Language of document : ECLI:EU:T:2013:601

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Novembru 2013 (*)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta trabixu — Disinn nazzjonali preċedenti — Raġuni għal invalidità — Assenza ta’ karattru individwali — Assenza ta’ impressjoni globali differenti — Utent avżat — Grad ta’ libertà tad-disinjatur — Artikoli 4, 6 u 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑337/12,

El Hogar Perfecto del Siglo XXI, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn C. Ruiz Gallegos u E. Veiga Conde, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Wenf International Advisers Ltd, stabbilita f’Tortola, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. L. Rivas Zurdo, E. Seijo Veiguela u I. Munilla Muñoz, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tal-1 ta’ Ġunju 2012 (Każ R 89/2011‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Wenf International Advisers Ltd u El Hogar Perfecto del Siglo XXI, SL,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, G. Berardis (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2012,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2012,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti, El Hogar Perfecto del Siglo XXI, SL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn, li fir-rigward tiegħu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat” ), huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

3        Id-disinn ikkontestat huwa intiż sabiex jiġi applikat għat-“trabixujiet”, li jaqgħu fil-klassi 07‑06 skont il-Ftehim ta’ Locarno, tat-8 ta’ Ottubru 1968, li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat.

4        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat fl-istess jum tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bin-Numru 000830831‑0001 u ġie ppubblikat fil-Bulletin tad-Disinni Komunitarji Nru 2007/191, tal-14 ta’ Diċembru 2007.

5        Fis-16 ta’ April 2009, l-intervenjenti, Wenf International Advisers Ltd, ressqet quddiem l-UASI talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Ir-raġuni invokata insostenn tat-talba kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdi li disinn Komunitarju għandu jiġi ddikjarat invalidu jekk dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 ta’ dan ir-regolament. Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti sostniet li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid u ma kellux karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament.

6        Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti invokat id-disinn irreġistrat fi Spanja fis-7 ta’ Settembru 1994, bin-Numru 131750, żvelat lill-pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Boletín Oficial de la Propiedad Industrial (Bulletin Uffiċjali Spanjol tal-Proprjetà Industrijali) fis-16 ta’ Ottubru 1994 u li kellu jiġi applikat għal fettieħat ta’ flixkun (iktar ’il quddiem id-“disinn preċedenti”). Id-disinn preċedenti huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

7        Fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minħabba li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali. Hija ppreċiżat li l-impressjoni ġenerali mogħtija mid-disinn ikkontestat ma kinitx differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti, fid-dawl tax-xebh kbir eżistenti, bħall-aspett tal-manku milwi fit-tond, l-element kompost minn żewġ partijiet ċatti mwaħħlin permezz ta’ pinn f’pożizzjoni identika u t-tqegħid ta’ xafra żgħira f’pożizzjoni identika. Hija rrilevat ukoll li dan ix-xebh kien ġie evalwat bl-istess mod, kemm jekk l-istrumenti kienu miftuħa kif ukoll jekk kienu magħluqa. Fl-aħħar nett, hija qieset li d-disinjatur kellu grad għoli ta’ libertà, peress li, hekk kif jirriżulta mill-fajl, l-istrument seta’ jinħoloq abbażi ta’ diversi disinni differenti.

