ Aventis tad-19 ta’ Mejju 1999, fil-punti 3.1 u 3.2 tagħha invokati mill-konvenuta, tindika li rappreżentant ta’ Aventis kien ġie avviċinat minn rappreżentanti ta’ Roche u BASF fil-bidu tas-snin 80 biex jiddiskutu l-attivitajiet fis-settur tal-vitamini, li kienu nżammu l-kuntatti bejn dawn it-tliet impriżi matul is-snin 80 mingħajr madankollu ma taw lok għal ftehim bil-għan li jiġi influwenzat is-suq u li, lejn it-tmiem tas-sena 1989, meta l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq kienet ġiet ikkonsolidata, Aventis ġiet mistiedna għal laqgħa ma’ BASF u Roche biex tiddiskuti tad-daqs tas-suq, laqgħa li matulha ġie stabbilit il-ftehim antikompetittiv. Din l-informazzjoni ma tissuġġerix li l-inizjattiva għall-ħolqien ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E, f’Settembru 1989, ittieħdet mir-rikorrenti.

325    Huwa minnu li l-punt 2.5 ta’ din id-dikjarazzjoni, li min-naħa l-oħra ma ġiex invokat mill-konvenuta fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha, jindika li “[Aventis ġiet] avviċinata lejn it-tmiem ta’ l-1989 minn Roche u BASF biex tieħu sehem fl-attivitajiet [antikompetittivi]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

326    Madankollu, fir-rendikont tagħha dwar l-akkordju relatat mal-vitamina E, li jikkostitwixxi l-Anness 5 tar-risposta ta’ Roche tas-16 ta’ Lulju 1999 fuq talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 1999 (iktar ‘il quddiem ir- “risposta ta’ Roche tas-16 ta’ Lulju 1999”), Roche assumiet ir-responsabbiltà li weħidha ħadet l-inizjattiva li tlaqqa’ lir-rappreżentanti ta’ dawn it-tliet impriżi bil-għan li jiġi stabbilit akkordju, li fih il-produttur Ġappuniż ġie involut fit-tieni stadju (punt 1 tal-paġna 2 ta’ l-imsemmi Anness 5).

327    Barra minn hekk, f’dan l-istess rendikont, Roche semmiet żewġ laqgħat preparatorji bilaterali li saru fl-1989 f’Basle (fejn tinsab is-sede ta’ Roche) fuq livell ta’ l-ogħla diriġenti ta’ kull impriża tas-settur tal-vitamini: dik tas-7 ta’ Ġunju 1989 bejn Roche u BASF, li tissemma’ wkoll fil-premessa 160 tad-Deċiżjoni, u laqgħa li seħħet qabel, fl-24 ta’ April 1989, bejn Roche u Aventis (paġna 3 ta' l-imsemmi Anness 5).

328    Jirriżulta mir-rendikont ta’ Roche dwar il-ftehim relatat mal-vitamina A, li jinsab fl-Anness 1 tar-risposta ta’ Roche tas-16 ta’ Lulju 1999 (paġna 2 sa 4), li dawn iż-żewġ laqgħat ukoll kienu jirrigwardaw il-vitamina A.

329    Il-punti 32 u 33 tar-risposta ta’ Takeda tal-5 ta’ Ottubru 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li fuqhom qed tibbaża ruħha wkoll il-konvenuta, ma fihomx indikazzjonijiet li jistgħu jissostanzjaw il-pożizzjoni ta’ din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, jirriżulta biss li l-ewwel ftehim antikompetittiv dwar il-vitamini kienu dawk ta’ l-1989 bejn Roche, BASF u Aventis fir-rigward tal-vitamini A u E. Din iċ-ċirkustanza, li tikkonċerna fuq l-istess bażi lil Aventis – li l-Kummissjoni ma kkwalifikatx bħala provokatur fid-Deċiżjoni – ma tippermettix li jiġi kkonstatat li BASF eżerċitat ir-rwol ta’ provokatur fil-ftehim. Kien tabilħaqq diffiċli li Takeda tagħti indikazzjonijiet affidabbli f’dan ir-rigward, peress li, billi ma kinitx tipproduċi l-vitamini A u E, hija ma kinitx parteċipi fil-ftehim relatat ma’ dawn il-vitamini. Min-naħa l-oħra, fil-punt 30 ta’ din ir-risposta ta’ Takeda, huwa affermat b’mod ġenerali li “Roche […] kienet b’mod ċar il-provokatur tal-kooperazzjoni bejn il-produtturi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

330    Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-konvenuta li BASF u Roche flimkien ħadu l-inizjattiva li javviċinaw lil Aventis – allegazzjoni li tidher li hija kkorroborata mid-dikjarazzjoni ta’ Aventis tad-19 ta’ Mejju 1999 – tidher li hija kkuntrarjata mir-rendikont tal-laqgħat mogħti minn Roche fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Lulju 1999 u, b’mod partikolari, mil-laqgħa bilaterali ta’ l-24 ta’ April 1989 bejn Roche u Aventis.

331    Fir-rigward ta’ din il-laqgħa, il-konvenuta toġġezzjona, fl-ewwel lok, li r- rendikont ta’ Roche ma jikkostitwixxix deskrizzjoni eżatta u oġġettiva ta’ l-avvenimenti, peress li Roche stess indikat, fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Lulju 1999, li “l-informazzjoni [mogħtija] ma tinkludix id-dettalji kollha, iżda tirrifletti l-aħjar memorji personali ta’ l-uffiċjali ta’ Roche” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fit-tieni lok, il-konvenuta ssostni li l-imsemmija laqgħa mhijiex relevanti biex jiġi ddeterminat minn kien il-mexxej ta’ l-akkordji peress li din saret qabel id-data (Settembru 1989) stabbilita fid-Deċiżjoni bħala l-bidu tal-ksur.

332    Dawn l-oġġezzjonijiet tal-konvenuta ma jistgħux jiġu milqugħa.

333    Rigward l-ewwel oġġezzjoni, għandu jiġi kkonstatat li Roche indikat bi preċiżjoni d-data (24 ta’ April 1989), il-post (Basle) u l-ismijiet tal-parteċipanti fl-imsemmija laqgħa bilaterali u li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, ma qajmet ebda riżerva dwar l-affidabbiltà ta’ l-informazzjoni mogħtija minn Roche, iżda, għall-kuntrarju, hi stess irrikonoxxiet in-natura “ferm sostanzjali” ta’ l-informazzjoni mibgħuta minn Roche fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E (premessa 743) u akkordat lil Roche, b’mod partikolari għal dawn il-ksur, tnaqqis ta’ 50 % fuq il-bażi ta’ l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ Aventis, li seta’ kellha interess biex tnaqqas ir-rwol tagħha fl-istabbiliment ta’ l-akkordji billi tenfasizza r-rwol ta’ Roche u BASF f’dan ir-rigward, Roche ma kellha ebda interess partikolari li tattribwixxi din ir-responsabbiltà lilha nnifisha b’mod esklużiv.

334    It-tieni oġġezzjoni – li permezz tagħha l-konvenuta ma tiddistingwix, għall-kuntrarju tad-direzzjoni li ġeneralment tieħu, bejn il-kunċett ta’ mexxej u ta’ provokatur – mhijiex fondata, in kwantu r-rikorrenti ssemmi l-laqgħa ta’ l-24 ta’ April 1989 bejn Roche u Aventis biex turi li hija ma kellhiex ir-rwol ta’ provokatur. Madankollu, anki fl-ipoteżi li hija korretta, din l-oġġezzjoni tinvalidixxi xorta waħda l-invokazzjoni mill-konvenuta tal-laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 1989 bejn Roche u BASF, imsemmija fil-premessa 160 tad-Deċiżjoni, li wkoll seħħet qabel il-bidu tal-ksur.

335    Minn dan isegwi li l-elementi ta’ prova miġjuba mill-konvenuta ma jwasslux għall-konklużjoni li r-rikorrenti eżerċitat ir-rwol ta’ provokatur, b’mod partikolari fir-rigward ta’Aventis, fil-kuntest ta’ l-istabbiliment ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E.

336    Rigward l-involviment tal-produttur Ġappuniż Eisai fl-akkordju relatat mal-vitamina E, ir-rwol li setgħet eżerċitat ir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma ġiex indirizzat mill-konvenuta fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha. Ebda waħda mill- premessi tad-Deċiżjoni li tiddeskrivi l-involviment ta’ Eisai (premessi 212 sa 220) mhuma ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712. Jirriżulta wkoll mill- premessi 212 u 234 li Roche biss avviċinat lil Eisai bil-għan li din ta’ l-aħħar tissieħeb fl-imsemmi akkordju.

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni, li tinsab fid-Deċiżjoni, li r-rikorrenti eżerċitat ir-rwol ta’ provokatur fil-ksur relatat mal-vitamini A u E ma ġietx sostanzjata b’mod suffiċjenti.

338    Peress li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b’illegalità fuq dan il-punt u peress li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żieda unika ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa fuq il-bażi taċ-ċirkustanza aggravanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 2 tal-linji gwida, hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-ksur in kwistjoni, bil-għan li tikkonferma, tannulla jew timmodifika l-imsemmija żieda tal-multa. Peress li l-konvenuta ma ressqet ebda prova ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward taċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 160 tad-Deċiżjoni, bil-għan li tipprova r-rwol ta’ provokatur tar-rikorrenti fiż-żewġ ksur in kwistjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza ser jikkonċentra fuq l-allegat rwol ta’ mexxej eżerċitat mir-rikorrenti fl-istess ksur.

–       Rwol ta’ mexxej

339    Il-konvenuta, biex tissostanzja l-konstatazzjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat ir-rwol ta’ mexxej fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E, tirreferi għal żewġ tipi ta’ azzjonijiet li din ta’ l-aħħar allegatament wettqet fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-ftehim illegali u li ssemmew fid-Deċiżjoni.

340    Fl-ewwel lok, il-konvenuta ssemmi r-rwol li kellha BASF biex tinnomina l-persuni li jieħdu sehem regolarment fil-laqgħat organizzati fuq il-livell ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fuq skala reġjonali, rwol li jirriżulta mill-premessa 177 tad-Deċiżjoni.

341    Fit-tieni lok, il-konvenuta ssemmi ż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra lill-pubbliku mir-rikorrenti u tirreferi f’dan ir-rigward għall-premessi 183 u 224 tad-Deċiżjoni.

342    Rigward l-allegat rwol li tinnomina l-parteċipanti għal ċerti laqgħat, il-premessa rilevanti tad-Deċiżjoni – jiġifieri l-premessa 178, bir-referenza għall-premessa 177 mill-konvenuta manifestament żball klerikali – tindika li “BASF innominat il-persuni li ser jipparteċipaw b’mod regolari fil-laqgħat matul il-perijodu in kwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

343    Din il-premessa ġiet interpretata b’mod żbaljat mill-konvenuta fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha. Kif sostniet ir-rikorrenti u kif jirriżulta mid-dokumenti tal-fajl amministrattiv ippreżentat mill-konvenuta fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il- premessa 178 tad-Deċiżjoni tindika biss li r-rikorrenti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, identifikat, bl-ismijiet, l-individwi li pparteċipaw fil-laqgħat f’isem l-impriżi rispettivi tagħhom. Il-konvenuta, wara li ġiet mitluba mil-Qorti tal-Prim’Istanza biex tressaq provi li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ l-akkordji in kwistjoni, kellha l-kompitu li tinnomina l-parteċipanti għal-laqgħat organizzati fuq livell ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fuq skala reġjonali, ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel dan.

344    Rigward iż-żidiet fil-prezzijiet imħabbra mir-rikorrenti, il-konvenuta tibbaża b’mod partikolari fuq il-premessa 183 tad-Deċiżjoni, li ssir referenza għaliha wkoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712 u li tgħid hekk:

“Kull meta kienet tiġi deċiża xi żieda fil-prezzijiet, ġeneralment din kienet tiġi mħabbra l-ewwel minn Roche (għalkemm xi kultant kienet issaqsi lil BASF biex tħabbar iż-żieda l-ewwel).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

345    Ir-rikorrenti ma tikkontestax li xi kultant kienet hi li ħabbret l-ewwel, fuq talba ta’ Roche, iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fi ħdan l-akkordji relatati mal-vitamini A u E. Hija ssostni li madankollu dan ma jistax iwassal għall-konklużjoni li hija eżerċitat ir-rwol ta’ mexxej f’dawn l-akkordji.

346    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi aċċettat.

347    Huwa minnu li l-premessa 201 tad-Deċiżjoni tgħid li “kienu d-diretturi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-‘vitamini’ li, matul il-laqgħat perjodiċi tagħhom, kienu jiddeċiedu li jżidu jew le l-prezzijiet, u f’każ affermattiv, f’liema mument u kif”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, il-premessa 203, fuq il-bażi ta’ l-allegazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 5 tar-risposta ta’ Roche tas-16 ta’ Lulju 1999 u li ġew invokati mir-rikorrenti, tindika li “il-partijiet normalment kienu jiftiehmu li wieħed mill-produtturi għandu ‘jħabbar’ iż-żieda l-ewwel, jew f’rivista professjonali jew permezz ta’ komunikazzjoni diretta mal-klijenti prinċipali” u li “malli ż-żieda tal-prezz tkun ġiet imħabbra minn wieħed mill-membri tal-kartell, l-oħrajn ġeneralment kienu jsegwu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

348    Madankollu, il-fatt li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu jiġu deċiżi bi qbil komuni matul il-laqgħat bejn il-membri ta’ l-akkordju, inkluż il-volum tagħhom, id-data u l-mekkaniżmu għall-implementazzjoni tagħhom, ma jneħħix ir-responsabbiltà partikolari li kienet tassumi l-impriża partikolari li tiddeċiedi li tkun l-ewwel li effettivament iddaħħal fis-seħħ iż-żieda miftiehma. Permezz tat-teħid ta’ din l-inizjattiva, mingħajr ma tkun ġiet partikolarment u speċifikament inkarigata mill-ftehim ta’ żieda tal-prezzijiet stipulata matul laqgħa ta’ l-akkordju, l-impriża kienet qed tagħti b’mod spontanju spinta fundamentali għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, b’mod illi tikkawża li l-akkordju, minflok ma jibqa’ inoperattiv, jipproduċi effetti fis-suq.

349    Ir-rikorrenti, li ma tikkontestax li ħadet din l-inizjattiva aktar minn darba, ma tista’ taħrab minn din ir-responsabbiltà billi targumenta li Aventis kienet għamlet l-istess ta’ mill-inqas darba.

350    Fil-fatt, il-prova li fuqha tibbaża r-rikorrenti, tal-fatt li darba kienet Aventis li ħabbret l-ewwel iż-żieda fil-prezzijiet deċiża fi ħdan l-akkordju hija kkostitwita permezz tad-dikjarazzjoni ta’ Aventis stess tad-19 ta’ Mejju 1999 (punt 3.4), fejn din l-impriża indikat li ħadet din l-inizjattiva “darba biss”, li, għal ksur li dam għaddej disa’ snin u sitt xhur bħal dak in kwistjoni, żgur ma jikkostitwixxix indizzju suffiċjenti biex Aventis tiġi kkwalifikata bħala mexxej.

351    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-akkordju relatat mal-vitamina E, iċ-ċirkustanzi fattwali speċifikati fid-Deċiżjoni juru li r-rwol tar-rikorrenti ma jistax jiġi assimilat ma’ dak ta’ Aventis. F’dan ir-rigward, għandu jissemma’, minn naħa, il-fatt li, wara li l-fabbrika ta’ Aventis kellha tieqaf topera minħabba nirien li seħħu f’Diċembru 1990, ir-rikorrenti segwiet lil Roche u pprovdiet lil Aventis bil-vitamina E sakemm din il-fabbrika reġgħet bdiet topera (ara l-premessi 216 u 220); u min-naħa l-oħra, il-fatt li, fl-1997, ir-rikorrenti segwiet lil Roche, u effettwat xiri ta’ kumpens mingħand Aventis tal-vitamina E intenzjonata għat-tmigħ ta’ l-annimali, bil-għan li tippermetti lil din ta’ l-aħħar li żżomm il-porzjon tas-suq ta’ 16 % miftiehem fir-rigward tagħha fuq is-suq globali tal-vitamina E, minkejja żieda fid-domanda għall-vitamina E intenzjonata għall-konsum mill-bniedem, settur li fih Aventis ma kinitx preżenti (ara l-premessa 225). Dawn iċ- ċirkustanzi - li diġà ssemmew fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punti 53, 55 u 58) u ġew imfakkra mill-konvenuta fir-risposta tagħha (punt 81) – ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, u juru l-pożizzjoni ta’ Aventis fi ħdan l-akkordju bħala waħda dipendenti fuq l-appoġġ ta’ Roche u BASF u juru d-determinazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar biex jiżguraw l-istabbiltà u s-suċċess tal-ftehim illegali.

352    F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza msemmija fil-premessa 224 tad-Deċiżjoni, jiġifieri t-tħabbir taż-żidiet ta’ 5 % tal-prezzijiet tal-vitamini A u E effettwati mir-rikorrenti fl-14 ta’ Frar 1994 permezz ta’ l-istampa professjonali, din ma żżid xejn ma’ dak li jirriżulta mill-premessa 183, peress li, anki fl-ipoteżi li dan it-tħabbir ġie qabel it-tħabbir analogu tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju – li la hu allegat u lanqas stabbilit mill-konvenuta – dan fil-massimu jikkostitwixxi eżempju konkret ta’ l-aġir tar-rikorrenti msemmi f’din l-aħħar premessa.

353    Fir-rigward ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni żbaljata meta kkonkludiet, fid-Deċiżjoni, li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ mexxej fil-ksur relatat mal-vitamini A u E.

–       Konklużjoni fuq l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E

354    Għalkemm il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod validu, fuq il-bażi ta’ l-elementi ta’ prova li hija invokat, li r-rikorrenti kellha rwol ta’ provokatur fil-ksur relatat mal-vitamini A u E, l-eżami ta’ l-atti tal-kawża, fid-dawl ta’ l-argumenti tal-partijiet, iwassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-konklużjoni, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multi applikata fil-konfront ta’ BASF f’dak li jirrigwarda dawn il-ksur tibqa’ xorta waħda għal kollox ġustifikata meta jiġi kkunsidrat ir-rwol ta’ mexxej li BASF eżerċitat fl-akkordju flimkien ma’ Roche, għalkemm fi grad inqas sinjifikattiv minn din ta’ l-aħħar.

b)     Ksur relatat mal-vitamina B 5

 L-argumenti tal-partijiet

355    F’dak li jirrigwarda l-ksur relatat mal-vitamina B 5, ir-rikorrenti tosserva li d-Deċiżjoni, minn naħa, tafferma, fil-premessa 296 tagħha, li l-akkordju “kien organizzat, orkestrat u kkontrollat minn Roche ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, tikkonċedi li BASF ma ħaditx l-inizjattiva għall-arranġamenti illegali. Ir-rikorrenti tirrimarka li Roche u Daiichi Pharmaceutical Co. Ltd (iktar ‘il quddiem “Daiichi ”) kienu ddiskutew, matul laqgħa li saret f’Diċembru 1990, il-ħolqien ta’ l-akkordju u tal-mekkaniżmi għall-iffissar tal-prezzijiet u l-attribuzzjoni ta’ kwoti, u li BASF ġiet ingaġġata minn Roche fuq talba ta’ Daiichi (premessa 298 tad-Deċiżjoni). Roche kellha rwol ferm attiv fl-organizzazzjoni, l-orkestrazzjoni u l-kontroll ta’ l-akkordju, billi stabbilixxiet l-istruttura fundamentali tiegħu, organizzat laqgħat separati ma’ kull parteċipant, ġabret l-informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-volumi ta’ kull parteċipant u billi kienet tilmenta jekk xi parti ma tirrispettax il-ftehim. Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni semmiet biss każ wieħed fejn BASF ħabbret il-prezzijiet tagħha u ma tat ebda prova li BASF assumiet ir-rwol ta’ mexxej jew rwol attiv fil-ġestjoni ta’ l-akkordju.

356    Ir-rikorrenti kienet tal-fehma li rwol tagħha ma kienx aktar importanti, u probabbilment inqas importanti, minn dak ta’ Daiichi, li ma ġietx ikkwalifikata bħala mexxej. F’dan ir-rigward, hija tirrimarka li Daiichi ħeġġet l-estensjoni ta’ l-arranġamenti għal membri ġodda u kkonvinċiet lil Roche biex iddaħħal lil BASF (premessa 298 tad-Deċiżjoni). Flimkien ma’ Roche, Daiichi organizzat il-laqgħat kollha kemm f’livell għoli kif ukoll dawk operattivi relatati mal-vitamina B 5, li jimplika rwol kontinwu u attiv ta’ tqassim tar-responsabbiltajiet ta’ mexxej ma’ Roche.

357    Il-konvenuta ssostni li hija wriet fid-Deċiżjoni r-rwol ta’ mexxej, għalkemm inqas importanti minn dak ta’ Roche, li eżerċitat BASF fl-akkordju relatat mal-vitamina B 5. Hija ssemmi r-referenza fid-Deċiżjoni għal laqgħa ta’ livell għoli bejn Roche u BASF li seħħet, f’Ġunju 1992, qabel il-laqgħat ta’ livell għoli bejn it-tliet membri ta’ l-akkordju (premessa 314). Hija tippreċiża li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni (premessa 319) jsemmu li Roche jew BASF kienu jindikaw perjodikament lil Daiichi li xi waħda minnhom kienet ser iżżid il-prezzijiet, kienu jinfurmawha bid-data meta dik iż-żieda kellha sseħħ u kienu jistiednuha biex issegwi din l-inizjattiva. Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni li Roche u BASF kienu jikkostitwixxu front komuni fil-konfront tal-produtturi l-oħrajn, in kwantu din tippreċiża li huma dejjem kienu kapaċi jżidu l-prezzijiet, anki meta Daiichi kienet topponi dawn iż-żidiet (premessi 321 sa 324).

358    Barra minn hekk, il-konvenuta ssostni li r-rwol ta’ Daiichi fl-akkordju relatat mal-vitamina B 5 f’ebda każ ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala dak ta’ mexxej.

359    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta li laqgħa ta’ Ġunju 1992 bejn Roche u BASF tista’ tissuġġerixxi rwol ta’ mexxej jew provokatur ta’ din ta’ l-aħħar. Rigward il-fatt li Roche u BASF kienu jalternaw bejniethom biex iħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet, dan ma jindikax min kien jipproponihom, u lanqas jekk kinitx issir xi pressjoni fuq membri oħrajn li ma kinux jaqblu maż-żieda. B’hekk din mhijiex relevanti għall-finijiet tal-kwistjoni ta’ min kien qed imexxi l-akkordju.

