Language of document : ECLI:EU:T:2009:20

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Jannar 2009(*)

“FEŻR – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Modifika tal-pjan ta’ finanzjament mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni – Rati massimi ta’ finanzjament previsti għal miżuri speċifiċi – Kunċett ta’ modifika sostanzjali – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża T‑74/07,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti, assistiti minn C. von Donat, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms u L. Flynn, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 7271, tas-27 ta’ Diċembru 2007, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) mogħtija lill-Programm Operazzjonali taħt l-inizjattiva Komunitarja Interreg II fir-reġjuni ta’ Saarland, Lorraine u Westpfalz,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Mill-1989 sal-1999, ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali prevista fl-Artikolu 158 KE kienu ddefiniti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9). Dan ir-regolament kien jikkostitwixxi l-istrument prinċipali li jirregola l-fondi strutturali, u b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Ir-Regolament Nru 2052/88 kien emendat b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993) (ĠU L 193, p. 5).

2        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2052/88 jiddefinixxi l-objettivi prioritarji li l-azzjoni tal-Komunità Ewropea għandha l-għan li twettaq bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali.

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2052/88 jirrigwarda l-kumplimentarjetà, is-sħubija u l-assistenza teknika. Fil-paragrafu 1 tiegħu, dan jipprovdi:

“1. L-azzjoni Komunitarja hija intiża sabiex tikkumplimenta l-azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew bħala kontribuzzjoni għalihom. Din tiġi stabbilita permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti […] innominati mill-Istat Membru fuq livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew ieħor, fejn il-partijiet kollha msieħba għandhom għan komuni. Din il-konsultazzjoni hija msejħa, iktar ’il quddiem, ‘sħubija’. Is-sħubija tirrigwarda t-tħejjija, l-iffinanzjar, kif ukoll l-evalwazzjoni ex ante, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni ex post tal-azzjonijiet.

Is-sħubija titmexxa b’konformità sħiħa mal-poteri istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull sieħeb.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2052/88, bit-titolu “Forom ta’ għajnuna” jistipula, fil-paragrafu 2(a) tiegħu, li “f’dak li jirrigwarda l-Fondi Strutturali […], l-għajnuna finanzjarja tista’ tinkiseb [partikolarment] taħt [il-forma ta’] kofinanzjament ta’ programmi operazzjonali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-Artikolu 5(5) jiddefinixxi l-espressjoni “programm operazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] bħala “numru konsistenti ta’ miżuri multiannwali li jistgħu jiġu implementati [partikolarment] permezz ta’ Fond Strutturali wieħed jew iktar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2052/88, bit-titolu “Differenzjar tar-rati ta’ għajnuna”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

“Il-kontribuzzjoni Komunitarja mogħtija mill-Fondi [...] għandha tkun suġġetta għal-limiti li ġejjin:

–        Massimu ta’ 75 % tal-ispiża totali u, bħala regola ġenerali, mill-inqas 50 % tal-ispejjeż pubbliċi, fil-każ tal-miżuri applikati fir-reġjuni li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna taħt l-Objettiv 1;

–        Massimu ta’ 50 % tal-ispiża totali, u bħala regola ġenerali, mill-inqas 25 % tal-ispejjeż pubbliċi, fil-każ tal-miżuri applikati fir-reġjuni l-oħrajn.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fid-19 ta’ Diċembru 1988, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom, minn naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p.1). Ir-Regolament Nru 4253/88 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20).

7        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 4253/88, bit-titolu “Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi” jipprovdi:

“[…]

2.       Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fondi tiġi kkalkolata skont l-ispejjeż totali eliġibbli, jew skont it-total tal-ispejjeż pubbliċi jew simili eliġibbli (nazzjonali, reġjonali jew lokali, u Komunitarja) relattiva għal kull azzjoni (programm operazzjonali, skema ta’ għajnuna, għajnuna globali, proġett, assistenza teknika jew studju).

[…]

4.      Il-kontribuzzjoni mill-Fondi għall-miżuri individwali li jifformaw parti mill-programmi operazzjonali tista’ tkun iddifferenzjata skont il-ftehim li għandu jiġi konkluż fil-kuntest tas-sħubija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, bit-titolu “Tnaqqis, sospensjoni u tneħħija tal-għajnuna” jipprovdi:

“1. Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija b’mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implementazzjoni tal-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu determinat.

2. Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk mill-eżami jirriżulta li teżisti irregolarità jew modifika sostanzjali li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3. Kull somma li tkun tħallset indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 4253/88, dwar is-sorveljanza tal-implementazzjoni tal-għajnuna mill-fondi, fil-paragrafu 5 tiegħu jipprovdi:

“Il-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jadatta […], skont ir-riżorsi disponibbli u r-regoli baġitarji, il-pjan ta’ finanzjament maħsub, inklużi l-eventwali trasferimenti bejn sorsi ta’ finanzjament Komunitarji u l-modifiki tar-rati ta’ għajnuna riżultanti […]

Dawn il-modifiki għandhom jiġu nnotifikati immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat. Dawn jidħlu fis-seħħ malli jkun hemm il-konferma mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat; din il-konferma għandha tingħata fi żmien għoxrin ġurnata tax-xogħol li jiddekorru mid-data li fiha jirċievu din in-notifika, data li tkun ikkonfermata mill-Kummissjoni permezz ta’ nota ta’ konferma tal-wasla tan-notifika.

Il-modifiki l-oħra jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jagħti l-opinjoni tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Permezz tad-Deċiżjoni C (95) 2271 tat-28 ta’ Settembru 1995, il-Kummissjoni tat għajnuna finanzjarja Komunitarja għal programm operazzjonali, introdott fil-kuntest tal-inizjattiva Komunitarja Interreg II, li jirrigwarda r-reġjuni ta’ Saarland, Lorraine u Westpfalz. L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-għoti jipprovdi li l-“modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna finanzjarja, inkluża l-kontibuzzjoni mill-Fondi lid-diversi sotto-programmi u miżuri li jifformaw parti minn dan il-programm […] huma speċifikati fil-pjan ta’ finanzjament tal-programm anness” mal-imsemmija deċiżjoni. Filwaqt li t-test tad-deċiżjoni tal-għoti għaldaqstant jirreferi għat-tielet livell tal-ipprogrammar (iktar ’il quddiem il-“miżuri jew grupp ta’ miżuri”) permezz tal-kelma “miżura ”, il-pjan ta’ finanzjament anness magħha jirreferi għal dan il-livell permezz tal-espressjoni “grupp ta’ miżuri ”. Barra minn hekk, il-pjan ta’ finanzjament jindika, fl-intestaturi tal-kolonni li jirripproduċu rispettivament il-kontribuzzjonijiet Komunitarji u nazzjonali, li kull waħda minn dawn il-kontribuzzjonijiet tirrappreżenta 50 % tal-ispejjeż totali ta’ kull assi prijoritarju u ta’ kull miżura jew grupp ta’ miżuri.