8        Fil-11 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Wara li ċaħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-mala fide tal-intervenjenti, il-Bord tal-Appell eżamina l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Huwa għaldaqstant iddefinixxa lill-utent avżat ta’ dan id-disinn bħala li huwa kemm l-individwu kif ukoll il-professjonist li juża l-prodotti koperti b’dan id-disinn, jiġifieri trabixujiet, u qies li d-disinjatur kellu grad għoli ta’ libertà. Fil-fatt, għalkemm dawn l-istrumenti jeħtieġu ċerti partijiet funzjonali indispensabbli, dawn jistgħu jiġu ddisinjati u kkombinati f’diversi modi. Skontu, iż-żewġ disinni inkwistjoni għandhom komuni bejniethom l-aspetti mhux funzjonali tagħhom, jiġifieri d-disinn tal-manku u t-tqegħid tas-sikkina ż-żgħira u, minħabba dan, ma jagħtux impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tax-xebh tal-mankijiet, il-Bord tal-Appell ippreċiża, minn naħa, li l-forma tal-manku kellha influwenza sinjifikattiva fuq l-aspett ġenerali tat-trabixu, peress li dan il-manku kien jikkostitwixxi l-ikbar parti tiegħu li tiġbor fiha, totalment jew parzjalment, il-partijiet l-oħra u, min-naħa l-oħra, li dan kellu rwol determinati fl-impressjoni globali mogħtija minn dan it-tip ta’ prodotti meta l-istrument kien magħluq. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrileva li fiż-żewġ disinni inkwistjoni l-manku kien ġie ddisinjat b’mod li, meta t-trabixu kien magħluq, tibqa’ viżibbli l-istess parti tal-element spirali u tal-lever. Għaldaqstant id-differenza eżistenti bejn il-mankijiet tad-disinni inkwistjoni, jiġifieri d-disinn tal-parti ta’ ġewwa tagħhom, ma hijiex biżżejjed sabiex tbiddel l-impressjoni globali li dawn jagħtu lill-utent avżat.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002 moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) ta’ dan ir-regolament, f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ utent avżat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002, moqrija flimkien mal-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament, f’dak li jikkonċerna l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tiegħu.

13      Peress li dawn iż-żewġ motivi jikkonċernaw żbalji allegatament imwettqa mill-Bord tal-Appell fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

14      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tiegħu tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. B’mod iktar partikolari, il-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ utent avżat, li kellhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-impressjoni globali mogħtija mid-disinn ikkontestat lil dan l-utent, u tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur. Skont ir-rikorrenti, id-differenzi bejn id-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti huma tali li l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat hija differenti u għaldaqstant id-disinn ikkontestat ma huwiex nieqes minn karattru individwali.

15      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

16      L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu biss jekk dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

17      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju hija żgurata biss sa fejn u sakemm dan ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

18      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li huwa jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mogħtija lil dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità.

19      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

20      Għall-finijiet ta’ eżaminazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball billi ddeċieda suċċessivament fuq l-utent avżat ta’ dan id-disinn u fuq il-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tiegħu u billi pparaguna l-impressjonijiet globali mogħtija lill-utent avżat permezz tad-disinni inkwistjoni.

 Fuq l-utent avżat

21      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma joqgħodx jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tas-sengħa, li huwa espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo/Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, Ġabra p. I‑10153, punt 53).

22      Għaldaqstant, għalkemm l-utent avżat ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li normalment jara disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tiegħu huwa lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tas-sengħa li huwa kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti (sentenza PepsiCo/Grupo Promer Mon Graphic, punt 21 supra, punt 59).

23      Il-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li huwa s-suġġett tad-disinn b’konformità mal-għan li għalih dan l-istess prodott huwa intiż [sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Tagħmir tal-komunikazzjoni), T‑153/08, Ġabra p. II‑2517, punt 46]. Il-kwalitattiv “avżat” jissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, ikollu ċertu grad ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment ikun fihom u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża grad ta’ attenzjoni relattivament għoli meta jagħmel użu minnhom (sentenzi PepsiCo/Grupo Promer Mon Graphic, punt 21 supra, punt 59, u Tagħmir tal-komunikazzjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

24      Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem bħala li jirreferi mhux għal utent li għandu attenzjoni medja, iżda għal wieħed li huwa partikolarment viġilanti, jew minħabba l-esperjenza personali tiegħu jew minħabba l-għarfien estensiv tas-settur ikkunsidrat [sentenza PepsiCo/Grupo Promer Mon Graphic, punt 21 supra, punt 53; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn), T‑80/10, punt 103].

25      Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li l-utent avżat jista’, lil hinn mill-esperjenza miksuba permezz tal-użu tal-prodott ikkonċernat, jiddistingwi l-aspetti tal-apparenza tal-prodott li huma ddettati mill-funzjoni teknika tiegħu minn dawk li huma arbitrarji. L-utent avżat għaldaqstant huwa persuna li għandha ċerta għarfien fir-rigward tad-disinni li jeżistu fis-suq ikkonċernat, mingħajr madankollu ma taf liema aspetti tal-prodott ikkonċernat huma ddettati minn funzjoni teknika [sentenzi tal-Qorti Ġenerali Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, punt 24 supra, punt 104, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna ta’ kombustjoni interna), T‑11/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26].