360    Rigward il-front komuni allegatament adottat minn Roche u BASF fil-konfront ta’ Daiichi f’dak li jirrigwarda ż-żidiet fil-prezzijiet, ir-rikorrenti tisħaq li karatteristika komuni ta’ l-akkordji hi li l-membri mhux dejjem ikollhom l-istess interessi. Il-fatt li l-interessi ta’ Roche u ta’ BASF fir-rigward tal-prezzijiet setgħu kienu differenti minn dawk ta’ Daiichi ma jindika xejn f’dak li jirrigwarda r-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordju. Barra minn hekk, l-aġir effettiv tat-tliet parteċipanti fl-okkażjoni tal-proposta ta’ żieda tal-prezzijiet għar-rebbiegħa ta’ l-1998 juri li ma kien hemm ebda mexxej fl-akkordju, peress li kull waħda mill-parteċipanti segwiet il-politika tagħha biex tikseb l-objettivi tagħha, tant li ż-żieda fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxietx fuq is-suq (premessi 323 sa 325 tad-Deċiżjoni). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrimarka li l-konvenuta stess, fir-risposta tagħha (punt 95), ammettiet li r-rwol ta’ mexxej ta’ akkordju huwa stabbilit meta t-tħaddim ta’ l-akkordju juri li l-aġir fis-suq ta’ impriża jkun effettivament iddettat minn impriżi oħrajn.

361    Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta ppreċiżat li d-Deċiżjoni qatt ma allegat li BASF tat bidu għall-kartell relatat mal-vitamina B 5. Hija tgħid ukoll li r-rwol ta’ mexxej fuq is-suq ma jimplikax neċessarjament li xi impriża aġixxiet ukoll bħala provokatur ta’ l-akkordju. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li jallegaw li Roche u Daiichi kienu l-provokaturi ta’ l-akkordju mhumiex relevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

362    Għandu jiġi mfakkar li, skond id-Deċiżjoni, fl-akkordju relatat mal-vitamina B 5, ipparteċipaw Roche, BASF u l-produttur Ġappuniż Daiichi.

363    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ BASF, il-konvenuta, fin-nota ta’ eċċezzjonijiet tagħha, tallega biss ir-rwol ta’ mexxej f’dan il-ksur, mingħajr ma tikkwalifikaha wkoll bħala provokatur.

364    F’dan ir-rigward, għalkemm il-premessa 712 tad-Deċiżjoni ssemmi kemm ir-rwol ta’ rwol ta’ mexxej kif ukoll ir-rwol ta’ provokatur ta’ Roche u BASF, hija tagħmel dan b’mod ġenerali u fir-rigward ta’ kull ksur, waqt li n-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ din il-premessa tagħmel referenza, fir-rigward ta’ l-akkordju relatat mal-vitamina B 5, biss għall-premessi 319 u 322, li mhumiex relatati ma’ l-istabbiliment jew it-tkabbir ta’ dan l-akkordju, iżda maż-żidiet fil-prezzijiet ta’ din il-vitamina li saru fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-akkordju.

365    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li ż-żieda ta’ ta’ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-ksur relatat mal-vitamina B 5 hija bbażata biss fuq l-allegat rwol ta’ mexxej eżerċitat minnha. B’hekk hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità ta’ din iż-żieda, li tillimita l-analiżi tagħha għaċ-ċirkustanzi fattwali msemmija fid-Deċiżjoni bħala provi tar- rwol ta’ mexxej ta’ BASF, li huma relatati maż-żidiet tal-prezzijiet tal-vitamina B 5 mwettqa fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-akkordju.

366    Il-premessa 319 tad-Deċiżjoni tgħid li, “[s]kond Daiichi, Roche jew BASF kienu jindikawlha perjodikament liema waħda minnhom kienet ser tgħolli l-prezzijiet, kienu jinfurmawha bid-data meta kienet ser issir din iż-żieda u kienu jistiednuha biex ‘issegwi’”, hekk kif “dan it-tħabbir” kien “spiss isir permezz ta’ l-istampa speċjalizzata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

367    Il-premessi 321 u 322 tad-Deċiżjoni jsemmu r-raġunijiet komuni li instigaw lil Roche u BASF biex jgħollu l-prezz tal-vitamina B 5, jiġifieri, minn naħa, l-interess li jnaqqsu l-marġni ta’ profitt tal-kompetituri tagħhom fis-suq sussidjarju ta’ taħlitiet lesti bil-għan li jeliminawhom minn dan is-suq u, min-naħa l-oħra, l-ħtieġa li jiġu evitati varjazzjonijiet monetarji li jwasslu għal diskrepanzi fil-prezzijiet bejn reġjuni differenti u xkiel għall-kummerċ fil-forma ta’ trasbord mid-distributuri. Kif tfakkar il-konvenuta, id-Deċiżjoni ssemmi wkoll, fil-premessi 323 sa 325, li Roche u BASF żiedu l-prezzijiet minkejja li Daiichi opponiet dawn iż-żidiet.

368    Ir-rikorrenti ma tikkontestax iċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessi ċċitati fiż-żewġ punti preċedenti.

369    Hija tinterpreta l-premessa 319 fis-sens li Roche u BASF ħabbru b’mod alternat iż-żidiet fil-prezzijiet u sostniet li din iċ-ċirkustanza ma tindikax minn kien jipproponi dawn iż-żidiet.

370    Kif jirriżulta minn din il-premessa – u kif jirriżulta wkoll mill-punt 101(3) tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u mis-silta rilevanti tad-dikjarazzjoni ta’ Daiichi tad-19 ta’ Lulju 1999 ippreżentata fl-atti tal-kawża fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – ir-rikorrenti jew Roche ma limitawx rwieħhom biex iħabbru l-ewwel iż-żidiet, iżda kienu jiddeċiedu li jagħtu bidu għal dawn iż-żidiet u kienu avżaw lil Daiichi.

371    Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni fir-rigward ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E (ara l-punt 348 hawn fuq), id-Deċiżjoni ma tindikax, fid-deskrizzjoni tal-fatti relatati ma’ l-akkordju fir-rigward tal-vitamina B 5, li l-partijiet ta’ dan l-aħħar akkordju kienu ddeċidew, bi qbil komuni, matul il-laqgħat perjodiċi tagħhom, dwar iż-żidiet tal-prezzijiet, il-livell tagħhom u d-data ta’ l-implementazzjoni tagħhom. Il-premessa 317 tad-Deċiżjoni ssemmi “serje ta’ żidiet tal-prezzijiet miftiehma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-premessa 319 tiddeskrivi mekkaniżmu, żvelat lill-Kummissjoni minn Daiichi, li permezz tiegħu Roche jew BASF kienu jieħdu l-inizjattiva biex iżidu l-prezzijiet u kienu jgħarrfu lil Daiichi minn qabel, billi jistiednuha biex tikkonforma ruħha. Jidher ukoll li t-twettiq konkret taż-żidiet miftiehma kien jiġi mill-inizjattiva individwali ta’ Roche jew BASF, kemm fir-rigward ta’ l-introduzzjoni, tal-livell kif ukoll tal-mument taż-żieda.

372    F’kull każ, anki jekk il-partijiet kienu jiftiehmu mhux biss fuq il-mekkaniżmu bażiku tal-ftehim dwar il-prezzijiet (inizjattiva individwali, komunikazzjoni minn qabel lill-produtturi l-oħrajn, konformità tagħhom), iżda wkoll, każ każ, fuq iż-żidiet fil-prezzijiet li kienu ser jiġu effettwati konkretament, il-livell tagħhom u d-data ta’ l-implementazzjoni tagħhom, dawn xorta jibqgħu sussidjarji ta’ l-inizjattiva spontanja ta’ Roche jew ta’ BASF (ara, f’dan is-sens, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 349 hawn fuq).

373    It-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn Roche u BASF f’dan il-qasam huma spjegati wkoll fid-dwal ta’ l-interessi konverġenti ta’ dawn l-impriżi – kif deskritti fil-premessa 321 u speċjalment fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni – u tal-front komuni li huma ffurmaw – kif jidher b’mod partikolari mill-okkażjoni taż-żieda tal-prezzijiet msemmija fil-premessi 324 u 325 –, fatturi li jikkaratterizzaw il-kuntest tal-każ li fir-rigward tiegħu għandhom jiġu evalwati l-elementi ta’ prova tar-rwol ta’ mexxej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 269 hawn fuq, punt 241).

374    Rigward il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li Daiichi, għall-kuntrarju ta’ Roche, ma kkonformatx maż-żieda tal-prezzijiet hawn fuq imsemmija li finalment ma rnexxietx fuq is-suq (premessi 323 sa 325 tad-Deċiżjoni), dan ma jneħħix ir-responsabbiltà importanti, bħala impuls għall-aġir illegali tal-parteċipanti fl-akkordju, li r-rikorrenti, bħal Roche, assumiet billi ħadet l-inizjattiva għaż-żidiet tal-prezzijiet tal-vitamina B 5 skond l-iskema deskritta fil-premessa 319 tad-Deċiżjoni. Għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew tiddetta l-aġir tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, mhijiex kundizzjoni neċessarja biex din l-impriża tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ l-akkordju. Huwa biżżejjed, fil-fatt, li impriża tkun forza li tagħti spinta lill-akkordju, li jista’ jiġi inferit b’mod partikolari mill-fatt li hija ħadet ir-responsabbiltà li telabora u tissuġġerixxi l-mod kif kellhom jaġixxu l-membri ta’ l-akkordju, anki jekk hija mhux neċessarjament kienet f’pożizzjoni li timponihom.

375    Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet korretta meta, fid-Deċiżjoni, iddeduċiet li ċ-ċirkustanza msemmija fil-premessa 319 li r-rikorrenti, bħal Roche għalkemm forsi fi grad inqas, assumiet responsabbiltà partikolari fil-funzjonament ta’ l-akkordju relatat mal-vitamina B 5.

376    Din ir-responsabbiltà ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi li Daiichi, min-naħa tagħha, setgħet eżerċitat rwol ta’ provokatur fl-akkordju jew organizzat ċertu numru ta’ laqgħat ta’ l-akkordju.

377    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma pprovatx li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata li BASF eżerċitat, flimkien ma’ Roche, rwol ta’ mexxej fil-ksur relatat mal-vitamina B 5.

378    Din ir-raġuni, safejn tattakka din l-evalwazzjoni, għandha għaldaqstant tiġi miċħuda, peress li ġie osservat li r-rikorrenti ma ressqet ebda lment speċifiku dwar ir-rata taż-żieda tal-multa applikata fil-konfront tagħha fuq din il-bażi.

c)     Ksur relatat mal-vitamina Ċ

 L-argumenti tal-partijiet

379    F’dak li jirrigwarda l-ksur relatat mal-vitamina Ċ, ir-rikorrenti tallega li l-elementi ta’ prova ċċitati fid-Deċiżjoni ma jistabbilixxux li hija ħadet l-inizjattiva għall-arranġamenti illegali ma’ Roche jew li hija amministrat dawn l-arranġamenti flimkien ma’ Roche. Meta tinqara fit-totalità tagħha, id-Deċiżjoni tistabbilixxi b’mod ċar li Roche biss mexxiet l-arranġamenti relatati mal-vitamina Ċ. L-uniċi elementi ta’ prova ċċitati fid-Deċiżjoni kontra r-rikorrenti kienu li hija laqgħat fl-uffiċċji tagħha żewġ laqgħat mal-membri ta’ l-akkordju biex tiġi diskussa l-isfida ppreżentata mill-produtturi Ċiniżi, li matulhom, Roche, u mhux BASF, kienet ipproponiet żidiet fil-prezzijiet u tnaqqis fil-volum. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li Takeda kienet ta’ mill-inqas implikata daqsha, jekk mhux iktar, fil-ħolqien ta’ l-arranġamenti illegali relatati mal-vitamina Ċ u fl-instigazzjoni biex jiġu konklużi. Hija tosserva li, madankollu, Takeda ma ġietx ikkwalifikata bħala mexxej.

380    Il-konvenuta ssostni li l-evalwazzjoni tagħha li r-rikorrenti kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju relatat mal-vitamina Ċ hija korretta, inkluż fir-rigward tar-rwol ta’ Takeda. Ir-rikorrenti nsiet issemmi partijiet importanti oħrajn tad-Deċiżjoni li jipprovaw li Takeda kellha tiffaċċja blokk kumpatt iffurmat mill-produtturi Ewropej, fosthom Roche u BASF. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tfakkar b’mod partikolari li l-premessa 433 tindika li kienet BASF li, matul waħda mil-laqgħat li hija organizzat, xtaqet tassumi r-rwol ta’ mexxej biex timponi objettivi ta’ prezzijiet. Fil-fatt, jirriżulta minn din il-premessa li, minkejja l-proposti ta’ Roche fuq il-prezziiet, BASF kellha l-intenzjoni li tiffissa l-prezzijiet ta’ 25, 26 u 27 mark Ġermaniż (DEM) għat-tieni, it-tielet u r-raba’ trimestru ta’ l-l-1993, u għamlitha ċara lill-membri ta’ l-akkordju l-oħrajn li hija kellha l-intenzjoni li tkun il-mexxej f’dan is-suq billi tapplika dawn il-prezzijiet. Barra minn hekk, il-premessa 437 tirreferi għat-tħejjija minn BASF ta’ dokumenti preparatorji bil-għan li tippreżenta l-proposti tagħha fil-laqgħa tal-25 ta’ Mejju 1993. Skond il-konvenuta, ir-rikorrenti ammettiet ukoll li hija mexxiet l-akkordju relatat mal-vitamina Ċ meta indikat, fil-punt 149 tar-rikors tagħha, li “huwa minnu li BASF kellha okkażjonalment rwol”.

381    F’dak li jirrigwarda r-rwoli allegatament identiċi ta’ BASF u Takeda, il-konvenuta tippreċiża li mhux biżżejjed, biex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ kartell, li tkun stabbilixxiet kuntatti mal-kompetituri (jiġifieri li tkun eżerċitat ir-rwol ta’ provokatur) jekk il-funzjonament tal-kartell juri li l-aġir fuq is-suq ġie effettivament iddettat minn impriżi oħrajn. Dan kien preċiżament il-każ ta’ Takeda. Fil-fatt, il-konvenuta tindika li BASF qablet mal-politika ta’ prezzijiet ta’ Roche (premessa 424 tad-Deċiżjoni) u li l-produtturi Ewropej kienu ħarġu ultimatum lil Takeda, li hija kellha taċċetta li tnaqqas il-bejgħ tal-vitamina Ċ, jew inkella huma kienu joħorġu mill-ftehim (premessa 442). Min-naħa l-oħra, iż-żieda fil-prezzijiet imħabbra minn Takeda ma ġietx segwita minn Roche u BASF (premessa 425) u l-proposti ta’ Takeda kienu diġà ġew sistematikament miċħuda jew mhux implementati mill-produtturi Ewropej (premessi 446, 447 u 456 tad-Deċiżjoni). Takeda ma rrispettatx il-kwoti ffissati minn dawn ta’ l-aħħar, li ħadu miżuri kontriha. Barraminnhekk, huma kellhom laqgħat bejniethom fin-nuqqas ta’ Takeda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

382    Għandu jiġi mfakkar li, skond id-Deċiżjoni, ħadu sehem fl-akkordju relatat mal-vitamina Ċ it-tliet produtturi Ewropej Roche, BASF u Merck KgaA u l-produttur Ġappuniż Takeda.

383    Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ BASF, il-konvenuta, fin-nota t’eċċezzjonijiet tagħha, issostni biss li din kellha rwol ta’ mexxej f’dan il-ksur, mingħajr ma tikkwalifikaha wkoll bħala provokatur.

384    Huwa minnu li n-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712 tad-Deċiżjoni tiċċita, fost il-premessi li jistabbilixxu r-rwol ta’ mexxej u provokatur ta’ BASF fid-diversi ksur, il-premessa 388 tad-Deċiżjoni, li tirrigwarda l-oriġini ta’ dan l-akkordju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li BASF lanqas biss tissemma’ fil-premessa 388, li juri, min-naħa l-oħra, li l-ewwel laqgħat preparatorji għall-ħolqien ta’ l-akkordju saru bejn Roche u Takeda. Ir-referenza għall-premessa 388 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712 b’hekk tirriżulta b’mod ċar minn żball klerikali.

385    Isegwi li ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-ksur relatat mal-vitamina Ċ hija bbażata biss fuq l-allegat rwol ta’ mexxej eżerċitat minnha. Għaldaqstant hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità ta’ din iż-żieda, tillimita l-analiżi tagħha għaċ-ċirkustanzi fattwali msemmija fid-Deċiżjoni bħala provi tar-rwol ta’ mexxej ta’ BASF, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessi 432, 437 u 439, li jirrigwardaw l-organizzazzjoni u l-proċeduri ta’ l-iżvolġiment ta’ ċerti laqgħat tal-kartell.

386    Il-premessa 432 tad-Deċiżjoni ssemmi laqgħa organizzata mir-rikorrenti fis-sede tagħha, f’Ludwigshafen, fil-bidu tas-sena 1993, ma’ Roche u Merck, biex teżamina l-problemi relatati mal-kompetizzjonijiet mill-produtturi Ċiniżi. Il-premessa 439 issemmi laqgħa oħra li saret fl-uffiċċji tar-rikorrenti fi Frankfurt bejn l-erba’ membri ta’ l-akkordju.

387    Għandu jiġi osservat li l-fatt li r-rikorrenti b’hekk ospitat iż-żewġ laqgħat ta’ l-akkordju ma jidhirx li huwa wisq sinjifikattiv meta wieħed jikkunsidra li d- Deċiżjoni ssemmi għadd kbir ta’ laqgħat bilaterali li saru bejn Roche u Takeda f’ Basle (is-sede ta’ Roche) jew f’Tokjo (is-sede ta’ Takeda) (premessi 388, 390, 391, 403, 407, 413, 418, 420 u 456) u l-fatti li, mill-1991 sa Mejju 1993, il-laqgħat trimestrali bejn il-produtturi Ewropej bdew isiru regolarment f’Basle (premessa 415).

388    Il-premessa 437 tindika li r-rikorrenti “ipprovdiet id-dokumenti tagħha preparatorji għal-[laqgħa multilaterali f’Zurich tal-25 ta’ Mejju 1993], fejn hija ppreżentat fid-dettall il-proposta ta’ tnaqqis [tal-kwoti] ta’ 5 % u l-kompromess li ntlaħaq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

389    Minħabba ċerta ambigwità f’din il-frażi, li fuqha tibbaża l-konvenuta fin-nota t’eċċezzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbitha, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex tipproduċi dawn id-dokumenti preparatorji u biex tippreċiża jekk, permezz ta’ din l-istess frażi, hija riditx tfisser li BASF kienet ikkomunikat l-imsemmija dokumenti lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju għal-laqgħa tal-25 ta’ Mejju 1993.

390    Fir-riposta tagħha għal din id-domanda, il-konvenuta pproduċiet dokument li kien ntbagħtilha minn BASF matul il-proċedura amministrattiva u li jirrigwarda l-kwoti li kelhom jiġu allokati għall-1993 fir-rigward tal-vitamina Ċ (iktar ‘il quddiem jissejjaħ ukoll id-“dokument ta’ kwoti għall-1993”). Barra minn hekk,, hija ppreċiżat, fil-premessa 437 tad-Deċiżjoni, illi hija ma riditx tiffser li r-rikorrenti kienet ikkomunikat dan id-dokument lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, iżda indikat li l-pożizzjoni ta’ BASF li kellha tiġi ppreżentta matul il-laqgħa tal-25 ta’ Mejju 1993 kienet tiffavorixxi tnaqqis tal-kwoti ta’ 5 % u li BASF kellha l-ħsieb li tistieden lill-parteċipanti l-oħrajn biex jiddiskutu din il-proposta. Il-konvenuta osservat li, b’mod konformi ma’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn BASF matul il-proċedura amministrattiva, fid-dokument ta’ kwoti għall-1993 il- kwoti ttajpjati saru minn Roche, waqt li l-kwoti miktuba bl-idejn kienu ġew miżjuda minn rappreżentant ta’ BASF u kienu jikkorrispondu għall-proposta ta’ arranġament diskussa matul l-imsemmija laqgħa.

391    Dawn l-ispjegazzjonijiet tal-konvenuta huma pjuttost konfużi u ma jispjegawx, b’mod partikolari, jekk BASF, matul il-laqgħa tal-25 ta’ Mejju 1993, sostnietx il-pożizzjoni ta’ Roche jew jekk hija pproponietx l-ewwel lill-membri l-oħra ta’ l-akkordju l-alternattiva rappreżentata mill-kwoti miktuba bl-idejn li jidhru fid-dokument tal-kwoti għall-1993. Lanqas ma jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-kawża li l-kwoti miktuba bl-idejn ġew miżjuda fuq dan id-dokument mir-rappreżentant ta’ BASF qabel il-laqgħa tal-25 ta’ Mejju 1993, u mhux matulha jew warajha.

392    Min-naħa l-oħra jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 436 u 437 tad-Deċiżjoni li, matul din il-laqgħa, kienet Roche li ressqet il-proposta ta’ tnaqqis ġenerali tal-kwoti għall-1993 b’5 %, li Takeda opponiet din il-proposta u fformulat kontro-proposta u li ntlaħqet soluzzjoni ta’ kompromess li kienet tikkonsisti fit-tnaqqis tal-kwoti tal-produtturi Ewropej bi 2.5 % u dak ta’ Takeda bi 2.2 %. Anki fl-ipoteżi li din is-soluzzjoni ġiet elaborata minn BASF qabel il-laqgħa u ġiet proposta minn BASF matul din il-laqgħa, din iċ-ċirkustanza, meta wieħed iqis il-kuntest li fih seħħet, ma tikkostitwixxix indizzju sinjifikattiv tar-rwol tagħha ta’ mexxej. Dan il-kuntest juri, fil-fatt, li Roche kienet tat bidu għall-inizjattiva biex tiġi ristretta l-produzzjoni fl-1993 (ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessi 432 u 434 tad-Deċiżjoni) u li ta’ mill-inqas tliet produtturi fformulat proposti b’ċifri dwar il-volum tat-tnaqqis tal-kwoti. Il-fatt li l-proposta li finalment ġiet aċċettata kienet dik proposta minn BASF bħala kompromess bejn il-pożizzjonijiet ta’ Roche u Takeda ma jikkwalifikax lir-rikorrenti bħala mexxej ta’ l-akkordju.

393    Iċ-ċirkustanzi fattwali msemmija fid-Deċiżjoni bħala elementi ta’ prova tar-rwol ta’ mexxej eżerċitat minn BASF fl-akkordju relatat mal-vitamina Ċ, meta eżaminati fid-dwal tal-kuntest tal-każ, b’hekk jirriżultaw li mhumiex relevanti għall-finijiet ta’ l-attribuzzjoni ta’ dan ir-rwol lir-rikorrenti.

394    Isegwi li d-ddd-Deċiżjoni hija vvizzjata f’dan ir-rigward b’illegalità li tiftaħ it-triq għall-Qorti tal-Prim’Istanza biex teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relevanti kollha ta’ dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Michelin vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 62 hawn fuq, punt 111, u tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 151), jekk ir-rikorrenti setgħetx madankollu titqies li kienet mexxeja ta’ l-akkordju in kwistjoni u jekk l-ammont bażiku tal-multa impost kontriha għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju għandux jiżdied fuq il-bażi ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti.

395    In sostenn tal-konklużjoni tagħha skond liema r-rikorrenti effettivament eżerċitat dan ir-rwol, il-konvenuta, fin-nota t’eċċezzjonijiet tagħha, semmiet ukoll ċirkustanzi fattwali msemmija fil-premessi tad-Deċiżjoni li ma ġewx iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712.

396    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-referenza li saret mill-konvenuta fil-premessa 433 biex turi li r-rikorrenti kienet assumiet ir-rwol ta’ mexxej biex timponi objettivi ta’ prezzijiet, mhijiex relevanti.

