Language of document : ECLI:EU:F:2011:40

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F-73/09

Viktor Sukup

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni u allowances — Allowance għall-ulied dipendenti — Allowance tal-edukazzjoni — Għoti retroattiv”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu V. Sukup essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li informatu li l-allowance għall-ulied dipendenti u l-allowance tal-edukazzjoni ma setgħux jingħatawlu b’effett retroattiv.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Att li oġġettivament jista’ jitqies li huwa deċiżjoni definittiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti u allowance tal-edukazzjoni — Ħlas retroattiv — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikoli 2 u 3)

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti u allowance tal-edukazzjoni — Ħlas retroattiv wara l-iffissar tad-drittijiet ta’ uffiċjal għall-perijodu inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni negattiva preċedenti — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikoli 2 u 3)

4.      Uffiċjali — Atti tal-amministrazzjoni — Retroattività — Kundizzjonijiet

5.      Uffiċjali — Rikors — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għall-ħlas retroattiv tal-allowances — Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

1.      Anki jekk il-pożizzjoni sfavorevoli li l-amministrazzjoni tadotta wara talba minn uffiċjal dwar il-possibbiltà tal-ħlas retroattiv ta’ allowance fl-ipotesi fejn huwa jitlob il-benefiċċju tagħha hija intiża biss li tiġi eżegwita sussegwentement, hija tista’ titqies bħala li tiffissa l-prinċipju ta’ rifjut ta’ ħlas ta’ allowance retroattiv. Għalhekk, din tidher bħala li tikkawża preġudizzju lill-imsemmi uffiċjal, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk it-talba tiegħu għandhiex titqies bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jew bħala sempliċi talba għal informazzjoni.

(ara l-punt 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il‑Kummissjoni, 17/78, punti 9 sa 12

2.      Anki jekk il-possibbiltà ta’ ħlas retroattiv tal-allowance għall-ulied dipendenti u tal-allowance tal-edukazzjoni ma hijiex espressament prevista mir-Regolamenti tal-Persunal, minn ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżulta li uffiċjal li s-sitwazzjoni tiegħu kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jibbenefika mill-allowances inkwistjoni ma jistax jitlob il-ħlas tagħhom għall-perijodi fil-passat, u lanqas li l-amministrazzjoni tista’ tiċħad din it-talba għar-raġuni biss li din għandha natura retroattiva. Fil-fatt, tali ħlas sempliċement jikkonstata l-konsegwenzi tad-drittijiet li tnisslu mill-mument li fih is-sitwazzjoni tal-uffiċjal kienet tikkorrispondi għar-rekwiżiti previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, fatt li seta’ jseħħ qabel id-data li fiha l-uffiċjal ressaq t-talba tiegħu għall-ħlas tal-allowances inkwistjoni. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ ħlas retroattiv ma hijiex, bħala regola ġenerali, eskluża mir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 59)

3.      Ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux espliċitament li uffiċjal għandu d-dritt għall-ħlas retroattiv tal-allowance għall-ulied dipendenti jew tal-allowance tal-edukazzjoni meta d-drittijiet tiegħu għall-perijodu inkwistjoni jkunu ġew iffissati permezz ta’ deċiżjoni negattiva preċedenti.

Għalhekk, meta l-amministrazzjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti l-benefiċċju tal-allowance għall-ulied dipendenti jew tal-allowance tal-edukazzjoni lil uffiċjal, din id-deċiżjoni tiddetermina d-drittijiet tiegħu sakemm tibqa’ fis-seħħ. L-uffiċjal ma jistax għalhekk jikseb il-ħlas ta’ allowances li jikkorrispondu għal perijodi fil-passat li għalihom id-drittijiet tiegħu huma stabbiliti minn din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 64, 65)

4.      Deċiżjoni li ma tistax tiġi adottata, għal raġunijiet prattiċi, fil-jum stess tad-dħul fis-servizz ta’ uffiċjal għandha neċessarjament portata retroattiva sabiex is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu tiġi ffissata mid-dħul tiegħu fis-servizz.

Tali portata retroattiva — li ma tippreġudika l-ebda dritt miksub qabel mill-uffiċjal — ma tidhirx li hija irregolari meta d-deċiżjoni hija adottata u kkomunikata lill-persuna kkonċernata f’terminu biżżejjed qasir li jibda jiddekorri mid-dħul fis-servizz biex ikun jidher li huwa ġġustifikat mill-imsemmija kunsiderazzjonijiet prattiċi.

(ara l-punti 70, 71)

5.      Uffiċjal li ma jurix li kien ikkonfrontat b’sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma kinux attribwiti lilu li jwaqqfuh milli jressaq f’terminu raġonevoli talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża li ssostni, jew tal-inqas, li tħares id-drittijiet tiegħu fil-qasam tal-allowances, ma jistax jitqies bħala li ressaq it-talba tiegħu f’terminu raġonevoli, jekk il-perijodu li għadda bejn il-mument li fih il-persuna kkonċernata kienet f’pożizzjoni li tinforma lill-amministrazzjoni bid-diffikultajiet li kienet iltaqgħet magħhom u l-mument li fih hija informatha bis-sitwazzjoni tagħha jeċċedi ż-żmien neċessarju biex titħejja din it-talba u biex din titressaq lill-amministrazzjoni.

Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ terminu raġonevoli għat-tressiq tal-imsemmija talba, l-amministrazzjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi akkużata talli opponiet ħlas retroattiv tal-allowances inkwistjoni, mhux biss mid-dħul fis-servizz tal-uffiċjal, iżda wkoll mill-mument li fih ġiet stabbilita l-eżistenza tad-diffikultajiet imsemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 83 sa 85)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 29 ta’ April 2002, Hilden vs Il‑Kummissjoni, T‑70/98, punt 42