26      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell l-ewwel indika, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-“settur inkwistjoni [kien] dak tat-trabixujiet, jiġifieri tal-istrumenti li jservu sabiex ineħħu t-tapp minn flixkun tal-inbid”. Mill-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiddeskrivi l-partijiet funzjonali ta’ dawn l-istrumenti, jirriżulta li kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell iddelimita s-settur inkwistjoni għal dak tat-trabixujiet b’lever. Huwa sussegwentement ikkonstata, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent avżat seta’ jkun “kemm l-individwu li [...] juża [dawn l-istrumenti] għandu d-dar kif ukoll il-professjonist (wejter, wejter tal-inbid) li jużahom f’ristorant”. Skontu, tali utent huwa avżat, fis-sens “li huwa għandu għarfien dwar l-inbejjed u l-aċċessorji sabiex igawdihom u, mingħajr ma huwa disinjatur, akkumula ċertu għarfien, minħabba l-interess tiegħu u minħabba l-inklinazzjoni tiegħu, fir-rigward ta’ dak li s-suq joffri fil-qasam ta’ strumenti li jiftħu l-fliexken tal-inbid”. Fi kliem ieħor, skont il-Bord tal-Appell, din il-persuna, mingħajr ma tkun esperta fid-disinn industrijali, tkun konxja ta’ dak li joffri s-suq u tal-karatteristiċi bażiċi tal-prodott.

27      Issa, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, din id-definizzjoni tal-utent avżat hija korretta u konformi mal-prinċipji ġurisprudenzjali indikati fil-punti 21 sa 25 iktar ’il fuq. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza msemmija fihom, l-utent avżat għandu għarfien tad-disinni differenti eżistenti fis-settur ikkonċernat, għandu ċerta grad ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment jinkludu u, minħabba l-interess tiegħu fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, juża grad ta’ attenzjoni relattivament għoli meta huwa jużahom, b’mod li l-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem bħala li jindika utent li huwa partikolarment viġilanti minħabba l-esperjenza personali tiegħu jew minħabba l-għarfien kbir tiegħu tas-settur ikkunsidrat.

28      F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li r-rikorrenti mhux biss ma ssostanzjatx l-allegazzjonijiet tagħha li skonthom, minn naħa, l-utent avżat huwa biss professjonist tal-inbid jew tal-użu tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-individwu rarament juża trabixu b’lever, liema prodott barra minn hekk lanqas ma huwa mibjugħ fi ħwienet li jbigħu bl-imnut, iżda hija lanqas ma stabbilixxiet li l-limitazzjoni tal-kunċett ta’ utent avżat għall-professjonisti biss tikkontesta d-definizzjoni tal-utent avżat adottata mill-Bord tal-Appell fit-tieni sentenza tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Barra minn hekk, anki jekk kellu jiġi aċċettat li, kif issostni r-rikorrenti, id-disinn ikkontestat jista’ jitqies li huwa oġġett ta’ reklamar li l-kantini li jipproduċu l-inbid, wara li jkunu ppersonalizzaw il-wiċċ viżibbli tal-manku tiegħu, joffru bħala rigal, id-definizzjoni tal-utent avżat ma tinbidilx, peress li din tkun tinkludi, l-istess bħal dik adottata mill-Bord tal-Appell, minn naħa, il-professjonist li jakkwista tali oġġetti sabiex iqassamhom lill-utenti finali u, min-naħa l-oħra, dawn l-aħħar utenti nfushom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs UASI – Punch (Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga), T‑68/10, Ġabra p. II‑2275, punt 53].

30      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-utent avżat ta’ dan id-disinn kien kemm l-individwu kif ukoll il-professjonist li juża l-prodotti koperti minn dan id-disinn.

 Fuq il-grad ta’ libertà tad-disinjatur

31      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn u tal-karatteristiċi viżibbli tiegħu, u għaldaqstant tal-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat minn dan id-disinn, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat (ara s-sentenza Magna ta’ kombustjoni interna, punt 25 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur ta’ disinn huwa ddefinit, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għal standardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li għaldaqstant isiru komuni għal diversi disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (ara s-sentenza Magna ta’ kombustjoni interna, punt 25 iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lil-utent avżat. Għaldaqstant, grad għoli ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni li ma jkollhomx differenzi kbar jagħtu l-istess impressjoni globali lill-utent avżat (ara s-sentenza Magna ta’ kombustjoni interna, punt 25 iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iqis li, minkejja li hemm ċerti elementi li trabixu għandu jkollu sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur ta’ tali prodott jibqa’ wiesa’. Fil-fatt, il-fatt li trabixu għandu neċessarjament jinkludi partijiet bħal element spirali li għandu jidħol fit-tapp u jeħel fih, manku, sabiex l-istrument ikun sigur, lever jew żewġ levers, sabiex l-istrument jistrieħ fuq l-għonq tal-flixkun, u xafra żgħira, sabiex wieħed jaqta’ l-fojl ta’ madwar l-għonq tal-flixkun, ma jipprekludix li dawn il-partijiet jiġu ddisinjati u żviluppati f’diversi modi, filwaqt li tinżamm il-funzjonalità tagħhom. Bħala eżempju, il-Bord tal-Appell żied li x-xafra ż-żgħira setgħet tkun imqiegħda kemm fuq tarf tal-istrument kif ukoll fuq ieħor u li l-manku seta’ jkollu diversi forom u seta’ jvarja fit-tul u fil-ħxuna tiegħu, mingħajr la ma tinbidel il-funzjonalità tal-istrument u lanqas il-komodità tiegħu.

35      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni. Hija ssostni li l-karatteristiċi strutturali tat-trabixujiet ta’ dan it-tip huma diġà ddefiniti u imposti mill-funzjoni li dawn iwettqu kif ukoll mill-bżonn tad-destinatarji tagħhom, li huma, skontha, il-professjonisti tal-industrija tal-lukandi u l-proprjetarji tal-kantini tal-inbid. B’mod iktar partikolari, fost l-erba’ elementi ddettati mill-funzjoni teknika tal-istrument, jiġifieri l-element spirali, iż-żewġ levers, il-manku u x-xafra żgħira, biss l-aħħar żewġ elementi jistgħu jiġu ddisinjati b’mod differenti. Barra minn hekk, fir-rigward tax-xafra, ir-rikorrenti tallega li kull tqegħid differenti tagħha fuq il-manku tat-tip ta’ trabixujiet inkwistjoni jirrendiha, definittivament, ineffikaċi, mhux funzjonali u perikoluża. Il-marġni ta’ libertà tad-disinjatur ta’ trabixu tat-tip b’lever doppju hija għaldaqstant imnaqqsa.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament minnu li xi wħud mill-elementi tat-trabixujiet b’lever huma essenzjali u għandhom jeżistu f’kull trabixu ta’ dan it-tip sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu. Madankollu, hekk kif ġustament sostnew l-UASI u l-intervenjenti, ir-restrizzjonijiet ta’ natura funzjonali li jikkonċernaw il-preżenza ta’ ċerti elementi f’trabixu b’lever ma humiex tali li jinfluwenzaw, b’mod sinjifikattiv, il-forma u l-aspett ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, punt 24 iktar ’il fuq, punt 118), peress li l-uniċi restrizzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu osservati huma l-qisien tal-lever, kemm jekk huwa f’biċċa waħda jew fi tnejn, l-eżistenza ta’ talji fuq tarf wieħed tiegħu, kif ukoll it-tqegħid tax-xafra u d-distanza tagħha fir-rigward tal-lever. Għaldaqstant, b’mod partikolari, il-manku, li, hekk kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell, jikkostitwixxi l-element ċentrali u l-ikbar element ta’ trabixu, jista’ jkollu diversi forom u l-qisien tiegħu jistgħu jvarjaw, u x-xafra ż-żgħira tista’ titqiegħed b’mod differenti.

37      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-fajl quddiem l-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali, jeżistu disinni relatati ma’ trabixujiet b’lever b’forom u b’konfigurazzjonijiet differenti, li huma differenti minn dawk użati fid-disinn ikkontestat. Bħala eżempju, għandu l-ewwel net jiġi osservat li jistgħu jiġu kkonstatati differenzi fir-rigward tal-qisien u tal-forma tal-manku, li jista’ jkun dritt jew ikkurvat, tond jew rettangolari, u fir-rigward tal-parti viżibbli tal-elementi l-oħra tat-trabixu li jistgħu jingħalqu fil-manku. Hemm ukoll differenzi fir-rigward tal-preżenza u tal-pożizzjoni ta’ element li jaqta’ l-fojl ta’ madwar l-għonq tal-flixkun jew ta’ xafra żgħira. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx elementi li jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħha li skontha t-tqegħid tax-xafra ż-żgħira f’post ieħor fuq il-manku jirrendih mhux funzjonali u anki perikoluż.

38      Minn dan jirriżulta li d-disinn u l-forma tal-manku kif ukoll it-tqegħid tal-elementi msemmija iktar ’il fuq ma humiex iddettati minn rekwiżiti funzjonali. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet tekniċi ma tiddeterminax l-aspett ġenerali tat-trabixu, li jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv.

39      Huwa għaldaqstant b’mod korrett li l-Bord tal-Appell essenzjalment qies, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-marġni ta’ libertà kreattiva tad-disinjatur ta’ trabixu kien wiesa’.

 Fuq il-paragun tal-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni lill-utent avżat

40      Skont il-Bord tal-Appell, l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat mid-disinn ikkontestat ma hijiex differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti minħabba, essenzjalment, xebh fir-rigward tal-forma, tal-pożizzjoni u tad-daqs relatat ma’ diversi elementi tat-trabixu.

41      Il-Bord tal-Appell essenzjalment qies li l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat kienet prinċipalment iddeterminata mill-aspett tal-manku kif ukoll mill-pożizzjoni ta’ ċerti elementi tat-trabixu. Huwa jżid li, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan it-tip ta’ trabixujiet, li l-karatteristika essenzjali tagħhom hija li jistgħu jingħalqu u jitqiegħdu fil-but, id-disinn u l-forma tal-manku għandu rwol determinati fl-impressjoni globali mogħtija minnhom.

42      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni. L-ewwel nett hija takkuża lill-Bord tal-Appell li wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi eżamina d-disinni inkwistjoni biss f’pożizzjoni magħluqa u mhux f’pożizzjoni miftuħa jew f’pożizzjoni ta’ użu. Sussegwentement hija ssostni li, waqt l-użu tal-istrument, jistgħu jiġu osservati differenzi fir-rigward tal-manku, tax-xafra, tal-element spirali u tal-lever doppju. Ir-rikorrenti għaldaqstant tippreżenta analiżi ddettaljata tad-disinni inkwistjoni, filwaqt li targumenta li l-karatteristiċi ma humiex identiċi u li, għaldaqstant, l-impressjonijiet globali li huma jagħtu, jekk dawn huma eżaminati f’pożizzjoni miftuħa, huma differenti.

43      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-ilment li skontu l-Bord tal-Appell żbaljatament analizza l-aspett ġenerali estern tad-disinni inkwistjoni biss abbażi tal-pożizzjoni magħluqa tagħhom jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn din jirriżulta li huwa biss għall-finijiet li tiġi kkorroborata t-teżi tal-assenza ta’ differenzi sinjifikattivi fid-disinn tal-mankijiet irrappreżentati permezz tad-disinni inkwistjoni, li b’mod partikolari jħallu viżibbli l-istess partijiet tal-element spirali u tal-lever meta jkunu magħluqin, li l-Bord tal-Appell inċidentalment irrefera, mill-punt 21(a) sal-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prodott ikkonċernat f’pożizzjoni magħluqa. Qabel kollox, għandu jiġi wkoll osservat li mill-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset li x-xebh kbir bejn iż-żewġ disinni inkwistjoni kien ġie evalwat bl-istess mod, kemm jekk l-istrumenti kienu miftuħa kif ukoll jekk kienu f’pożizzjoni magħluqa. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell. Skont il-ġurisprudenza, meta l-Bord tal-Appell jikkonferma d-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI fl-intier tagħha, din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-motivazzjoni tagħha jifformaw parti mill-kuntest li fih id-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata, kuntest li huwa magħruf mir-rikorrenti u li jippermetti lill-qorti teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tagħha tal-legalità fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Ottubru 2011, Industrias Francisco Ivars vs UASI – Motive (Riduttur mekkaniku tal-veloċità), T‑246/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Sport Eybl & Sports Experts vs UASI – Seven (SEVEN SUMMITS), T‑179/11, punt 50]. Għaldaqstant hemm lok li jitqies li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn id-disinni inkwistjoni, il-Bord tal-Appell, l-istess bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ħa inkunsiderazzjoni l-istrument kemm miftuħ kif ukoll f’pożizzjoni magħluqa.