397    Il-premessa 433 tindika li BASF bagħtet nota dettaljata dwar il-laqgħa organizzata minnha fis-sede tagħha f’Ludwigshafen fil-bidu tas-sena 1993 (ara l-punt 387 hawn fuq) u li din in-nota turi l-objettivi tal-prezzijiet għall-aħħar tliet trimesti għas-sena 1993.

398    B’mod konformi ma’ l-istedina li saritilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-konvenuta ppreżentat din in-nota u ppreċiżat li din tipprova r-rwol ta’ mexxej li assumiet BASF, peress li din oriġinat minn BASF, ma ġietx ikkontestata minnha, u jirriżulta li BASF kellha l-ħsieb li tiffissa l-objettivi ta’ prezzijiet rispettivament għal 24, 25 u 26 DEM għal kull wieħed mit-trimestri msemmija.

399    F’dan ir-rigward, peress li huwa ċar li l-premessa 433, billi tistabbilixxi li l-imsemmija nota ġiet ikkomunikata minn BASF, trid tfisser li din ġiet ippreżentata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, u mhux li kienet intbagħtet mir-rikorrenti lill-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju qabel il-laqgħa f’Ludwigshafen, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li l-premessa 432 tindika b’mod ċar li, matul din l-istess laqgħa, kienet Roche li pproponiet, b’mod partikolari, li jiżdiedu l-prezzijiet matul it-trimestri hawn fuq imsemmija.

400    Barra minn hekk, il-konvenuta ma tispjegax kif dik in-nota, li ma ġiex stabbilit jekk inħolqotx minn BASF qabel, matul jew wara l-imsemmija laqgħa, hijiex prova ta’ intenzjoni preċiża ta’ BASF f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ l-objettivi tal-prezz jew ta’ rwol partikolari eżerċitat minnha fl-istabbiliment ta’ dawn l-objettivi. Għandu jiġi osservat li, meta r-rikorrenti bagħtitha lill-Kummissjoni annessa ma’ l-ittra tagħha tat-23 ta’ Ġunju 1999, l-istess rikorrenti indikat biss, f’nota ta’ spjegazzjoni (fil-paġna 4428 tal-fajl amministrattiv), li din in-nota kienet tirrifletti “l-arranġament relatat mal-vitamina Ċ ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

401    Għaldaqstant il-konvenuta mhijiex korretta meta tibbaża fuq il-premessa 433 tad-Deċiżjoni biex tafferma li r-rikorrenti, matul din il-laqgħa, xtaqet tassumi r-rwol ta’ mexxej biex timponi l-objettivi tal-prezzijiet.

402    Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li, fil-fehma tal-konvenuta, juru l-ftehim li kien japplika bejn il-produtturi Ewropej f’dak li jirrigwarda l-iżviluppi li kellhom isegwu l-prezzijiet u l-bejgħ, kif ukoll il-kunflitt bejnhom u Takeda (ara l-punt 382 hawn fuq), għandu jingħad li l-konverġenza ta’ l-interessi, l-objettivi u l-pożizzjonijiet meħuda fi ħdan akkordju minn grupp tal-membri tiegħu ma twassalx neċessarjament għall-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxej lill-membri ta’ dan il-grupp u lanqas għall-estensjoni ta’ din il-kwalifika – li, f’ċirkustanzi oħra, kien jiġi attribwit lil wieħed minnhom – lill-oħrajn kollha. Barra minn hekk, Merck ukoll kienet tagħmel parti minn dan il-”blokk kumpatt” ta’ produtturi Ewropej imsemmi mill-konvenuta, iżda ma ġietx ikkwalifikata bħala mexxej. Huwa minnu li d-Deċiżjoni ssemmi aktar ċirkustanzi attribwibbli lil BASF milli lil Merck – l-organizzazzjoni ta’ żewġ laqgħat (ara l-punt 387 hawn fuq) u l-wegħda li saret lil Roche biex tiġi mmodifikata, fejn applikabbli, l-organizzazzjoni lokali f’każ li Roche tistabbilixxi li l-prezzijiet prattikati minn BASF fuq livell lokali kienu qed jagħmlu s-suq instabbli (premessa 424 tad-Deċiżjoni) – iżda dawn iċ-ċirkustanzi mhumiex sinjifikattivi biżżejjed biex jiġi ġġustifikat trattament sostanzjalment differenti bejn Merck u BASF fir-rigward taċ-ċirkustanza aggravanti in kwistjoni. Rigward il-paragun mar-rwol eżerċitat minn Takeda, waqt li huwa minnu li d-Deċiżjoni ssemmi li, f’xi okkażjonijiet, hija kellha taċċetta formalment iż-żamma tal-ftehim oriġinali dwar il-kwoti rikjesti mill-produtturi Ewropej, jirriżulta wkoll li, fil-fatt, Takeda ma kkonformatx ma’ dan il-kompromess u li, f’okkażjonijiet oħrajn (bħal-laqgħa tal- 25 ta’ Mejju 1993 f’Zurich, imsemmija fil-premessi 436 u 437), hija ma aċċettatx l-proposti li sarulha minnhom u rnexxielha toħloq il-ħtieġa ta’ kompromess.

403    B’mod aktar ġenerali, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li ċ-ċirkustanzi kollha msemmija mill-konvenuta dwar in-nuqqas ta’ qbil bejn il- produtturi Ewropej u Takeda hija sempliċement xiehda ta’ l-instabbiltà li ħakmet lill-akkordju wara l-progress sostanzjali u mhux mistenni tal-bejgħ tal-produtturi Ċiniżi, u tan-negozjati, xi kultant imqanqla, li kellhom il-membri ta’ l-akkordju, fir-rwol tagħhom li kien ċertament attiv iżda mhux ta’ mexxej, fuq bażi kontinwa biex jingħelbu d-diffikultajiet maħluqa mill-kompetizzjoni Ċiniża. Jirriżulta mill-premessi 439 u 440 tad-Deċiżjoni, per eżempju, li kull wieħed mill-erba’ membri ta’ l-akkordju ppreżentaw il-proposti tagħhom. Barra minn hekk, l-ultimata maħruġa mill-produtturi Ewropej kontra Takeda (ara, minnbarra dak imsemmi mill-konvenuta u fil-premessa 442, ultimatum simili li ġiet indirizzat lil Takeda minn BASF u minn Merck bl-intervent ta’ Roche, imsemmi fil-premessi 444 u 446) ma kellhomx skop ta’ ritaljazzjoni partikolari, iżda, aktar sempliċement, l-irtirar mill-akkordju, u, f’kull każ, jirriżulta mill-premessa 425 tad-Deċiżjoni li Takeda ukoll ħarġet ultimatum kontra Roche u BASF bl-intenzjoni li “tieħu miżuri kontra tagħhom” jekk huma ma jikkonformawx mal-prezz tagħha.

404    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika impriża li, jekk hu meħtieġ, tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tibqa’ Roche, li organizzat għadd sostanzjali ta’ laqgħat (premessa 415), iltaqgħat separatament ma’ BASF u Merck minn naħa (premessi 415 u 432) u Takeda min-naħa l-oħra (premessi 403, 407, 412, 413, 415, 418, 419, 420, 443 u 456), irrappreżentat lil BASF u Merck fin-negozjati ma’ Takeda (premessi 444 u 456) u lil Takeda matul il-laqgħat trimestrali bejn il-produtturi Ewropej (premessa 416), ġabret iċ-ċifri tal-bejgħ tal-membri ta’ l-akkordju u tagħthom ir-riżultati totali għal kull impriża (premessa 417). Barra minn hekk,, Roche hija l-membru ta’ l-akkordju li kif jirriżulta mid-Deċiżjoni kienet inkarigata l-aktar spiss biex tifformula proposti dwar il-funzjonament ta’ l-akkordju (per eżempju, Roche ipproponiet li l-membri ta’ l-akkordju jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħha bħala fornituri fir-rigward tal-klijent Coca-Cola: premessa 410; matul il-laqgħa bilaterali ma’ Takeda tal-15 u s-16 ta’ Mejju 1991, hija pproponiet li tiffissa l-kwoti tal-bejgħ fl-Ewropa għall-1991 għal kull pajjiż individwalment: premessa 423; matul il-laqgħat li saru fil-bidu ta’ l-1993 u l-25 ta’ Mejju 1993, hija pproponiet li tillimita l-produzzjoni u/jew li tgħolli l-prezzijiet: premessi 432 sa 434 u 436; matul laqgħa ta’ l-10 ta’ Novembru 1993 ma’ Takeda f’Tokjo, hija pproponiet sistema ġdida għall-kwoti tas-sena 1994: premessa 445).

405    Barra minn hekk, l-allegazzjoni li tinsab fil-punt 149 tar-rikors, skond liema “BASF okkażjonalment kellha rwol” [traduzzjoni mhux uffiċjali], b’ebda mod ma tista’ titqies bħala ammissjoni mir-rikorrenti tar-rwol tagħha ta’ mexxej, peress li fl-istess ħin ir-rikorrenti ppreċiżat, f’dan il-punt, li hija la amministrat u lanqas idderiġiet l-arranġamenti.

406    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kemm fid-Deċiżjoni kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ma ġabitx prova suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li r-rikorrenti eżerċitat, flimkien ma’ Roche, ir-rwol ta’ mexxej fil-ksur relatat mal-vitamina Ċ.

407    Għaldaqstant, iż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta lir-rikorrenti għal dan il-ksur għandha tiġi revokata.

d)     Ksur relatat mal-vitamina D 3

 L-argumenti tal-partijiet

408    F’dak li jirrigwarda l-ksur relatat mal-vitamina D 3, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fil-premessa 461 tad-Deċiżjoni, li ma kinitx kapaċi tiddetermina li Roche, BASF jew Solvay Pharmaceuticals BV (iktar ‘il quddiem “Solvay ”) kienu ħadu l-inizjattiva għal dan il-ksur. Ir-rikorrenti tosserva li madankollu hija ġiet ikkunsidrata bħala provokatur u mexxej flimkien ma’ Roche, waqt li Solvay ma ġietx ikkwalifikata b’dan il-mod. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma ressqet ebda prova biex tissostanzja din il-konklużjoni fir-rigward ta’ l-istess rikorrenti. Fil-fatt, id-Deċiżjoni hija bbażata f’dan ir-rigward biss fuq il-premessi 459 u 460, li, madankollu, jistabbilixxu biss li, minn naħa, Roche iddikjarat li Solvay kienet ħadet l-inizjattiva għall-arranġamenti, u, min-naħa l-oħra, li Solvay iddikjarat li hija ma kellhiex rwol ta’ inizjattiva, iżda li hija kienet l-aħħar membru li ssieħeb fl-akkordju. Dawn iċ-ċirkustanzi b’ebda mod ma jippermettu li tintlaħaq il-konklużjoni li BASF kienet provokatur jew mexxej ta’ dawn l-arranġamenti.

409    Ir-rikorrenti tippreċiża li r-rwol tagħha fl-akkordju jikkuntrasta mar-rwoli ta’ diriġenti eżerċitati kemm minn Roche kif ukoll minn Solvay u l jirriżultaw minn diversi ċirkustanzi msemmija fid-Deċiżjoni.

410    Il-konvenuta tippreċiża li, għall-vitamina D 3, hija ma kkonstatatx, fir-rigward tar-rikorrenti, ir-rwol ta’ provokatur, iżda dak ta’ mexxej, jiġifieri r-rwol attiv eżerċitat fil-funzjonament tal-kartell. Il-linji gwida dwar il-multi jistabbilixxu li tista’ tiġi applikata żieda fil-konfront tal-mexxej jew provokatur ta’ akkordju. Barra minn hekk, ma teżisti ebda prova li turi li Solvay ħadet l-inizjattiva għall-akkordju u, anki fl-ipoteżi li din iċ-ċirkustanza tiġi pprovata, il-fatt li l-Kummissjoni ma żidietx, b’mod skorrett, il-multa ta’ Solvay għar-rwol tagħha ta’ provokatur ma jfissirx li hija għamlet żball meta żiedet il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fuq il-bażi tar-rwol tagħha ta’ mexxej.

411    Hija tosserva li l-premessa 472 tad-Deċiżjoni tindika li, matul l-ewwel laqgħa tagħhom f’Jannar ta’ l-1994, il-produtturi kienu ddefinixxew il-prezzijiet tal-“katalgu” u l-prezzijiet minimi għal kull reġjun u li dan kien jirriżulta minn kumment miktub bl-idejn li jinsab f’nota ta’ Solvay li jgħid li BASF ħabbret il-prezzijiet l-ewwel.

412    Barra minn hekk, ir-rwol ta’ mexxej ta’ BASF u Roche fl-akkordju relatat mal-vitamina D 3 issemma’ minn Solvay fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, waqt li Roche stess irrikonoxxiet li dan l-akkordju kien beda b’kuntatti bilaterali bejnha u BASF.

413    Id-Deċiżjoni tikkunsidra l-pożizzjoni relattivament dgħajfa ta’ Solvay meta mqabbla maż-żewġ produtturi l-oħra, fil-kuntest ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-objettivi ffissati fir-rigward tal-kwoti (premessa 476). Barra minn hekk, din tindika li l-ewwel żieda fil-prezzijiet ġiet amministrata minn BASF u li kien biss fi stadju aktar tard li Solvay, min-naħa tagħha, amministrat żieda (premessi 472, 473 u 479). Kien fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi li l-konvenuta stmat li, għalkemm BASF kellha rwol ta’ mexxej inqas importanti minn dak ta’ Roche, dan kien madankollu aktar improtanti minn dak ta’ Solvay.

414    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tirribatti li l-elementi ta’ prova invokati mill-konvenuta ma jistabbilixxux li hija eżerċitat rwol ta’ mexxej fl-akkordju relatat mal-vitamina D 3.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

415    Għandu jiġi mfakkar li, skond id-Deċiżjoni, fl-akkordju relatat mal-vitamina D 3 ħadu sehem Roche, Solvay, BASF u Aventis.

416    Il-konvenuta, fin-nota t’eċċezzjonijiet tagħha, ippreċiżat li fil-konfront tar-rikorrenti hija ma kkonstatx ir-rwol ta’ provokatur, iżda r-rwol ta’ mexxej, fir-rigward ta’ dan l-akkordju (ara l-punt 411 hawn fuq). Madankollu, hija tindika li Roche irrikonoxxiet li l-akkordju beda b’kuntatti bilaterali bejnha u BASF (ara punt 413 hawn fuq).

417    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-premessa 712 issemmi r-rwol ta’ mexxej u provokatur ta’ Roche u ta’ BASF b’mod ġenerali u fir-rigward ta’ kull ksur, in-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ din il-premessa ma tirreferi għal ebda waħda mill-premessi tad-Deċiżjoni li jiddiskrivu l-fatti relatati ma’ l-akkordju dwar il-vitamina D 3.

418    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet mogħtija għaż-żieda fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi aggravanti ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, mhumiex suffiċjenti, peress li ma jispjegawx jekk din iż-żieda ġietx imposta għar-rwol ta’ provokatur, jew għar-rwol ta’ mexxej jew għaż-żewġ rwoli flimkien allegatament eżerċitati minn BASF fil-ksur.

419    Barra minn hekk, f’kull ipoteżi, ir-raġunijiet mogħtija f’kull każ huma bbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali esposti fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni, li dwarhom diġà ġie deċiż, fil-punti 296 sa 301 hawn fuq, li dawn fihom infushom ma jiġġustifikawx l-attribuzzjoni lir-rikorrenti tar-rwol ta’ mexxej jew provokatur tal-ksur allegati kontriha fil-każ preżenti.

420    Peress li ż-żieda tal-multa in kwistjoni hija b’hekk ivvizzjata b’illegalità, hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-ksur relatat mal-vitamina D 3, sabiex tikkonferma, tannulla jew timmodifika din iż-żieda.

–       Rwol ta’ provokatur

421    Irrispettivament mill-mod kif għandha tiġi interpretata l-pożizzjoni tal-konvenuta dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti eżerċitatx jew le r-rwol ta’ provokatur ta’ l-akkordju relatat mal-vitamina D 3, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li ebda element ta’ prova ppreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jippermetti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti eżerċitat dan ir-rwol.

422    Il-premessi tad-Deċiżjoni relatati ma’ l-oriġini ta’ dan l-akkordju, jiġifieri l-premessi 459 sa 463, ma jurux li BASF eżerċitat dan ir-rwol, iżda jsemmu b’mod partikolari allegazzjonijiet kontradittorji ta’ Roche u Solvay dwar liema impriża ħadet l-inizjattiva għall-finijiet tal-ħolqien ta’ l-akkordju, hekk kif Roche attribwiet din ir-responsabbiltà lil Solvay waqt li din ta’ l-aħħar irrifjutat din ir-responsabbiltà. Il-Kummissjoni, fil-premessa 461, saħansitra ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar liema impriża tat bidu għall-ħolqien ta’ l-akkordju. L-affermazzjoni tal-konvenuta li Roche irrikonoxxiet li dan l-akkordju beda b’kuntatti bilaterali ma’ BASF hija manifestament infondata meta wieħed jaqra d-dokument ipprovdut minn Roche li fuqu l-konvenuta tibbaża din l-affermazzjoni. Fil-fatt, is-silta mill-ittra ta’ Roche lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1999 li ġiet ippreżentata mill-konvenuta f’dan il-kuntest ma fiha ebda rikonoxximent tali min-naħa ta’ Roche, iżda ssemmi, f’żewġ okkażjonijiet, li kienet Duphar (impriża tal-grupp Solvay) li ħadet l-inizjattiva (“Duphar took the initative ”; “Duphar invigorated its attempts to organise a cartel agreement with Roche and BASF ”).

423    Għaldaqstant ir-rikorrenti hija korretta meta ssostni li mhemmx provi li hija eżerċitat ir-rwol ta’ provokatur ta’ l-akkordju relatat mal-vitamina D 3.

–       Rwol ta’ mexxej

424    Biex tissostanzja l-pożizzjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat, flimkien ma’ Roche, ir-rwol ta’ mexxej fl-akkordju in kwistjoni, il-konvenuta tinvoka, essenzjalment, erba’ elementi.

425    Fl-ewwel lok, hija tirreferi għall-iffissar, matul l-ewwel laqgħa tal-kartell f’Jannar 1994, tal-prezz tal-“katalgu” u tal-prezz minimu għat-tieni trimestru ta’ l-1994, ċirkustanza msemmija fil-premessa 472 tad-Deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tosserva kumment miktub bl-idejn fuq nota li Solvay ħadet matul din il-laqgħa li tindika li “BASF [kienet ser] tħabbar il-prezzijiet l-ewwel ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li din kienet ser tkun l-ewwel żieda fil-prezz ta’ l-akkordju.

426    Dan l-element mhuwiex sinjifikattiv għall-finijiet ta’ l-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxej lir-rikorrenti.

427    Fil-fatt għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li membru ta’ akkordju jkun l-ewwel li jħabbar prezz ġdid jew żieda fil-prezz ma jistax jitqies bħala indizju tar-rwol tiegħu ta’ mexxej ta’ l-akkordju, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ juru li l-prezz jew iż-żieda in kwistjoni ġew iffissati minn qabel bi ftehim komuni mal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju u li dawn ta’ l-aħħar iddeċidew ukoll min fosthom ser iħabbar l-ewwel, peress li din in-nominazzjoni turi li l-fatt li impriża tkun l-ewwel biex tħabbar l-prezz jew iż-żieda hija biss att ta’ konformità stretta ma’ skema predefinita bi qbil komuni u mhux inizjattiva spontanja li tagħti spinta lill-akkordju.

428    Dan kien preċiżament il-każ fil-każ preżenti, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie kkonstatat fir-rigward taż-żidiet fil-prezzijiet effettwati minn BASF fil-kuntest ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A, E u B 5 (ara l-punti 349 u 373 hawn fuq). Fil-fatt, in-nota ta’ Solvay imsemmija mill-konvenuta, li ttieħdet matul il-laqgħa ta’ ta’ Jannar 1994, tindika l-livell miftiehem għall-prezz tal-“katalgu” u għall-prezz minimu, u l-kumment miktub bl-idejn in kwistjoni juri preċiżament li l-fatti li BASF kellha tħabbar dawn il-prezzijiet l-ewwel kien ġie diskuss u deċiż matul din il-laqgħa, b’hekk illi ma jistax jiġi inferit li r-rikorrenti eżerċitat xi rwol sostanzjali ta’ inizjattiva.

429    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni (premessi 478 u 479) tirreferi wkoll għal żieda fil-prezz imħabbra l-ewwel minn Solvay, żieda li kienet ġiet miftiehma bejn Solvay u Roche (u approvata minn BASF) fir-rigward kemm tal-livell tagħha, il-mument meta kellha tiġi mħabbra, kif ukoll l-impriża (Solvay) li kellha tħabbarha l-ewwel (li madankollu ma ġietx ikkwalifikata bħala mexxej mill-Kummissjoni).

430    F’kull każ, il-fatt li l-prezzijet ġodda mħabbra l-ewwel minn BASF, imsemmija fil-premessa 472, kienu l-ewwel prezzijiet ġodda miftiehma fi ħdan l-akkordju, ma jiddistingwix il-pożizzjoni tar-rikorrenti, fir-rigward tar-rwol ta’ mexxej, mill-pożizzjoni tal-membri l-oħrajn ta’ l-akkordju, fosthom Solvay, li wkoll jidhru li kienu l-ewwel li jħabbru żidiet fil-prezzijiet fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ akkordju pluri-annwali bħal dak in kwistjoni.

431    Fit-tieni lok, il-konvenuta tindika li r-rwol ta’ mexxej ta’ Roche u ta’ BASF ġiet indikat minn Solvay fir-risposta tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2000 għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fil-kuntest ta’ żviluppi li juru l-konnessjoni bejn il-ksur in kwistjoni u dawk relatati mal-vitamini A u E.

432    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

433    Fl-imsemmija risposta, Solvay la attribwixxi rwol ta’ mexxej lil Roche u lanqas lil BASF, iżda tipprova turi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat Roche fl-anness 3 ta’ l-ittra tagħha lill-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1999, Roche, bħal BASF u Aventis, kellha interess ċar li jiġi stabbilit akkordju għall-vitamina D 3 u li dan jaħdem sew. Dan l-argument ta’ Solvay kien intiż, essenzjalment, biex jirribatti l-argument ippreżentat minn Roche fl-imsemmi anness, skond liema Solvay kienet ħadet l-inizjattiva għall-ħolqien tal-kartell tal-vitamina D 3 u li Roche, li ma kellha ebda interess li żżid il-livell tal-prezz ta’ din il-vitamina, uriet li ma kinitx għad-dixxiplina.

434    Fir-risposta tagħha, Solvay ippreċiżat il-konnessjoni li, fil-fehma tagħha, kienet teżisti bejn l-akkordji relatati, minn naħa, mal-vitamini A u E u, min-naħa l-oħra, mal-vitamina D 3 u li ġiet żvelata b’affermazzjoni ta’ Roche, li tinsab fl-imsemmi anness 3, skond liema “ meta Roche, BASF u [Aventis] kien ikollhom laqgħat trilaterali dwar il-vitamina A jew il-vitamina E, il-politika tal-prezzijiet għall-vitamina D 3 kienet ukoll tiġi rikapitulata” (when Roche, BASF and [Aventis] had trilateral gatherings regarding Vitamin A or Vitamin E, the pricing policies of Vitamin D 3 were also summarized at these meetings).

