Language of document : ECLI:EU:T:2008:235

Kawża T-266/02

Deutsche Post AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur id-Deutsche Post AG — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għal spejjeż addizzjonali ġġenerati minn politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tat-trasport ta’ pakketti bieb bieb — Nuqqas ta’ vantaġġ”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku assunti minn impriża — Esklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali — Kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-funzjoni ta’ servizz pubbliku — Klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat — Esklużjoni

(Artikoli 86(2) KE u 87(1) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli — Kundizzjoni — Użu minn qabel tas-setgħa li tinħareġ ordni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 5(2), 10(3) u 13(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami tal-ilmenti — Obbligi tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(2) KE)

1.      Sa fejn għajnuna mill-Istat għandha tkun ikkunsidrata bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi mwettqa mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li din l-għajnuna għalhekk m’għandhiex l-effett li tqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi li jikkompetu magħhom, tali għajnuna ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) KE.

Sabiex, f’każ konkret, kumpens bħal dan ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iridu jiġu sodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li l-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha. It-tielet nett, il-kumpens m’għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Ir-raba’ nett, meta l-għażla tal-impriża li għandha tiġi inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ partikolari, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat sabiex tkun tista’ tissodisfa l-eżiġenzi mitluba tas-servizz pubbliku, kien ikollha ssostni sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll il-qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

(ara l-punti 72, 73)

2.      Meta riżorsi ta’ Stat ikunu ngħataw lil impriża bħala kumpens għal spejjeż addizzjonali marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali filwaqt li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet imposti mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark, C-280/00, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma ċċaħħad l-Artikolu 86(2) KE mill-effettività tiegħu, tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ir-riżorsi pubbliċi kollha jew parti minnhom mogħtija jekk l-ammont totali ta’ dawn ir-riżorsi jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-imsemmi twettiq.

(ara l-punt 74)

3.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli meta hija tkun iffaċċjata bi Stat Membru li ma jissodisfax id-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni u li jonqos milli jipprovdilha l-informazzjoni li tkun talbitu sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta ċerti rekwiżiti proċedurali. B’mod partikolari, hija għandha tordna lill-Istat Membru jipprovdilha, f’terminu li hija tistabbilixxi, id-dokumenti, l-informazzjoni u l-fatti kollha meħtieġa sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li din tal-aħħar għandha l-jedd li ttemm il-proċedura u li tieħu d-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-elementi li hija jkollha. Dawn ir-rekwiżiti ġew inklużi u kkonkretizzati fl-Artikolu 5(2), fl-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

(ara l-punt 75)

4.      Il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment, li jista’ jirrendi neċessarju li hija teżamina l-elementi li ma ġewx espressament invokati minn min ressaq l-ilment. Barra minn dan, il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ reali għall-benefiċjarju ta’ għajnuna. Għalhekk, fil-każ ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża inkarigata minn funzjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-informazzjoni li l-Istat Membru li ta l-għajnuna pprovdielha u li kienet intiza sabiex tistabbilixxi n-nuqqas ta’ vantaġġ permezz ta’ riżorsi pubbliċi, u lanqas ma tista’ tikkonkludi li teżisti għajnuna mingħajr ma qabel tivverifika jekk ir-riżorsi pubbliċi tawx vantaġġ lill-benefiċjarju.

(ara l-punt 92)