44      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li t-tul tal-manku tad-disinn ikkontestat huwa biss ftit iqsar minn dak tal-manku tad-disinn preċedenti, u li ebda differenza sinjifikattiva ma tista’ tiġi kkonstatata fir-rigward tal-qisien globali, kif ukoll fir-rigward tal-proporzjonijiet u tal-arranġament tad-diversi elementi madwar il-manku, tad-disinni inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu f’pożizzjoni miftuħa kif ukoll jekk dawn ikunu f’pożizzjoni magħluqa. Il-paragun dirett tal-kampjuni tal-prodotti attwali li jinsab fil-fajl tal-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali, kif issuġġerit mir-rikorrenti, ma jippermettix, barra minn hekk, li tiġi kkonfutata din il-konstatazzjoni.

45      Barra minn hekk, jekk kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss, kif tallega r-rikorrenti, l-impressjonijiet globali mogħtija miż-żewġ disinni lill-utent avżat meta huwa juża l-prodott inkwistjoni, jiġifieri meta dan huwa allegatament f’pożizzjoni miftuħa, għandu jiġi osservat li, waqt li jkun qiegħed jiġi użat, liema użu l-ewwel jibda bil-ftuħ tat-trabixu, il-prodott huwa dejjem miżmum mill-utent tiegħu. Għall-finijiet tal-impressjoni globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni, hemm għaldaqstant lok li jitqies li l-utent avżat, meta juża t-trabixujiet li jikkorrispondu għad-disinni inkwistjoni skont l-għan li għalih dawn huma intiżi, dejjem ser jara parti minima tagħhom, li tikkorrispondi, essenzjalment, għal-lever doppju u għall- element li jaqta’ l-fojl ta’ madwar l-għonq tal-flixkun li huwa integrat fih kif ukoll għax-xafra ż-żgħira u għall-element spirali. Issa, f’dan il-każ, id-dettalji tal-prodotti rrappreżentati mid-disinni inkwistjoni, invokati mir-rikorrenti, jaħarbu mill-vista ta’ dan l-utent, minħabba l-modalitajiet konkreti ta’ użu tagħhom u, għal dan il-għan, jistgħu ikollhom biss influwenza żgħira fuq il-perċezzjoni li huwa għandu ta’ dawn id-disinni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, punt 24 iktar ’il fuq, punti 133 u 134).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni għandha tikkonċerna l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat minn disinn, inkluż ukoll il-mod li bih il-prodott irrappreżentat minn dan id-disinn huwa użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tagħmir tal-komunikazzjoni, punt 23 iktar ’il fuq, punt 66, u Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga, punt 29 iktar ’il fuq, punt 78), il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat, fid-dawl tal-karatteristiċi tat-trabixujiet b’lever, li huma ddisinjati preċiżament sabiex jiġu mitwija, talli ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat mid-disinni inkwistjoni meta t-trabixujiet korrispondenti huma f’pożizzjoni magħluqa. Barra minn hekk, mill-fajl quddiem l-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fis-settur industrijali kkonċernat, il-prodotti inkwistjoni huma prinċipalment, u xi drabi esklużivament, irrappreżentati f’pożizzjoni magħluqa, peress li din hija bħala regola ġenerali l-pożizzjoni bażika ta’ kull trabixu b’lever. Fil-fatt, huwa meta t-trabixu jkun f’din il-pożizzjoni li jkun possibbli li tiġi pperċepita l-forma globali tad-disinn li jirrappreżentah.