435    Madankollu, din is-sottomissjoni ta’ Roche, li għaliha rrefertiet Solvay bil-għan li tikseb rikonoxximent għall-fatt li r-responsabbiltà tagħha kienet inqas minn dik tat-tliet produtturi l-oħrajn implikati fil-ksur relatat mal-vitamina D 3, ma turix li BASF eżerċitat xi rwol ta’ mexxej f’dan l-istess ksur, u dan wisq inqas peress li jirriżulta b’mod impliċitu iżda ċar mid-dikjarazzjoni ta’ Roche fl-anness 3 ta’ l-ittra tagħha tat-30 ta’ Lulju 1999 li, waqt li l-politika tal-prezzijiet fir-rigward tal-vitamina D 3 kienet ġiet rikapitulata matul il-laqgħat trilaterali dwar il-vitamini A u E bejn Roche, BASF u Aventis, dan ma kienx fil-kuntest ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-vitamina D 3 fin-nuqqas ta’ Solvay, iżda biex jiġu mfakkra d-deċiżjonijiet meħuda matul il-laqgħat dwar il-vitamina D 3 fin-nuqqas ta’ Aventis, li kienet rappreżentata minn Solvay.

436    Fit-tielet lok, il-konvenuta ssostni li Roche, dejjem fl-imsemmi anness 3, irrikonoxxiet li l-akkordju relatat mal-vitamina D 3 beda bl-istabiliment ta’ kuntatt bilaterali ma’ BASF. Dan l-argument, li diġà ġie deċiż fil-punt 422 hawn fuq li huwa infondat fil-fatt, huwa wkoll irrilevanti għall-finijiet tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx mexxej ta’ l-imsemmi akkordju, peress li l-konvenuta stess ġustament ippreċiżat id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ provokatur u dak ta’ mexxej.

437    Fir-raba’ lok, biex turi li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ir-rwol ta’ BASF fl-akkordju kien aktar importanti minn dak ta’ Solvay, il-konvenuta tirreferi wkoll għall-premessi tad-Deċiżjoni li fihom ġew eżaminati l-objettivi ffissati fir-rigward tal-kwoti (b’mod partikolari l-premessa 476), li juru l-pożizzjoni relattivament iktar dgħajfa ta’ Solvay meta mqabbla ma’ Roche u BASF.

438    Dan l-argument huwa infondat. Fil-fatt, il-premessa 476, bħall-premessi 463 u 474 tad-Deċiżjoni, turi li l-kwoti allokati lil Solvay – li jinkludu wkoll il-parti ta’ Aventis (ara l-premessa 483) – jirrappreżentaw prattikament id-doppju ta’ dawk allokati lil BASF, li b’hekk jirriflettu r-relazzjoni bejn il-porzjonijiet tas-suq rispettivi tal-produtturi kif ikkalkulati b’mod kunsenswali bejn Roche, BASF u Solvay matul l-ewwel laqgħa tal-kartell tal-11 ta’ Jannar 1994 (ara l-premessa 462).

439    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ritenut, kif issostni r-rikorrenti, li d-Deċiżjoni tistabbilixxi elementi aktar sinjifikattivi, fir-rigward tar-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordju in kwistjoni, fil-konfront ta’ Roche u Solvay. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-premessa 478 tindika li, matul laqgħa bilaterali bejn Roche u Solvay f’Basle, Roche ipproponiet żieda fil-prezzijiet li għaliha Solvay kellha tkun il-mexxej fl-Ewropa, u li hija impennjat ruħha li tiżgura li ż-żewġ membri l-oħrajn ta’ l-akkordju (BASF u Aventis) jikkonformaw f’dan ir-rigward. Jirriżulta b’mod ċar mid-Deċiżjoni li Solvay iltaqgħet separatament ma’ Aventis, li ma kinitx preżenti għal-laqgħat mal-produtturi l-oħrajn tal-kartell, u li hija ġabret informazzjoni mingħandha biex tużaha matul dawn il-laqgħat, biex sussegwentement tinnotifika lil Aventis dwar l-eżitu tagħhom (premessi 468 u 482). Solvay ġiet allokata kwoti ta’ produzzjoni f’isem Aventis (premessa 483) u ġabret l-informazzjoni u ppreżentat ir-riżultati mqabbla wara l-interruzzjoni tal-laqgħat minħabba l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet fl-Amerika (premessa 480).

440    Fir-rigward ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma jistax jiġi konkluż, fuq il-bażi ta’ l-elementi fl-atti tal-kawża, li r-rikorrenti eżerċitat, flimkien ma’ Roche rwol ta’ mexxej fil-ksur relatat mal-vitamina D 3.

441    Iż-żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal dan il-ksur b’hekk għandha titneħħa.

e)     Ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi

 L-argumenti tal-partijiet

442    F’dak li jirrigwarda l-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni ma toffri ebda prova biex tikkorrobora l-konklużjoni li BASF, flimkien ma’ Roche, ħolqot u ħadet l-inizjattiva għall-arranġamenti u dderiġiethom. Fil-fatt, l-elementi ta’ prova jissuġġerixxu li Roche, aktar minn BASF, eżerċitat rwol attiv fil-ġestjoni u d-direzzjoni ta’ dawn l-arranġamenti.

443    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-instigazzjoni u l-ħolqien ta’ dawn l-arranġamenti, ir-rikorrenti tafferma li d-Deċiżjoni, waqt li tagħmel żewġ referenzi fil-premessi 520 u 521 għal laqgħat inizjali bejn Roche u BASF, ma tippreżenta ebda prova li turi liema waħda mill-partijiet ħadet l-inizjattiva għal dawn il-laqgħat. Hija ssostni li akkordju mhuwiex maħluq u promoss mill-parteċipanti kollha li jattendu l-ewwel laqgħa.

444    Rigward it-tmexxija ta’ l-arranġamenti, ir-rikorrenti tirreferi għal serje ta’ ċirkustanzi msemmija fid-Deċiżjoni (premessi 520 sa 522, 525 u 526) li jipprovaw, fil-fehma tagħha, ir-rwol attiv eżerċitat minn Roche f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li Roche organizzat l-ewwel laqgħa, il-laqgħat trimestrali kif ukoll laqgħa bil-għan li tiġi estiza, kif hija xtaqet biex tirrestrinġi l-porzjon tas-suq ta’ BASF, il-portata ta’ l-akkordju relatat mal-betakaroten billi jiġu inklużi l-karotenojdi ħomor. Il-pożizzjoni ta’ mexxej ta’ Roche tirriżulta wkoll miċ-ċirkustanza, imsemmija fil-premessa 525 tad-Deċiżjoni, li BASF kienet tal-fehma li ma setgħetx tidħol fis-suq ta’ l-astaksantina roża mingħajr ma tikseb l-approvazzjoni ta’ Roche.

445    Il-konvenuta ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni jindikaw, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti stess matul il-proċedura amministrattiva, li l-funzjonament tal-ftehim dwar il-betakaroten u l-karotenojdi kien jirrifletti l-istruttura tal-ftehim dwar il-vitamini A u E (b’mod partikolari l-premessi 522 u 530). Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-funzjonament ta’ dan l-aħħar ftehim, fil-premessi 175 sa 188 tad-Deċiżjoni, huwa wkoll rilevanti fir-rigward tal-ftehim dwar il-betakaroten u l-karotenojdi. Il-konvenuta tirreferi, b’mod partikolari, għall-premessa 183, li tindika li meta kienet tiġi deċiża żieda fil-prezzijiet, Roche ġeneralment kienet tkun l-ewwel li tħabbarha, minkejja li xi kultant kienet titlob lil BASF biex tħabbar iż-żieda l-ewwel. Dawn il-fatti, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, b’hekk juru li BASF kellha rwol ta’ mexxej ukoll fl-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, minkejja li dan ir-rwol kien biss okkażjonali u inqas importanti minn dak ta’ Roche.

446    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija kkontestat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet mexxej fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E.

447    Hija ssostni, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova f’dak li jirrigwarda r-rwol ta’ mexxej li attribwiet lir-rikorrenti għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha turi speċifikament li, permezz ta’ l-azzjonijiet tagħha, BASF eżerċitat dan ir-rwol u ma setgħetx sempliċement tirreċikla l-allegazzjonijiet li saru fil-kuntest ta’ ksur oħra jew tirreferi għad-deskrizzjoni tal-funzjonament ta’ ftehim illegali.

448    Hija ssostni, fit-tielet lok, li l-argument tal-konvenuta huwa illoġiku, fis-sens li l-uniċi żewġ membri ta’ akkordju ma jistgħux ikunu t-tnejn mexxejja, peress li l-eżistenza ta’ tmexxija teħtieġ mexxej u ta’ mill-inqas segwaċi wieħed.

449    Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta tirrifjuta din l-aħħar affermazzjoni tar-rikorrenti, u tosserva li, fi ksur li jdum għal żmien twil bħal dak fil-każ preżenti, jista’ jagħti l-każ li, f’mumenti differenti matul il-funzjonament ta’ l-akkordju, xi waħda mill-impriżi tkun il-mexxej, li jista’ jiġi rifless ġustament f’żidied differenti tal-multi sabiex jiġu kkunsidrati d-diversi rwoli eżerċitati minn dawn l-impriżi (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 144 hawn fuq, punt 204).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

450    Għandu jiġi mfakkar li, skond id-Deċiżjoni, fl-akkordju relatat mal-betakaroten u sa l-karotenojdi ħadu sehem biss Roche u BASF.

451    Il-konvenuta, fin-nota t’eċċezzjonijiet tagħha, tikkonstata biss ir-rwol ta’ mexxej li BASF eżerċitat f’dawn l-akkordji, mingħajr ma tattribwixxi rwol ta’ provokatur lil din l-impriża. Barra minn hekk, l-elementi ta’ prova li hija tressaq biex tissostanzja l-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti fil-konfront tar-rikorrenti għal dawn iż-żewġ ksur huma relatati mal-funzjonament u mhux mal-ħolqien ta’ l-akkordju.

452    Għandu jiġi rrilevat li n-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-premessa 712 ma tirreferi għal ebda premessa tad-Deċiżjoni li tiddeskrivi l-fatti relatati ma’ l-akkordji li jirrigwardaw rispettivament il-betakaroten u l-karotenojdi.

453    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie deċiż fil-punti 418 hawn fuq fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina D 3, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet mogħtija għaż-żieda fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi aggravanti ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, mhumiex suffiċjenti, peress li ma jispjegawx jekk din iż-żieda ġietx imposta għar-rwol ta’ provokatur, jew għar-rwol ta’ mexxej, jew għaż-żewġ rwoli flimkien allegatament eżerċitati minn BASF f’dawn il-ksur.

454    Barra minn hekk, f’kull ipoteżi, ir-raġunijiet mogħtija f’kull każ huma bbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali esposti fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni, li dwarhom diġà ġie deċiż, fil-punti 296 sa 301 hawn fuq, li dawn fihom infushom ma jiġġustifikawx l-attribuzzjoni lir-rikorrenti tar-rwol ta’ mexxej jew provokatur tal-ksur allegati kontriha fil-każ preżenti.

455    Peress li ż-żieda tal-multa in kwistjoni hija b’hekk ivvizzjata b’illegalità, hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-ksur relatat mal-vitamina D 3, sabiex tikkonferma, tannulla jew timmodifika din iż-żieda.

456    Kif issemma’ fil-punt 452 hawn fuq, il-konvenuta ma kkonstatatx li BASF eżerċitat rwol ta’ provokatur f’dawn il-ksur. Barra minn hekk, kif issostni b’mod korrett ir-rikorrenti, ebda element ta’ prova fl-atti tal-kawżi ma jissuġġerixxi li hija eżerċitat dan ir-rwol, peress li mhuwiex biżżejjed li impriża tkun ipparteċipat f’akkordju sa mill-bidu tiegħu biex tikkwalifikaha, flimkien mal-membri fundaturi l-oħrajn, bħala provokatur ta’ l-akkordju (ara l-punt 322 hawn fuq).

457    Sabiex tissostanzja l-konstatazzjoni tagħha li r-rikorrenti eżerċitat, flimkien ma’ Roche, rwol ta’ mexxej fiż-żewġ ksur in kwistjoni, il-konvenuta tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 175 sa 188 tad-Deċiżjoni dwar l-akkordji relatat mal-vitamini A u E. Fil-fatt, il-konvenuta tispjega li, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ BASF li jinsabu fir-rapport mibgħuta minn din ta’ l-aħħar lill-Kummissjoni b’ittra tal-15 ta’ Ġunju 1999, hija indikat kemm fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punt 186) kif ukoll fid-Deċiżjoni (premessa 522) li, għall-betakaroten u l-karotenojdi, kif kien il-każ għall-vitamini A u E, “il-partijiet ħejjew ‘baġit’ dettaljat, li jqabbel il-bejgħ reali mall-kwoti ‘kif ġew stmati fil-baġit’, waqt li għamlu stima tat-tkabbir futur tas-suq u ftiehmu dwar iż-żmien u l-ammont taż-żidiet fil-prezzijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-Deċiżjoni tindika wkoll li “saru laqgħat trimestrali f’Basle dwar il-betakaroten fl-istess post u fl-istess żmien tal-laqgħat tal-kartell tal-vitamini A u E ” (premessa 522) u li “l-laqgħat dwar il-karotenodji saru kull trimestru fl-istess żmien bħal dawk dwar il-betakaroten u essenzjalment kienu involuti l-istess persuni” (premessa 530) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ssostni li r-referenzi li saru għall-funzjonament ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E jippermettu li wieħed jinferixxi r-rwol ta’ mexxej ta’ BASF fl-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi miċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessi 175 sa 188 tad-Deċiżjoni, li jipprovaw r-rwol ta’ mexxej ta’ BASF fl-ewwel akkordji. Il-konvenuta tirreferi b’mod partikolari għall-premessa 183, li tirrigwarda l-mekkaniżmu għat-tħabbir taż-żidiet tal-prezzijiet għall-vitamini A u E (ara l-punt 345 hawn fuq).

458    Dan ir-raġunament tatal-konvenuta ma jistax jiġi aċċettat.

459    Fl-ewwel lok, il-fatt li l-laqgħat relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi setgħu seħħu fl-istess żmien bħal dawk relatati mal-vitamini A u E u l-fatt li l-iskop tagħhom seta’ segwa sostanzjalment l-istess skema (attribuzzjoni ta’ kwoti, kontroll tal-ħarsien tagħhom, stima tat-tkabbir futur tas-suq, ftehim dwar il-prezzijiet) ma jippreġudikawx il-kwistjoni dwar liema impriża eżerċitat b’mod konkret ir-rwol ta’ mexxej f’kull wieħed minn dawn l-akkordji. Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt, fuq il-bażi ta’ dawn l-assumiljanzi bejn iż-żewġ gruppi ta’ akkordji kkunsidrati, li BASF kienet ukoll l-ewwel li ħabbret iż-żidiet fil-prezzijiet fil-kuntest ta’ l-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, kif ġie stabbilit li xi kultant għamlet fil-kuntest ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E u li ġġustifika ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha f’dawn l-aħħar akkordji (ara l-punti 345 sa 355 hawn fuq).

460    Fit-tieni lok, waqt li huwa minnu, kif issostni wkoll il-konvenuta, li, fi ksur ta’ żmien twil bħal dawk in kwistjoni, il-membri ta’ l-akkordju jistgħu jeżerċitaw b’mod alternat, f’mumenti differenti, ir-rwol ta’ mexxej – b’hekk illi ma jistax jiġi eskluż li ċ-ċirkustanza aggravanti tar-rwol ta’ mexxej tiġi applikata lil kull wieħed fosthom –, madankollu, fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenuta la indikat u lanqas uriet li BASF u Roche eżerċitaw dan ir-rwol fir-rigward ta’ l-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, jew f’liema żmien għamlu hekk.

461    Fit-tielet lok, kif tippreċiża wkoll ir-rikorrenti, id-deskrizzjoni tal-fatti relatati maż-żewġ ksur in kwistjoni mogħtija fid-Deċiżjoni (premessi 520 sa 534), issemmi xi ċirkustanzi li jistgħu jiġu interpretati bħala indizji tar-rwol ta’ mexxej ta’ Roche. Jirriżulta b’hekk mid-Deċiżjoni li saru diversi laqgħat bejn Roche u BASF relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi f’Basle, is-sede ta’ Roche (premessi 520, 522 u 526), u li din ta’ l-aħħar forniet lil BASF b’astaksantina (karotenojda) li kienet neċessarja għaliha għall-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u provi fl-istadju ta’ qabel il-produzzjoni waqt li hija kienet qed tibni fabbrika ġdida ta’ produzzjoni ta’ l-astaksantina (premessa 528). Min-naħa l-oħra, il-premessi 520 sa 534 ma jsemmu ebda ċirkustanza konkreta li tista’ tikkostitwixxi indizzju tar-rwol ta’ mexxej tar-rikorrenti.

462    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-elementi ta’ prova li jinsabu fl-atti tal-kawża ma jippermettux li r-rikorrenti tiġi kkwalifikata bħala mexxej fir-rigward tal-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi.

463    Isegwi li ż-żieda ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għal dawn il-ksur għandha tiġi annullata.

3.     Konklużjoni fuq iż-żieda, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi aggravanti, ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

464    Jirriżulta mill-analiżi preċedenti li ż-żieda ta’ 35 %, minħabba r-rwol ta’ mexxej jew provokatur tar-rikorrenti, ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti kontriha fid-Deċiżjoni, hija kkonfermata f’dak li jirrigwarda – minbarra l-ksur relatat mal-vitamina B 2, li ma jaqax taħt din ir-raġuni – il-ksur relatat mal-vitamini A, E u B 5, filwaqt li hija annullata fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi.

E –  Fuq is-sitt raġuni, li tallega ksur tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u ta’ l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti maħluqa minn din il-komunikazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

465    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta ddeċidiet li hija ma kellhiex dritt għal tnaqqis akbar tal-multi fuq il-bażi tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti hija tal-fehma li hija ssodisfat, fir-rigward tal-ksur kollu li għalihom ġiet imposta multa kontriha, il-kundizzjonijiet kollha elenkati f’din it-taqsima, previsti fil-paragrafi a) sa e), waqt li l-Kummissjoni kkonstatat, fir-rigward tal-ksur relatati mal-vitamini A u E, li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b), peress li Aventis kienet l-ewwel li pproduċiet, permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha bil-miktub mogħtija fid-19 u l-25 ta’ Mejju 1999, elementi ta’ prova deċiżivi dwar dawn il-ksur, u, fir-rigward tal-ksur l-oħrajn, li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e), minħabba r-rwol tagħha ta’ mexxej jew provokatur fl-akkordji flimkien ma’ Roche.

466    Rigward il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet, flimkien ma’ Roche, l-ewwel impriża li għarrfet lill-Kummissjoni dwar il-kartell fis-settur tal-vitamini u li fornietha b’dettalji dwar il-vitamini in kwistjoni, l-impriżi parteċipanti u t-tul ta’ żmien tal-kartell. Hija tgħid li din il-prova ngħatat verbalment lill-Kummissjoni matul laqgħa li saret fis-17 ta’ Mejju 1999 u kienet “determinanti ” fis-sens tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, peress li hija biżżejjed, fiha nnifisha, biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-imsemmi kartell, b’mod konformi mal-kriterju adottat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tagħha 2001/418/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ KOMP/36.545/F3 – Aċti amino) (ĠU L 152, 2001, p. 24, premessa 409) u 2002/742/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ KOMP/E‑1/36.604 – Aċtu Ċitriku) (ĠU L 239, 2002, p. 18, premessa 306, iktar ‘il quddiem id-”deċiżjoni Aċtu Ċitriku ”. premessa 306).

467    Ir-rikorrenti tiddeskrivi l-kuntest u l-iżvolġiment ta’ din il-laqgħa bil-mod segwenti. B’ittra tas-6 ta’ Mejju 1999 indirizzata lil K. Van Miert, li kien il-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni, BASF innotifikat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ kartell fis-settur tal-vitamini, billi identifikat lilha nnifisha u lil Roche bħala parteċipanti fl-arranġamenti illegali, u talbet laqgħa biex tiddiskuti dawn l-arranġamenti mal-Kummissjoni, bil-għan li tikkoopera magħha u b’hekk tibbenefika mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Ir-rikorrenti tgħid ukoll li, fl-istess jum, J. Scholz, mid-dipartiment legali ta’ BASF, ikkuntattja bit-telefon l-uffiċċju ta’ Van Miert biex jagħmel appuntament biex tiġi diskussa l-kwistjoni fid-dettall.

468    Wara ċerti diffikultajiet biex tinstab data konvenjenti għall-Kummissjoni, saret laqgħa fis-17 ta’ Mejju 1999 bejn rappreżentanti ta’ BASF, fosthom Scholz, ta’ Roche, u tal-Kummissjoni. Matul il-laqgħa, BASF iddeskriviet serje ta’ arranġamenti ta’ kollużjoni illegali fi ħdan l-industrija tal-vitamini fuq livell dinji, bid-dettalji dwar il-prodotti tal-vitamini in kwistjoni, l-ismijiet ta’ l-impriżi prinċipali li pparteċipaw u t-tul ta’ żmien tal-ksur. Hija esprimiet ukoll l-intenzjoni soda tagħha li tikkoopera f’kull investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn l-attivitajiet, tinforma lill-istituzzjoni dwar il-konklużjoni imminenti ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja (plea agreement) mad-Dipartiment tal-Ġustizzja (Ministeru tal-Ġustizzja) ta’ l-Istati Uniti u impenjat ruħha li tipprovdi kopji ta’ din it-tranżazzjoni malli tiġi ppreżentata lill-ġurisdizzjoni Amerikana kompetenti. Ir-rikorrenti pproduċiet, annessa mar-rikors tagħha, dikjarazzjoni ta’ Scholz (iktar ‘il quddiem id-“dikjarazzjoni Scholz ”) li kienet tiġbor fil-qosor id-dikjarazzjonijiet li saru u l-livell ta’ kooperazzjoni offruta minn BASF matul din il-laqgħa.

469    Ir-rikorrenti tinsisti dwar il-fatt li l-informazzjoni li hija tat verbalment matul din il-laqgħa ppermettiet lill-Kummissjoni biex tipprova l-ksur in kwistjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-vitamini A u E, minkejja li BASF ma kkooperatx ulterjorment ma’ l-istituzzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess, fid-Deċiżjoni Aċtu Ċitriku tagħha, imsemmija fil-punt 467 supra (premessa 305), stabbilixxiet li l-elementi ta’ prova determinanti jistgħu jingħataw verbalment. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni mkien ma tissuġġerixxi li l-elementi ta’ prova in kwistjoni għandhom jingħataw bil-miktub. Fil-fatt, ir-rikorrenti tosserva li t-taqsima B ta’ din il-komunikazzjoni, waqt li tiddistingwi bejn “informazzjoni”, “dokumenti” u “elementi ta’ prova”, tissuġġerixxi li l-elementi determinanti mhumiex neċessarjament provi bil-miktub. Għaldaqstant mhemm ebda raġuni, għall-finijiet taċ-ċertezza legali u l-effiċjenza amministrattiva, biex l-elementi ta’ prova mogħtija verbalment ma jitqisux bħala suffiċjenti. Il-Kummissjoni tista’, skond ir-rikorrenti, iżżomm minuti tal-laqgħat u tista’ wkoll, fl-interess taċ-ċertezza legali, tabbozza rendikont ta’ dawn il-laqgħat bi ftehim mal-parteċipanti.

