Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Jannar 2012 - IDT Biologika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-30/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: IDT Biologika GmbH (Dessau-Roßlau, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Gross u T. Kroupa, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-5 ta' Ottubru 2011 tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tas-Serbja, li permezz tagħha hija, minn naħa, ċaħdet l-offerta li IDT Biologika GmbH ippreżentat għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti bir-referenza EuropAid/130686/C/SUP/RS Re-Launch LOT 1 u li kellha bħala għan il-provvista ta' vaċċin antirabies għall-Ministeru tal-agrikoltura, tal-foresta u tar-riżorsi tal-ilma tar-Repubblika tas-Serbja, benfiċjarja tal-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, tat il-kuntratt inkwistjoni lil konsorzju ta' impriżi mmexxi minn "Biovet a.s.";

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 252(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/0002 , peress li l-offerta li rebħet il-kuntratt ma tissodisfax ir-rekwiżiti tekniċi tad-dokument tas-sejħa għal offerti, kemm fir-rigward tal-kundizzjoni ta' nuqqas ta' virulenza tal-vaċċin għall-bniedem kif ukoll fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa, b'tali mod li din ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni.

Minbarra dan, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-offerta tal-konsorzju mmexxi minn "Biovet a.s." li rebħet il-kuntratt, jikkostitwixxi nuqqas ta' trattament ugwali fuq il-livell ta' paragun tal-prezzijiet, peress li l-offerta tar-rikorrenti hija l-unika waħda li tissodisfa r-rekwiżiti kollha effettivament magħmula fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-proċedura ta' għoti ta' kuntratt, u, għaldaqstant, l-unika waħda fil-proċedura li hija regolari.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).