11      Id-deċiżjoni tal-għoti kienet emendata permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 1998 u tad-29 ta’ Diċembru 1999. Fil-verżjoni tagħha li tirriżulta minn din l-emenda tal-aħħar, id-deċiżjoni tal-għoti kienet tipprevedi spiża totali ta’ EUR 66 898 400 li minnhom EUR 23 726 800 kellhom jitħallsu mill-FEŻR u EUR 42 171 600 mill-awtoritajiet nazzjonali. Nota ta’ qiegħ il-paġna tal-pjan ta’ finanzjament anness ma’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ emenda kienet tindika li kien garantit li l-Fondi Komunitarji ma kinux jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż pubbliċi kollha.

12      Skont il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-programm, previsti mid-deċiżjoni tal-għoti, l-imsemmija implementazzjoni kienet taqa’ taħt ir-responsabbilta tal-Kumitat ta’ Sorveljanza li kellu jiġi stabbilit fil-kuntest tas-sħubija. B’mod partikolari, il-Kumitat ta’ Sorveljanza kellu jiżgura r-rispett tal-leġiżlazzjoni, inkluża dik li kienet tirrigwarda l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet u tal-proġetti kif ukoll jipprepara u jiddelibera fuq il-proposti eventwali ta’ modifika tal-għajnuna. Il-kwistjonijiet essenzjali kollha dwar l-implementazzjoni tal-programm kellhom jiġu deċiżi b’unanimità. Il-Kummissjoni kienet irrappreżentata fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza bi dritt ta’ vot.

13      Permezz ta’ ittra tal-12 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni talbet li l-modifiki tal-programmi jiġu sottomessi lilha għal approvazzjoni qabel il-31 ta’ Lulju 1999 inkwantu dawn kienu jimplikaw żieda fl-ammont globali jew trasferimenti bejn il-fondi. Din it-talba kienet ġiet ittrattata matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tas-17 ta’ Ġunju 1999. Matul din il-laqgħa, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni żied li għandu jiġi deċiż definittivament l-ammont totali tal-għajnuna mill-FEŻR għall-programm operazzjonali.

14      Fid-dawl tal-għeluq, fil-31 ta’ Diċembru 1999, tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li jikkonċernaw il-perijodu ta’ programmar 1994-1999, fid-9 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida għall-għeluq finanzjarju ta’ għajnuna operazzjonali (1994-1999) mill-Fondi Strutturali (iktar ’il quddiem “Linji Gwida”) u kkomunikathom lill-Istati Membri. Fil-verżjoni Ġermaniża, il-Linji Gwida jipprovdu b’mod partikolari:

“6.      Pjanijiet ta’ finanzjament

6.1      Il-pjan ta’ finanzjament ma jistax jinbidel wara d-data finali għall-impenji.

6.2      L-għeluq finanzjarju ta’ programmi għandu jsir abbażi tal-verżjoni tal-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ (ġeneralment, pjan ta’ finanzjament maqsum fuq tliet livelli, jiġifieri programm, sotto-programm, miżura). Il-kontijiet ippreżentati mill-Istati Membri għandu jkollhom l-istess livell ta’ dettall bħall-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mad-deċiżjonijiet li japprovaw l-għajnuna operazzjonali u, għalhekk, ġeneralment għandhom juru l-ispejjeż li effettivament saru maqsuma fil-livell tal-miżuri.

Jista’ jiġi aċċettat eċċess ta’ 20 % tal-kontribuzzjoni ta’ kull Fond għal kull miżura sakemm l-ammont totali tas-sotto-programm, kif stabbilit fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ, ma jkunx żdied.

[…]

7.      Likwidazzjoni finali

7.1.      L-Istati Membru għandhom l-obbligu jassiguraw it-trasferiment tal-għajnuna Komunitarja kollha li huma jkunu irċevew mill-benefiċjarji finali. Fid-dawl tal-fatt li fil-passat f’dan ir-rigward kienu ġew ikkonstatati ċerti problemi, fil-mument tal-kontijiet finali, il-kontribuzzjoni Komunitarja, ikkalkolata skont il-modalitajiet imsemmija fil-punt 6.2, hija limitata għall-inqas miż-żewġ ammonti li ġejjin:

a)      l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni għall-ispejjeż iddikjarati tar-rata ta’ konfinanzjament Komunitarju li tirriżulta mill-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ għall-miżura;

b)      l-ammont tal-għajnuna Komunitarja effettivament dovuta lill-benefiċjarji finali (imħallas u li għad baqa’ jitħallas fil-kuntest tal-miżura) […]”


15      Matul il-proċedura bil-miktub li segwiet il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-10 ta’ Novembru 1999, id-Direttorat Ġenerali “Politika Reġjonali u Koeżjoni” tal-Kummissjoni indika, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2000, li ma kellu l-ebda oġġezzjoni kontra l-modifiki proposti dwar il-proġetti approvati taħt il-programm inkwistjoni u talab sabiex ma jkunx informat iktar b’modifiki oħrajn, ħlief f’każ li jkun hemm modifika sostanzjali li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura (għan tal-proġetti, spejjeż, benefiċjarji, eċċ.), fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, u/jew impatt fuq il-baġit Komunitarju.

16      Id-dokumenti ta’ għeluq intbgħatu lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2003 flimkiem mal-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ. Fl-applikazzjoni tagħhom għal ħlas, l-awtoritajiet Ġermaniżi qiesu li l-kontribuzzjoni Komunitarja totali kellha tiġi kkalkolata billi tiżdied il-kontribuzzjoni Komunitarja ma’ kull wieħed mill-proġetti mwettqa li, minn naħa tagħha, kellha tiġi kkalkolata billi tiġi applikata għall-ispejjeż totali tal-proġett ir-rata ta’ kontribuzzjoni deċiża mill-Kumitat ta’ Sorveljanza u li kienet qrib il-50 % għall-biċċa l-kbira tal-proġetti, ħlief għal dawk li kienu għoljin ħafna li għalihom kienet ġiet stabbilita rata ta’ kontribuzzjoni iktar baxxa..Madankollu, peress li, għal parti mill-proġetti, l-ispejjeż globali eliġibbli kienu inqas minn dawk li kienu previsti, l-ammonti msemmija fl-applikazzjoni għal ħlas ma kinux jaqblu mal-ammonti indikati fil-pjan ta’ finanzjament anness mal-aħħar deċiżjoni ta’ emenda. Għalhekk, l-ammont mitlub fir-rigward tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programm operazzjonali kien inqas mill-ammont indikat fl-imsemmi pjan ta’ finanzjament għall-assi prijoritarji kollha u għall-miżuri jew gruppi ta’ miżuri kollha ħlief għall-miżura jew għall-grupp ta’ miżuri 3.2, li għaliha l-ammont mitlub fir-rigward tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR kien kemmxejn ogħla mill-ammont indikat fil-pjan ta’ finanzjament.

17      Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 7271, tas-27 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna tal-FEŻR mogħtija lill-programm operazzjonali implementat fil-kuntest tal-inizjattiva Komunitarja Interreg II fir-reġjuni ta’ Saarland, Lorraine u Westpfalz b’EUR 933 691.04. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni mmotivat it-tnaqqis tal-għajnuna Komunitarja inkwistjoni bil-mod segwenti.