470    B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport bil-miktub li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, fuq talba ta’ din ta’ l-aħħar, fejn hija pprovdiet dettalji supplementari dwar il-ksur ma kienx essenzjali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u kien jikkostitwixxi biss faċilità amministrattiva għall-istituzzjoni.

471    Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni għamlet żball meta kkonstatat li kienu d-dikjarazzjonijiet bil-miktub provduti minn Aventis fid-19 u l-25 ta’ Mejju 1999 li tawha l-ewwel elementi determinanti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E.

472    Fuq bażi sussidjarja, f’każ li x-xiehda orali ta’ BASF matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 ma tiġix ikkunsidrata bħala determinanti, ir-rikorrenti ssostni li dan huwa prinċipalment għall-fatt li l-Kummissjoni insistiet fuq provi bil-miktub, rekwiżit li jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

473    Minn naħa, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta provi addizzjonali offruti minn BASF matul din il-laqgħa u b’mod partikolari rrifjutat li tirċievi xiehda kumplimentari li setgħu jiġu pprovduti lilha fi żmien qasir. Hija tal-fehma li kieku saru intervisti ma’ l-impjegati prinċipali ta’ BASF involuti fl-akkordju tal-vitamini, dan kien ikun metodu veloċi, effikaċi u prattiku biex jinġabru l-elementi ta’ prova kollha dwar l-akkordju tal-vitamini u li x-xewqa tal-Kummissjoni li tiffranka x-xogħol ma tistax tintuża kontriha jew taffettwa l-pożizzjoni legali tagħha.B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kellhiex tirrifjuta l-elementi ta’ prova offruti meta dan ir-rifjut jista’ jwaqqaf lil impriża milli tkun l-ewwel li tipprovdi elementi determinati skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

474    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li jekk il-Kummissjoni kienet tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet bil-miktub biss setgħu jitqiesu bħala suffiċjenti għall-finijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija kellha tinforma lil BASF, peress li hija kienet taf, wara l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1999 ta’ BASF, li din ta’ l-aħħar xtaqet tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tal-vitamini u tikkoopera mal-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha bil-għan li tikseb il-benefiċċju ta’ l-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma indikat li d-dikjarazzjonijiet verbali li saru matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 ma kinux suffiċjenti għal dan l-għan sakemm dawn jiġu kkonfermati bil-miktub. Ir-rikorrenti tirrimarka li, f’każ kuntrarju, hija kienet tikkonferma immedjatament bil-miktub id-dikjarazzjonijiet li saru matul din il-laqgħa. Barra minn hekk, kieku BASF kienet ġiet infurmata, qabel il-laqgħa, li l-Kummissjoni kienet ser taċċetta biss provi bil-miktub, hija kienet tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub matul din il-laqgħa.

475    Rigward il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e), li hija relatata mal-ksur kollu li għalih ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti, din ta’ l-aħħar, waqt li tirreferi għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ħames raġuni, ittenni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrata bħala mexxej jew provokatur ta’ l-akkordji.

476    Il-konvenuta ssostni li, fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E, ir-rikorrenti ma kinitx l-ewwel impriża li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li hija kienet korretta meta kkonstatat li Aventis kienet l-ewwel. Fil-fatt, l-elementi ta’ prova li r-rikorrenti tallega li pprovdiet verbalment matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 bejn Roche, BASF u l-Kummissjoni ma jikkostitwixxux elementi ta’ prova determinanti mogħtija verbalment għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni

477    Kif tindika l-premessa 127 tad-Deċiżjoni, Roche u BASF, matul din il-laqgħa, sempliċement għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jikkooperaw mingħajr ma tawha l-elementi ta’ prova meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur.

478    Il-konvenuta tfakkar li, hija kkonstatat li Aventis, u mhux BASF, kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għaliex kienet Aventis li pprovdiet l-elementi ta’ prova determinanti fid-19 ta’ Mejju 1999, jiġifieri kważi xahar qabel ma’ BASF ippreżentat l-ewwel dokument li seta’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ l-imsemmija komunikazzjoni, jiġifieri d-dikjarazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1999 (premessi 125, 132, 741 u 743 tad-Deċiżjoni).

479    Skond il-konvenuta, id-dikjarazzjoni Scholz, li ngħatat jumejn qabel ma l-każ inġieb quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mir-rikorrenti, b’ebda mod ma jista’ jitqies li jikkostitwixxi transkrizzjoni tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u ma jissostanzjax l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

480    Il-proposta sempliċi ta’ BASF, li hija semmiet fid-dikjarazzjoni Scholz, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-impjegati biex jixhdu ma tikkostitwixxix element ta’ prova determinanti, peress li din ma ppermettietx lill-istituzzjoni biex tistabbilixxi l-ksur.

481    Il-konvenuta tippreċiża li, minn dak li hija tiftakar mil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tindika matul din il-laqgħa l-kontenut tal-ftehim illegali fuq il-vitamini A u E. Ir-rikorrenti kienet indikat ukoll li dokumenti oħra ma setgħux jiġi ppreżentati qabel ma jingħalqu l-azzjonijiet ta’ grupp (class actions) miġjuba kontriha fil-qrati ċivili. Għaldaqstant l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu ġġustifikati meta insistew li jingħataw elementi ta’ prova dettaljati wara l-laqgħa, peress li r-rikorrenti stess iddikjarat li kellha dokumenti li setgħet tipprovdi aktar tard. Peress li din iċ-ċirkustanza ma tissemmiex fid-dikjarazzjoni Scholz, il-konvenuta tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tisma’, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 65(2)(a) u (c), u ma l-Artikolu 66 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, lill-persuni li kienu preżenti għal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u li jissemmew fil-punt 179 tar-rikors.

482    Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur kollha li għalihom ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti, il-konvenuta tirrileva, minn naħa, li r-rikorrenti ma tikkontestax li kellha rwol ta’ mexxej jew provokatur fl-akkordju relatat mal-vitamina B 2 u, min-naħa l-oħra, li r-rwol ta’ mexxej jew provokatur eżerċitat mir-rikorrenti fl-akkordji l-oħrajn jirriżulta b’mod ċar mid-Deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

483    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tibda billi tirreferi għal tliet konstatazzjonijiet li jinsabu fir-risposta tagħha li fil-fehma tagħha huma importanti. Fl-ewwel lok, hija tippreċiża li l-konvenuta ma kkontestatx is-sustanza tad-deskrizzjoni tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 mogħtija fid-dikjarazzjoni Scholz u, b’mod partikolari, il-fatt li BASF iddeskriviet l-elementi importanti ta’ l-arranġamenti, inklużi dawk relatati mal-vitamini A u E, il-parteċipanti f’dawn l-arranġamenti u t-tul ta’ żmien tagħhom. Fit-tieni lok, hija tirrileva wkoll li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-argument tagħha li l-informazzjoni mogħtija verbalment tista’ tikkostitwixxi elementi ta’ prova determinanti għal-finijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fit-tielet lok, hija tirrimarka li, għall-kuntrarju tal-prattika tajba u ta’ dak li seħħ fil-każ tad-Deċiżjoni Aċtu Ċitriku, imsemmija fil-punt 467 hawn fuq, huwa ċar li l-Kummissjoni ma żammitx minuti stabbiliti waqt il-laqgħa u m’għamlet ebda sforz sussegwenti biex tabbozza verżjoni ta’ din il-laqgħa bi qbil mal-parteċipanti.

484    Rigward il-kunċett ta’ elementi ta’ prova determinanti, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest ta’ akkordju kumpless, ta’ tul ta' żmien u li jinvolvi diversi partijiet bħal dak in kwistjoni, mhuwiex neċessarju li impriża tipprovdi verbalment dettalji dwar kull laqgħa, iżda huwa biżżejjed li tiġi ammessa u spjegata l-eżistenza ta’ ftehim, filwaqt li l-Kummissjoni tista’, kif għamlet fil-każ preżenti, teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17 biex tikseb id-dettalji preċiżi. Ir-rikorrenti tosserva li, fir-risposta tagħha, il-konvenuta ma tikkontestax li t-talba għal informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999 skond l-Artikolu 11 hija bbażata fuq l-informazzjoni mogħija minn BASF matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999.

485    Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta tippreċiża li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, element ta’ prova determinanti għandu minnu nnifsu jippermetti lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur u mhux sempliċement biex tibgħat talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Hija tallega li, matul il-laqgħa, ir-rikorrenti sempliċement ammettiet li pparteċipat f’akkordju, semmiet il-parteċipanti l-oħrajn u rreferiet għal xi dettalji. Dan jirriżulta kemm mid-dikjarazzjoni Scholz (punt 9) kif ukoll min-noti bil-miktub ta’ l-amministratur tal-fajl, li verżjoni ttajpjata tagħha hija pprovduta fl-Anness D.3 tal-kontroreplika, li nkitbu fi tmiem il-laqgħa u li jikkostitwixxu dokumentazzjoni bil-miktub tagħha. Skond il-konvenuta, l-informazzjoni mogħtija matul din il-laqgħa b’hekk kienet tippermettilha biss li tibgħat talbiet għal informazzjoni skond il-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

486    Permezz ta’ din ir-raġuni, ir-rikorrenti tikkontesta simultanjament il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija ma kinitx tissodisfa, minn naħa, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) ta’ din l-istess taqsima fir-rigward tat-tmien ksur li għalihom il-Kummissjoni imponiet multa fuqha.

a)     Fuq l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E

487    Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha fuq il-Kooperazzjoni, iddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha jistgħu jiġu eżenti mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqhom (ara t-taqsima A(3) tal-komunikazzjoni).

488    Kif jissemma’ fit-taqsima E(3) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, din toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju. Fir-rigward ta’ l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jidderivaw minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni b’hekk hija obbligata li tikkonforma magħha matul l-evalwazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tal-kooperazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza HFB et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 227 hawn fuq, punt 608 u tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 192 u 193).

489    Fil-kuntest ta’ din il-preċiżjoni, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, impriża “tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % ta’ l-ammont tal-multa li tiġi imposta kontriha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, tnaqqis li jista’ jasal sa l-eżenzjoni totali mill-multa ” jekk:

“a)       tiddenunzja l-akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma’ din tkun fetħet investigazzjoni fuq deċiżjoni fir-rigward ta’ l-impriżi parteċipi fl-akkordju, u mingħajr ma diġà jkollha informazzjoni suffiċjenti biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju ddenunzjat;

b)       tkun l-ewwel li tipprovdi elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordju;

c)       tkun temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali sa mhux aktar tard mill-mument meta hija tiddenunzja l-akkordju;

d)       tipprovdi lill-Kummissjoni kull informazzjoni utli, kif ukoll kull dokument u element ta’ prova li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-akkordju u żżomm kooperazzjoni permanenti u totali matul l-investigazzjoni;

e)       ma tkunx ġiegħlet xi impriża oħra biex tipparteċipa fl-akkordju kemm f’rwol ta’ provokatur jew fi rwol determinanti fl-attività illeċita.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

490    F’dak li jirrigwarda, b’mod aktar partikolari, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b), ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E, hija kienet tabilħaqq, flimkien ma’ Roche, l-ewwel impriża li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti biex tipprova l-eżistenza ta’ l-akkordju, u li hija għamlet dan verbalment matul il-laqgħa ma’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 1999, jiġifieri jumejn qabel il-produzzjoni ta’ l-ewwel kontribuzzjoni bil-miktub minn Aventis.

 Fuq il-kunċett ta’ “elementi ta’ prova determinanti” fis-sens tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

491    Skond ir-rikorrenti, li ppreċiżat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward f’risposta għal domanda bil-miktub ifformulata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, meta l-Kummissjoni jkollha ammissjoni volontarja dwar l-eżistenza ta’ arranġament illegali, il-prodotti in kwistjoni, l-impriżi involuti, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien, ma jistax ikun l-iċken dubju li hija jkollha “elementi ta’ prova determinanti” dwar l-eżistenza ta’ akkordju, għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Il-kunċett ta’ elementi ta’ prova determianti ma jistax, fil-fehma tagħha, ifisser l-elementi kollha meħtieġa mill-Kummissjoni biex tħejji d-deċiżjoni li tikkonstata ksur, iżda l-elementi li jippermettu lil din l-istituzzjoni biex tieħu konjizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ akkordju, biex tuża s-setgħat tagħha biex tmexxi l-investigazzjonijiet u biex tikseb kull informazzjoni supplementari li fil-fehma tagħha tkun meħtieġa għall-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u sussegwentement għal deċiżjoni. Il-konvenuta, min-naħa l-oħra, issostni li element ta’ prova huwa determinanti meta jippermetti minnu nnifsu lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur u meta sempliċement jippermettilha li tibgħat talbiet għal informazzjoni.

492    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-konvenuta, il-kunċett ta’ elementi ta’ prova determinanti ma jfissirx provi li fihom infushom ikunu suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ l-akkordju, kif jirriżulta wkoll meta jiġu mqabbla t-termini użati fit-taqsima B(a) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li tinkludi preċiżament l-aġġettiv “suffiċjenti”, li ma jintużax fit-taqsima B(b) ta’ din il-komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 70 hawn fuq, punt 362).

493    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-elementi ta’ prova msemmija fit-taqsima B(b) ta’ din il-komunikazzjoni mhux neċessarjament iridu jkunu suffiċjenti fihom infushom biex jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordju, dawn għandhom madankollu jkunu determinanti għan dan l-istess fini. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jikkonsistu sempliċement f’sors ta’ orjentament għall-investigazzjonijiet li tkun ser tmexxi l-Kummissjoni, iżda elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur.

494    Huwa fil-kuntest tal-kunċett ta’ “elementi ta’ prova determinanti” interpretat f’dan is-sens li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

 Fuq il-kwistjoni jekk l-elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni setgħux jingħataw verbalment

495    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni setgħux jingħataw verbalment, il-konvenuta, mingħajr ma tikkontesta b’mod espress din il-possibbiltà, ippreċiżat, fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub ifformulata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-elementi ta’ prova mogħtija verbalment għandhom jiġu kkorroborati bil-miktub sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ l-imsemmija taqsima B. Din il-pożizzjoni, li l-konvenuta tenniet matul is-seduta li hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li l-impriżi l-oħrajn ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom dwar kull prova li l-Kummissjoni tuża kontra tagħhom, mhijiex eżenta minn ambigwità, peress li, b’mod partikolari, il-konvenuta ma tispeċifikax jekk il-konferma bil-miktub għandhiex tingħata qabel, sabiex l-impriża in kwistjoni tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-provi ppreżentati, wara l-prova verbali mogħtija minn din l-impriża, mill-impriżi l-oħrajn li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mill-imsemmija komunikazzjoni.

496    F’dan ir-rigward, kif fakkret ukoll korettament ir-rikorrenti matul is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq (punt 431), ikkonfermat b’mod ċar li fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel inċiż tat-taqsima D(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-għoti ta’ informazzjoni verbali lill-Kummissjoni jista’ jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-benefiċċji previsti minn din il-komunikazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrimarkat li d-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tipprevedi li mhux biss “dokumenti”, iżda wkoll “informazzjoni” jistgħu jiġu meqjusa bħala “elementi ta’ prova” li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq u ddeduċiet li din l-informazzjoni mhux neċessarjament trid tingħata f’forma ta’ dokument.

497    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll rilevanti, mutatis mutandis, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, peress li l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) issemmi “elementi ta’ prova determinanti ” u mhux dokumenti waqt li l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (d) telenka fl-istess ħin “informazzjoni utli”, “dokumenti ” u “elementi ta’ prova ”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

498    Barra minn hekk, l-għoti ta’ informazzjoni verbali ma tippreżenta ebda inkonvenjent kbir mill-perspettiva taċ-ċertezza legali, peress li l-informazzjoni mogħtija verbalment lil amministrazzjoni pubblika fil-kuntest ta’ laqgħa normalment tista’ tinżamm billi tiġi rrekordjata u/jew bil-miktub permezz ta’ minuti.

499    L-allegazzjoni fformulata mill-konvenuta matul is-seduta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tistabbilixxi minuti tal-laqgħat li hija jkollha ma’ persuni jew impriżi għandha tiġi kkwalifikata.

500    Huwa minnu li l-istituzzjoni konvenuta m’għandhiex dan l-obbligu ġenerali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T‑221/95, Ġabra p. II‑1299, punt 94, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 u T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punt 351).

501    Madankollu, in-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa li għandhom isiru minuti ma jeskludix li, f’ċerti każijiet partikolari, il-Kummissjoni tista’ tkun obbligata li żżomm id-dikjarazzjonijiet li hija tirċievi permezz ta’ dan l-att. Fil-fatt, dan l-obbligu jista’, skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, invokat mir-rikorrenti waqt it-trattazzjoni tagħha, li jikkostitwixxi parti mill-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi (ara s-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

502    Għandu jiġi kkunsidrat li jekk impriża tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni bil-għan li tikkoopera sabiex tiġi kkumpensata taħt il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u ssir laqgħa f’dan il-kuntest bejn l-uffiċjali ta’ l-istituzzjoni u din l-impriża, għandhom isiru minuti ta’ din il-laqgħa, li jniżżel il-proposti essenzjali li jkunu saru, jew ta’ mill-inqas, il-laqgħa għandha tiġi rrekordjata, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jekk l-impriża in kwistjoni tkun talbet dan sa mhux aktar tard mill-bidu tal-laqgħa.

503    Huwa minnu li l-informazzjoni verbali toħloq l-inkonvenjent li l-għoti tagħha lill-Kummissjoni teħtieġ il-kollaborazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar u hija b’hekk suġġetta għall-ħin ta’ l-uffiċjali ta’ l-istituzzjoni u d-disponibbiltà tal-faċilitajiet neċessarji (sala tal-laqgħa, tagħmir ta’ l-irrekordjar, eċċ.). Dan l-inkonvenjent iżda mhuwiex determinanti għall-finijiet tal-kwistjoni jekk informazzjoni verbali tistax tiġi aċċettata għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

504    Minn naħa, meta diversi impriżi jitolbu biex jiltaqgħu ma’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ kooperazzjoni li tista’ tintitolahom għal eżenzjoni jew tnaqqis ta’ multa, l-istituzzjoni tista’ u għandha tagħmel mezz li hi stess ma tkunx fattur li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li hija inerenti fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

505    Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ informazzjoni verbali, preċiżament minħabba l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala mezz ta’ kooperazzjoni li bħala regola huwa inqas veloċi mill-għoti ta’ informazzjoni bil-miktub, li ma jeħtieġ ebda kooperazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, u li b’hekk mhuwiex suġġett għad-disponibbiltà ta’ riżorsi ta’ l-istituzzjoni. Jekk tagħżel li tagħti l-informazzjoni verbalment, l-impriża in kwistjoni għandha tkun taf li hemm riskju li impriża oħra tista’ tagħti lill-Kummissjoni, bil-miktub u qabilha, elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordju.

506    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jistgħu jingħataw ukoll verbalment.

 Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti, matul il-laqgħa ma’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 1999, ipprovdietx elementi ta’ prova determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E

507    Qabel ma rreferiet għal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, ir-rikorrenti allegat li, bl-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 1999 indirizzata lil Van Miert, hija infurmat lill-Kummissjoni b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ arranġamenti ta’ akkordji illegali fis-settur tal-vitamini, fejn hija identifikat lil Roche u lilha nnifisha bħala parteċipi f’dawn l-arranġamenti. Qari sempliċi ta’ din l-ittra juri, fir-realtà, li r-rikorrenti sempliċement irreferiet għall-eżistenza ta’ investigazzjonijiet fl-Istati Uniti kontra l-manifatturi ta’ vitamini, fosthom ir-rikorrenti, “fuq il-bażi ta’ suspetti ta’ ftehim kollużiv fis-settur tal-vitamini bi ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, b’din l-ittra, ir-rikorrenti ma indikatx lill-Kummissjoni li kienu jeżistu akkordji illegali fis-settur tal-vitamini, li fihom hija kienet parteċipi, iżda semmiet biss “investigazzjonijiet […] li jinsabu għaddejjin […] fl-Istati Uniti” u “suspetti ta’ ftehim kollużiv ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li ċertament ma tikkostitwixxix ammissjoni ta’ ksur min-naħa tagħha. Il-fatt li r-rikorrenti ppreċiżat ukoll li hija kienet qed tikkoopera fl-investigazzjoni Amerikana u li xtaqet, bħal Roche, tiddiskuti l-każ mal-Kummissjoni “bil-għan ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-programm Komunitarju ta’ klemenza” ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

508    Wara li ġie ppreċiżat dan il-punt, għandhom jiġu identifikati l-elementi ta’ informazzjoni li ngħataw mir-rikorrenti lill-Kummissjoni matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999.

509    Mhuwiex ikkontestat li ma saru ebda minuti ta’ din il-laqgħa, la dak in-nhar stess u lanqas wara, u li l-laqgħa ma ġietx irrekordjata b’mod li tista’ tiġi transkritta. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu ħsieb dawn il-formalitajiet, iżda mingħajr ma tallega li hija effettivament kienet talbet lill-istituzzjoni biex tagħmel hekk. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi kkritikata għal dan in-nuqqas.

510    Barra minn hekk, fil-każ preżenti, anki jekk dan in-nuqqas kien żbaljat, dan fih innifsu ma jiġġustifikax li jiġu aċċettati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

511    Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar min-noti ppreżentati mir-rikorrenti (ara b’mod partikolari l-punti 180 u 183 tar-rikors u l-punti 117 u 120 tar-replika) li din ta’ l-aħħar issostni li infurmat lill-Kummissjoni, matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1989:

a)       dwar l-eżistenza ta’ arranġamenti illegali fir-rigward ta’ għadd ta’ prodotti tal-vitamini, fosthom il-vitamini A u E, u li jaffettwaw is-suq taż-ŻEE;

b)       dwar il-parteċipanti ewlenin f’dawn l-arranġamenti, fosthom l-erbgħa involuti fl-akkordji relatati mal-vitamini A u E (Roche, BASF, Aventis u Eisai);

c)       dwar in-natura ta’ dawn l-arranġamenti, jiġifieri l-ftehim għall-iffissar tal-prezzijiet u għat-tqassim tal-bejgħ u tal-kapaċitajiet;

d)       dwar il-perijodu koperti minn dawn l-arranġamenti (mill-1989 sa l-1999).

512    Il-konvenuta ma kkontestatx l-għoti ta’ din l-informazzjoni mir-rikorrenti matul l-imsemmija laqgħa, iżda hija ma tikkunsidrax li dawn l-elementi kienu “determinanti” għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

513    Ir-rikorrenti m’allegatx, min-naħa l-oħra, li matul din l-istess laqgħa, ir-rappreżentanti tagħha offrew lill-Kummissjoni informazzjoni speċifika dwar il-funzjonament ta’ l-akkordji denunzjati, dwar il-laqgħat bejn il-produtturi u dwar x’ġie miftiehem eżattament fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, jirriżulta mid-dikjarazzjoni Scholz li l-laqgħa ma damitx aktar minn madwar siegħa, li żgur ma kienx biżżejjed biex dawn iż-żewġ impriżi jkunu jistgħu jagħtu deskrizzjoni dettaljata ta’ l-akkordji.

