Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Ottubru 2008 - Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-465/08)

Lingwa tal-kawża: Iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentant: M. Smolek, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-7 ta' Awwissu 2008, li tawtorizza t-tpaċija tal-kreditu mad-debitu tal-Kummissjoni, bir-referenza BUDG/C3 D(2008)10.5-3956;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-Repubblika Ċeka l-ammont paċut ta' EUR 9 354 130.93 u l-interessi għal dewmien rispettivi

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ir-Repubblika Ċeka titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-7 ta' Awwissu 2008, dwar it-tpaċija tal-kreditu mad-debitu tal-Kummissjoni, bir-referenza BUDG/C3 D(2008)10.5-3956. Meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej1, kif emendat. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni paċiet il-kreditu li kien dovut lilha mir-Repubblika Ċeka abbażi tal-irkupru tal-fondi li jistgħu jiġġeddu tal-programm PHARE T9106, CS9203 u CZ9302 għall-ammont totali ta' EUR 9 354 130, 93. Il-kreditu tal-Kummissjoni kien paċut mal-kreditu li kellha r-Repubblika Ċeka fir-rigward ta' żewġ ħlasijiet intermedjarji skont żewġ programmi operazzjonali ffinanzjati mill-fondi strutturali għall-ammont totali ta' EUR 10 814 475.41. Ir-Repubblika Ċeka titlob ir-rimbors tal-ħlas li kien is-suġġett ta' din it-tpaċija.

Id-deċiżjoni kkontestata hija nulla fid-dawl tal-fatt li, meta ġiet adottata mill-Kummissjoni, din tal-aħħar abbużat mill-poter tagħha peress li adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq bażi ġuridika żbaljata.

Anke jekk jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1605/2002 jista' jiġi applikat għal każ inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija nulla peress li ġiet adottata bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti għat-tpaċija pprovduti fl-imsemmi regolament, jew fir-Regolament Nru 2342/20022, li jimplementa r-Regolament Nru 1605/2002 u li jiddefinixxi l-proċedura ta' kumpens.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata hija nulla peress li ma tinkludi ebda motivazzjoni.

____________

1 - ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1; edizzjoni speċjali biċ-Ċek, Kapitolu 1, Taqsima 4, p. 74.

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej