Language of document : ECLI:EU:T:2007:264

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2007(*)

“Trade mark Komunitarja − Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva ‘La española’ − Oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade marks nazzjonali figurattivi u Komunitarji ‘Carbonell’ − Ċaħda ta’ l-oppożizzjoni − Elementi dominanti − Xebh − Probabbiltà ta’ konfużjoni − Setgħa ta’ tibdil ta’ deċiżjoni”

Fil-kawża T‑363/04,

Koipe Corporación, SL, stabbilita f’San Sebastián (Spanja), irrappreżentata minn M. Fernández de Béthencourt, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Aceites del Sur, SA, stabbilita f’Sevilja (Spanja), irrappreżentata minn C. L. Fernández-Palacios u R. Jiménez Díaz, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, tal-11 ta’ Mejju 2004 (Kawża R 1109/2000-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Koipe Corporación, SL u Aceites del Sur, SA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-Kuntest Ġuridiku

1        L-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), jipprovdi li:

“1. Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[...]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

2        L-Artikolu 8(2) ta’ l-istess Regolament jiddisponi:

“Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

a)      trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

i)      trade marks Komunitarji;

ii)      trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux; […]”

3        L-Artikolu 8(5) ta’ l-istess Regolament jiddisponi:

“Barra minn hekk, malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u dan meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

4        L-Artikolu 55(3) tar-Regolament imsemmi jgħid:

“Applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru u tkun saret res judicata.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Fit-23 ta’ April 1996, Aceites del Sur, SA ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament Nru 40/94.

6        It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret applikazzjoni” jew it-“trade mark La española” hija s-segwenti sinjal figurattiv:

Image not found

7        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”) u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 29: “Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriżervat, iffriżat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippreservat jew misjur fix-xropp; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħam li jittiekel”;

–        klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, għaġina u ħlewwiet, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ”.

8        Fit-23 ta’ Novembru 1998, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 89/98.

9        Fid-19 ta’ Frar 1999, La española Alimentaria Alcoyana, SA, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar’il quddiem, l-“ewwel oppożizzjoni” jew l-“ewwel proċedimenti ta’ oppożizzjoni”). L-ewwel oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

10      Ir-raġuni invokata in sostenn ta’ din l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u trade mark figurattiva preċedenti li tappartjeni lil La española Alimentaria Alcoyana, li hija komposta minn element figurattiv kif ukoll mill-element verbali “la española “u protetta bir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 15909, u r-reġistrazzjoni Spanjola Nru 1816147. It-trade mark Komunitarja Nru 15909 kienet irreġistrata għal xi prodotti tal-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza, li fosthom m’hemmx imsemmija ż-żjut u x-xaħmijiet għall-ikel. It-trade mark Komunitarja Nru 15909 kienet ġiet irreġistrata wkoll, bħat-trade mark Spanjola Nru 1816147, għal bosta prodotti tal-Klassi 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza.

11      Fit-23 ta’ Frar 1999, l-impriża Aceites Carbonell, li wara saret Koipe Corporation, SL, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, diretta kontra l-prodotti kollha msemmija fiha. L-argument invokat in sostenn ta’ din l-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta’ konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b), fl-Artikolu 8(2)(c) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark figurattiva preċedenti tar-rikorrenti, Carbonell (iktar’il quddiem it-“trade mark preċedenti” jew it-“trade mark Carbonell”), murija iktar’il quddiem :

Image not found

12      Bħala provi ta’ l-eżistenza tat-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti semmiet ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nri 994364, 1238745, 1698613, 28270, 252783, 994365, ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 338681, ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali Nri 244428 u 528639, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali Irlandiżi, Daniżi, Żvediżi u fir-Renju Unit. Wara li evalwat il-provi ppreżentati sabiex jipprovaw l-eżistenza u l-validità tad-drittijiet invokati, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI qieset li r-rikorrenti kien irnexxielha tipprova biss l-eżistenza ta’ l-erba’ reġistrazzjonijiet segwenti:

–        reġistrazzjoni Spanjola Nru 994364, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1982, għaż-“żejt taż-żebbuġ pur”, li jaqa’ taħt il-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza;

–        reġistrazzjoni Spanjola Nru 1238745, ta’ l-20 ta’ Ġunju 1988 għaż-“żejt taż-żebbuġ” li jaqa’ taħt il-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza ;

–        reġistrazzjoni Spanjola Nru 1698613, tal-5 ta’ Jannar 1994 għaż-“żejt taż-żebbuġ” li jaqa’ taħt il-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza ;

–        reġistrazzjoni Komunitarja Nru 338681, ta’ l-24 ta’ Jannar 2000 għaż-“żejt taż-żebbuġ” li jifforma parti mil-klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza.

13      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 1999 indirizzata lill-UASI, l-intervenjenti llimitat il-lista tal-prodotti li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti segwenti:

–        klassi 29 : “żjut u xaħmijiet li jittieklu”;

–        klassi 30 : “mayonnaise u ħall”.

14      It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet is-suġġett ta’ ċaħda ta’ reġistrazzjoni, fil-kuntest ta’ l-ewwel proċedimenti ta’ oppożizzjoni, għall-prodotti fil-Klassi 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza, bis-saħħa tad-Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni Nru 259/2000, tat-22 ta’ Frar 2000. Madankollu, f’din id-deċiżjoni, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ La española Alimentaria Alcoyana f’dak li kien jirrigwarda l-prodotti tal-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI fid-Deċiżjoni R 326/2000-4, tas-17 ta’ Frar ta’ l-2003. Minħabba f’hekk, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ta’ l-intervenjenti tirrigwarda biss il-prodotti tal-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza.

15      L-oppożizzjoni tat-23 ta’ Frar 1999 ġiet miċħuda mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI fid-Deċiżjoni Nru 2084/2000, tal-21 ta’ Settembru 2000, minħabba li s-sinjali in kwistjoni kienu joħolqu impressjoni viżiva globalment differenti, kienu totalment nieqsa minn elementi ta’ xebh fuq livell fonetiku, u r-rabta konċettwali relatata man-natura u ma’ l-oriġini agrikola tal-prodotti kienet dgħajfa, liema fatti jeskludu l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

16      Fid-19 ta’ Jannar 2001, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2004, ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI caħad dan l-appell billi adotta d-Deċiżjoni R 1109/2000-4 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija kkonfermat li l-impressjoni viżiva maħluqa mis-sinjal tagħha kienet globalment differenti. Fil-fatt, hija osservat li l-elementi figurattivi, essenzjalment komposti mill-immaġini ta’ persuna bilqiegħda fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ, għandhom biss karattru dgħajjef għaż-żejt taż-żebbuġ, li bħala konsegwenza jagħtu importanza ewlenija lill-elementi verbali “la española” u “carbonell”. Fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali fuq livell fonetiku u kunċettwali, hija kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx ċaħdet in-nuqqas totali ta’ koinċidenza bejn l-elementi verbali, u lanqas id-dgħufija tar-rabta kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti. Fl-aħħar, hija rrikonoxxiet li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kellha tagħti d-deċijoni tagħha fuq il-popolarità tat-trade marks preċedenti. Madankollu, hija qieset li din l-evalwazzjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ppreżentata quddiem il-Bord ta’ l-Appell sabiex tiġi ppruvata l-imsemmija popolarità, ma kinux strettament meħtieġa, peress li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark magħrufa jew popolari, jiġifieri l-eżistenza ta’ xebh bejn is-sinjali, ma kinitx issodisfata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2004, indirizzata lill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti talbet sabiex mal-proċess iżżid dikjarazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Spanja fil-Belġju u fil-Lussemburgu, dwar in-natura popolari tat-trade mark Carbonell. Din id-dikjarazzjoni kienet intbagħtet lir-rikorrenti wara li ressqet ir-rikors, għalkemm kienet talbitha qabel din id-data. Il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħat din it-talba b’deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2004.

19      Fl-1 ta’ Marzu 2005, l-UASI ppreżenta r-risposta tiegħu. Fis-17 ta’ Jannar 2005, l-intervenjenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Permezz ta’ ittra ppreżentata fl-10 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika, liema talba ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2005.

20      Wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21      L-osservazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2007.

22      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara n-nullità tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, tordna li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi miċħuda;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż ta’ din il-kawża, u l-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell.

23      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Waqt is-seduta, l-intervenjenti rrinunzjat għat-talba tagħha li jidher ir-rappreżentant personali tagħha, kif ukoll għall-eċċezzjoni tagħha ta’ l-inammissibbiltà dwar il-kwalità ta’ avukat tar-rappreżentant tar-rikorrenti.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara n-nullità tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, tordna li tiġi miċħuda

 L-argumenti tal-partijiet

26      L-UASI jqis li t-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti intiż sabiex jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara n-nullità tat-trade mark La española jew, jekk ikun il-każ, tordna li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi miċħuda huwa inammissibbli, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex timponi inġunzjoni fuq l-UASI, u li huwa l-UASI li għandu jasal għall-konklużjonijiet tas-sentenza u tal-motivi tas-sentenzi [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut fur Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 19].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

27      It-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti titlob li t-trade mark La española tiġi ddikjarata nulla. Fit-tieni parti, hija titlob li tiġi ordnata ċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni ta’ l-imsemmija trade mark.

28      F’dak li jirrigwarda t-talba għan-nullità tat-trade mark La española, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi li jekk tkun infetħet kawża quddiem il-Qorti Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell ikollhom effett biss wara li din il-kawża tkun ġiet miċħuda. B’hekk kif ġustament qal l-UASI, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għadha ma ġietx irreġistrata u ma tistax tiġi annullata. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti hija mingħajr suġġett.

29      F’dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ l-imsemmi kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta d-deċiżjoni li, skond hi, l-UASI kien imissu ħa, jiġifieri deċiżjoni li tiddikjara li l-kundizzjonijiet ta’ oppożizzjoni huma ssodisfati, b’mod li l-UASI jeżegwiha billi jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

30      Għaldaqstant, ir-rikorrenti titlob li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mibdula, kif previst fl-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, din it-talba ma tikkonsistix fit-talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkundanna lill-UASI jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, li jikkostitiwixxi inġunzjoni indirizzata lilu. Għal kuntrarju, din hija intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi, bl-istess mod bħall-Bord ta’ l-Appell, jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tistax tiġi rreġistrata fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Deċiżjoni bħal din tidher fost il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Qorti tal-Prim’Istanza taħt is-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni meħuda [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra p. II‑2787, punt 19 ; u ta’ l-4 ta’ Ottubru 2006, Freixenet vs UASI (Forma ta’ flixkun abjad matt), T‑190/04, Ġabra p. II-79, punt 17].

31      Isegwi li t-tieni parti tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti hija ammissibbli.

 Fuq il-portata tal-mandat tar-rappreżentant tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

32      L-intervenjenti tosserva li l-mandat mogħti lill-avukat tar-rikorrenti ma jippermettilux li jirrappreżentaha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skond l-intervenjenti, il-prokura notarili ppreżentata mir-rikorrenti favur J. Munguía Arsuaga, tawtorizza lil dan sabiex jirrappreżenta lir-rikorrenti quddiem il-qrati Spanjoli, u mhux quddiem il-Qrati Komunitarji. B’hekk, il-mandat mogħti lil M. Fernández de Béthencourt, l-avukat li ffirma r-rikors f’isem u għar-rikorrenti, mis-Sur Munguía Arsuaga, jeċċedi s-setgħat mogħtija lil dan ta’ l-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

33      L-Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jeħtieġ li jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

34      Mill-prokuri notarili tas-16 ta’ Awwissu 2004 favur ir-rappreżentant kwalifikat tar-rikorrenti is-Sur Munguía Arsuaga, jirriżulta li dan kellu s-setgħa li huwa stess jirrappreżenta lir-rikorrenti jew li jinkariga avukati oħrajn f’dan ir-rigward “kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak supranazzjonali”, li jinkludi r-rappreżentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, huwa sorprendenti kif l-intervenjenti targumenta li l-mandat mogħti lis-Sinjura Fernández de Béthencourt mis-Sur Munguía Arsuaga jeċċedi s-setgħat li nagħtaw lil dan ta’ l-aħħar. Din it-teżi hija, b’mod evidenti u manifest, kuntrarja għall-fatti.

35      Isegwi li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilta` għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata

 L-argumenti tal-partijiet

36      L-intervenjenti tqis li l-eċċezzjoni ta’ res judicata msemmija fl-Artikolu 55(3) tar-Regolament Nru 40/94, skond liema applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija inammissibli jekk applikazzjoni li tirrigwarda l-istess materja u l-istess kawża, u li tinvolvi lill-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata minn qorti fi Stat Membru u tkun saret res judicata, hija applikabbli f’dan il-każ.

37      L-intervenjenti tqis li sentenza tas-7 ta’ Lulju 1997 ta’ qorti Spanjola, jiġifieri l-Audiencia Provincial de Sevilla (Qorti tal-Povinċja ta’ Sevilja, Spanja), għandha tiġi kkunsidrata bħala res judicata skond l-Artikolu 55(3) tar-Regolament Nru 40/94, peress li tirrigwarda lill-istess partijiet, l-istess materja u l-istess kawża bħal dawk fil-kawża preżenti. Fil-fatt, is-sentenza in kwistjoni tirrigwarda kawża bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti li fiha r-rikorrenti ppruvat twaqqaf lill-intervenjenti milli tuża trade mark Spanjola identika għat-trade mark La española abbażi tal-projbizzjoni ta’ l-atti ta’ imitazzjoni prevista mill-ley 3/1991, de 10 de enero, de competencia desleal (Liġi Spanjola Nru 3/91 ta’ l-10 ta’ Jannar 1991, dwar il-kompetizzjoni żleali) (BOE Nru 10, tal-11 ta’ Jannar 1991, p. 959). Is-sentenza in kwistjoni kkonkludiet li kien hemm kompatibbiltà bejn iż-żewġ trade marks li kienu f’kunflitt, u tat tort lir-rikorrenti. Din is-sentenza saret definittiva meta l-appell imressaq mir-rikorrenti ġie miċħud permezz ta’ digriet tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) tas-16 ta’ Frar 1999, B’hekk, l-intervenjenti titlob sabiex il-preżenti rikors jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

38      Ir-rikorrenti u l-UASI sostnew, waqt is-seduta, li l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax f’dan il-każ peress li ma kienx hemm l-istess kawża u materja bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza ta’ l-Audiencia Provincial de Séville.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

39      Skond ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u li tipprova tikseb għanijiet speċifiċi, peress illi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47, u ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 70].

40      Barra minn hekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, hekk kif interpretat mill-Qrati Kommunitarji, u mhux abbażi ta’ ġurisprudenza nazzjonali [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punt 53, ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 37, u tat-13 ta’ Lulju 2004, AVEX vs UASI – Ahlers (a), T‑115/02, Ġabra p. II‑2907, punt 30].

41      Il-prinċipju ta’ awtonomija tas-sistema Komunitarja japplika a fortiori f’sitwazzjonijiet bħal dik ta’ dan il-każ, peress li s-sentenza ta’ l-Audiencia Provincial de Séville mhijiex ibbażata fuq regoli analogi għal dawk tar-Regolament Nru 40/94, iżda fuq liġi dwar il-kompetizzjoni żleali.

42      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 55(3) tar-Regolament Nru 40/94 huwa eċċezzjoni għall-prinċipju msemmi iktar’il fuq. Issa, din id-dispożizzjoni tipprevedi biss li l-UASI għandu jqis bħala inammissibbli applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja diġà rreġistrata meta applikazzjoni li għandha l-istess materja, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ir-revoka ta’ l-imsemmija trade mark Komunitarja, u l-istess kawża tkun ġiet deċiża bejn l-istess partijiet minn qorti nazzjonali, u din id-deċiżjoni tkun saret res judicata.

43      B’hekk, din id-dispożizzjoni ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, li ma jikkonsistix f’applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u ma tressaqx quddiem l-UASI, iżda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

44      Fl-aħħar, għandu jingħad, b’mod abbondanti ħafna, li kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, il-kawża deċiża mill-Audiencia Provincial de Séville fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1997 m’għandhiex l-istess kawża u lanqas l-istess materja bħal dawk f’din il-kawża. Fir-rigward tal-kawża, il-każ kien jirrigwarda l-ksur tal-liġi Spanjola dwar il-kompetizzjoni żleali, filwaqt li f’din il-kawża, il-kwistjoni tirrigwarda r-Regolament Nru 40/94. Fir-rigward tal-materja tal-kawża msemmija, għandu jingħad li s-sentenza ta’ l-Audiencia Provincial de Séville essenzjalment kienet ibbażata fuq sentenza tat-Tribunal Supremo ta’ l-10 ta’ Ġunju 1987 li ma kinitx ikkonstatat il-kompatibbiltà tat-trade mark Carbonell mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Din is-sentenza tat-Tribunal Supremo kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ trade mark ta’ l-intervenjenti, li kienet tixbah ħafna lit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, mat-trade mark La española, li tappartjeni lir-rikorrenti, irreġistrata għal “prodotti tal-laħam” taħt il-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza. B’hekk, ma tistà tiġi kkonstatata ebda kawża identika peress li t-trade marks in kwistjoni kienu differenti minn dawk konfliġġenti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

45      B’hekk, din l-eċċezzjoni ta’ inamissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

46      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi għall-annullament, ibbżati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minn naħa, u fuq l-obbligu ta’ l-evalwazzjoni tal-provi tal-popolarità tat-trade mark preċedenti, min-naħa l-oħra.

 Osservazzjonijiet preliminari

47      Hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tad-dritt ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti. Din tqis li dawn għandhom jinkludu mhux biss ir-reġistrazzjonijiet, Spanjoli u Komunitarji, li ttieħdu in kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u mill-Bord ta’ l-Appell, iżda wkoll ir-reġistrazzjonijiet l-oħra li hija invokat. L-UASI u l-intervenjenti ma jaqblux ma dan l-argument u jgħidu li peress li d-data ta’ meta saret ir-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 338681 tar-rikorrenti kienet wara dik tat-trade mark Komunitarja li saret l-applikazzjoni għaliha, il-Bord ta’ l-Appell ma kellux jeħodha in kunsiderazzjoni.

48      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-kwistjoni mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija essenzjalment ibbażata fuq in-nuqqas ta’ xebh bejn l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell u dak tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Issa, l-element figurattiv tat-trade mark Carbonell huwa identiku fir-reġistrazzjonijiet kollha invokati mir-rikorrenti, kemm f’dawk meħuda in kunsiderazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell kif ukoll f’dawk li huwa eskluda.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

49      Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi ma tiħux in kunsiderazzjoni la l-fatt li t-trade marks konfliġġenti jixxiebhu globalment ma’ l-ewwel ħarsa u, għalhekk, kapaċi li joħolqu konfużjoni fis-suq, u lanqas il-fatt li l-prodotti li huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma identiċi għall-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti.

50      F’dak li jirrigwarda x-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, ir-rikorrenti tindika, primarjament, li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata kkonkluda li dawn il-prodotti kienu parzjalment identiċi (żjut u xaħmijiet li jittieklu), parzjalment jixxiebhu ħafna [melħ, mustarda, ħall, zlazi (kondimenti), ħwawar] u, għall-bqija prodotti distinti. Hija ssostni li, b’kunsiderazzjoni, min-naħa waħda, tar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti magħmula mill-intervenjenti fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 1999, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark La española ġiet miċħuda għall-prodotti tal-Klassi 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza, il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma identiċi għal dawk ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti tagħha, peress li ż-żejt taż-żebbuġ (Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza) kopert mit-trade mark Carbonell jidher fost iż-“żjut u xaħmijiet li jittieklu” imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Ir-rikorrenti ssostni li bħala konsegwenza, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza skond liema, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, xebh zgħir bejn is-sinjali jista’ jiġi kkumpensat minn identiċità tal-prodotti koperti minn dawn it-trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Marca Mode, C‑425/98, Ġabra p. I‑4861, punt 40).

51      It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi viżiva tat-trade marks konfliġġenti meta kkunsidra li l-element figurattiv kien distintiv b’mod dgħajjef u billi attribwixxa iktar importanza lill-element verbali. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell kellu qabel kollox jibbaża l-evalwazzjoni komparattiva tiegħu fuq ix-xebh li għandhom l-elementi figurattivi li jikkostitwixxu l-elementi dominanti tat-trade marks konfliġġenti.

52      B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-użu ta’ disinn bħal dak tat-trade mark preċedenti mhuwiex neċessarju u lanqas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġ. Differentement mir-rappreżentazzjoni ta’ siġar taż-żebbuġ jew ta’ żebbuġ, l-immaġini ta’ mara, fuq quddiem, liebsa b’mod apparentement tradizzjonali mhijiex komuni. F’dan ir-rigward, hija ppreżentat dikjarazzjoni notarili li tawtentika inkartament fotografiku fuq it-trade marks ta’ żjut taż-żebbuġ ikkummerċjalizzati fit-territorju Spanjol u li flimkien għandhom 95% ta’ dan is-suq, minn liema jirriżulta li l-ebda tikketta mwaħħla fuq dawn il-prodotti ma tirrappreżenta mara, bl-eċċezzjoni tat-trade marks konfliġġenti.

53      Ir-rikorrenti tirrileva li, min-naħa l-oħra, il-kliem “la española” m’għandhom l-ebda karattru distintiv. Hija tenfasizza li l-kliem “España” u “española” huma użati b’mod frekwenti u li s-sinjifikat tagħhom huwa familjari, anki għal dawk li ma jafux il-lingwa Spanjola. Għal dawk il-pajjiżi li ma jużawx il-lingwa Spanjola, il-kliem “la española” jinftiehem bħala deskrittiv ta’ l-oriġini ġeografika tal-prodotti.

54      Ir-rikorrenti tindika wkoll li l-Bord ta’ l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju jara t-trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jagħmilx evalwazzjoni tad-dettalji differenti tagħha. Hija tenfasizza li l-konsumatur jixtri l-prodotti tiegħu, fil-maġġorparti tal-każijiet, mis-supermarkits, fejn dan il-prodott huwa ppakjat fuq xkafef, direttament aċċessibbli mill-pubbliku li m’għandux jitlob għalihom. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-konsumatur ma jitlifx ħafna żmien bejn ix-xirjiet suċċessivi li jsiru f’postijiet differenti ta’ l-istess ħanut. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-att tax-xiri huwa ta’ natura kbira ħafna, mingħajr riflessjoni u mingħajr ħsieb, miżjud mill-fatt li l-prodotti huma miġbura fl-istess post, liema ħaġa tkabbar il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, il-konsumatur ikun mill-bidu dirett minn impressjoni iktar milli minn paragun dirett tat-trade marks differenti. Huwa jkun ġeneralment inqas attent mill-konsumatur speċjalizzat. Minn dan, ir-rikorrenti tasal għall-konklużjoni li l-impatt viżiv tat-tikketta li fuqha hija stampata t-trade mark hija determinanti fl-għażla tal-prodott.

55      It-tielet nett, ir-rikorrenti telenka sittax-il korrispondenza bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

56      Ir-rikorrenti tosserva li dawn il-koinċidenzi bejn iż-żewġ disinni jagħtu impressjoni globali simili ħafna fuq il-livell viżiv. Konsegwentement, anki jekk il-konsumatur medju jkun kapaċi jinnota ċerti differenzi bejn iż-żewġ sinjali, il-probabbiltà li tiġi stabbilita rabta bejn iż-żewġ trade marks tkun waħda reali.

57      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tindika li, minħabba x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, il-pubbliku jista’ jaħseb li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija sempliċi varjazzjoni tat-trade mark Carbonell. Hija tosserva li, skond il-ġurisprudenza, huwa possibbli li impriża tagħmel użu minn trade marks sekondarji derivanti minn trade mark prinċipali u jaqsmu magħha element dominanti komuni, sabiex issir distinzjoni bejn id-diversi linji ta’ produzzjoni tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI – Flabesa (CONFORTFLEX), T‑10/03, Ġabra p. II‑719, punt 61]. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li hija tikkummerċjalizza diversi firxiet ta’ żejt taż-żebbuġ, identifikati mill-istess disinn iżda li huma differenzjati minn xulxin permezz ta’ ismijiet differenti bħal “carbonell”, “fontana”, “finoliva”, “sotoliva” u “mezquita”.

58      Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li l-immaġini li hija tuża hija essenzjali għal Carbonell, għaliex din tippermetti lill-konsumatur jidentifika b’mod awtomatiku l-oriġini tal-prodotti tagħha, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stampat l-isem “carbonell”.

59      L-UASI jammetti li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta ma ħax in kunsiderazzjoni l-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Huwa jirrikonoxxi li ż-żejt taż-żebbuġ (prodott kopert mit-trade mark preċedenti) huwa prodott identiku għaż-żjut u x-xaħmijiet ta’ l-ikel li huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, meta dawn ta’ l-aħħar jirrigwardaw iż-żejt taż-żebbuġ. Madankollu, l-UASI u l-intervenjenti jqisu li tali żball ma kellux effett fundamentali fuq id-deċiżjoni kkontestata peress li din ta’ l-aħħar tibbaża ċ-ċaħda ta’ l-oppożizzjoni fuq in-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti u mhux fuq il-fatt li l-prodotti in kwistjoni ma kinux la identiċi u lanqas jixxiebhu. L-intervenjenti żżid li l-ebda konsegwenza m’għandha tinħareġ mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-prodotti l-oħra, peress li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, bħall-Bord ta’ l-Appell, dejjem irrikonoxxew li l-prodotti kienu parzjalment identiċi.

60      L-UASI jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tgħid li s-sinjali konfliġġenti joħolqu impressjoni viżiva differenti.

61      L-UASI u l-intervenjenti jqisu li f’din il-kawża għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza li tgħid li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, tal-ħoss jew tal-kunċett tat-trade marks in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minn dawn, billi b’mod partikolari jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25). L-UASI jqis li l-evalwazzjonijiet tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni fuq l-impressjoni sħiħa li s-sinjali konfliġġenti jagħtu lill-konsumatur, li ġew ikkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell, huma konformi mal-ġurisprudenza. Fil-fatt, dawn jieħdu in kunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-elementi figurattivi jistgħu jkunu mqabbla mal-prodott u, b’hekk, ikollhom influwenza iżgħar fuq il-perċezzjoni tas-sinjal.

62      L-UASI jammetti li l-immaġini ta’ mara bilqiegħda, liebsa kostum tradizzjonali, tista’ tkun distintiva għall-prodotti in kwistjoni. Madankollu, huwa jikkunsidra li, f’dan il-każ, l-elementi figurattivi komuni għaż-żewġ sinjali konfliġġenti mgħandhomx saħħa distintiva partikolari. F’dan ir-rigward, huwa jgħid li kompetitur wieħed ma jistax ikollu dritt esklużiv tar-rappreżentazzjoni ta’ sfond fil-kampanja b’siġar taż-żebbuġ (kif ukoll il-kombinazzjoni tal-kuluri użati għal dan l-isfond), peress li din hija marbuta ħafna mal-prodott li hija tkopri (iż-żejt taż-żebbuġ) u ma’ l-oriġini tiegħu. Bl-istess mod, l-idea li tiġi rrappreżentata mara ma tistax tiġi approprjata. L-intervenjenti tindika, min-naħa tagħha, li l-elementi figurattivi komuni għat-trade marks konfliġġenti, jirrigwardaw oġġetti ġeneriċi jew kategoriji ġenerali ta’ oġġetti li għandhom kapaċità distintiva dgħajfa.

63      L-intervenjenti tikkritika l-valur ta’ prova ta’ l-att notarili ppreżentat mir-rikorrenti sabiex turi li l-ebda trade mark taż-żejt taż-żebbuġ ikkummerċjalizzata fuq it-territorju Spanjol ma tirrappreżenta mara. Bħala kontra-eżempji, din issemmi trade marks oħrajn li jużaw l-immaġini ta’ mara liebsa libsa wiesgħa, jew b’kostum ta’ żingara, u tippreżenta diversi dokumenti f’dan ir-rigward.

64      F’dan il-każ, l-UASI jqis li l-element verbali tas-sinjali in kwistjoni għandu rwol importanti ħafna fl-impressjoni viżiva li huma jipproduċu, u li huwa evidenti li l-elementi “la española” u “carbonell” huma differenti ħafna viżwalment.

65      Għalkemm l-UASI jammetti li l-espressjoni “la española” minnha nnifisha mhijiex distintiva ħafna, huwa jikkontesta li huwa inutli li din tittieħed in kunsiderazzjoni fil-paragun tas-sinjali konfliġġenti, kif issostni r-rikorrenti. B’hekk, skond l-UASI, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fil-preżenza ta’ trade marks kumplessi magħmula minn elementi figurattivi u verbali, dan ta’ l-aħħar ġeneralment għandu importanza kbira ħafna, għaliex huwa iktar faċilment memorizzat mill-konsumatur u huwa inqas ambigwu fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tat-trade mark u tal-komunikazzjoni lil terzi persuni. L-intervenjenti tippreċiża, min-naħa tagħha, li l-karattru ġeneralment predominanti ta’ l-element verbali huwa dovut għall-fatt li l-konsumatur jidentifika t-trade marks kumplessi minn isimhom, speċjalment meta l-konsumatur jitlobhom oralment, u għaliex l-element figurattiv huwa, f’ċerti każijiet, inutli, bħal fil-kuntest tar-reklami fuq ir-radju.

66      L-intervenjenti tikkonferma l-evalwazzjoni skond liema l-kliem “la española” u “carbonell” huma dominanti. Fir-rigward ta’ l-ewwel waħda, hija żżid li din id-dominanza hija mkabbra mill-popolarità tat-trade mark La española.

67      L-UASI, sostnut mill-intervenjenti, jikkonstata li bejn is-sinjali in kwistjoni jeżistu differenzi kbar ta’ aspett ġenerali tal-mara fl-immaġini, kemm mill-pożizzjoni tagħha, mill-ħwejjeġ tagħha u l-fattizzi ta’ wiċċha, kif ukoll mill-fatt li, fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, il-mara żżomm vażun f’idejha, filwaqt li t-trade mark Carbonell tirrappreżentaha b’idejha’l fuq u żżomm ma’ fergħa ta’ siġra taż-żebbuġ. Bl-istess mod, josserva li fit-trade mark preċedenti, il-mara qiegħda bilqiegħda fuq ħajt baxx li fuqhu jinsabu żewġ kontenituri f’imballaġġ u preżentazzjoni tradizzjonali, filwaqt li d-disinn tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma jurix l-oġġett li fuqu l-mara tinsab bilqiegħda.

68      Fl-aħħar, fuq il-livell kunċettwali, l-UASI jindika li l-konsumatur jipperċepixxi t-terminu “carbonell” bħala isem ta’ familja, filwaqt li l-element figurattiv joħloqlu assoċjazzjoni ma’ l-oriġini naturali u tradizzjonali tal-prodott. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, kemm l-element figurattiv stess kif ukoll l-isem “la española” għandhom joħolqu, f’moħħ il-pubbliku, assoċjazzjoni evidenti ma’ l-oriġini naturali u ġeografika tal-prodott. Minn dan, l-UASI jasal għall-konklużjoni li bejn is-sinjali in kwistjoni teżisti rabta li tista’ tiġi ddefinita bħala referenza għall-oriġini naturali tal-prodotti. Huwa jippreċiża li tali rabta hija sempliċement marbuta mal-karatteristiċi jew mal-kwalità tal-prodotti u mhux ma’ l-oriġini kummerċjali tagħhom.

69      Minn dan, l-UASI jasal għall-konklużjoni li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq l-ebda żball matul l-evalwazzjoni tiegħu tal-paragun tas-sinjali li wasslitu biex jikkonstata li dawn is-sinjali ma kienu la identiċi u lanqas jixxiebhu u li, b’hekk ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C‑106/03 P, Ġabra p. I‑9573, punti 53 u 54). L-UASI jżid li, għall-istess raġuni, il-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi ma japplikax f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

70      Qabel kollox, għandu jingħad li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell jikkonstata (punt 17) li l-prodotti koperti mit-trade mark Carbonell u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienu parzjalment identiċi (żjut u xaħmijiet li jittieklu, li jaqgħu fil-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza), parzjalment jixxiebhu ħafna [melħ, mustarda, ħall, zlazi (kondimenti), ħwawar, prodotti tal-Klassi 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza] u, għall-bqija, prodotti distinti.

71      Madankollu, kif ġustament qalet ir-rikorrenti u kif l-UASI kif ukoll l-intervenjenti ammettew waqt is-seduta, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell kien imissu llimita ruħu biex jikkonkludi favur l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade mark Carbonell ma’ dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, meta dawn ta’ l-aħħar jirrigwardaw iż-żejt taż-żebbuġ u fir-rigward tax-xebh kbir ħafna bejn il-prodotti koperti mit-trade mark Carbonell u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, meta dawn ta’ l-aħħar jirrigwardaw ix-xaħmijiet li jittieklu l-oħrajn. Fil-fatt, din il-konlużjoni hija neċessarja minħabba, minn naħa, ir-restrizzjoni tal-lista ta’ prodotti magħmula fl-ittra ta’ l-intervenjenti tad-29 ta’ Settembru 1999 u, min-naħa l-oħra, minħabba d-deċiżjoni adottata mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tat-22 ta’ Frar 2000 fil-kuntest ta’ l-ewwel proċedimenti ta’ oppożizzjoni li fihom din irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark La española għall-prodotti fil-Klassi 30 skond il-Ftehim ta’ Nizza, ikkonfermata mid-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell tas-17 ta’ Frar 2003.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta ma ħax in kunsiderazzjoni l-ġurisprudenza skond liema, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, xebh żgħir bejn is-sinjali jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn il-prodotti (sentenzi Canon, iċċitata iktar’il fuq, punt 17, u Marca Mode, iċċitata iktar’il fuq, punt 40).

73      Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell wasal għall-konklużjoni li ma kien jeżisti l-ebda xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, peress li l-elementi figurattivi tagħhom għandhom karattru distintiv dgħajjef għaż-żejt taż-żebbuġ u l-paragun ta’ l-elementi verbali tagħhom, li kienu kompletament differenti, akkwista b’hekk importanza kbira ħafna. Din hija r-raġuni għalfejn il-Bord ta’ l-Appell, mingħajr ma applika l-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq, iddeċieda li kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti kienet eskluża.

74      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina suċċessivament il-konklużjonijiet relattivi għall-karattru distintiv dgħajjef ta’ l-elementi figurattivi, għall-karattru dominanti ta’ l-elementi verbali u għax-xebh u għall-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

–       Fuq il-karattru distintiv ta’ l-elementi figurattivi

75      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell jillimita ruħu biex jirrileva, sabiex isaħħaħ il-konklużjoni tiegħu dwar il-karattru distintiv dgħajjef ta’ l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti, li dawn essenzjalment jikkonsistu f’persuna bilqiegħda f’kuntest ta’ kampanja u, b’mod iktar preċiż, fi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ. Din l-evalwazzjoni konċiża għandha tinqara fis-sens li l-Bord ta’ l-Appell jadotta l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni skond liema l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti għandhom karattru distintiv żgħir, peress li huma komuni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġ (punt 9, it-tielet inċiż, tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ma pprovda l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li r-rappreżentazzjoni kkontestata kienet komuni fis-settur taż-żejt taż-żebbuġ u ma ċċita l-ebda trade mark, minbarra dawk konfliġġenti, li għandha element figurattiv li jixbah lil dak ta’ dawn it-trade marks.

77      Min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjoni notarili li tawtentika inkartament fotografiku li jikkontjeni t-trade marks taż-żejt taż-żebbuġ ikkummerċjalizzati fit-territorju Spanjol u li flimkien għandhom 95% tas-suq ipprovdut mir-rikorrenti, jirriżulta li l-ebda waħda minn dawn it-trade marks ma tuża r-rappreżentazzjoni ta’ mara, bl-eċċezzjoni tat-trade marks konfliġġenti. La l-UASI u lanqas l-intervenjenti ma kkontestaw il-veriċità ta’ dan id-dokument. Madankollu, waqt is-seduta, l-UASI kkontesta l-ammissibbiltà tagħha minħabba li ma kellhiex tiġi ppreżentata fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Id-dokument ġie ppreżentat flimkien mar-rikors kif jirrikjedi l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura u huwa proprju intiż sabiex juri li l-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, relattiva għall-karattru komuni ta’ l-elementi figurattivi in kwistjoni ma kinitx korretta. Għaldaqstant, dan huwa ammissibbli.

78      L-argument ta’ l-intervenjenti, ibbażat fuq il-fatt li trade marks Spanjoli oħrajn taż-żejt taż-żebbuġ jużaw l-immaġini ta’ mara, u skond liema r-rappreżentazzjoni in kwistjoni hija komuni fost it-trade marks Spanjoli taż-żejt taż-żebbuġ ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, mill-evalwazzjoni ta’ dawn it-trade marks jirriżulta li r-rappreżentazzjoni tal-mara li dawn jużaw hija differenti ħafna minn dawk tat-trade marks konfliġġenti. Barra minn hekk, dawn it-trade marks mhumiex rappreżentattivi ħafna tas-suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġ. L-ebda waħda minn dawn it-trade marks ma tidher fl-uniku dokument ippreżentat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li juri d-diffużjoni tad-diversi trade marks taż-żejt taż-żebbuġ fi Spanja, jiġifieri, ir-rapport tal-kumpannija ta’ l-istudji tas-suq AC Nielsen Company SL tat-18 ta’ Awwissu 2004, li l-veraċità tiegħu ma ġietx ikkontestata minn l-ebda waħda mill-partijiet.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jingħad li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta fid-deċiżjoni kkontestata qies li l-element figurattiv tat-trade marks konfliġġenti kien komuni fis-suq Spanjol taż-żejt taż-żebbuġ.

80      Madankollu, l-UASI jqis li r-raġuni għaliex il-Bord ta’ l-Appell iddeċieda li l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti kellhom karattru distintiv dgħajjef, ma kinitx l-eżistenza ta’ trade marks simili f’dan is-suq, iżda l-istess raġuni għalfejn huwa kien ikkonkluda li kien hemm rabta kunċettwali dgħajfa bejn it-trade marks konfliġġenti, jiġifieri, li l-elementi figurattivi tagħhom kienu marbuta man-natura u l-oriġini agrikola tal-prodotti koperti (punt 9, ir-raba’ inċiż, tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, f’dawn l-elementi, il-konsumatur medju ma jarax indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti msemmija, iżda allużjoni għall-iżvilupp naturali u tradizzjonali tiegħu.

81      Anki kieku kellu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi interpretata fis-sens indikat mill-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tilqa` l-argument tiegħu.

82      Fl-ewwel lok, għalkemm huwa possibbli li jitqies li r-rappreżentazzjoni ta’ ġnien bis-siġar taż-żebbuġ jagħmel riferenza għal element mingħajr dubju marbut maż-żejt taż-żebbuġ, l-istess konklużjoni ma tistax tintlaħaq f’dak li jirrigwarda r-rappreżentazzjoni ta’ persuna bilqiegħda. L-UASI stess jirrikonoxxi, fis-sottomissjonijiet tar-risposta tiegħu (punt 50), li l-immaġini ta’ mara bilqiegħda, b’kostum tradizzjonali, tista’ tkun distintiva għall-prodotti in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li m’hemm l-ebda raġuni li jiġi konkluż li l-immaġini ta’ mara bilqiegħda tagħmel referenza, f’ għajnejn il-konsumatur medju, għall-oriġini naturali u tradizzjonali ta’ prodott għajr milli għall-oriġini kummerċjali tiegħu.

83      Madankollu, l-UASI jsostni li kompetitur wieħed biss ma jistax jieħu l-esklużività tar-rappreżentazzjoni ta’ mara. Il-kwistjoni dwar jekk l-elementi koperti minn trade mark għandhomx ikunu jistgħu jiġu użati liberament minn kompetituri oħra ma tiffurmax parti mill-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ l-element figurattiv ta’ trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punt 36). L-unika kwistjoni rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni hija dik jekk is-sinjal analizzat huwiex distintiv jew le, għal liema kwistjoni, fir-rigward tal-mara bilqiegħda, l-UASI diġà rrisponda fl-affermattiv.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti m’għandhiex l-intenzjoni li tapproprja, fl-astratt, kull rappreżentazzjoni ta’ ġnien bis-siġar taż-żebbuġ u lanqas kull rappreżentazzjoni ta’ mara. Hija trid l-esklużività fuq rappreżentazzjoni konkreta, li tagħmel parti mit-trade mark tagħha, mill-għaqda ta’ dawn iż-żewġ elementi. B’hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-użu mill-intervenjenti tar-rappreżentazzjoni ta’ mara fit-trade mark tagħha, iżda tikkontesta l-użu ta’ rappreżentazzjoni li hija tqis li tixbah b’mod eċċessiv lir-rappreżentazzjoni tagħha.

85      Fit-tieni lok, għandu jingħad li, fir-rigward ta’ l-element figurattiv ta’ trade mark, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha tista’ ssir, parzjalment, għal kull waħda mill-kliem tagħha jew mill-komponenti tagħha, meħuda separatament, iżda għandha f’kull każ tiddependi minn evalwazzjoni tal-ħaġa sħiħa li huma jiffurmaw. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza biss li kull waħda mill-komponenti, meħuda separatament, hija nieqsa minn karattru distintiv, ma teskludix il-fatt li l-kombinazzjoni li dawn il-komponenti jiffurmaw flimkien jista’ jkollha karattru distintiv (ara, b’analoġija, sentenza SAT.1 vs UASI, iċċitata iktar’ il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      L-UASI u l-intervenjenti jagħmlu evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ l-element figurattiv tat-trade marks konfliġġenti billi jibbażaw ruħhom fuq analiżi separata ta’ kull waħda mill-komponenti – b’mod partikolari r-rappreżentazzjoni ta’ ġnien bis-siġar taż-żebbuġ u dik ta’ mara bilqiegħda, kif ukoll ta’ l-elementi aċċessorji tat-trade marks konfliġġenti, bħall kwadru l-aħmar u l-ispazji użati għall-partijiet denominattivi kif ukoll il-forom tagħhom – mingħajr ma jikkunsidraw il-fatt li xi komponenti, li waħedhom m’għandhom l-ebda karattru distintiv, jista` jkollhom tali karattru ladarba jiġu magħquda flimkien.

87      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat meta fid-deċiżjoni kkontestata ddeċieda li t-trade marks konfliġġenti kellhom karattru distintiv dgħajjef.