18      Hija tindika li l-programmi ssussidjati mill-Fondi Komunitarji għandhom jiġu implementati skont id-deċiżjonijiet li jagħtu l-għajnuna u t-tabelli finanzjarji li ġew approvati minnha u li wara l-31 ta’ Diċembru 1999, id-data finali għall-impenji, ma kienx possibbli li ssir ebda modifika, peress li l-perijodu ta’ programmar kien diġà magħluq. Hija spjegat li, għalkemm fid-deċiżjoni tal-għoti l-kontribuzzjoni mill-FEŻR kienet iffissata għal 50 % tal-ispejjeż pubbliċi għall-programm kollu, id-deċiżjoni ta’ emenda tas-7 ta’ April 1998 kienet ipprovdiet rati ta’ finanzjament differenti għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri. Hija tosserva li l-ispejjeż globali effettivi kif ukoll l-ammonti ta’ kontribuzzjoni mill-FEŻR li jikkorrispondu għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri ma jaqblux mal-ammonti indikati fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ. Madankollu, hija tispjega li, peress li fil-Linji Gwida hija rrinunċjat milli titratta ċerti diskrepanzi ta’ żieda jew tnaqqis meta mqabbla mal-pjan ta’ finanzjament bħal modifiki sostanzjali, hija taċċetta, skont il-punt 6.2 tal-imsemmija linji, id-diskrepanzi ta’ żieda billi tapplika ċertu grad ta’ flessibbiltà permezz ta’ kumpens fi ħdan l-istess assi prijoritarju. Minn naħa l-oħra, fil-każ ta’ diskrepanzi unikament ta’ tnaqqis, hija tapplika l-punt 7 tal-Linji Gwida u tillimita l-kontribuzzjoni Komunitarja għall-inqas ammont miż-żewġ ammonti: dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ finanzjament għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri għall-ispejjeż effettivi jew dak effettivament dovut lill-benefiċjarji. Għalhekk, fir-rigward tal-miżuri jew grupp ta’ miżuri 1.2, 2.2, 3.1, 4.1 u 4.2, il-Kummissjoni tirrifjuta li tħallas l-ammont mitlub mill-awtoritajiet Ġermaniżi, li jikkorrispondi għall-ammont dovut lill-benefiċjarji, minħabba li l-ħlas tiegħu jkollu l-effett li jagħti lok li jinqabzu r-rati ta’ finanzjament previsti għal dawn il-miżuri jew gruppi ta’ miżuri fil-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ u għaldaqstant għal modifika ta’ dan tal-aħħar.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat dan ir-rikors.

20      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem, essenzjalment, tliet motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq in-nonosservanza tas-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2052/88.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88

 L-argumenti tal-partijiet

23      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 inkwantu naqqset l-għajnuna finanzjarja inkwistjoni minkejja li l-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni ma ġewx sodisfatti. Fil-fatt, hija tqis, minn naħa, li d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż globali previsti fil-pjan ta’ finanzjament u l-ispejjeż globali finali, kif ukoll il-bidliet li jirriżultaw fil-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni mill-FEŻR u l-ispejjeż globali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “modifika sostanzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u li, f’kull każ, il-Kummissjoni tat l-approvazzjoni minn qabel tagħha u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar naqset milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li din id-dispożizzjoni tagħtiha sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna Komunitarji kinitx ġustifikata.

24      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-modifika, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, li peress li l-pjanijiet ta’ finanzjament kienu indikattivi u, min-natura tagħhom, biss provviżorji, mhux kull modifika għandha titqies bħala modifika sostanzjali. Għalhekk, hija tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija awtorizzata sabiex “tqis bħala inammissibbli l-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ peress li waħda jew iktar miżuri jippreżentaw diskrepanzi meta mqabbla mal-pjan ta’ finanzjament finali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward hija ssostni li, peress li l-ammonti tal-għajnuna mill-FEŻR imsemmija fil-pjan ta’ finanzjament huma valuri massimi, it-tnaqqis ta’ ammont ma jistax jitqies bħala diskrepanza.

25      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, indipendentament mid-definizzjoni tal-espressjoni “modifika sostanzjali”, ma kienx hemm tali modifiki fl-implementazzjoni tal-programm inkwistjoni peress li dan kien ġie implementat skont l-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ kien jipprevedi biss, minn naħa, ammont massimu ta’ kontribuzzjoni mill-FEŻR u, min-naħa l-oħra, rata massima ta’ kontribuzzjoni mill-FEŻR ugwali għal 50 % tal-ispejjeż totali applikabbli għal-livelli kollha tal-programm u, b’mod partikolari, għal-livell tal-proġetti individwali u tosserva li dawn il-limiti kienu ġew osservati.

26      Hija tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 2 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjonijiet li jemendaw id-deċiżjoni tal-għoti mmodifikaw il-pjan ta’ finanzjament fis-sens li dan ippreveda rati ta’ finanzjament massimi applikabbli għal-livell tal-miżuri jew grupp ta’ miżuri u inqas minn 50 %. Hija tqis li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu intiżi biss sabiex iżidu jew inaqqsu l-ammont massimu tal-għajnuna għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri, iżda li r-rata ta’ kontribuzzjoni prevista, massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż totali, baqgħet l-istess, kif hekk jirriżulta mill-annotazzjonijiet fil-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mal-imsemmija deċiżjonijiet li skonthom kien garantit li l-Fondi Komunitarji ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż pubbliċi totali (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Hija tafferma li, minkejja l-fatt li l-imsemmija pjanijiet kienu jipprovdu għal żieda tal-ispejjeż nazzjonali, din iż-żieda kienet wasslet biss għal tnaqqis ta’ kontabbiltà fil-kwota ta’ finanzjament mill-fondi tal-FEŻR u mhux għall-iffissar ta’ rati speċifiċi għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri.

27      Konsegwentement, hija ssostni li r-rati indikati mill-Kummissjoni fil-premessi 1 u 13 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux stabbiliti bid-deċiżjonijiet ta’ emenda u jirriżultaw sempliċiment mill-fatt li, għal ċerti proġetti, l-għajnuna mill-FEŻR kienet ġiet stabbilita mill-Kumitat ta’ Sorveljanza taħt il-limitu ta’ 50 %, b’mod li l-valuri akkumulati indikati fil-pjanijiet finanzjarji tad-deċiżjonijiet ta’ emenda għall-miżuri jew gruppi ta’ miżuri differenti huma neċessarjament inqas minn din ir-rata massima.

28      It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, kif hija tgħamel fil-premessi 17 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-punt 7a tal-Linji Gwida sabiex tiddeċiedi li d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż previsti u l-ispejjeż effettivi tal-proġetti jikkostitwixxu modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 peress li l-Linji Gwida ma jagħmlux referenza għal din id-dispożizzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ tnaqqis tal-għajnuna mill-FEŻR. F’dan ir-rigward, hija żżid li, l-imsemmija linji kienu ġew adottati biss f’Settembru 1999, u għaldaqstant ma kienx iktar possibbli li jinbidel totalment programm li kien ilu li beda mill-4 ta’ Novembru 1994. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tenfasizza, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura interna tal-Linji Gwida.

