Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Ġunju 2007 - DSV ROAD vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-219/07)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: De Naamloze Vennootschap DSV ROAD (rappreżentanti: A. Poelmanse u A. Calewaert, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-24 ta' April 2007, dwar it-talba tar-Renju tal-Belġju magħrufa bin-numru tal-każ REC 05/02, C(2007)1776, li tistabbilixxi li għandhom jiġu rkuprati dazji doganali li jammontaw għal EUR 168,004.65 u li huma s-suġġett tat-talba tar-Renju tal-Belġju tat-12 ta' Awwissu 2002, u li mhijiex iġġustifikata l-eżenzjoni minn dazji doganali li jammontaw għal EUR 168 004,65 u li huma s-suġġett tat-talba tar-Renju tal-Belġju tat-12 ta' Awwissu 2002.

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti kienet timporta diski mit-Tajlandja li fir-rigward tagħhom kienet fis-seħħ sistema preferenzjali, skond is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, li kienet tapplika bil-kundizzjoni li ma' l-importazzjoni jiġi ppreżentat ċertifikat ta' oriġini (formola A) maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Tajlandiżi, skond l-Artikolu 80 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.1

Ma' kull dikjarazzjoni doganali r-rikorrenti ddepożitat formola A maħruġa mill-awtoritajiet Tajlandiżi u għalhekk l-awtoritajiet Belġjani applikaw it-tariffi preferenzjali.

Madankollu, numru ta' ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Tajlandiżi ġew iddikjarati nulli, b'tali mod li l-beni importati fl-UE ma kinux jikkwalifikaw għal trattament tariffarju preferenzjali.

Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni stabbiliet li l-obbligu doganali li rriżulta minn dan għandu jiġi rkuprat.

Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ddeċidiet li d-dazji dovuti ma kellhomx jiġu rkuprati, skond l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.2 Skond ir-rikorrenti, il-ħruġ taċ-ċertifikati skond il-formola A għandu jiġi attribwit għal żball ta' l-awtoritajiet Tajlandiżi u bl-ebda mod ma ġie pprovat li l-esportaturi esponew il-fatti b'mod żbaljat. Skond ir-rikorrenti, barra minn hekk, f'dan il-każ huwa involut żball peress li l-awtoritajiet Tajlandiżi kienu jafu jew imisshom kienu jafu li l-beni ma kinux jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali.

Ir-rikorrenti żżid, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kien imissha pproċediet għall-eżenzjoni mid-dazji, skond l-Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, minħabba li quddiemha kellha ċirkustanzi partikolari.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/1993, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1).

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, p. 1).