–       Fuq il-karattru dominanti tal-partijiet verbali

88      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell jippreċiża li l-paragun ta’ l-element verbali tat-trade marks konfliġġenti jakkwista f’dan il-każ importanza primarja minħabba l-karattru distintiv dgħajjef ta’ l-elementi figurattivi tat-trade marks imsemmija, anki jekk l-element verbali tat-trade mark La Española minnha nnifisha hija distintiva b’mod dgħajjef.

89      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija żbaljata.

90      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta fid-deċiżjoni kkontestata kkonkluda li l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti kellhom karattru distintiv dgħajjef. Għaldaqstant, il-paragun ta’ l-elementi verbali ma jistax isir abbażi ta’ din l-evalwazzjoni.

91      Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza stabbilixxiet li, f’sitwazzjonijiet fejn l-element verbali ta’ trade mark kumplessa jkollu pożizzjoni ekwivalenti meta mqabbel ma’ l-element figurattiv, dan ta’ l-aħħar ma jistax jiġi kkunsidrat, fuq il-livell viżiv, bħala sekondarju meta mqabbel mal-komponent l-ieħor tas-sinjal (ara, b’analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punt 53). Dan għandu japplika a fortiori f’sitwazzjonijiet fejn l-element figurattiv għandu pożizzjoni ħafna iktar importanti, f’termini ta’ superfiċi, mill-element verbali.

92      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-element verbali “la española” għandu biss karattru distintiv dgħajjef ħafna. Din il-kelma hija komunement użata fi Spanja u hija mifhuma bħala deskrittiva ta’ l-oriġini ġeografika tal-prodotti. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn sentenza tat-Tribunal Supremo ta’ l-10 ta’ Ġunju 1987, annessa fl-inkartament mill-intervenjenti, l-element verbali “la española” jinsab f’madwar 100 trade mark fi Spanja, minn liema iktar minn tnax jinsabu fil-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza. L-intervenjenti stess, fil-kuntest ta’ l-ewwel proċedimenti ta’ oppożizzjoni, osservat quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni (ara d-Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni Nru 259/2000, tat-22 ta’ Frar 2000, paġna 3, l-aħħar paragrafu u paġna 5 l-aħħar paragrafu) u quddiem il-Bord ta’ l-Appell (ara d-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI R 326/2000-4, tas-17 ta’ Frar ta’ l-2003, paġna 4, it-tielet u r-raba’ subparagrafu), li t-terminu “la española” kien sar terminu użat abitwalment fil-lingwa komuni, li kellu karattru distintiv dgħajjef, u li kien jikkostitwixxi riferenza komuni fis-settur.

93      L-UASI stess adotta, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni oħrajn, pożizzjoni kontra dik li qiegħed jadotta fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti. B’hekk, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, fid-Deċiżjoni tagħha Nru 259/2000, tat-22 ta’ Frar 2000 (paġna 6, il-ħames paragrafu), ikkonfermata mir-Raba’ Bord ta’ l-Appell (Deċiżjoni R 326/2000-4, tas-17 ta’ Frar ta’ l-2003), fil-kuntest ta’ l-ewwel proċedimenti ta’ oppożizzjoni u fid-Deċiżjoni Nru 843/2000, tas-27 ta’ April 2000 (paġna 6, ir-raba’ paragrafu), ikkonkludiet li l-espressjoni “la española” kellha biss saħħa distintiva dgħajfa, għaliex din kienet tikkostitwixxi denominazzjoni komuni fis-settur alimentari, u kienet timplika referenza għall-oriġini ġeografika tal-prodotti. Bl-istess mod, u kuntrarjament għal dak li qed jingħad f’dan il-każ, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ddeċidiet, fid-Deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ Frar 2000, li peress li l-element komuni għaż-żewġ trade marks ma kienx distintiv ħafna, l-attenzjoni tal-konsumatur mhux ser tkun miġbuda mit-terminu “la española”, iżda mill-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

–       Fuq ix-xebh tat-trade marks u l-probabbiltà ta’ konfużjoni

94      Il-Bord ta’ l-Appell iqis li l-impressjoni viżiva globali maħluqa mit-trade marks in kwistjoni hija differenti u, bħala konsegwenza, l-evalwazzjoni globali tagħhom ma tirriżulta fl-ebda xebh bejniethom, liema fatt jeskludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

95      Għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1)(b) ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, p. 1) li l-kontenut leġiżlattiv tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija magħmula mill-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament (sentenzi Canon, iċċitata iktar’ il fuq, punt 29, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 17). Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment, bit-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ (sentenzi SABEL, iċċitata iktar’ il fuq, punt 22; Canon, iċċitata iktar’ il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 18).

96      Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh tat-trade marks u x-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti. B’hekk, grad dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad ogħli ta’ xebh bejn it-trade marks u bil-kontra (sentenzi Canon, iċċitata iktar’ il fuq, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 19).

97      Mill-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi jirriżulta wkoll li grad ogħli ta’ xebh bejn it-trade marks huwa msaħħaħ minn grad għoli ta’ xebh bejn il-prodotti koperti jew, a fortiori, mill-identiċità ta’ dawn il-prodotti.

98      Għandu jiġi mfakkar ukoll li skond il-ġurisprudenza, żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, teżisti bejniethom ugwaljanza almenu parzjali f’dak li jikkonċerna aspett, jew diversi aspetti rilevanti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 30, u tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI – Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, Ġabra p. II-2699, punt 91].

99      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, tal-ħoss jew tal-kunċett tat-trade marks in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa maħluqa minnhom, b’teħid in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, kif ukoll tal-fatt li l-konsumatur medju normalment jara trade mark bħala ħaġa waħda u ma jagħmilx evalwazzjoni tad-dettalji differenti tagħha (sentenzi SABEL, iċċitata iktar’ il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 25).

100    Fir-rigward tal-livell viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li ż-żewġ trade marks konfliġġenti għandhom pluralità wiesgħa ta’ elementi komuni bejniethom, jiġifieri:

–        għandhom tikketta rettangolari, vertikali u regolari, ta’ daqs identiku u jinkludu burdura ħamra bil-ponot tondi mat-tarf;

–        għandhom l-istampa ta’ mara bilqiegħda fuq quddiem, fuq l-assi vertikali tat-tikketta, li l-ħwejjeġ tagħhom għandhom kulur li jixxiebah, it-tnejn li huma lebsin dublett, qmis bajda u xalpa ħamra imqattgħa fit-truf;

–        iż-żewġ nisa rrappreżentati għandhom xagħarhom miġbur, bi fjura wara widinthom il-leminija u pettne ornamentali;

–        iż-żewġ nisa rrappreżentati għandhom dirgħajhom mikxufin, rashom lejn ix-xellug u huma bilqiegħeda fuq ħajt ta’ kulur skur;

–        hemm zokk ta’ siġra taż-żebbuġ fuq quddiem, viċin ir-ras taż-żewġ nisa rrappreżentati;

–        hemm spazju fejn jiġi miżjud l-isem tal-prodott fil-parti ta’ fuq, li għandha forma mdawra lejn in-naħa ta’ barra tat-tikketta u konvessa lejn in-naħa ta’ ġewwa;

–        id-denominazzjoni tat-trade mark tidher fi kwadru abjad, fuq sfond aħmar, imqiegħed fil-parti t’ isfel tat-tikketta;

–        il-forma ta’ dan il-kwadru hija ċatta lejn il-parti t’ isfel tat-tikketta u konvessa lejn in-naħa ta’ ġewwa tagħha;

–        id-denominazzjoni tat-trade mark tidher b’ittri bojod ta’ l-istess daqs, fuq l-isfond aħmar tal-kwardu;

–        ġnien bis-siġar taż-żebbuġ irrappreżentat bl-istess firxa ta’ kuluri, li l-orizzont tiegħu jokkupa parti ekwivalenti, huwa rrappreżentat wara l-mara.