29      F’kull każ, hija tqis li, anki jekk tiġi aċċettata l-applikazzjoni tal-punt 7a tal-Linji Gwida, it-tnaqqis mhuwiex iġġustifikat f’dan il-każ. F’dan ir-rigward hija tfakkar li l-għażla tal-ammont l-inqas ogħli, speċifikat fil-punti 7a jew 7b, hija neċessarja, skont il-punt 7.1 tal-Linji Gwida, sabiex jiġi ggarantit “li l-għajnuna Komunitarja tkun imħallsa kollha lill-benefiċjarji finali”. Minn dan hija tikkonkludi li l-ammont imsemmi fil-punt 7a jikkostitwixxi biss il-valur ta’ referenza meta mqabbel mal-ammont li huwa effettivament imħallas lill-benefiċjarju finali u tqis li dan il-punt ma jinkludix għaldaqstant l-ebda leġiżlazzjoni speċifika dwar it-tnaqqis tal-għajnuna. Madankollu, hija tafferma li, fil-programmi inkwistjoni, il-valur ta’ referenza jikkorrispondi għall-għajnuna mill-FEŻR mogħtija bil-kundizzjoni li r-rata ta’ finanzjament ma taqbix il-50 % tal-ispejjeż globali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ssostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni tliet ammonti distinti sabiex, kull darba, taċċetta biss l-inqas wieħed ogħli.

30      Ir-raba’ nett, hija ssostni li l-Kummissjoni stess ma kkunsidratx, fl-implementazzjoni tal-programm, li d-diskrepanzi fl-ispejjeż fil-livell tal-proġetti kienu sostanzjali, peress li, fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Mejju 1999 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), hija kienet indikat li l-modifiki li kienu ġew ippreżentati lilha kienu biss dawk li kienu jimplikaw żieda fl-ammont totali tal-kontribuzzjoni mill-Fondi jew trasferimenti bejniethom. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Mejju 2000 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet affermat li l-modifiki normali tal-proġetti ma kinux jikkostitwixxu “modifika sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ftehim tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, anki jekk il-modifiki inkwistjoni kellhom jistqiesu li jikkostitwixxu modifiki sostanzjali li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, dawn għandhom ikunu meqjusa bħala li ġew approvati minn din tal-aħħar peress li dawn irriżultaw mill-ftehim tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, li fi ħdanu hemm rappreżentant tal-Kummissjoni, li jeżerċita l-kompetenzi ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 4253/88, li jawtorizza li jiġu konklużi ftehim dwar proġetti invidwali, ma jipprojbixxix lill-Kumitat ta’ Sorveljanza milli jistabbilixxi għajnuna mill-FEŻR flimkien mal-Kummissjoni.

32      Fit-tielet u fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nuqqas mill-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha, ir-Repubblika Federali ssostni li, anki jekk id-differenzi bejn il-pjan ta’ finanzjament u l-applikazzjoni għal ħlas kellhom jiġu meqjusa bħala modifiki sostanzjali li mhumiex approvati mill-Kummissjoni, il-fatt li din tal-aħħar ma ntalbitx tagħti l-approvazzjoni tagħha jikkostitwixxi biss ksur tar-regoli proċedurali u mhuwiex tali, skont il-prinċipju ta’ proporżjonalità, li jiġġustifika t-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja mill-FEŻR u r-rifjut tal-ħlas tal-bilanċ dovut. B’hekk hija tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tad-deċiżjoni tagħha fuq il-proġetti ssussidjati li żvolġew kif previst. Hija żżid li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex l-għajnuna mill-FEŻR mogħtija mill-Kumitat ta’ Sorveljanza u msemmija fl-applikazzjoni għal ħlas ma kinitx iktar iġġustifikata, kemm jekk fil-livell tal-miżuri jew gruppi ta’ miżuri kif ukoll fil-livell tal-proġetti.

33      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Fid-dawl tal-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jiġi eżaminat suċċessivament jekk in-nuqqas ta’ koinċidenza bejn l-ammonti previsti fil-pjan ta’ finanzjament u dawk fl-applikazzjoni għal ħlas jikkostitwixxix modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, jekk il-Kummissjoni tatx l-approvazzjoni tagħha minn qabel għal din il-modifika f’dan il-każ u, fl-aħħar nett, jekk hija naqsitx milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li din id-dispożizzjoni tagħtha sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna Komunitarja kinitx ġustifikata.

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ modifiki sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż previsti fil-pjan ta’ finanzjament u l-ispejjeż effettivi ma jikkostitwixxux modifiki sostanzjali minħabba, l-ewwel nett, li l-pjan ta’ finanzjament anness mad-deċiżjoni tal-għoti huwa biss indikattiv, it-tieni nett, li dawn id-diskrepanzi ma jiksrux il-kundizzjonijiet stipulati fl-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, it-tielet nett, li l-punt 7a tal-Linji Gwida ma jippermettix li d-diskrepanzi inkwistjoni jiġu ddefiniti bħala modifiki sostanzjali u, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoin għarfet li d-diskrepanzi fil-livell tal-proġetti ma kinux jikkostitwixxu modifiki sostanzjali.

36      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura allegatament indikattiva u provviżorja tal-pjan ta’ finanzjament anness mad-deċiżjoni tal-għoti, għandha ssir referenza għall-punti 60 sa 64 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07, T‑15/07 u T‑332/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), fejn argument essenzjalment identiku għal dak imressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’din il-kawża kien ġie miċħud (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-possibbiltà għall-qorti Komunitarja li timmotiva deċiżjoni billi tagħmel referenza għal deċiżjoni preċedenti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet essenzjalment identiċi, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank, C‑229/04, Ġabra p. I‑9273, punti 47 sa 49, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 102). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li mil-leġiżlazzjoni applikabbli, kif interpretata mill-ġurisprudenza, jirriżulta li kull għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fondi Strutturali kellha tiġi implementata skont id-deċiżjoni li approvatha u, partikolarment, skont it-tabella finanzjarja annessa ma’ din id-deċiżjoni u li, konsegwentement, il-modifiki għal pjan ta’ finanzjament approvat mill-Kummissjoni li jiġu implementati mingħajr il-kunsens tagħha jwasslu, bħala regola, għat-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija fil-programm inkwistjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jinċaħad l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jista’ jimmodifika l-pjan ta’ finanzjament mingħajr ma jissottometti dawn il-modifiki lill-Kummissjoni meta dawn tal-aħħar ma jeħtieġux l-għoti ta’ riżorsi addizzjonali lill-programm. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 jirriżulta b’mod ċar li kull modifika għal pjan ta’ finanzjament tiġi jew ikkomunikata, sabiex tingħata konferma, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat minn meta din tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, jew tiġi direttament adottata mill-Kummissjoni stess, b’kollaborazzjoni mal-Istat Membru, u wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jagħti l-opinjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-ebda modifika għal pjan ta’ finanzjament ma tista’ ssir mingħajr l-approvazzjoni, minn qabel jew a posteriori, tal-Kummissjoni.

