Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Ottubru 2010 - Viktor Uspaskich vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża T-507/10)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrent: Viktor Uspaskich (Kėdainiai, il-Litwanja) (rappreżentanti: Vytautas Sviderskis, avukat, u Stanislovas Tomas, konsulent legali)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 Nru P7_TA(2010)0296 dwar it-talba għal tneħħija tal-immunità ta' Victor Uspaskich;

tikkundanna lill-konvenut iħallas EUR10 000 għad-danni morali mġarrba;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jibbaża r-rikors tieghu fuq erba' motivi.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jissottometti li l-konvenut kiser id-drittijiet tiegħu ta' difiża u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba fil-proċedura 2009/2147 (IMM). Il-Parlament Ewropew irrifjuta li jisma' lir-rikorrent waqt il-proċedura għat-tneħħija tal-immunità tiegħu kemm fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u kif ukoll waqt is-sessjoni plenarja. Huwa naqas li jieħu inkunsiderazzjoni l-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrent u ma wieġeb għall-ebda wieħed minnhom.

Fit-tieni lok, il-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq bażi legali żbaljata u kiser il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protocol dwar il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaliex straħ fuq interpretazzjoni kjarament żbaljata tal-ewwel u t-tieni paragrafi ta' Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni Litwana. Ir-rikorrent jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T-42/06 Gollnisch v Il-Parlament, fejn il-Qorti ddikjarat li kien hemm ksur analogu mill-Parlament Ewropew.

Fit-tielet lok, il-konvenut naqas milli josserva l-prinċipju ta' fumus persecutionis u għamel żball evidenti ta' evalwazzjoni meta ħadu inkunsiderazzjoni. Il-konvenut injora totalment id-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu stess fir-rigward tal-fumus persecutionis. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew naqas ukoll milli jikkunsidra l-fatt illi fiż-żmien tad-deċiżjoni illi jinbdew proċeduri kriminali, mexxej politiku ma kienx responsabbli għal ksur relatat ma' amministrazzjoni, u illi materjal minn investigazzjoni preliminarja kien ġie ppubblikat.

Fir-rabà lok, il-konvenut kiser id-dritt tar-rikorrenti li jissottometti talba sabiex jiddefendi l-immunità tiegħu skont ir-Regola 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew. Huwa rrifjuta li jeżamina t-talba tar-rikorrent sabiex tiġi difiża l-immunità tiegħu għar-raġuni li l-miżura li teżiġi li huwa jħallas garanzija ta' EUR436 000 hija sproporzjonata meta mqabbla mal-multa potenzjali massima għar-reat kriminali li tiegħu huwa akkużat.

____________