101    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li x-xebh ta’ l-elementi figurattivi in kwistjoni, kemm fuq il-livell tal-kuluri kif ukoll fuq dak tad-disinn, huma iktar importanti mid-differenzi ż-żgħar, li fil-fatt jidhru biss wara evalwazzjoni dettaljata u eżawrjenti.

102    Fir-rigward tal-veduta kunċettwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell stess (punti 9 u 19) iqis li teżisti rabta kunċettwali bejn it-trade marks konfliġġenti, għalkemm dgħajfa, marbuta man-natura u l-oriġini tal-prodotti protetti.

103    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-elementi komuni għaż-żewġ trade marks in kwistjoni kkunsidrati flimkien joħolqu impressjoni viżiva globali ta’ xebh kbir, peress li t-trade mark La Española tirriproduċi bi preċiżjoni kbira l-essenzjal tal-messaġġ u l-impressjoni viżiva maħluqa mit-trade mark Carbonell: il-mara liebsa libsa tradizzjonali, bilqiegħda b’ċertu mod, viċin fergħa ta’ siġra taż-żebbuġ, bi ġnien bis-siġar taż-żebbuġ fl-isfond, li globalment jinkludu arranġament kważi identiku ta’ l-ispazji, tal-kuluri, tal-postijiet fejn huma miktuba d-denominazzjonijiet u tal-mod kif saret din il-kitba.

104    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din l-impressjoni globali li tixxiebah, b’mod inevitabbli, toħloq fil-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

105    Din il-probabbiltà ta’ konfużjoni mhijiex imnaqqsa mill-eżistenza ta’ l-element verbali differenti, peress li, kif ġie deċiż qabel, l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandu karattru distintiv dgħajjef ħafna, peress li jagħmel riferenza għall-oriġini ġeografika tal-prodott.

106    Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tat-trade marks differenti u għandu jafda fl-impressjoni mhux perfetta li mmemorizza (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 26). Din iċ-ċirkustanza ssaħħaħ ir-rilevanza ta’ l-elementi partikolarment viżibbli u sempliċi li jinftiehmu tat-trade marks in kwistjoni bħal m’huma, f’dan il-każ, l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CONFORFLEX, iċċitata iktar’ il fuq, punt 45).

107    Fit-tieni lok, għandu jingħad li l-perċezzjoni tat-trade mark li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenzi SABEL, iċċitata iktar’ il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 25). Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, iżda l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa suġġett li jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi in kwistjoni (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar’ il fuq, punt 26).

108    Peress li ż-żejt taż-żebbuġ huwa prodott komunement ikkunsmat fi Spanja, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tad-dehra esterna tiegħu mhuwiex għoli ħafna [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2007, Georgia-Pacific vs UASI (Motif gaufré), T‑283/04, Ġabra p. II-3, punt 41].

109    Fit-tielet lok, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, kif qal il-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, iż-żejt taż-żebbuġ f’ħafna mill-każijiet jinxtara mis-supermarkits jew mill-istabbilimenti fejn il-prodotti ta’ trade marks differenti huma ppakjati fuq xkafef. F’dan it-tip ta’ ħanut, kif tgħid ir-rikorrenti, il-konsumatur ma jitlifx ħafna żmien bejn ix-xirjiet suċċessivi li jseħħu f’postijiet differenti tal-ħanut, u ma jitlobx oralment għall-prodoti differenti li jkun qed ifittex, iżda jmur huwa stess lejn l-ixkafef fejn jinsabu dawn il-prodotti, liema fatt għandhu l-konsegwenza li d-differenzi bejn it-trade marks konfliġġenti fuq il-livell fonetiku huma neqsin minn kull rilevanza sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur huwa qabel kollox immexxi minn impressjoni milli minn paragun dirett tat-trade marks differenti, u ta’ spiss ma jaqrax l-indikazzjonijiet kollha miktuba fuq kull kontenitur taż-żejt taż-żebbuġ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-konsumatur jieħu flixkun li t-tikketta tiegħu toħloqlu l-impatt viżiv tat-trade mark li jkun qed ifittex. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-element figurattiv tat-trade marks konfliġġenti li jakkwista iktar importanza, kuntrarjament għal dak li ntqal fid-deċiżjoni kkontestata, liema fatt ikabbar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni.

110    F’dan is-sens, għandu jiġi osservat li meta t-trade marks konfliġġenti huma eżaminati skond id-distanza u l-veloċità li fihom il-konsumatur f’supermarkit kummerċjali jagħmel l-għażla tal-prodotti li jkun qed ifittex, id-differenzi bejn is-sinjali konfliġġenti huma iktar diffiċli biex jinsabu u x-xebh iktar viżibbli, peress li l-konsumatur medju jara t-trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jagħmilx evalwazzjoni tad-dettalji differenti tagħha.

111    Fl-aħħar nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba x-xebh tas-sinjali konfliġġenti u l-fatt li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mhuwiex distintiv ħafna, il-konsumatur jista` jara t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala trade mark sekondarja marbuta mat-trade mark Carbonell li tindika żejt taż-żebbuġ ta’ kwalità differenti minn dik li hija s-suġġett tat-trade mark imsemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CONFORTFLEX, iċċitata iktar’ il fuq, punt 61). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-inkartament, it-trade mark Carbonell, li tinsab fi Spanja sa mill-1904 hija magħrufa għaż-żejt taż-żebbuġ fis-suq Spanjol, u l-immaġini li tuża tidentifika b’mod awtomatiku t-trade mark imsemmija.

112    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jingħad li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta ddeċieda li kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti kienet eskluża (punt 24). Għall-kuntrarju, mill-osservazzjonijiet kollha tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks imsemmija.

113    Konsegwentement, l-ewwel argument rigward il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi milqugħ.

114    Għaldaqstant, mingħajr m’hemm bżonn li jiġi evalwat it-tieni argument, hemm lok li, skond l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u li tiġi mibdula fis-sens li l-appell ippreżentat quddiem il-Bord ta’ l-Appell huwa fondat u, konsegwentement, l-oppożizzjoni għandha tiġi milqugħa.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 136(2) ta’ dawn ir-Regoli, l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Peress illi l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-11 ta’ Mejju 2004 (Kawża R 1109/2000-4) hija mibdula fis-sens li l-appell imressaq mir-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell huwa fondat, u konsegwentement, l-oppożizzjoni għandha tiġi milqugħa.

2)      L-UASI u l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż.

Cooke

García-Valdecasas

Ciucă

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Settembru 2007

E. Coulon

 

      J.D. Cooke

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara n-nullità tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew, jekk ikun il-każ, tordna li tiġi miċħuda

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-portata tal-mandat tar-rappreżentant tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq il-karattru distintiv ta’ l-elementi figurattivi

– Fuq il-karattru dominanti tal-partijiet verbali

– Fuq ix-xebh tat-trade marks u l-probabbiltà ta’ konfużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.