38      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li d-differenzi bejn l-ammonti msemmija fil-pjan ta’ finanzjament u l-ammonti finali ma jiksrux il-kundizzjonijiet stipulati fl-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti, peress li b’mod partikolari r-rata ta’ kontribuzzjoni applikata ma taqbizx ir-rata limitu ta’ 50 % tal-ispejjeż totali, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipprova tikkontesta l-affermazzjoni li tinstab fid-deċiżjoni kkontestata li l-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tipprevedi rati ta’ kontribuzzjoni speċifiċi għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri inqas, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, minn 50 %.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rati ta’ kontribuzzjoni li l-Kummissjoni tagħmel referenza għalihom fid-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw mir-relazzjoni bejn l-ammonti tal-għajnuna mill-FEŻR u l-ispejjeż totali previsti għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri mill-pjan ta’ finanzjament. Għandu jiġi kkonstatat li, billi kkalkolat ir-rati ta’ kontribuzzjoni tal-FEŻR abbażi tal-ammonti previsti mill-pjan ta’ finanzjament, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tapplika l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 4253/88 li bis-saħħa tiegħu l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEŻR hija stabbilita f’perċentwali u hija kkalkolata jew skont l-ispejjeż totali, jew skont l-ispejjeż pubbliċi kollha eliġibbli kif jidhru fil-pjan ta’ finanzjament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2007, Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni, T‑65/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82).

40      Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 4253/88 huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rata ta’ kontribuzzjoni waħda għall-azzjoni kollha (programm operazzjonali, skemi ta’ għajnuna, etc), l-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament jawtorizza espressament li tiġi ffissata rata ta’ kontribuzzjoni għal miżuri individwali jew speċifiċi, peress li l-“miżuri individwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom neċessarjament jikkorrispondu għal livell ta’ programmar imsemmi fil-pjan ta’ finanzjament. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rata ta’ kontribuzzjoni Komunitarja tikkostitwixxi waħda mill-modalitajiet tal-għajnuna speċifikati fil-mument meta tingħata l-għajnuna, li l-modifika sussegwenti tagħha hija suġġetta għall-proċeduri stipulati fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 (sentenza Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni, punt 39 supra, punt 92). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija l-unika kompatabbli mal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88, li jipprovdi li l-addattamenti tal-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mad-deċiżjonijiet tal-għoti jinvolvu l-modifika tar-rati ta’ għajnuna u għaldaqstant, bla dubju ta’ xejn, tagħti x’tifhem li tali rati ta’ għajnuna huma effettivament previsti minn kull pjan ta’ finanzjament u li l-modifika tagħhom tirriżulta awtomatikament mill-modifiki l-oħra introdotti fil-pjan. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss b’dan il-mod li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-ispejjeż finali huma inqas minn dak li huwa previst fil-pjan ta’ finanzjament, dan it-tnaqqis tal-ispejjeż jista’ jinqasam bejn il-Komunità u l-Istati Membri fl-istess proporżjon bħal dik li biha huma kienu kkontribwixxew għall-ispejjeż jekk dawn kienu fil-limitu ta’ dak li kien previst fil-pjan ta’ finanzjament stabbilit fil-kuntest tas-sħubija.

41      Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tisħaq li l-modifika tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji għall-miżuri jew gruppi ta’ miżuri differenti, deċiża fid-deċiżjonijiet ta’ emenda, ma kelliex bħala konsegwenza li timmodifika r-rata ta’ kontribuzzjoni mill-FEŻR għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri u b’hekk tagħat lok għal rati differenti u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, inqas minn 50 %. Jekk tintlaqa l-allegazzjoni tagħha li tgħid li biss rata massima u unika ta’ 50 % kienet ġiet iffissata, dan ikun ifisser li r-rata ta’ kontribuzzjoni definittiva mill-FEŻR tista’ tiġi stabbilita biss fil-mument tal-għeluq tal-programm, kuntrarjament għal dak li huwa stipulat fil-leġiżlazzjoni hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza (ara l-punt 39 iktar ’il fuq).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ emenda ma tindikax espressament li r-relazzjoni l-ġdida bejn l-ispejjeż totali previsti u l-kontribuzzjoni Komunitarja timplika li rati speċifiċi għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri huma ssostitwiti għar-rata unika ta’ 50 % huwa mingħajr rilevanza peress li din is-sostituzzjoni tirriżulta direttament mil-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva l-Kummissjoni, il-motivi tad-deċiżjonijiet inkwistjoni kienu jirreferu għall-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88.

43      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-iffissar ta’ rata ta’ kontribuzzjoni speċifika għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri ma jimplikax li l-deċiżjonijiet ta’ emenda taw lok għal tnaqqis fl-għajnuna mill-FEŻR peress li, kif tenfassizza l-Kummissjoni, din tal-aħħar tkun tħallset kompletament jekk l-ispejjeż finali tal-programm kienu fil-limitu ta’ dak li kien ġie previst fil-pjan ta’ finanzjament li jirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet.

44      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati partikolarment fuq il-fatt li, f’dan il-każ, minn naħa, kien ġie speċifikat fil-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mad-deċiżjonijiet ta’ emenda li kien garantit li l-fondi Komunitarji ma kellhomx jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż pubbliċi kollha u, min-naħa l-oħra, il-programm operazzjonali kien ġie implementat skont id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

45      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-annotazzjoni li tinsab fil-pjanijiet ta’ finanzjament annessi mad-deċiżjonijiet ta’ emenda li abbażi tagħha kien iggarantit li l-fondi Kominitarji ma kellhomx jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż pubbliċi totali, għandu jiġi rrilevat li, kif tosserva l-Kummissjoni, din l-indikazzjoni ma timpedixxix li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-għoti kif emendata bl-imsemmija deċiżjonijiet kienet tipprevedi rati ta’ kontribuzzjoni ta’ inqas minn 50 % għal xi wħud mill-miżuri jew gruppi ta’ miżuri, peress li din ir-rata limitu ta’ 50 % għandha tiġi osservata fil-livell tal-proġetti individwali. B’hekk, ma kienx possibbli li proġett jiġi ffinanzjat b’rata ħafna iktar ogħla minn 50 % u li jiġu previsti rati ħafna iktar baxxi għal proġetti oħrajn li jaqgħu taħt l-istess miżura jew grupp ta’ miżuri, anki jekk ir-rata globali prevista għall-miżura jew grupp ta’ miżuri kienet ġiet osservata.

46      Fir-rigward tal-argument li l-programm operazzjonali kien ġie implementat skont id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm mid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mit-tabella annessa magħha, jirriżulta b’mod ċar li l-programm operazzjonali inkwistjoni ma kienx ġie implementat skont dawn id-deċiżjonijiet peress li parti mill-fondi allokati għall-imsemmi programm finalment ma kinitx intużat. Fil-fatt, kif tosservat il-Kummissjoni, huwa preċiżament il-fatt li l-programm ma kienx ġie kompletament imwettaq kif previst li wassal għal din il-kawża, peress li l-partijiet ma jaqblux fuq il-mod li bih għandha tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni tal-Komunità meta l-ispejjeż totali tal-programm huma inqas minn dak li kien ġie previst. Il-fatt li l-proġetti realizzati kienu twettqu korrettament huwa ċertament importanti iżda mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-pjan kien ġie korrettament imwettaq, peress li l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mid-deċiżjoni tal-għoti, inklużi r-rati ta’ kontribuzzjoni, hija wkoll indispensabbli għal dan il-għan.

