Language of document :

Rikors imressaq fis-26 ta' Ġunju 2007 - Las Palmeras vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-217/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Las Palmeras (Sevilla, Spanja) (Rappreżentant: L. Ortiz Blanco, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' dan ir-rikors għal kumpens tad-dannu, skond l-Artikolu 288 KE, billi tiddikjara d-dritt tar-rikorrenti għal kumpnes, min-naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni in solidum, ta' somma totali ta' EUR 288 238;

tordna lill-istituzzjonijiet konvenuti jbatu l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'dan il-proċediment, ir-rikorrenti, impriża Spanjola li l-funzjoni tagħha hija s-separazzjoni ta' qoton mhux maħdum, titlob kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba l-applikazzjoni, matul is-sena 2006/2007, tal-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/20031, li ġie introdott permezz ta' l-Artikolu 1(20) tar-Regolament (KE) Nru 864/20042. Il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni applikabbli għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u jiġu stabbiliti ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa.

Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li r-regoli suġġetti għal din il-kawża kienu ġew annullati permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2006, kawża C-310/04, Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni, minħabba ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Din is-sentenza madankollu ssospendiet l-effetti ta' l-annullament sakemm jiġi adottat regolament ġdid, b'mod li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq ġew applikati wkoll matul is-sena 2006/2007.

Permezz ta' żewġ rapporti ordnati minn kumpannija ta' konsulenza, ir-rikors jeżamina d-dannu subit mis-settur, minħabba li, bħala konsegwenza ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet annullati, matul is-sena in kwistjoni kien hemm tnaqqis ċar fil-kwantità ta' qoton mhux maħdum prodott, u, konsegwentement ta' qoton imfesdaq mill-industrija. Fil-verità, l-iskema ta' appoġġ prevista mid-dispożizzjonijiet in kwistjoni tipprovdi li parti sinjifikanti ta' l-għajnuna (iktar minn 65%) ma tingħatax iżjed għall-koltivazzjoni tal-qoton, fejn għaldaqstant il-bidwi jibqa' jirċiviha wkoll jekk juża' l-artijiet tiegħu għall-koltivazzjonijiet alternattivi. B'hekk, il-qliegħ previst għal kull ettaru ta' art li tista' tiġi kkoltivata li fiha jinżera' l-qoton huwa inqas meta mqabbel ma' dak ta' koltivazzjoni alternattiva. Din is-sitwazzjoni tat lok ukoll għat-tnaqqis tad-dħul li jsir mix-xogħol ta' l-industrija ta' fesdiq.

Ir-rikorrenti ssostni li fil-każ in eżami jeżistu r-rekwiżiti mitluba mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 864/2004 tad-29 ta' April 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta' għajnuna diretta skond il-politika komuni ta' l-agrikoltura u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' għajnuna għall-bdiewa, b'kunsiderazzjoni lejn l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 161, p. 48).