47      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li d-differenzi bejn id-disinni inkwistjoni, indikati mir-rikorrenti u li jeħtieġu eżami tal-prodotti rrappreżentati minnhom f’pożizzjoni miftuħa, huma jew irrilevanti jew insinjifikattivi. L-istess japplika fir-rigward tad-dettalji funzjonali invokati mir-rikorrenti, li ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jinfluwenzaw l-impressjoni globali mogħtija minn dawn id-disinni.

48      L-ewwel nett, fir-rigward tal-manku, huwa veru, kif jindika wkoll il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li teżisti differenza bejn id-disinni inkwistjoni li tikkonċerna, b’mod partikolari, id-disinn tal-parti ta’ ġewwa tiegħu, li, fid-disinn preċedenti, għandha toqbiet żgħar filwaqt li, fid-disinn ikkontestat, hija lixxa. Madankollu, l-importanza ta’ din id-differenza ma hijiex partikolarment evidenti, peress li, minn naħa, il-liwja fit-tond tal-manku tal-prodott irrappreżentat mid-disinn ikkontestat u dik tal-prodott irrappreżentat mid-disinn preċedenti huma simili ħafna, anki jekk l-ewwel waħda hija inqas qawwija, u, min-naħa l-oħra, l-arranġament tad-diversi elementi madwar il-manku huwa l-istess fid-disinni inkwistjoni kif ukoll il-parti ta’ dawn li tibqa’ viżibbli meta l-manku huwa f’pożizzjoni magħluqa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-disinn kemxejn differenti tal-manku tad-disinn ikkontestat ma jistax, hekk kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell, jikkumpensa x-xebh ikkonstatat u għaldaqstant ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti karattru individwali lil dan id-disinn.

49      It-tieni nett, fir-rigward tax-xafra ż-żgħira, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li minn paragun tad-disinni inkwistjoni ma jirriżultax li x-xafra ż-żgħira tad-disinn preċedenti hija, essenzjalment, iżgħar jew inqas viżibbli jew għandha forma differenti minn dik tad-disinn ikkontestat. Sussegwentement, fir-rigward tan-naħa li taqta’ tax-xafra, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-immaġni tad-disinn preċedenti ma jirriżultax b’mod ċar li x-xafra li hija rrappreżentata minnu hija lixxa jew, f’kull każ, mingħajr indentazzjonijiet. Għall-kuntrarju, jekk, hekk kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, isir eżami tal-kampjuni tal-prodotti attwali li hija inkludiet fil-fajl tal-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li x-xafra ż-żgħira tad-disinn preċedenti ma hijiex lixxa, iżda għandha, l-istess bħal dik tad-disinn ikkontestat indentazzjoni laterali fuq in-naħa tagħha li taqta’. F’kull każ, ma tista’ tiġi rrilevata ebda differenza sinjifikattiva bejn ix-xfafar tal-prodotti rrappreżentati mid-disinni inkwistjoni

50      It-tielet nett, fir-rigward tal-elementi spirali tal-prodotti rrappreżentati mid-disinni inkwistjoni, ir-rikorrenti tallega li, minn naħa, hemm differenza fil-kulur bejniethom u, min-naħa l-oħra, hemm differenza fir-rigward tal-materjal li minnu dawn huma magħmula jew li bih dawn huma miksija. Skont ir-rikorrenti, dawn id-differenzi jirriżultaw ukoll minn paragun tal-kampjuni tal-prodotti attwali li hija inkludiet fil-fajl tal-UASI trażmess lill-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-element spirali tad-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat bl-iswed, filwaqt li dak tad-disinn preċedenti huwa rrappreżentat bl-abjad, huwa insinjifikattiv, peress li ebda kulur ma ġie mitlub għad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga, punt 29 iktar ’il fuq, punt 82). F’kull każ, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, minn paragun tal-kampjuni tal-prodotti attwali jirriżulta li l-kulur tal-element spirali huwa iswed kemm fil-prodott li jikkorrispondi għad-disinn ikkontestat kif ukoll f’dak li jikkorrispondi għad-disinn preċedenti. L-istess japplika fir-rigward tal-materjal li allegatament iż-żewġ elementi spirali huma komposti minnu jew miksija bih.