47      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-punt 7a tal-Linji Gwida ma jippermettix li d-diskrepanzi inkwistjoni jiġu definiti bħala modifiki sostanzjali, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mit-tieni kwotazzjoni u mill-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni ta’ tnaqqis tagħha fuq il-Linji gwida, iżda fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Fil-Linji gwida, il-Kummissjoni fakkret biss lill-Istati Membri l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet applikabbli u informathom li, skont is-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ikkonferixxilha, hija kienet iddeċidiet, kif tispjega fil-premessa 15 tad-deċiżjoni tagħha, li taċċetta d-diskrepanzi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Ċertament, peress li kienet impenjat ruħha permezz tal-komunikazzjoni lill-Istati Membri li tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 skont il-kriterji previsti mil-Linji Gwida, il-Kummissjoni mmotivat id-deċiżjoni kkontestata billi għamlet referenza għal dawn tal-aħħar, iżda dan ma jimplikax li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija kkostitwita mil-Linji Gwida. Sussegwentement, il-fatt li l-Linji Gwida kienu ġew adottati biss f’Settembru 1999 ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-adozzjoni tagħhom kienet teħtieġ bidla tal-programmi għaddejjin. Fil-fatt, skont dak li ġie deċiż fil-punti 36 sa 46 iktar ’il fuq, in-natura mandatorja tal-pjan ta’ finanzjament u l-eżistenza ta’ rata ta’ kontribuzzjoni stabbilita għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli b’tali mod li l-punt 7 tal-Linji Gwida, li l-kontenut tiegħu ma jidhirx bl-ebda mod li jmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet, ma kien jeħtieġ ebda modifika tal-programmi.

48      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma applikatx ħażin il-punt 7 tal-Linji Gwida f’dan il-każ peress li, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 46 iktar ’il fuq, “ir-rata ta’ kofinanzjament li tirriżulta mill-pjan ta’ finanzjament” li jagħmel referenza għaliha l-punt 7a tal-Linji Gwida tista’ tinftihem biss bħala li tirreferi għar-rati ta’ finanzjament ikkalkolati abbażi tar-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni Komunitarja u l-ispejjeż totali previsti, fil-pjan ta’ finanzjament, għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri u indikati mill-Kummissjoni fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata u mhux bħala li tirreferi għal rata massima u unika ta’ 50 %.

49      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni kienet għarfet li d-diskrepanzi fil-livell tal-proġetti ma kinux jikkostitwixxu modifiki sostanzjali, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni kienet talbet fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Mejju 1999 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) li l-modifiki li jinvolvu żieda fl-ammont globali jew trasferimenti bejn il-fondi jiġu ppreżentati lilha għal approvazzjoni qabel data speċifika ma jimplikax li din kienet qieset li modifiki oħra għajr dawn tal-aħħar setgħu jiġu introdotti liberament fil-programm mill-awtoritajiet nazzjonali, minkejja l-obbligu tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, previst fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88, li jinnotifika kull modifika lill-Kummissjoni u li jistenna l-konferma tagħha. Bl-istess mod, ma jirriżultax mill-ittra tat-3 ta’ Mejju 2000 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) li l-modifiki tal-proġetti qatt ma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Għall-kuntrarju, f’din l-ittra, il-Kummissjoni tindika b’mod ċar li huwa biss jekk ma teżistix modifika sostanzjali u jekk m’hemmx effett fuq il-baġit Komunitarju li l-modifiki li jirrigwardaw il-proġetti m’għandhomx jiġu kkomunikati lilha. B’hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-diskrepanzi fil-livell tal-proġetti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 biss meta dawn iwasslu għal diskrepanzi fir-rigward tal-ammonti indikati fil-pjan ta’ finanzjament.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kienet allegatament approvat il-modifiki inkwistjoni, għandu jinċaħad l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-preżenza ta’ rappreżentant tal-Kummissjoni fil-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-programm operazzjonali u l-parteċipazzjoni attiva tiegħu fit-twettieq tal-imsemmi programm jekwivalu għal approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-modifiki mwettqa. Fil-fatt, mill-Artikolu 25(5) tar-Regolametn Nru 4253/88 jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa, bħala prinċipju, kompetenti sabiex jadatta l-pjan ta’ finanzjament meta dan ma jimplikax żieda fl-ispejjeż totali tal-programm, kull modifika li dan iwettaq għandha tiġi nnotifikata immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat u hija applikabbli biss minn meta.din tiġi kkonfermata minnhom. Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tista tiġi interpretata biss fis-sens li r-rappreżentant tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza mhuwiex il-“Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni peress li, billi huwa jifforma parti mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, l-obbligu li tiġi nnotifikata l-modifika wara t-teħid ta’ deċiżjoni mill-Kumitat ta’ Sorveljanza u l-obbligu li tiġi mistennija l-konferma tal-Kummissjoni ma jkollhom l-ebda sens.

51      Barra minn hekk, huwa inkontestabbli li ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ emenda tad-deċiżjoni tal-għoti, adottati bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, kienu ġew adottati mill-Kummissjoni bħala korp kolleġjali u mhux mir-rappreżentant tagħha fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza. Issa, ir-referenza għall-“Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 ma tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi alternattivament għall-korp kolleġjali jew ir-rappreżentant tiegħu fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza skont is-subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni inkwistjoni.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li jista’ jiġi allegat li l-Kummissjoni approvat modifika deċiża mill-Kumitat ta’ Sorveljanza biss jekk din il-modifika tkun ġiet ikkomunikata lilha formalment għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nuova Gela Sviluppo vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punti 64 u 66; ara, b’anoloġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Novembru 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑282/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 72 u 78). Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-modifiki inkwistjoni f’dan il-każ, din ma tistax, konsegwentement, tisħaq li dawn tal-aħħar kienu ġew approvati.

53      Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni ma eżerċitax is-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jikkonferixxilha u, iktar partikolarment, fir-rigward tal-argument tagħha li l-fatt li ma talbitx l-approvazzjoni tal-modifiki kkonstatati mill-Kummissjoni jikkostitwixxi biss ksur tar-regoli proċedurali u ma jiġġustifikax li din tal-aħħar tnaqqas l-għajnuna finanzjarja u tqiegħed fil-perikolu l-finanzjament tal-proġetti korrettament imwettqa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jew Komunitarji li jirregolaw għajnuna mill-fondi Komunitarji, inklużi dawk ta’ natura finanzjarja, jiġġustifika t-tnaqqis jew it-tneħħija tal-għajnuna mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punti 29 sa 34, u tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra, p. I‑731, punti 76 u 97). B’hekk, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 52 supra (punti 72 u 78), dwar il-pjanijiet ta’ żvilupp rurali ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li nonosservanza mir-Repubblika Taljana ta’ dispożizzjoni li l-kontenut tagħha huwa simili ħafna għal dak tal-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 4253/88 wasslet għat-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija lill-programm operazzjonali.