514    Madankollu, għandu jiġi osservat li t-transkrizzjoni, li ġiet ippreżentata mill-konvenuta, tan-noti miktuba bl-idejn li ttieħdu għal skopijiet interni, mill-uffiċjal inkarigat mill-fajl matul l-imsemmija laqgħa (iktar ‘il quddiem in-“noti miktuba bl-idejn”) ma jindikawx li d-diskussjoni li saret matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Roche u ta’ BASF wasslet għall-għoti ta’ din l-informazzjoni. Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, waqt li tilmenta li ma ngħatatx kopja ta’ dan id-dokument minkejja diversi talbiet li għamlet lill-Kummissjoni qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, la kkontestat il-preżentata u lanqas il-kontenut tiegħu, u saħansitra sostniet li dan id-dokument jikkorrobora, f’diversi aspetti, l-allegazzjonijiet tagħha fil-fatt u fid-dritt dwar l-imsemmija laqgħa.

515    Barra minn hekk, in-noti miktuba bl-idejn jixhdu għall-fatt li din id-diskussjoni –minbarra l-għoti ta’ l-elementi ta’ prova msemmija fil-punt 512 hawn fuq – kienet tikkonċerna aktar il-mod kif kellha tingħata l-kooperazzjoni miż-żewġ impriżi milli l-akkordji in kwistjoni. In-noti juru, b’mod partikolari, ċerta kawtela min-naħa tar-rappreżentanti ta’ Roche u ta’ BASF u l-fatt, kif ammettew huma stess, li ma kinux disposti jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni aktar preċiża jew dokumenti qabel ma jingħalqu l-class actions (ara l-punt 482 hawn fuq) li nfetħu kontra tagħhom fl-Istati Uniti. Fir-rigward ta’ Roche, jirriżulta minn dawn in-noti li r-rappreżentanti tagħha saħansitra ddikjaraw li huma ma kellhomx evidenza fattwali u li kienu ser iġibuhom mingħand l-avukati Amerikani ta’ Roche.

516    F’kull każ, mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk, kif issostni l-konvenuta, ir-rikorrenti ma wrietx, matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, id-disponibbiltà tagħha li tipprovdi dokumenti wara l-għeluq tal-class actions, peress li l-unika ħaġa relevanti hi liema elementi ta’ prova ngħataw effettivament mir-rikorrenti matul din il-laqgħa u jekk dawn l-elementi ta’ prova jistgħux jitqiesu bħala “determinanti” biex tiġi pprovata l-eżistenza tal-ksur in kwistjoni.

517    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu l-elementi ta’ prova li r-rikorrenti tafferma li pprovdiet matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, u li jissemmew fil-punt 512 hawn fuq, poġġew lill-istituzzjoni f’pożizzjoni li tkun tista’ tibgħat talbiet għal informazzjoni, jew li tordna li jsiru investigazzjonijiet, madankollu jħallu kważi għal kollox f’idejn l-istituzzjoni biex tirrikostitwixxi u tipprova l-fatti, minkejja l-ammissjoni ta’ responsabbiltà tagħha mir-rikorrenti, li min-naħa l-oħra ma kienx il-każ fid-deskrizzjoni sostanzjata ta’ l-attivitajiet illegali relatati mal-vitamini A u E li tat Aventis fid-dikjarazzjoni tagħha tad-19 ta’ Mejju 1999.

518    Mingħajr mhemm għalfejn jinstemgħu x-xiehda, kif titlob il-konvenuta, dwar l-allegata indisponibbiltà tar-rikorrenti li tipprovdi d-dokumenti qabel l-għeluq tal-class actions, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 493 sa 495 hawn fuq, li l-imsemmija elementi ta’ prova ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E, għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

519    B’hekk għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni stipulata minn din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-imsemmija ksur.

 Fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ttardjatx indebitament l-akkwist ta’ l-elementi ta’ prova offruti mir-rikorrenti

520    L-argument sussidjarju tar-rikorrenti, li jallega li kien minħabba r-rekwiżit illegali impost mill-Kummissjoni li tingħata provi bil-miktub li hija ma setgħetx tagħti elementi ta’ prova determinanti matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 biex tipprova l-ksur relatat mal-vitamini A u E (ara l-punti 473 sa 475 hawn fuq), jikkonsisti, essenzjalment, f’żewġ partijiet. Minn naħa, ir-rikorrenti tikkritika l-allegat rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta provi addizzjonali proposti minn BASF matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u, b’mod partikolari, li tisma’ x-xiehda, fi żmien qasir, ta’ l-impjegati prinċipali involuti fl-akkordji. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ġibditilhiex l-attenzjoni għall-fatt li d-dikjarazzjonijiet verbali ma kinux suffiċjenti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

521    Peress li, kif ġie indikat fil-punti 496 sa 507 hawn fuq, din il-kundizzjoni tista’, fejn applikabbli, tiġi sodisfatta wkoll permess ta’ informazzjoni mogħtija verbalment, it-tieni parti ta’ l-argument sussidjarju tar-rikorrenti huwa irrelevanti. Safejn, permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tavżaha f’kull każ dwar il-fatt li l-informazzjoni mogħtija matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 ma kinitx suffiċjenti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sabiex tiġbdilha l-attenzjoni għall-ħtieġa li tagħti informazzjoni kompluta fl-iqsar żmien, għandu jingħad, kif issostni l-konvenuta, li din l-istituzzjoni mhijiex obbligata tagħmel hekk. It-taqsima E(2) ta’ l-imsemmija komunikazzjoni tippreċiża fil-fatt li “huwa biss fil-mument meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha li hija għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet previsti fit-[taqsimiet] B, C jew D ġew sodisfatti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

522    Rigward l-ewwel parti ta’ l-argument sussidjarju tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat, fuq bażi preliminari, li proposta ta’ impriża li tpoġġi lill-impjegati tagħha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex jixhdu, anki jekk din tiġi aċċettata mill-istituzzjoni, mhijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, biex tippermetti lil din l-impriża tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Din il-kundizzjoni teħtieġ, fil-fatt, li l-elementi ta’ prova determinanti jingħataw b’mod effettiv lill-Kummissjoni, u li sempliċi offerta jew indikazzjoni tas-sors minn fejn dawn jistgħu jinkisbu mhumiex suffiċjenti.

523    Waqt li r-rikorrenti ssostni, fil-punt 189 tar-rikors tagħha, li “il-Kummissjoni rrifjutat li taċċetta l-provi addizzjonali proposti minn BASF matul il-laqgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija madankollu ma tindikax li l-aġenti tal-Kummissjoni waqqfu jew sempliċement skoraġġew lir-rappreżentanti tagħha milli jagħtu, matul l-imsemmija laqgħa, informazzjoni supplementari li setgħet tagħmel l-elementi ta’ prova mogħtija mir-rikorrenti f’din l-okkażjoni determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Ir-rikorrenti tippreċiża biss li din l-istituzzjoni rrifjutat li tirċievi xiehda supplementari fi żmien qasir u tiċċitta siltiet mid-dikjarazzjoni Scholz li ma jsemmu ebda tip ta’ prova oħra minbarra x-xiehda proposti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tippreċiżax in-natura ta’ l-informazzjoni supplementari li r-rappreżentanti tagħha kienu f’pożizzjoni li jagħtu matul il-laqgħa u li huma ma tawx minħabba li l-aġenti tal-Kummissjoni allegatament insistew li jingħataw provi bil-miktub.

524    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut li jinstemgħu dawn ix-xhieda, li mhuwiex ikkontestat mill-konvenuta, setax kellu bħala konsegwenza illegali l-fatt li impriża oħra (Aventis) għaddiet lir-rikorrenti fl-għoti lill-Kummissjoni ta’ elementi ta’ prova determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza tal-ksur in kwistjoni, waqt li għandu jiġi osservat li dan ir-rifjut ma jistax jikkostitwixxi l-kawża tal-fatt li r-rikorrenti ma pprovdietx elementi ta’ prova determinanti matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999.

525    F’dan ir-rigward, mingħajr mhemm għalfejn li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, kif issostni wkoll il-konvenuta, ix-xiehda orali proposti mir-rikorrenti matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 tmurx lilhinn mill-qafas tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 17 u mir-Regolament Nru 2842/98, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta dawn ix-xiehda kinitx inġustifikata.

526    Fil-fatt, xejn ma waqqaf lir-rikorrenti milli tisma’ hi stess lill-impjetati in kwistjoni u li tibgħat mingħajr dewmien bil-miktub l-informazzjoni hekk miksuba lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kellhiex bżonn il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-ġbir ta’ l-informazzjoni mill-impjegati tagħha, in kwantu l-Kummissjoni ma kellha ebda poter li ġġiegħel lil dawn l-impjegati jixhdu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ta’ l-aħħar kienet intitolata li tistieden lir-rikorrenti biex tipproċedi b’dan il-mod, sabiex l-istituzzjoni ma titgħabbiex b’xogħol żejjed, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ effiċjenza u amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, peress li x-xiehda in kwistjoni kienet tikkostitwixxi, bħall-informazzjoni mogħtija matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, l-għoti b’mod verbali ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, din kellha tiġi meqjusa, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punt 506 hawn fuq, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, bħala mezz ta’ li fil-prinċipju huwa inqas veloċi mill-għoti ta’ informazzjoni bil-miktub, b’mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma stiednitx lir-rikorrenti biex issegwi dan it-tieni mezz.

527    B’hekk, xejn ma jindika fil-każ preżenti li l-fatt li r-rikorrenti nqabżet minn Aventis fl-għoti lill-Kummissjoni ta’ elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E kien imputabbli għal aġir żbaljat mill-istituzzjoni.

 Konklużjoni

528    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi, billi qieset, fid-Deċiżjoni, li BASF ma setgħetx tibbenefika mit-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E fuq il-bażi li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) ta’ din it-taqsima, li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata.

b)     Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tmien ksur li għalihom ġiet imposta multa kontriha

529    Fil-premessa 744 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li “Roche u BASF eżerċitaw rwol ta’ instigazzjoni jew rwol determinanti fl-attivitajiet illegali relatati mas-swieq tal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi, kif deskritt fil-[premessi 567 sa 569 u 584]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kkonkludiet li għaldaqstant ebda waħda minn dawn iż-żewġ impriżi ma ssodisfat il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

530    L-argumenti żviluppati mir-rikorrenti u l-konvenuta, fin-noti tagħhom, dwar din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li hija kkontestata permezz ta’ din ir-raġuni huma limitati għal sempliċi referenza għall-argumenti li huma qajmu fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-ħames raġuni biex jiġi rrifjutat jew ipprovat rispettivament ir-rwol ta’ mexxej jew provokatur ta’ BASF fl-akkordji, li fuq il-bażi tiegħu l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq din ta’ l-aħħar ġew miżjuda b’35 % (ara l-punti 476 u 483 hawn fuq).

531    Madankollu għandu jiġi osservat li, fid-Deċiżjoni (premessa 744), il-Kummissjoni tat raġunijiet għall-konstatazzjoni tagħha li BASF u Roche ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni b’referenza għar-rwol ta’ instigaturi jew ir-rwol determinanti ta’ dawn l-impriżi fil-ksur kif deskritt fil-premessi 567 sa 569 u 584 tad-Deċiżjoni, waqt li fil-premessi 712 sa 718, u mingħajr ma għamlet referenza għall-premessi 567 sa 569 u 584, l-istituzzjoni indirizzat ir-rwol ta’ mexxej u provokatur ta’ BASF u ta’ Roche bħala ċirkustanza aggravanti.

532    Il-premessi 567 sa 569 u 584, taħt id-deskrizzjoni ta’ “in-natura tal-ksur f’dan il-każ ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jinkludu f’dak li jirrigwarda speċifikament lir-rikorrenti:

–        kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali analogi għal dawk li jinsabu fil-premessi 713 sa 717 (relatati mal-fatt li Roche u BASF kienu ż-żewġ produtturi prinċipali fuq livell mondjali fis-settur tal-vitamini, il-“front komuni” kostitwit minn Roche u minn BASF fil-ħolqien u l-implementazzjoni ta’ l-arranġamenti, u l-objettiv komuni tagħhom li jqassmu d-diversi swieq ta’ vitamini) kif ukoll kunsiderazzjonijiet oħrajn ta’ natura ġenerali (Roche u BASF kienu jbigħu parti sostanzjali tal-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ taħlitiet lesti ta’ diversi vitamini);

–        kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar ir-rwol ta’ Roche u ta’ BASF (“l-provokatur u l-benefiċjarja prinċipali” ta’ l-arranġamenti ta’ kollużjoni kienet Roche; BASF “eżerċitat rwol ferm importanti billi segwiet lil Roche”); [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–        referenzi għal ċirkustanzi fattwali jew għal kunsiderazzjonijiet marbuta maċ-ċirkustanzi speċifikament imsemmija (“l-akkordju fuq livell dinji effettivament beda fl-istess mument bħal dak għall-vitamini B 1, B 2, B 5, B 6 u Ċ, u għall-aċtu foliku, jiġifieri maż-żjara fil-Ġappun fit-30 u 31 ta’ Jannar 1991 ta’ tmien uffiċjali ta’ Roche u ta’ BASF ”; “[f]limkien [Roche u BASF] irnexxielhom idaħħlu lill-kumpannija Eisai fil-‘klabb’ tagħhom għall-vitamina E ”). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

533    Meta ġiet mitluba, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex tippreċiża l-elementi ta’ prova li fuqhom kienet qed tibbaża biex tiddefendi l-merti tal-konstatazzjoni tagħha li BASF ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fit-taqsima B(e) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-konvenuta rreferiet għal diversi ċirkustanzi fattwali, imsemmija fid-Deċiżjoni, li fuqhom hija bbażat ir-risposta tagħha kontra l-ħames raġuni u li hija ssostni li jiġġustifikaw l-applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti taċ-ċirkustanza aggravanti tar-rwol ta’ mexxej u/jew provokatur. Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha, hija m’għamlet ebda referenza għall-kunsiderazzjonijiet, konstatazzjonijiet jew ċirkustanzi fattwali msemmija fil-premessi 567 sa 569 u 584 tad-Deċiżjoni, li għalihom tagħmel referenza l-premessa 744.

534    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenuta ssottomettiet, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, raġuni ġdida għall-konstatazzjoni tagħha li Roche u BASF eżerċitaw rwol ta’ instigazzjoni jew rwol determinanti fil-ksur in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza mhux ser tikkunsidra din ir-raġuni ġdida ħlief jekk issib li din il-konstatazzjoni kienet illegali fuq il-bażi tar-raġunijiet mogħtija fid-Deċiżjoni u teżerċita, konsegwentement, is-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

535    Għandu jiġi osservat li, waqt li t-taqsima B(e) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ssemmi b’mod partikolari r-rwol ta’ instigazzjoni jew ir-rwol determinanti fl-attività illegali, it-tielet inċiż tal-punt 2 tal-linji gwida jsemmi, bħala ċirkustanza aggravanti, ir-rwol ta’ mexxej jew provokatur fil-ksur.

536    Għandu jiġi kkunsidrat li l-termini rispettivi użati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom essenzjalment l-istess portata. Meta ġiet mitluba biex tagħti l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-konvenuta indikat, b’mod partikolari, li l-espressjonijiet “rwol ta’ mexxej ” u “rwol determinanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] intużaw b’mod sinonimu fil-kuntest tad-Deċiżjoni u ma rrispondietx fl-affermattiv għad-domanda li saritilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar jekk ir-rwol ta’ BASF fil-ksur in kwistjoni setax jitqies bħala “determinanti” għall-finijiet tat-taqsima B(e) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, anki f’każ li ma jistax jitqies bħala rwol ta’ mexxej.

537    Kif diġà ġie deċiż fil-punti 297 sa 301 hawn fuq, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 533 hawn fuq mhumiex suffiċjenti biex jiġi pprovat li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ provokatur jew mexxej fil-ksur in kwistjoni.

538    L-istess japplika għall-allegazzjoni li BASF “eżerċitat rwol ferm importanti billi segwiet lil Roche ”, li donnu jindika li r-rikorrenti ma kinitx mexxej iżda segwaċi. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

539    Rigward l-osservazzjoni li “l-akkordju fuq livell dinji effettivament beda fl-istess mument bħal dak għall-vitamini B 1, B 2, B 5, B 6 u Ċ, u għall-aċtu foliku, jiġifieri maż-żjara fil-Ġappun fit-30 u 31 ta’ Jannar 1991 ta’ tmien uffiċjali ta’ Roche u ta’ BASF ” [traduzzjoni mhux uffiċjali], din mhux biss tidher li hija kontradittorja meta mqabbla mal-pożizzjoni ġenerali adottata fid-Deċiżjoni li kien hemm akkordju distint għal kull prodott ta’ vitamina, iżda f’kull każ hija irrelevanti fil-kuntest preżenti, peress li l-fatt li r-rappreżentanti ta’ Roche u ta’ BASF marru l-Ġappun f’Jannar ta’ l-1991 ma jimplikax li dawn l-impriżi kienu l-provokaturi jew il-mexxej tal-ksur relatati mal-prodotti hawn fuq imsemmija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ipparteċipat fl-akkordji relatati mal-vitamina B 6 u l-aċtu foliku.

540    Fl-aħħar, rigward l-allegazzjoni li Roche u BASF flimkien irnexxielhom idaħħlu lil Eisai fl-akkordju relatat mal-vitamina E, diġà ġie kkonstatat fil-punt 336 hawn fuq li, minn naħa, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ma bbażatx ruħha fuq din l-allegazzjoni biex tikkonstata li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ provokatur li kien jiġġustifika żieda tal-multa fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi aggravanti u, min-naħa l-oħra, li kif jirriżulta mill-premessi 212 u 234 tad-Deċiżjoni, Roche weħidha avviċinat lil Eisai bil-għan li din ta’ l-aħħar tissieħeb fl-akkordju.

541    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li r-raġuni li fuq il-bażi tagħha li r-raġuni l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-Deċiżjoni, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda kull ksur in kwistjoni hija vvizzjata u li d-Deċiżjoni b’hekk mhijiex leċita f’dan ir-rigward.

542    B’hekk, huwa fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sussegwenti għal din il-konstatazzjoni ta’ illegalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza ser tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali msemmija mill-konvenuta quddiemha sabiex turi li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ instigazzjoni jew rwol determinanti – jew, fi kliem ieħor, rwol ta’ provokatur jew rwol ta’ mexxej – fil-ksur in kwistjoni, u li hija għaldaqstant ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni hawn fuq imsemmija.

543    Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà eżaminat dawn iċ-ċirkustanzi fl-analiżi tagħha tal-ħames raġuni (ara l-punti 305 sa 464 hawn fuq) u kkonkludiet li dawn jipprovaw b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ mexxej fil-ksur relatat mal-vitamini A, E u B 5, waqt li ma jipprovawx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li r-rikorrenti eżerċitat rwol ta’ mexxej jew provokatur fil-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi. Barra minn hekk, ma ġiex allegat u ma jirriżultax mill-atti tal-kawża li r-rikorrenti ġiegħlet lil impriżi oħrajn biex jipparteċipaw f’dawn il-ksur.

544    Peress li r-rikorrenti ma tikkontestax f’dan ir-rikors ir-rwol tagħha ta’ mexxej jew provokatur tal-ksur relatat mal-vitamina B 2, għandu jiġi konkluż li hija ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2 u B 5, waqt li hija tissodisfa din il-kundizzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi.

545    B’hekk isegwi li r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-taqsima B ta’ l-imsemmija komunikazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2 u B 5.

546    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi, hija l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li tevalwa jekk ir-rikorrenti ssodisfatx ukoll l-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħrajn stipulati fit-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni sabiex tkun tista’ tibbenefika minn eżenzjoni tal-multa jew tnaqqis “ferm sostanzjali” ta’ l-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ din l-istess taqsima.

c)     Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a) sa d) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi

 Fuq il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a), (c) u (d)

547    Rigward il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (C) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jidher li din ġiet sodisfatta b’mod ċar għal kull ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien tagħhom li tinsab fid-Deċiżjoni. Jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(2)(b) tad-Deċiżjoni li dawn l-erba’ ksur kienu diġà waqfu sa mhux aktar tard minn Diċembru ta’ l-1998, qabel ma ngħatat kooperazzjoni mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

548    Rigward il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a) u d) ta’ l-imsemmija taqsima, il-konvenuta, fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, indikat li dawn kienu sodisfatti mir-rikorrenti fir-rigward ta’ l-erba’ ksur in kwistjoni. Mhemm xejn fl-atti tal-kawża li jindika li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha twarrab din il-konstatazzjoni.

 Fuq il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b)

549    Fl-aħħar, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi mfakkar li fl-ewwel frażi tal-premessa 743 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li “Roche u BASF, permezz tad-dokumenti mibgħuta lill-uffiċjali tagħha bejn it-2 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Lulju 1999, [kienu] l-ewwel li bagħtilha elementi ta’ prova determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza tal-ftehim kollużiv relatat mas-swieq tal-vitamini B 2, B 5, Ċ u D 3, tal-betakaroten u tal-karotenojdi ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-formulazzjoni ta’ din il-frażi ma tagħtix tifhem b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li Roche u BASF flimkien issodisfaw il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B għal kull ksur imsemmi. Barra minn hekk, din il-frażi sempliċement tiġġustifika l-konklużjoni fformulata fl-ewwel frażi tal-premessa 745, li tgħid li l-impriżi l-oħrajn kkonċernati ma setgħux jissodisfaw din il-kundizzjoni.

550    Meta jitqiesu t-termini tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li għandha l-għan li tirrikumpensa bi tnaqqis ferm sostanzjali tal-multa biss lill-impriża li fir-realtà tkun l-“ewwel” li tipprovdi elementi ta’ prova determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 70 hawn fuq, punt 365), ma jistax jiġi sostnut li Roche u BASF flimkien issodisfaw il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B għal kull ksur relatat mal-vitamini Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi, peress li huwa ċar mill-atti tal-kawża li huma ma setgħux jipprovdu dawn l-elementi ta’ prova fl-istess data.

551    Fil-fatt, minn naħa, kif ġie deċiż fil-punti 518 u 519 hawn fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E, fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet li huma rilevanti wkoll fir-rigward tal-ksur l-oħrajn in kwistjoni, matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 fl-uffiċċji tal-Kummissjoni, li għalihom attendew Roche u BASF flimkien, dawn ta’ l-aħħar ma pprovdewx elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw xi wieħed mill-ksur. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-atti tal-kawża li, matul il-perijodu bejn it-2 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Lulju 1999, msemmi fil-premessa 743 tad-Deċiżjoni, BASF u Roche qatt ma bagħtu elementi ta’ informazzjoni fl-istess data.

552    Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tistabbilixxi, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, min fost ir-rikorrenti u Roche kien l-ewwel li pprovda elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi.

–       Ksur relatat mal-vitamina D 3

553    Jirriżulta mill-atti tal-kawża li l-unika kontribuzzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina D 3 li BASF bagħtet lill-Kummissjoni wara l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 fl-uffiċċji ta’ din l-istituzzjoni tinsab fid-dikjarazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1999, li l-Kummissjoni rċeviet f’din l-istess data. Din il-kontribuzzjoni tikkonsisti fl-identifikazzjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-ksur (mill-1993 sa l-1997) u f’16-il linja ulterjuri, li minnhom 9 biss huma relatati ma’ l-akkordju, li jindikaw biss, minbarra t-tul ta’ żmien, il-parteċipanti fl-akkordju u l-“idea ġenerali” ta’ l-akkordju, jiġifieri li ma ssirx espansjoni tal-porzjonijiet tas-suq. L-ismijiet tat-tliet rappreżentanti tat-tliet impriżi involuti ġew indikati, iżda ma ngħatat ebda informazzjoni dwar il-fatti konkreti li jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu l-ksur. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-fatti relatati ma’ dan l-akkordju li tinsab fil-premessi 459 sa 483 tad-Deċiżjoni hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi ta’ prova mogħtija minn Roche u speċjalment minn Solvay.

