Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2013 – Pappalardo et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-316/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Salvatore Aniello Pappalardo (Cetara, l-Italja), Pescatori La Tonnara Soc. coop. (Cetara); Fedemar Srl (Cetara); Testa Giuseppe E C. Snc (Catania, l-Italja); Pescatori San Pietro Apostolo Srl (Cetara); Camplone Arnaldo & C. Snc di Camplone Arnaldo EC (Pescara, l-Italja); u Valentino Pesca Sas di Camplone Arnaldo & C. (Pescara) (rappreżentanti: V. Cannizzaro u L. Caroli, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħsara kkawżata mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran, iddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Marzu 2011 mogħtija fil-Kawża C-221/09;

u, konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tad-danni kkawżati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f’din il-kawża jippreċiżaw li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali inkwistjoni hija riżultat ta’ dak ordnat illegalment mill-Kummissjoni, bir-Regolament 530/2008, jiġifieri, il-waqfien obbligatorju tas-sajd għat-tonn mis-16 ta’ Ġunju 2008 għall-bastimenti li huma rreġistrati fil-Greċja, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru u f’Malta, filwaqt li waqfien simili ġie ordnat kontra bastimenti rreġistrati fi Spanja biss mit-23 ta’ Ġunju 2008.

Skont ir-rikorrenti, f’din il-kawża hemm il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għal attività leġiżlattiva, jiġifieri: il-ksur serju ta’ regola li tipproteġi l-individwu, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn tali aġir u d-dannu invokat.

Huwa enfasizzat f’dan ir-rigward li r-Regolament 530/2008 ġie ddikjarat kollu invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u li skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jaqa’ taħt l-ipoteżi ta’ ksur serju ta’ regola superjuri intiża li tipproteġi l-individwi.