54      Għandu jiġi osservat li, il-fatt li jiġi aċċettat, kif titlob ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, billi hija wettqet biss ksur tar-regoli proċedurali, il-Kummissjoni ma setgħetx tnaqqas l-għajnuna, għaliex dan ikun jaffettwa l-proġetti korrettament imwettqa, ikun jammonta li l-ksur mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-obbligu tagħha li twettaq il-programm operazzjonali skont il-pjan ta’ finanzjament approvat mill-Kummissjoni, jitħalla mingħajr konsegwenza. Din is-soluzzjoni b’hekk trendi dan l-obbligu mingħajr skop peress li jkun biżżejjed għall-awtoritajiet nazzjonali li jipprovaw it-twettieq korrett ta’ ċerti proġetti sabiex jiksbu l-finanzjament totali mogħti indipendentement mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet finanzjarji li fuqhom dawn ftehmu mal-Kummissjoni.

55      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex tali li tqiegħed f’perikolu l-finanzjament tal-proġetti implementati. Fil-fatt, peress li l-ispejjeż tal-programm operazzjonali inkwistjoni huma inqas minn dak previst, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużaw parti mill-fondi nazzjonali hekk imfaddla sabiex jikkompletaw il-finanzjament tal-proġetti korrettament implementati.

56      F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, peress li dan il-każ jirrigwarda programm ippreparat fil-kuntest tal-inizjattiva Komunitarja Interreg II, il-kontribuzzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-baġit ta’ tliet awtoritajiet nazzjonali differenti, mhuwiex rilevanti. Il-fatt li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, il-proġetti li mhumiex imwettqa għandhom jiġu ffinanzjati minn waħda mill-awtoritajiet nazzjonali u l-proġetti mwettqa minn oħra, ma jimpedixxix li jitqies li l-parti mill-fondi nazzjonali mfaddla minħabba n-nonimplementazzjoni ta’ ċerti proġetti tista’ tiġi użata sabiex tikkompleta l-finanzjament tal-proġetti implementati.

57      Fil-fatt, jekk il-proġetti inkwistjoni għandhom interess transkonfinali ġenwin, kif għandu jkun il-każ fil-każ ta’ kull proġett maħsub sabiex jiġi ffinanzjat fil-kuntest ta’ programm operazzjonali li jaqa’ taħt l-inizjattiva Komunitarja Interreg II, l-awtorità nazzjonali li l-proġetti tagħha ma ġewx imwettqa, jew li rriżultaw li kienu jqumu inqas, tista’ tassumi parti mill-kontribuzzjoni nazzjonali għall-proġetti li ġew imwettqa skont il-previżjonijiet. F’kull każ, għandu jiġi nnotat li l-applikazzjonijiet għal sussidju għal programm operazzjonali huma ppreżentati konġutament mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kollha fit-territorji kkonċernati mill-imsemmi programm u li d-deċiżjonijiet tal-għoti jagħmlu distinżjoni biss bejn il-kontribuzzjoni Komunitarja u l-kontribuzzjoni nazzjonali mingħajr ma jiddifferenzjaw bejn dik ta’ kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

59      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fir-rigward tar-referenza magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-punt 6.2 tal-Linji Gwida, li din ma tispjegax għaliex diskrepanza ta’ “żieda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] meta mqabbla mal-ispejjeż previsti fil-pjan ta’ finanzjament taqa’ taħt il-Linji Gwida filwaqt li diskrepanza ta’ “tnaqqis” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Hija tqis li, kieku l-Kummissjoni kienet applikat il-flessibbiltà ta’ 20 % stipulata fil-Linji Gwida inkwistjoni, ma kien isir ebda tnaqqis. F’dan ir-rigward, hija żżid li n-nonapplikazzjoni ta’ din il-flessibbiltà mill-Kummissjoni hija partikolarment inkomprensibbli peress li, skont il-Kummissjoni, l-għajnuna mill-FEŻR kollha setgħet titħallas, anki mingħajr ma tintuża din ir-regola, li kieku din intalbet kif suppost (premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tafferma li ma tifhimx għaliex il-Kummissjoni, li fid-deċiżjoni kkontestata tat importanza kbira lir-rati ta’ finanzjament previsti mill-pjan ta’ finanzjament għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri, ma taċċettax l-applikazzjoni tal-Linji Gwida sabiex tippermetti, minflok qabża ta’ 20 % tal-għajnuna prevista mill-pjan, qabża tal-istess importanza tar-rata ta’ finanzjament, u dan anki jekk l-ammont mitlub jibqa’ inqas mill-għajnuna prevista mill-pjan.

60      Fir-rigward tat-tabella fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li din hija inkomprensibbli u tqis li dan jista’ jkun dovut għall-fatt li la l-ispjegazzjonijiet u lanqas l-intestaturi tal-kolonni mhuma miktuba bil-Ġermaniż, il-lingwa tal-kawża. Hija ssostni għaldaqstant li l-ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385), huwa l-kawża ta’ żball ieħor ta’ motivazzjoni. Hija tikkonstesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-formoli matematiċi li jinsabu fit-tabella huma ċari.

61      Il-Kummissjoni tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata hija vviżjata b’nuqqas ta’ motivazjzoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

62      Fir-rigward tal-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma tispjegax għaliex diskrepanza ta’ “żieda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fir-rigward tal-ispejjeż previsti fil-pjan ta’ finanzjament tista’ tiġi aċċettata filwaqt li diskrepanza ta’ “tnaqqis” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tikkostitwixxi modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Issa, għandu jiġi nnotata li l-Kummissjoni tindika, fil-premessi 12 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata,li kull diskrepanza, kemm ta’ żieda kif ukoll ta’ tnaqqis, tikkostitwixxi modifika sostanzjali. Sussegwentement, hija tindika, fil-premessa 16 tal-imsemmija deċiżjoni, li d-diskrepanzi ta’ żieda jistgħu jkunu aċċettati bil-kundizzjoni madankollu li d-daqs tagħhom ikun limitat (għal 20 % tal-ammont tal-miżura inkwistjoni) u li dawn ikunu kkumpensati fi ħdan is-sottoprogramm/assi prijoritarju b’diskrepanza ta’ tnaqqis ekwivalenti b’mod li “l-ammont tas-sotto-programm […] ma jiżdidx” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma qiesitx li d-diskrepanza ta’ “żieda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienu dejjem aċċettati filwaqt li d-diskrepanzi ta’ “tnaqqis” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kinux u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma setax ikollha motivazzjoni f’dan ir-rigward.

63      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, li l-Kummissjoni ma tispjegax għaliex hija ma applikatx, f’dan il-każ, il-marġni ta’ flessibbiltà ta’ 20 %, previst fil-punt 6 tal-Linji Gwida. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm mill-punt 6.2 tal-Linji Gwida kif ukoll mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-flessibbiltà ta’ 20 % kienet ġiet applikata, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda li din setgħet tiġi applikata biss fil-kuntest tal-assi prijoritarju 3, għaliex huwa biss f’dan l-assi li hemm miżura jew grupp ta’ miżuri li fir-rigward tagħhom l-ammont previst mill-pjan ta’ finanzjament inqabeż. Minn din il-motivazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-punt 6.2 tal-Linji Gwida ma setax jiġi applikat għall-assi l-oħrajn peress li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri l-qbiż tal-ammont previst fir-rigward ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri jew gruppi ta’ miżuri, ma kinitx sodisfatta.

