Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta' April 2009 mill -Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fid-29 ta' Jannar 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-98/07, Petrilli vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-143/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: D. Martin u B. Eggers, aġenti)

Appellata: Nicole Petrilli (Woluwé-Saint-Étienne, il-Belġju)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta' Jannar 2009 fil-Kawża F-98/07, Petrilli, u

tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma' din l-istanza u ma' dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubblika (TSP) tad-29 ta' Jannar 2009, mogħtija mis-sentenza Petrilli vs Il-Kummissjoni, F-98/07, li permezz tagħha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2007, li tiċħad it-talba għal ksib tat-tiġdid ta' kuntratt ta' membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt favur l-interessata.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni tliet aggravji bbażati :

fuq il-fatt li t-TSP kellu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jiddikjara r-rikors inammissibbli fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni annullata ma kien fiha ebda eżami mill-ġdid reali dettaljat tas-sitwazzjoni personali tal-interessata ;

fuq żball ta' liġi, li t-TSP iddeċieda li r-regola ta' sitt snin fid-Deċiżjoni C(2004)1597/6 tat-28 ta' April 2004 dwar it-terminu massimu tal-użu tal-persunal mhux permanenti fis-servizzi tal-Kummissjoni1, tikser l-Artikolu 88 tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra ;

fuq żball ta' liġi, li t-TSP iddeċieda li l-illegalità tar-regola ta' sitt snin waħedha kienet biżżejjed sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà non-kuntrattwali mingħajr ma tivverifika barra minn hekk li l-Kummissjoni kienet, b'mod manifest u gravi, kisret is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha sabiex tevalwa l-interess tas-servizz meta ma ġedditx il-kuntratt tal-interessata.

____________

1 - Ippubblikata fl-Informazzjoni amministrattiva Nru 75-2004 tal-24 ta' Ġunju 2004.