554    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, b’elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza tal-ksur relatat mal-vitamina D 3.

555    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f’dak li jirrigwarda dan il-ksur, ir-rikorrenti ma ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li ma tistax tibbenefika minn din it-taqsima.

–       Ksur relatati mal-vitamina Ċ, il-betakaroten u l-karotenojdi

556    Għandu jiġi rrilevat li, wara l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, ir-rikorrenti kitbet għall-ewwel darba lill-Kummissjoni b’ittra tal-21 ta’ Mejju 1999, li din l-istituzzjoni rċeviet fl-istess data, biex tibgħatilha, kif kien ġie miftiehem matul l-istess laqgħa, kopja tat-tranżazzjoni ġudizzjarja (ara l-punt 469 hawn fuq) li hija kienet ifformalizzat fl-20 ta’ Mejju 1999 mal-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ l-Istati Uniti, kif ukoll il-memorandum ta’ informazzjoni relatat.

557    B’din id-dokumentazzjoni, ir-rikorrenti madankollu ma pprovdietx lill-Kummissjoni b’elementi ta’ prova determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ l-akkordji relatati b’mod partikolari mal-vitamina Ċ, il-betakaroten u l-karotenojdi.

558    Fil-fatt, minn naħa, l-ittra tal-21 ta’ Mejju 1999 tħabbar biss li BASF kienet bdiet tħejji rapport eżawrenti dwar l-aġir li jaffettwa s-suq Ewropew u li hija kienet ser terġa’ tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni malli jiġ ffinalizzat dan ir-rapport. Min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni ġudizzjarja u l-memorandum ta’ informazzjoni tagħha – anki jekk jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest minkejja li l-kontenut tagħhom ġie ppubblikat mill-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ l-Istati Uniti fl-20 ta’ Mejju 1999, kif jirriżulta mill-istqarrijiet għall-istampa ppreżentati fl-Annessi D 4 u D 5 tal-kontroreplika – jindikaw biss, fir-rigward ta’ l-aġir ta’ ta’ kollużjoni in kwistjoni, in-natura tagħhom kif ukoll il-perijodu u l-prodotti tal-vitamini in kwistjoni (li fosthom f’kull każ mhumiex inklużi l-karotenojdi), minbarra, b’mod indirett, l-ismijiet ta’ xi impjegati ta’ BASF involuti, mingħajr madankollu ma jindikaw ebda fatt konkret li jikkostitwixxi l-ksur.

559    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ kontribuzzjoni sussegwenti, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti pprovdiet lill-istituzzjoni b’elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordji relatati b’mod partikolari mal-vitamina Ċ, il-betakaroten u l-karotenojdi, peress li dawn l-elementi jsemmu mhux biss il-membri, in-natura u t-tul ta’ żmien tal-ksur, iżda wkoll il-fatti konkreti li jikkostitwixxu l-ksur.

560    Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-akkordju relatat mal-vitamina Ċ, din id-dikjarazzjoni tidentifika – minbarra l-membri ta’ l-akkordju u l-perijodu kkonċernat tal-ksur – ċertu numru ta’ laqgħat, il-post u l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat, tagħti deskrizzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ l-akkordju u indikazzjoni preċiża tal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru matul id-diversi laqgħat elenkati (flimkien ma’ ċifri tal-kwoti allokati), u turi wkoll l-oppożizzjoni bejn Takeda u l-produtturi Ewropej.

561    Rigward l-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, l-elementi pprovduti bid-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999 jikkonsistu, għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ ksur, f’deskrizzjoni ġenerali ta’ l-akkordju, b’dettalji b’mod partikolari dwar il-membri u t-tul ta’ żmien ta’ l-akkordju, il-qagħda tas-suq fil-mument tal-ħolqien ta’ l-akkordju, ir-raġunijiet tal-partijiet, id-data, il-post u l-parteċipanti fil-laqgħa meta ġie stabbilit l-akkordju, il-ftehim li ntlaħaq f’dik l-okkażjoni dwar il-kwoti ta’ bejgħ (b’ċifri dettaljati tal-kwoti allokati), il-frekwenza, il-post, l-iskop fil-qosor u l-parteċipanti fil-laqgħat li saru wara.

562    Mhuwiex ikkontestat mill-konvenuta li dawn l-elementi ta’ prova ntbagħtu lill-Kummissjoni volontarjament, u lanqas jista’ jiġi kkontestat minkejja t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 1999 indirizzata lir-rikorrenti. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999 kienet qed issegwi dak li kien ġie mħabbar minnha fil-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, li matulha kienet diġà ssemmiet l-eżistenza ta’ akkordji li jaffettwaw b’mod partikolari s-swieq tal-vitamina Ċ u tal-betakaroten. Barra minn hekk, it-talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 1999 ma kinitx tirrigwarda l-akkordju relatat mal-karotenojdi. Kif diġà ġie deskritt fil-punt 557 hawn fuq, fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 1999, BASF ikkonfermat ukoll li hija kienet bdiet tħejji rapport sħiħ dwar il-ksur li jaffettwa s-suq Ewropew u li hija kienet ser tikkuntattja lill-Kummissjoni malli jiġi ffinalizzat dan ir-rapport.

563    Jirriżulta, barra minn hekk, mill-atti tal-kawża li l-unika kontribuzzjoni ta’ Roche wara l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 li ntbagħtet lill-Kummissjoni qabel il-15 ta’ Lulju 1999 kienet id-dikjarazzjoni ta’ Roche tat-2 ta’ Ġunju 1999, li waslet għand il-Kummissjoni fl-4 ta’ Ġunju 1999.

564    Din id-dikjarazzjoni, li verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha ġiet infilzata fl-atti tal-kawża mill-konvenuta fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, ma tirrigwardax il-ksur relatat mal-vitamini A, E u Ċ. 

565    Barra minn hekk, peress li d-dikjarazzjoni ta’ Roche tat-2 ta’ Ġunju 1999 ma tagħti ebda element ta’ prova fir-rigward ta’ l-akkordji relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, permezz tad-dikjarazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1999, kienet effettivament l-ewwel li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dawn l-akkordji. Għaldaqstant hija ssodisfat, fir-rigward tal-ksur relatati ma’ dawn iż-żewġ prodotti, il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

566    B’hekk isegwi li r-rikorrenti kellha, kif hija tallega, tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ din it-taqsima għal dawn il-ksur.

567    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina Ċ, għandu jiġi konkluż il-kuntrarju, peress li għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta’ Roche tat-2 ta’ Ġunju 1999 ippreżentata mill-konvenuta, li Roche, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, kienet l-ewwel li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti li jipprovaw l-eżistenza ta’ l-akkordju dwar din il-vitamina.

568    Fil-fatt, waqt li hu minnu li, fir-rigward ta’ dan l-akkordju, l-imsemmija dikjarazzjoni ta’ Roche tinkludi ġabra ta’ informazzjoni li ċertament hija aktar limitata minn dik li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999, jibqa’ l-fatt li hija identifikat ukoll ċertu numru ta’ laqgħat, il-post u l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat, b’indikazzjoni, għalkemm ferm sommarja, ta’ l-iskop tal-laqgħat. Waqt li għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ elementi ta’ prova determinanti ma jistax jiġi interpretat li jirreferi għal elementi li fihom infushom ikunu biżżejjed biex jiġi pprovat il-ksur (ara punt 493 hawn fuq), għandu jiġi kkonstatat li, safejn Roche, permezz ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni, irrapportat elementi fattwali preċiżi li jikkostitwixxu l-ksur, hija kienet l-ewwel impriża li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina Ċ.

569    Għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti stess, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumentazzjoni ppreżentata mill-konvenuta wara s-seduta u li hija relatata mal-kooperazzjoni ta’ Roche, fuq il-bażi ta’ l-ipoteżi sussidjarja li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ser tilqa’ l-argument prinċipali tagħha li l-elementi ta’ prova determinanti ġew ipprovduti minn BASF u Roche flimkien matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, ma inkludietx l-akkordju relatat mal-vitamina Ċ fost l-akkordji li għalihom hija kellha titqies li kienet l-ewwel li pprovdiet elementi ta’ prova determinanti, peress li l-imsemmi akkordju kien diġà kopert bid-dikjarazzjoni ta’ Roche tat-2 ta’ Ġunju 1999. Ir-rikorrenti ma tikkontestax in-natura volontarja tal-kooperazzjoni pprovduta minn Roche permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, li, għall-istess raġunijiet imsemmija fil-punt 563 hawn fuq fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999, ma setgħetx kienet affettwata bit-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-26 ta’ Mejju 1999 indirizzata lil Roche.

570    Peress li r-rikorrenti ma ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamina Ċ, hija ma tistax tibbenefika minn din it-taqsima għal dan il-ksur.

d)     Applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi

571    Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi li t-taqsima t-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni setgħet ħolqot għar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, fil-kuntest l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tiddetermina l-livell xieraq tat-tnaqqis tal-multa li għandu jingħata lir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ l-imsemmija taqsima, għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq, punti 162 sa 166; ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 192 hawn fuq, punti 244, 245, 260 u 261; tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon vs Il-Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punti 144 u 145, u tat-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 131 hawn fuq, punti 416 sa 418, 440 u 455).

572    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li r-rikorrenti avviċinat għall-ewwel darba lill-Kummissjoni ferm wara li kienet inbdiet investigazzjoni mill-awtoritajiet ta’ l-antitrust fl-Istati Uniti fir-rigward ta’ l-aġir ta’ kollużjoni relatat mas-settur tal-vitamini u ftit qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ta’ BASF, għalkemm volontarja – fis-sens li ma kinitx il-konsegwenza ta’ l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti –, madankollu ngħatat taħt il-pressjoni maħluqa bil-konklużjoni tat-tranżazzjoni ġudizzjarja u bir-riskju li kienet ser issegwi azzjoni mill-Kummissjoni. Għalkemm huwa minnu li – għall-kuntrarju ta’ l-aġir ta’ kollużjoni relatat mal-betakaroten, li b’mod ċar kien jaqa’ taħt l-investigazzjoni Amerikana kif jirriżulta mill-paġni 3 u 4 tal-memorandum ta’ informazzjoni relatat mat-tranżazzjoni ġudizzjarja–, l-aġir ta’ kollużjoni relatati mal-karotenojdi ma kinux ġibdu l-attenzjoni tal-ministeru tal-ġustizzja ta’ l-Istati Uniti, l-iskoperta tagħhhom fil-kuntest ta’ investigazzjoni eventwali tal-Kummissjoni, instigata bil-konklużjoni u l-pubblikazzjoni tat-tranżazzjoni ġudizzjarja, żgur ma setgħetx tiġi eskluża.

573    Barra minn hekk, għaż-żewġ ksur in kwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, għalkemm ir-rwol ta’ BASF ma kienx tali illi jipprekludiha milli tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-importanta tiegħu, fil-kuntest ta’ akkordju ffurmat minn żewġ impriżi biss, huwa evidenti. Barra minn hekk, ir-rwol attiv ta’ BASF f’dawn il-ksur jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li hija effettwat xiri ta’ kumpens mingħand Roche wara li ġie stabbilit li hija kienet qabżet il-kwota globali allokata għall-betakaroten (ara l-paġni 15 u 16 tad-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999 u l-premessa 521 tad-Deċiżjoni) u mill-fatt li hija rnexxielha tinnegozja ma’ Roche d-dħul tagħha fis-settur ta’ l-astaksantina, li hija karotenojda roża (ara d-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-15 ta’ Ġunju 1999 fil-paġna 16 u 17 u l-premessi 525 u 527 tad-Deċiżjoni).

574    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija tal-fehma li r-rikorrenti għandha tingħata, fuq il-bażi tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tnaqqis ta’ 75 % ta’ l-ammont, ikkalkulat qabel l-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, tal-multi imposti fuqha għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi.

e)     Konklużjoni fuq is-sitt raġuni

575    Wara l-eżaminazzjoni ta’ din ir-raġuni u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li rriżultat minn din l-eżaminazzjoni, hemm lok, minn naħa, li tiġi kkonfermata l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-benefiċċju tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3 u, min-naħa l-oħra, li jingħata lir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ din it-taqsima, tnaqqis ta’ 75 % ta’ l-ammont, ikkalkulat qabel l-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, tal-multi imposti kontriha għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi.

F –  Fuq is-seba’ raġuni, li tallega, indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, in-natura insuffiċjenti tat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multi akkordat lir-rikorrenti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha

1.     L-argumenti tal-partijiet

576    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma tathiex, indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tnaqqis ogħla ta’ l-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha – li hija ssostni li kienet eżemplari peress li kienet prekoċi, kompluta u kontinwa – fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

577    Barra minn hekk, hija tippreċiża li kienet l-ewwel impriża li offriet il-kooperazzjoni tagħha qabel il-bidu ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u li kkooperat bis-sħiħ magħha matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari billi offriet li tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħha, fi żmien qasir, l-uffiċjali għolja ta’ BASF, ipprovdiet rapport dettaljat u sħiħ dwar l-attività illegali kif ukoll spjegazzjonijiet u informazzjoni utli dettaljata li ma kinitx ġiet mitluba, u billi bagħtet lill-Kummissjoni rapporti metikolużi li ffurmaw il-bażi għal partijiet kbar tad-Deċiżjoni. Hija ssostni li s-sinjifikat tal-provi pprovduti minn BASF ġie rikonoxxut f’diversi partijiet tad-Deċiżjoni, li tammetti espliċitament, fil-premessa 745, li dawn kienu determinanti biex jiġu stabbiliti l-ksur relatati mal-vitamini A, E, B 2, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li hija għamlet ħafna iktar milli kien mitlub minnha taħt it-taqsimiet B u Ċ tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, in kwantu hija ħadet l-inizjattiva mingħajr preċedent li tkeċċi diversi uffiċjali għolja li kienu direttament responsabbli għall-akkordju u stabbilixxiet programmi addizzjonali ta’ konformità u kuxjenza dwar il-liġi tal-kompetizzjoni li marru lilhinn mill-isforzi tagħha, li diġà kienu konsiderevoli, li hija kienet tagħmel f’dan il-qasam sa qabel dak iż-żmien.

578    Hija tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha kompetenza illimitata biex timmodifika l-ammont ta’ multi u mhijiex marbuta bil-linji gwida jew bil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq (punt 163). Hija tirrimarka, b’mod partikolari, li f’din is-sentenza (punt 165), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li t-tnaqqis ta’ 50 % ta’ l-ammont tal-multa li ġiet imposta fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, li ngħata lil Tate & Lyle, ma kienx suffiċjenti, wara li ġew ikkunsidrati s-sinjifikat u n-natura kontinwa u kompleta tal-kooperazzjoni offruta minnha, u li hija ordnat tnaqqis ta’ 60 %, minkejja r-rwol sinjifikattiv li Tate & Lyle eżerċitat fi ħdan l-akkordju u ċerti nuqqasijiet fil-kooperazzjoni. Ir-rikorrenti b’hekk titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tnaqqas ulterjorament, fuq il-bażi tal-kooperazzjoni li hija tat lill-Kummissjoni, l-ammont tal-multi imposti kontriha.

579    Il-konvenuta hija tal-fehma li t-talba tar-rikorrenti għal tnaqqis ta’ aktar minn 50% tal-multi tagħha lilhinn mill-qasam ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni hija infondata, peress li, minn naħa, id-Deċiżjoni diġà kkunsidrat l-aġir tar-rikorrenti meta din ta’ l-aħħar ingħatat tnaqqis skond it-taqsima D ta’ l-imsemmija Komunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma jistħoqqilha ebda tnaqqis tal-multi tagħha lilhinn mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

580    Skond l-ewwel sentenza tat-taqsima A(3) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, din “tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul l-inkjesta tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati minn multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multi li kienu jiġi imposti kontrihom fin-nuqqas ta’ din il-kooperazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant it-taqsima D(1) tal-komunikazzjoni tistabbilixxi, għall-vantaġġ ta’ l-impriża kkonċernata, tnaqqis ta’ 10 sa 50 % ta’ l-ammont tal-“multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ din il-kooperazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

581    Ir-rikorrenti, li ngħatat, fir-rigward tal-ksur kollha li għalihom ġiet imposta multa fuqha, tnaqqis ta’ 50 % fuq il-bażi tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tevalwa u tikkumpensa l-kooperazzjoni tagħha lilhinn mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-komunikazzjoni, li ma torbotx lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

582    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-kontroll li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija meħtieġa li teżerċita fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u timponi multi hija limitata għal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, waqt li l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha skond l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 ma tistax tiġi eżerċitata, fejn applikabbli, ħlief wara li tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni li tkun ġiet allegata mill-impriża kkonċernata fir-rikors tagħha, u dan sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ din l-illegalità fuq id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta, jekk hemm bżonn permezz ta’ l-annullament jew il-modifikazzjoni ta’ din l-istess multa.

583    Madankollu, f’din ir-raġuni, ir-rikorrenti ma tallegax li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod illegali meta evalwat, fir-rigward tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-kooperazzjoni tagħha matul l-investigazzjoni amministrattiva, u hija ma teċċepix l-illegalità ta’ din il-komunikazzjoni, li hija ma tikkontestax li ġiet applikata mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha.

584    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża l-argument tagħha fuq is-sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 190 hawn fuq. Fil-fatt, għalkemm f’din is-sentenza l-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punti 157 sa 165) effettivament iddeċidiet li t-tnaqqis ta’ 50 % ta’ l-ammont tal-multa, mogħti lil Tate & Lyle mill-Kummissjoni, ma kienx suffiċjenti, wara li kkunsidrat is-sinjifikat u n-natura kontinwa u sħiħa tal-kooperazzjoni offruta minn din l-impriża, u li r-rata ta’ dan it-tnaqqis kellha tiżdied għal 60 %, dan kien minħabba żball li għamlet il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (d) tat-taqsima B ta’ din il-komunikazzjoni. L-imsemmija sentenza, li kkonstatat li l-livell ta’ kooperazzjoni mogħtija mill-impriża in kwistjoni ma kinitx ġiet evalwata b’mod korrett mill-Kummissjoni fir-rigward tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ma tistax titqies bħala preċedent fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza maret lilhinn mill-portata ta’ din il-komunikazzjoni biex tevalwa u tikkumpensa liberament il-kooperazzjoni ta’ din l-impriża.

585    MMadankollu għandu jiġi osservat li l-possibbiltà tingħata, lil impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni matul proċedura għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tnaqqis tal-multa li jmur lilhinn mill-qafas stabbilit mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni hija rrikonoxxuta mil-linji gwida, li s-sitt inċiż tal-punt 3 ta’ dawn ta’ l-aħħar jipprevedi li tiġi kkunsidrata, bħala ċirkustanza mitiganti, il-“kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedimenti, barra l-għan ta[l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni]”.

586    Madanakollu, anki fl-ipoteżi li din ir-raġuni tista’ tiġi interpretata, minkejja n-nuqqas ta’ invokazzjoni espliċita tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, li l-Kummissjoni kellha tagħti lir-rikorrenti tnaqqis tal-multa ulterjuri fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur in kwistjoni jaqa’ b’mod ċar taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li t-taqsima A(1)(1) tagħha tirreferi għal akkordji sigrieti għall-iffissar tal-prezzijiet, tal-kwoti ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ, għat-tqassim tas-swieq jew il-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet jew esportazzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx il-livell ta’ kooperazzjoni tagħha bħala ċirkustanza mitiganti, lilhinn mill-qafas ġuridiku tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 227 hawn fuq, punti 609 u 610, ikkonfermata fuq appell, b’mod partikolari fuq dan il-punt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 hawn fuq, punti 380 sa 382).

587    Barra minn hekk, ma tistax issir din il-kritika kontra l-Kummissjoni anki jekk ikollu jiġi aċċettat li kooperazzjoni ma’ investigazzjoni dwar akkordji orizzontali għall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-bejgħ tista’ tiġi rikumpensata taħt is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.

588    Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, tnaqqis fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni neċessarjament jippresupponi li l-kooperazzjoni in kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi rikumpensata fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u li din kienet effettiva, jiġifieri li ffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni li tikkonstata u ttemm il-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni (sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 269 hawn fuq, punt 300, u Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 95 hawn fuq, punt 308).

589    Madankollu fil-każ preżenti r-rikorrenti ssemmi, minn naħa, ċirkustanzi – jiġifieri r-rapporti, spjegazzjonijiet u provi mogħtija matul il-proċedura – li diġà ġew ikkunsidrati, kif tosserva ġustament il-konvenuta, fit-tnaqqis massimu li seta’ jingħata fuq il-bażi tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (50 %) u, min-naħa l-oħra, ċirkustanzi – bħat-tkeċċija ta’ diversi uffiċjali għolja involuti fl-akkordji u l-introduzzjoni ta’ programmi addizzjonali ta’ konformità u għarfien dwar il-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni – li ma kinux ta’ tali natura li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni li tikkonstata u twaqqaf il-ksur in kwistjoni. Barra minn hekk, ma jista’ jingħata ebda sinjifikat partikolari lill-proposta li saret lill-Kummissjoni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tagħha l-uffiċjali għolja biex jixhdu, peress li l-elementi ta’ informazzjoni li dawn setgħu jipprovdu lill-Kummissjoni f’dan il-kuntest kellhom, jew f’kull każ setgħu, jiġu integrati mir-rikorrenti fir-rapporti li hija bagħtet lill-istituzzjoni matul il-proċedura.

590    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda.

G –  Fuq it-tmien raġuni, li tallega ksur tas-sigriet professjonali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

1.     L-argumenti tal-partijiet

591    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 287 KE u d-dmir tagħha ta’ amministrazzjoni tajba billi żvelat lill-istampa qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni partijiet importanti tad-Deċiżjoni dwar il-multa globali imposta fuq BASF. Fil-fatt, rapport estremament preċiż li jsemmi l-multa rekord li kienet ser tiġi imposta fuq BASF ġiet ppubblikat fil-Financial Times ta’ filgħodi tal-21 ta’ Novembru 2001, jiġifieri qabel il-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. L-istess artikolu kien deher fuq il-websajt tal-Financial Times ġurnata qabel. Artikoli simili ġew ippubblikati bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru 2001.

592    Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 281), iddeċidiet li, fi proċeduri fejn tista’ tiġi imposta multa, in-natura u l-kwantum tal-penali proposta huma, min-natura tagħhom stess, koperti mis-sigriet professjonali sakemm l-penali tiġi approvata u deċiża b’mod definittiv. Hija tgħid ukoll li, skond din is-sentenza, dan il-prinċipju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li tiġi rrispettata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-parti interessata sakemm din tkun għadha ma nstabitx ħatja u li dan il-prinċipju mhuwiex relatat biss ma’ l-obbligu li jiġi rrispettat s-sigriet professjonali, iżda wkoll ma’ l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba.