64      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tafferma li ma tifhimx għaliex il-Kummissjoni ma applikatx il-Linji Gwida b’tali mod li qbiż ta’ 20 % tar-rata ta’ kontribuzzjoni stabbilita għal miżura jew grupp ta’ miżuri tista’ tiġi aċċetata jekk ma timplikax qbiż tal-għajnuna prevista għall-assi prijoritarju bl-istess mod kif qbiż tal-ammont tal-għajnuna previst għal miżura jew grupp ta’ miżuri huwa aċċettat, bis-saħħa tal-punt 6.2 tal-imsemmija linji, jekk dan ma jimplikax qbiż tal-ammont tal-għajnuna previst għall-assi prijoritarju. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob b’xi mod applikazzjoni b’anoloġija tal-Linji Gwida. Madankollu, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Linji Gwida għandhom, inkwantu istruzzjonijiet indirizzati lid-dipartimenti tagħha, jiġu implementati skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali b’tali mod li hija ma setgħetx tapplikom għall-programmi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’mod differenti minn dak li bih hija tapplikom għall-programmi ta’ Stati Membri oħra. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivat biżżejjed f’dan ir-rigward.

65      Sussegwentement, fir-rigward tat-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din hija inkomprensibbli, għaliex la l-ispjegazzjonijiet u lanqas l-intestaturi tal-kolonni mhuma miktuba bil-Ġermaniż u tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-formoli matematiċi inklużi huma faċli biex jinftehmu. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, mir-referenzi għall-kontenut tat-tabella li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħmel fir-rikors jirriżulta li hija fehmet tajjeb din it-tabella. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-motivazzjoni fit-test tad-Deċiżjoni kkontestata tippermetti li jinftehmu l-kalkolu magħmul għal kull miżura jew grupp ta’ miżuri u r-raġunijiet li għalihom l-ammont mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien ġie aċċettat jew le.

66      F’dan iċ-ċirkustanzi, it-tieni motivi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jinċaħad.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nonosservanza tas-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 L-argumenti tal-partijiet

67      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, filwaqt li l-programm inkwistjoni kien ġie redatt konġuntament u l-ammonti ta’ finanzjament għall-proġetti kienu ġew stabbiliti b’osservanza għall-programm, il-Kummissjoni, billi titbiegħed mill-kundizzjonijiet previsti fih, timmodifika unilateralment l-għajnuna mill-FEŻR u ma tosservax is-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68      Hija ssostni li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummisjsoni jimplika li ma jeżistix iktar finanzjament globali garantit għal ebda minn dawn il-proġetti peress li d-dipartimenti kompetenti u dawk responsabbli mill-proġetti ma jistgħux jistabbilixxu l-ammont tal-għajnuna mill-FEŻR qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ inkorporazzjoni tal-ispejjeż fil-31 ta’ Diċembru 2001 u l-preżentata tal-applikazzjoni għal ħlas.

69      Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni lanqas ma tosserva s-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] inkwantu l-aġir tagħha jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi peress li r-rappreżentant tagħha fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza ma kienx spjega lill-imsieħba tiegħu t-tifsira tal-ammonti li jinsabu fit-tabelli finanzjarji qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ teħid ta’ impenn u lanqas li l-finanzjamenti tal-proġetti deċiżi fil-Kumitat ta’ Sorveljanza kienu kompromessi. Fir-replika, hija tafferma li l-Kummissjoni tipprova tnaqqas l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza. Madankollu hija ssostni li din il-parteċipazzjoni influwenzat l-implementazzjoni tal-programm u tafferma li l-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-FEŻR għall-proġetti, skont ir-regoli interni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, saret b’osservanza tal-kuntest ġuridiku previst. Minn naħa l-oħra, hija tqis li l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni huwa inkompatibbli mad-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u mhuwiex impost, għall-inqas fil-każijiet fejn il-Kummissjoni preċedentement ħadet sehem f’deċiżjonijiet kuntrarji tal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

70      Hija żżid li s-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet teħtieġ, f’każ ta’ diverġenza fundamentali ta’ opinjonijiet fuq l-implementazzjoni tal-programm, li l-Kummissjoni tawtorizzaha tirrettifika l-applikazzjoni għal ħlas.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

72      L-ewwel nett għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ “sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huwa użat sabiex jiġi enfasizzat li “[l-azzjoni Komunitarja] tiġi stabbilita permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti […] innominati mill-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’mod partikolari s-sħubija tirrigwarda l-preparazzjoni, il-finanzjament, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet, u għandha ssir b’konformità mal-kompetenzi istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull wieħed mill-imsieħba.

73      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma osservatx is-“sħubija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] inkwantu mmodifikat unilateralment il-kundizzjonijiet tal-għajnuna mill-FEŻR, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li, kuntrarjarment għal dak li tafferma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ma tbegħditx mill-kundizzjonijiet stipulati fl-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti u, konsegwentement, ma mmodifikatx unilateralment l-għajnuna mill-FEŻR. Barra minn hekk, peress li r-rati ta’ finanzjament huma stabbiliti mid-deċiżjoni tal-għoti, lanqas ma jista’ jiġi affermat li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli u d-deċiżjoni tal-għoti, jimplika li mhuwiex possibbli li jiġi determinat minn qabel l-ammont tal-għajnuna Komunitarja.

74      Fir-rigward tal-argument li l-aġir tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi minħabba l-attitudni tar-rappreżentant tagħha fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħolqien tal-aspettativi leġittimi jimplika li garanziji speċifiċi u konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli kienu ingħataw minn persuna awtorizzata tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 70, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102). F’dan il-każ, minbarra l-fatt li n-nuqqas ta’ twissija minn naħa tar-rappreżentant tal-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat ta’ Sorveljanza fuq l-eżistenza tar-rati ta’ finanzjament fil-livell tal-miżuri jew gruppi ta’ miżuri ma jistax jiġi kkunsidrat bħala garanzija speċifika, iktar u iktar peress li mill-proċess jirriżulta li dan afferma li huwa kien ser jastjeni milli jivvota fir-rigward ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-proġetti sabiex ma jantiċipax fuq id-deċiżjoni tal-kontroll finanzjarju intern tal-Kummissjoni, dawn il-“garanziji” mhumiex, f’kull każ, konformi mad-dritt applikabbli kif jirriżulta mill-eżami iktar ’il fuq.

75      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni kellha tawtorizzaha tirrettifika l-applikazzjoni tagħha għal ħlas, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minflok ma aċċettat l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni u talbitha tawtorizzaha tippreżenta applikazzjoni ġdida, li titlob il-ħlas ta’ ammont ikbar għall-miżuri jew gruppi ta’ miżuri li għalihom l-applikazzjoni inizjali kienet tipprevedi ammont inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ finanzjament prevista mill-pjan ta’ finanzjament, ippreżentat dan ir-rikors sabiex tikkontesta din l-interpretazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx, anki jekk dan huwa aċċettat mil-leġiżlazzjoni applikabbli, tawtorizza ex officio r-rettifika tal-applikazzjoni.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu għandhom jinċaħdu.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi kkundannat tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.