51      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-lever doppju, għandu jitqies li d-differenzi li jikkonċernaw il-finituri fuq iż-żewġ talji ta’ appoġġ invokati mir-rikorrenti ma jirriżultawx b’mod ċar minn paragun tal-immaġni tad-disinni inkwistjoni. F’kull każ dawn huma tant imperċettibbli li biss eżami tekniku ddettaljat ħafna u bir-reqqa taż-żewġ prodotti attwali – li ma jikkorrispondix, hekk ġie indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, għal dak li l-utent avżat jagħmel – jippermetti, jekk ikun il-każ, li dawn jiġu ddeċifrati. Fir-rigward tad-differenza li tikkonċerna l-aspett tal-wiċċ taż-żewġ levers, li huwa lixx fid-disinn ikkontestat u bi gruvijiet fid-disinn preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-assenza ta’ gruvijiet fid-disinn ikkontestat ma jistax ikollha effett sinjifikattiv fuq l-impressjoni globali mogħtija lill-utent avżat u waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tagħti karattru individwali lil dan id-disinn.

52      Il-ħames nett, fir-rigward tal-inkonvenjenzi jew tad-diffikultajiet ta’ użu relatati mal-manku, max-xafra ż-żgħira, mal-element spirali kif ukoll mal-lever doppju tad-disinn preċedenti allegatament solvuti mill-mod ta’ kif ġie ddisinjat id-disinn ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dawn kellhom jitqiesu bħala li huma stabbiliti, tali inkonvenjenzi jew diffikultajiet ta’ użu ma humiex rilevanti sabiex tingħata prova tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Fil-fatt, il-karattru individwali ta’ disinn huwa evalwat, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, billi jsir paragun tal-impressjonijiet globali mogħtija mid-disinni kunfliġġenti lill-utent avżat u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur. Għaldaqstant, il-kriterju invokat mir-rikorrenti, relatat mal-inkonvenjenzi jew mad-diversi diffikultajiet ta’ użu tad-disinn preċedenti li allegatament ġew solvuti fid-disinn ikkontestat, ma jinsabx fost dawk li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali ta’ disinn. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 6/2002, id-dritt tad-disinni huwa intiż sabiex jipproteġi d-dehra ta’ prodott u mhux id-disinn tal-modalitajiet ta’ użu jew ta’ funzjonament tiegħu. Fl-aħħar nett u f’kull każ, għandu jiġi osservat li, minn naħa, ir-rikorrenti ma ssostanzjatx l-argument tagħha u, min-naħa l-oħra, ebda kunsiderazzjoni relatata mal-kwalitajiet ta’ użu jew ta’ funzjonament tal-prodotti rrappreżentati mid-disinni inkwistjoni ma tista’ f’dan il-każ tirriżulta minn sempliċi paragun ta’ dawn tal-aħħar.

53      Id-differenzi l-oħra invokati mir-rikorrenti fir-rigward ta’ ċerti karatteristiċi tal-parti operattiva tal-manku, tax-xafra ż-żgħira, tal-element li jaqta’ l-fojl ta’ madwar l-għonq tal-flixkun, tal-parti li magħha l-element spirali huwa mwaħħal kif ukoll tal-parti msejħa “ta’ ftuħ”, huma insinjifikattivi fl-impressjoni globali mogħtija mid-disinni inkwistjoni. Fil-fatt, dawn id-differenzi ma humiex evidenti biżżejjed sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ strumenti fil-perċezzjoni li l-utent avżat għandu tagħhom, li, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma tmurx lil hinn minn ċertu livell ta’ eżami u ta’ dettall.

54      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat u d-disinn preċedenti ma jagħtux impressjonijiet globali differenti lill-utent avżat u meta kkonkluda li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

56      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

57      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      El Hogar Perfecto del Siglo XXI, SL hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Berardis

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Novembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.