593    IIr-rikorrenti tosserva li, skond il-ġurisprudenza, pubblikazzjoni prematura tal-multa tista’ twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni in kwistjoni jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-kontenut ta’ l-imsemmija deċiżjoni seta’ kien differenti (sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 80 hawn fuq, punt 91; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 29, u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 593 hawn fuq, punt 283). Madankollu, hija targumenta li fil-każ preżenti ma jkunx raġonevoli jekk jiġi impost fuq ir-rikorrenti l-oneru li ġġib din il-prova, peress li hija ma kinitx preżenti għal-laqgħa tal-Kummissarji u m’għandhiex aċċess għall-proċessi-verbali u d-dokumenti li jiġbru fil-qosor id-diskussjonijiet li saru matul din il-laqgħa. Ir-rikorrenti għaldaqstant issostni li huwa aktar propizju – sabiex ma titneħħiex l-effettività tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward u, finalment, ta’ l-Artikolu 287 KE u ta’ l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba li għandha l-Kummissjoni – li tkun obbligata l-Kummissjoni li tipprova li l-proċessi ta’ deċiżjoni b’ebda mod ma ġew affettwati mill-iżvelar prematur lill-istampa.

594    F’kull każ, il-iżvelar prematura ta’ informazzjoni preċiża dwar il-multa globali li kellhom jiġu imposti fuq BASF jikkostitwixxi difett proċedurali li kellu l-effett li jimpedixxi lill-Kulleġġ tal-Kummissarji milli jevalwa b’mod xieraq u indipendenti l-każ. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, dan l-iżvelar għamilha ferm diffiċli għall-Kulleġġ tal-Kummissarji li jadotta multa inferjuri, peress li modifika ta’ l-ammont tal-multa kienet ser teħtieġ spjegazzjonijiet, u b’hekk kien jiġi imbarazzat il-kollega tagħhom, il-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni.

595    Il-konvenuta, fl-ewwel lok, tosserva li s-siltiet ta’ l-artikoli mid-diversi gazzetti ppubblikati fuq l-Internet li r-rikorrenti ppreżentat fl-atti tal-kawża, b’ebda mod ma juru li l-partijiet tad-Deċiżjoni relatati mar-rikorrenti ġew ippubblikati b’mod prematur. Dawn is-siltiet jagħtu biss, fil-fehma tagħha, sempliċi indikazzjoni approssimattiva ta’ l-ammont finali tal-multi globali imposti fuq iż-żewġ produtturi prinċipali, Roche u BASF.

596    Fit-tieni lok, il-konvenuta ssostni li huwa l-oneru tar-rikorrenti li tipprova, b’mod konformi mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 593 hawn fuq (punt 283), li l-kontenut tad-Deċiżjoni kien ser ikun differenti kieku din l-informazzjoni ma ġietx żvelata lill-istampa. Ir-rikorrenti ma wrietx li l-proċessi tal-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjoni ġew affettwati mill-fatt li indikazzjonijiet vagi dwar l-ammont tal-multi ġew ippubblikati qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

597    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-artikli li dehru fl-istampa u li huma annessi mar-rikors huma ferm simili u koerenti fir-rapport tagħhom tal-multa globali li kienet ser tiġi imposta u kellhom l-effett li jippubblikaw din il-multa qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Il-biċċa l-kbira ta’ l-artikli jsemmu multa ta’ “kważi EUR 300 miljun ” filwaqt li artikolu partikolari saħansitra jsemmi l-ammont ta’ EUR 296 miljun.

598    Fil-kontroreplika tagħha, il-konvenuta teċċepixxi li, ir-rikorrenti fir-replika tagħha tallega għall-ewwel darba li kien l-iżvelar lill-istampa tal-multa prevista li jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 287 KE u mhux, kif sostniet fir-rikors, l-iżvelar ta’ partijiet jew siltiet importanti tad-Deċiżjoni. Il-konvenuta ssostni li, safejn din l-allegazzjoni tista’ titqies bħala raġuni ġdida ta’ dritt, din għandha tiġi ddikjarata bħala inammisibbli skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura

599    Fuq il-merti, il-konvenuta ssostni b’mod partikolari li r-rikorrenti ma tat ebda prova li l-informazzjoni dwar il-multi li ġiet ippubblikata fl-istampa oriġinat, kif hija sostni, mill-Kummissjoni, waqt li fis-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 593 hawn fuq kien ċar li l-informazzjoni żvelata b’mod prematur kienet oriġinat mill-Kummissjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

600    Fuq bażi preliminari, għandha tiġi miċħuda, bħala infondata b’mod manifest, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuta, fir-rigward ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-konfront ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-iżvelar lill-istampa ta’ l-ammont tal-multa globali previst kien jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 287 KE.

601    Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-konvenuta, dan l-argument ma qamx għall-ewwel darba fir-replika tar-rikorrenti. Huwa minnu li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti f’xi partijiet (punti 204 u 205) semmiet l-iżvelar ta’ “partijiet” tad-Deċiżjoni li jirrigwardaw il-multa imposta fuq BASF. Madankollu, huwa ċar, mill-qari tal-punti 204 sa 208 tar-rikors, li permezz ta’ din ir-raġuni, ir-rikorrenti kienet qed tirreferi mhux għar-riproduzzjoni ta’ partijiet tad-Deċiżjoni iżda għal-indikazzjoni ta’ l-ammont tal-multa globali imposta kontriha [ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-intestatura ta’ din ir-raġuni qabel il-punt 204 “L-iżvelar mill-Kummissjoni lill-istampa tal-multa imposta fuq BASF”, is-sottotitolu ta’ qabel il-punt 205 “L-istampa kellha dettalji preċiżi dwar il-multa imposta fuq BASF [...]” u l-ewwel sentenza tal-punt 207 “L-iżvelar ta’ dettalji preċiżi dwar il-multa ‘ rekord ’ li kellha tiġi imposta fuq BASF […] ”]. [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]

602    Huwa ċar ukoll, rigward il-merti, li mhijiex relevanti l-osservazzjoni tal-konvenuta li s-siltiet mill-artikoli li dehru fl-istampa li ġew ppreżentati mir-rikorrenti ma jurux il-pubblikazzjoni prematura ta’ partijiet mid-Deċiżjoni relatati mar-rikorrenti, iżda sempliċement pubblikazzjoni ta’ indikazzjoni approssimattiva ta’ l-ammont finali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

603    Peress li l-konvenuta ma tikkontestax il-fatt ta’ l-iżvelar prematur ta’ l-impożizzjoni prevista ta’ multa fuq BASF u, bi grad għoli ta’ preċiżjoni, ta’ l-ammont previst tal-multa globali, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ dan il-fatt.

604    Għandu jiġi mfakkar li, fi proċeduri kontenzjużi li jistgħu jwasslu għal kundanna, in-natura u l-kwantum tal-penali proposta huma, min-natura tagħhom stess, koperti mis-sigriet professjonali sakemm il-penali tiġi approvata u deċiża b’mod definittiv. Dan il-prinċipju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li tiġi rispettata r-reputazzjoni u d-dinjità tal-parti interessata sakemm din tkun għadha ma nstabitx ħatja. Barra minn hekk, id-dmir tal-Kummissjoni li ma tiżvelax lill-istampa informazzjoni dwar il-penali preċiża prevista mhijiex relatata biss ma’ l-obbligu li jiġi rrispettat is-sigriet professjonali, iżda wkoll ma’ l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 593 hawn fuq, punt 281, ikkonfermata fuq appell, bis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 395 hawn fuq).

605    Fil-każ preżenti, ma ġiex stabbilit li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu responsabbli għall-iżvelar ta’ informazzjoni li deheret fl-artikli ta’ l-istampa li għalihom tirreferi r-rikorrenti. Barra minn hekk, din l-oriġini ta’ l-iżvelar ta’ l-informazzjoni ma tistax tiġi preżunta.

606    F’kull każ, anki fl-ipoteżi li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu responsabbli għal dan l-iżvelar, din l-irregolarità, skond ġurisprudenza kostanti, ma tistax twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni in kwistjoni ħlief jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ser tittieħed jew kien ser ikollha kontenut differenti (ara s-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 80 hawn fuq, punt 91; sentenzi Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 594 hawn fuq, punt 29; ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 188 hawn fuq, punt 58; tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 593 hawn fuq, punt 283, u HFB et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 227 hawn fuq, punt 370). B’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li tippreżenta ta’ mill-inqas indizji li jistgħu jissostanzjaw din il-konklużjoni.

607    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kriterju li irregolarità li tirriżulta minn żvelar prematur ta’ parti minn Deċiżjoni tista’ twassal għall-annullament tagħha biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni kienet tkun differenti, m’għandux l-effett li irregolaritajiet ta’ dan il-ġeneru prattikament ma jiġux ippenalizzati. Fil-fatt, indipendentement mill-possibbiltà li tiġi annullata d-Deċiżjoni in kwistjoni fl-ipoteżi li l-irregolarità mwettqa jkollha effett fuq il-kontenut tagħha, il-parti interessata hija intitolata li żżomm lill-istituzzjoni kkonċernata responsabbli għad-danni li hija tallega li tkun sofriet minħabba din l-irregolarità (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 395 hawn fuq, punt 165).

608    Fil-każ preżenti, l-elementi, f’ordni loġika, li r-rikorrenti ssemmi fin-nota t’osservazzjonijiet tagħha ma jistgħux iwasslu biex hija tiġi eżentata mill-oneru ta’ prova spettanti lilha.

609    Hija ssostni li l-iżvelar prematur ta’ informazzjoni preċiża dwar il-multa globali li kellha tiġi imposta kellha l-effett li tirrestrinġi lill-Kuleġġ tal-Kummissarji milli jevalwa b’mod xieraq u indipendenti l-każ. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, dan l-iżvelar għamilha ferm diffiċli għall-Kulleġġ tal-Kummissarji li jadotta multa inferjuri, peress li modifika ta’ l-ammont tal-multa kienet ser teħtieġ spjegazzjonijiet, u b’hekk kien jiġi imbarazzat il-kollega tagħhom, il-Kummissarju li dak iż-żmien kien inkarigat mill-kompetizzjoni.

610    Madankollu, huwa ċar li minn naħa, xejn ma kien jobbliga lill-Kummissarji li jiġġustifikaw l-għażla ta’ ammont ta’ multa inferjuri minn dak imħabbar fl-istampa. Min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jridu jħarsu l-prinċipju tal-kollegjalità, li ġustament jissemma’ mill-konvenuta, ma jistax jiġi preżunt li l-Kummissarji ġew kundizzjonati fil-libertà ta’ evalwazzjoni tagħhom minn sentiment barra minn loku ta’ solidarjetà mal-kollega tagħhom inkarigat mill-kompetizzjoni.

611    Għaldaqstant, peress li xejn ma jindika li, kieku l-ammont previst tal-multa globali li kienet ser tiġi imposta fuq ir-rikorrenti ma ġiex żvelat, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kien ser jimmodifika l-ammont tal-multa jew il-kontenut tad-Deċiżjoni proposta, din ir-raġuni ma tistax tiġi milqugħa.

H –  Konklużjoni fuq l-ammont ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti

612    Wara li ġew eżaminati r-raġunijiet imqajma mir-rikorrenti u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għalih wasslet din l-eżaminazzjoni, fejn applikabbli, hemm lok:

–        li jiġi kkonfermat l-ammont ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni għall-ksur relatati mal-vitamini A, E, B 2 u B 5;

–        li jiġi mmodifikat l-ammont tal-multi imposti kontriha għall-ksur relatati mal-vitamini Ċ u D 3, billi titneħħa ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku imposta fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti;

–        li jiġi mmodifikat l-ammont ta’ multi imposti kontriha għall-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi, billi titneħħa ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku imposta fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi aggravanti u b’żieda minn 50 għal 75 % tar-rata ta’ t-tnaqqis tal-multa applikata fuq il-bażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

613    B’konsegwenza ta’ din il-modifika, l-ammonti ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti taħt l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni għall-ksur relatat mal-vitamini Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi huma mnaqqsa skond kif ġej:

–        ksur relatat mal-vitamina Ċ: EUR 10.875 miljun;

–        ksur relatat mal-vitamina D 3: EUR 5.6 miljun;

–        ksur relatat mal-betakaroten: EUR 16-il miljun;

–        ksur relatat mal-karotenojdi: EUR 15.5 miljun.  

 Fuq in-natura kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni

614    Għandu jiġi rrilevat li, fit-tabelli li jinsabu fil-premessa 123 tal-verżjoni ppubblikata fid-Deċiżjoni, ċerta informazzjoni relatata mal-fatturat dinji miksub mill-prodotti in kwistjoni matul l-aħħar sena tal-kalendarju sħiħa tal-ksur u mal-porzjonijiet tas-suq ikkontrollati matul il-perijodu tal-ksur tħallew barra jew ġew sostitwiti b’parenteżi ta’ ċifri, bil-għan li tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità tan-negozju. B’mod aktar speċifiku, dawn jirrigwardaw l-informazzjoni dwar is-swieq tal-vitamini A, E, B 5, tal-betakaroten u tal-karotenojdi.

615    La r-rikorrenti u lanqas il-Kummissjoni ma saqsiet lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex iżżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali.

616    L-Peress li l-Artikolu 17(4) ta’ l-istruzzjonijiet lir-reġistratur Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, li ġew adottati fit-3 ta’ Marzu 1994 (ĠU L 78,  1994, p. 32) u ġew emendati l-aħħar fil-5 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 160,  2002, p. 1), jistabbilixxi li “[f]uq talba ta’ waħda mill-partijiet jew ex officio, […] ċerta informazzjoni, [tista’ ma titniżżilx] fil-pubblikazzjonijiet relattivi għall-kawża, jekk ikun hemm interess leġittimu li […] dik l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali”talba ta’ waħda mill-partijiet jew ex ufficio, ċerta informazzjoni tista’ titħalla barra mill-pubblikazzjonijiet relatati mal-każ, jekk ikun hemm interess leġittimu li din l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali”, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-partijiet, fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex jissottomettu l-pożizzjoni tagħhom dwar jekk, fil-fehma tagħhom, kienx hemm interess leġittimu li l-informazzjoni in kwistjoni msemmija fil-punt 615 hawn fuq tinżammx kunfidenzjali fil-pubblikazzjonijiet relatati ma’ din il-kawża.

617    Ir-rikorrenti rrispondiet li, minħabba li kien għadda ċertu żmien, l-informazzjoni li tikkonċernaha ma kinitx teħtieġ trattament kunfidenzjali fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza relatati ma’ din il-kawża. Il-konvenuta, min-naħa tagħha, filwaqt li qablet mal-pubblikazzjoni eventwali ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrenti, sakemm din tagħti l-kunsens tagħha, ippreċiżat li, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni relatata ma’ l-impriżi l-oħra ma setgħetx tiġi żvelata, peress li din kienet tikkonsisti f’sigrieti tan-negozju u l-dawn l-impriżi kienu talbu li tinżamm kunfidenzjali fil-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni.

618    Peress li l-informazzjoni in kwistjoni hija relatata ma’ perijodi (li jmorru lura għall-1998) li ntemmu ta’ mill-inqas sitt snin qabel, u li barra minn hekk mhuma ta’ ebda valur strateġiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza jidhrilha li dawn issa kienu ta’ natura storika (ara, f’dan is-sens, l-ordni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ġunju 1996, NMH Stahlwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑134/94, T‑136/94 sa T‑138/94, T‑141/94, T‑145/94, T‑147/94, T‑148/94, T‑151/94, T‑156/94 u T‑157/94, Ġabra p. II‑537, punti 25 u 32), u ddeċidiet li ma kienx hemm lok li jkunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fil-pubblikazzjonijiet relatati mal-każ preżenti. Għaldaqstant ċerta informazzjoni relatata mas-swieq tal-vitamini A, E, B 5, tal-betakaroten u tal-karotenojdi, inkluża dik li tirrigwarda l-impriżi l-oħrajn apparti r-rikorrenti, tista’ tidher f’din is-sentenza jew tiġi inferita direttament minnha, sabiex b’hekk ikun jista’ jinftiehem aħjar ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tat-tielet raġuni f’dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

619     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Skond l-Artikolu 87(3)(1) ta’ l-istess Regoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqassam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament taħt kap jew diversi kapijiet.

620    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet taħt parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħha, ser issir evalwazzjoni ekwa taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li hija tbati erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż proprji tagħha u erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar tbati parti waħda mill-ħames partijiet ta’ l-ispejjeż proprji tagħha u parti waħda mill-ħames partijiet ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti għall-ksur relatati mal-vitamini Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi taħt l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (Każ KOMP/E-1/37.512 – Vitamini) huwa ffissat skond kif ġej:

–        ksur relatat mal-vitamina Ċ: EUR 10.875 miljun;

–        ksur relatat mal-vitamina D 3: EUR 5.6 miljun;

–        ksur relatat mal-betakaroten: EUR 16 miljun;

–        ksur relatat mal-karotenojdi: EUR 15.5 miljun.  

2)      Ir-rikors huwa miċħud fil-kumplament tiegħu.

3)      Il-parti rikorrenti għandha tbati erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tagħha u erba’ partijiet minn ħamsa ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar tbati parti waħda mill-ħames partijiet ta’ l-ispejjeż proprji tagħha u parti waħda mill-ħames partijiet ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Marzu 2006.

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President



Werrej

ll-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Fuq it-talbiet għall-annullament u t-tnaqqis tal-multa globali

A –  Fuq l-ewwel u t-tieni raġunijiet, li jallegaw ksur tad-drittijiet ta’ difiża

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-ewwel raġuni, li tallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża minħabba l-fatt li ma ġietx innotifikata minn qabel il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għadd ta’ akkordji distinti.

b)  Fuq it-tieni raġuni, li tallega ksur tad-drittijiet ta’ difiża minħabba spjegazzjoni insuffiċjenti, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ta’ l-elementi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkunsidra fil-kalkolu tal-multi

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-tielet raġuni, li tallega ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u trattament ugwali fl-iffissar ta’ l-ammont bażiku ta’ ċerti multi imposti fuq ir-rikorrenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-aġġustament ta’ l-ammonti bażiċi ġenerali skond id-daqs tas-suq affettwat

c)  Fuq l-ammonti bażiċi speċifiċi imposti fuq ir-rikorrenti

Vitamina E

Vitamini B 5 u Ċ

Betakaroten u karotenojdi

C –  Fuq ir-raba’ raġuni, relatata maż-żieda, għall-finijiet ta’ deterrent, ta’ l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  L-ewwel parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent ma kinitx motivata biżżejjed

b)  It-tieni parti: ebda żieda bħala deterrent ma kienet meħtieġa fil-każ tar-rikorrenti

c)  It-tielet parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent tmur kontra l-linji gwida u l-aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minnha

d)  Ir-raba’ parti: iż-żieda ta’ 100 % bħala deterrent hija eċċessiva u sproporzjonata

e)  Il-ħames parti: l-effett dissważiv kellu jiġi evalwat b’relazzjoni mal-multa totali u mhux b’relazzjoni ma’ l-ammont bażiku tal-multa

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-ħarsien ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni (l-ewwel parti)

b)  Fuq il-validità taż-żieda ta’ 100 % għall-finijiet ta’ deterrent (it-tieni u l-ħames partijiet)

Fuq it-tieni parti u l-ħames parti

–  Fuq il-fatt li ġew ikkunsidrati l-ħtiġijiet ta’ deterrent fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa

–  Fuq ir-relevanza li jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi sabiex jiġi żgurat li l-multi jkollhom effett dissważiv

–  Fuq l-istadju fil-proċedura tal-kalkolu tal-multa meta għandhom jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi għall-finijiet ta’ deterrent

–  Fuq il-ħtieġa li jiġi applikat għar-rikorrenti, għall-finijiet ta’ deterrent, fattur ta’ żieda tal-multa fuq il-bażi tad-daqs u tar-riżorsi globali tagħha

Fuq it-tielet u r-raba’ partijiet

Konklużjoni dwar l-applikazzjoni tal-fattur ta’ żieda tal-multi msemmi fil-premessa 699 tad-Deċiżjoni

Fuq iċ-ċirkustanzi li allegatament juru l-probabbiltà baxxa ta’ reċidiva min-naħa tar-rikorrenti

–  Fuq il-miżuri adottati mir-rikorrenti biex tevita li taqa’ reċidiva

–  Fuq il-kooperazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni matul l-inkjesta

–  Fuq is-sentenzi ta’ ħtija mogħtija f’pajjiżi terzi

–  Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti

c)  Konklużjoni dwar ir-raba’ raġuni

D –  Fuq il-ħames raġuni, li tallega evalwazzjoni żbaljata fl-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxej u provokatur lir-rikorrenti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A, E, B 5, Ċ u D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi

1.  Kwistjonijiet preliminari ta’ natura ġenerali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-inkonsistenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-Deċiżjoni f’dak li jirrigwarda r-rwol ta’ mexxej ta’ l-akkordji.

Fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx ir-rwol tagħha ta’ mexxej matul il-proċedura amministrattiva

Fuq il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li saru fil-premessi 713 sa 717 tad-Deċiżjoni

Fuq iċ-ċirkustanzi fattwali invokati mill-konvenuta bħala elementi ta’ prova tar-rwol ta’ mexxej u/jew provokatur tar-rikorrenti f’kull ksur

2.  Eżaminazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fid-diversi ksur

a)  Ksur relatati mal-vitamini A u E

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Rwol ta’ provokatur

–  Rwol ta’ mexxej

–  Konklużjoni fuq l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E

b)  Ksur relatat mal-vitamina B 5

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

c)  Ksur relatat mal-vitamina Ċ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

d)  Ksur relatat mal-vitamina D 3

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Rwol ta’ provokatur

–  Rwol ta’ mexxej

e)  Ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Konklużjoni fuq iż-żieda, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi aggravanti, ta’ l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

E –  Fuq is-sitt raġuni, li tallega ksur tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u ta’ l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti maħluqa minn din il-komunikazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini A u E

Fuq il-kunċett ta’ “elementi ta’ prova determinanti” fis-sens tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

Fuq il-kwistjoni jekk l-elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni setgħux jingħataw verbalment

Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti, matul il-laqgħa ma’ l-uffiċjali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 1999, ipprovdietx elementi ta’ prova determinanti biex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ l-akkordji relatati mal-vitamini A u E

Fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ttardjatx indebitament l-akkwist ta’ l-elementi ta’ prova offruti mir-rikorrenti

Konklużjoni

b)  Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (e) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tmien ksur li għalihom ġiet imposta multa kontriha

c)  Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a) sa d) tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatat mal-vitamini Ċ, D 3, il-betakaroten u l-karotenojdi

Fuq il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (a), (c) u (d)

Fuq il-kundizzjoni prevista fil-paragrafu (b)

–  Ksur relatat mal-vitamina D 3

–  Ksur relatati mal-vitamina Ċ, il-betakaroten u l-karotenojdi

d)  Applikazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ksur relatati mal-betakaroten u l-karotenojdi

e)  Konklużjoni fuq is-sitt raġuni

F –  Fuq is-seba’ raġuni, li tallega, indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, in-natura insuffiċjenti tat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multi akkordat lir-rikorrenti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

G –  Fuq it-tmien raġuni, li tallega ksur tas-sigriet professjonali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

H –  Konklużjoni fuq l-ammont ta’ multi imposti fuq ir-rikorrenti

Fuq in-natura kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni

Fuq l-ispejjeż








* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.