Language of document : ECLI:EU:T:2021:895

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Assenjazzjoni f’pajjiż terz – Akkomodazzjoni ta’ daqs adatt għal familja mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-amministrazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed jirrisjedi fiha mal-familja – Proċeduri dixxiplinari – Sanzjoni dixxipplinari ta’ sospensjoni ta’ avvanz fl-iskala – Kumpens għad-dannu mġarrab mill-Unjoni – Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċaħda tar-rikors fuq il-mertu – Annullament wara appell – Sentenza wara appell eżaminata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja u annullata – Kawża mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑693/16 P-RENV-RX,

HG, irrappreżentat minn L. Levi, avukata,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr, bħala aġent, assistit minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (l-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il-Kummissjoni (F‑149/15, EU:F:2016:155), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur), P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 2020,

wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

2        Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appellant, HG, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, jitlob l-annullament tas-sentenza appellata li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors tiegħu intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Frar 2015, li timponi fuqu s-sanzjoni dixxiplinari ta’ sospensjoni ta’ avvanz fl-iskala għal 18-il xahar u li kkundannatu jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-Kummissjoni minħabba dan fl-ammont ta’ EUR 108 596.35 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) u sa fejn meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u sussegwentement, b’mod sussidjarju, għat-tnaqqis tas-sanzjoni finanzjarja inkluża f’din id-deċiżjoni u, finalment, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali u għad-dannu lir-reputazzjoni li huwa ġarrab, valutati għal EUR 20 000, kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż.

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

39      L-ewwel sentenza wara appell, li tannulla s-sentenza appellata minħabba l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kien ta d-deċiżjoni, ingħatat wara dik il-proċedura, iżda hija stess ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif ġie espost fil-punti 1 u 3 iktar ’il fuq, u l-appell intbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Minħabba f’hekk, il-kawża li kienet intbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel sentenza wara appell sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat mill-appellant quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Kawża T‑440/18 RENV) ingħalqet b’deċiżjoni tar-Reġistru tas-26 ta’ Marzu 2020.

[omissis]

45      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2021. Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fl-istess jum.

46      L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        sussidjarjament, tnaqqas is-sanzjoni finanzjarja li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu morali u d-dannu lir-reputazzjoni fl-ammont ta’ EUR 20 000;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż kollha.

 Id-dritt

 Fuq l-appell

[omissis]

 Fuq l-aggravji mressqa kontra s-sentenza appellata għal dak li jikkonċerna r-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant stabbilita fid-deċiżjoni kontenzjuża

[omissis]

–       Fuq l-aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu għal dak li jikkonċerna r-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant stabbilita fid-deċiżjoni kontenzjuża

83      L-appellant jesponi qabelxejn, fil-punt 11 tal-appell, li, meta eżamina l-argumenti tiegħu “dwar l-assenza ta’ materjalità tal-allegat ksur tad-dmir ta’ lealtà”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, qies li, peress li l-obbligu ta’ lealtà ta’ uffiċjal tal-Unjoni fir-rigward tagħha huwa impost b’mod ġenerali u oġġettiv, ftit li xejn jimporta r-raġunijiet li wasslu lill-appellant jikser dan l-obbligu, jekk wieħed jassumi li dawn ir-raġunijiet ġew stabbiliti. Issa, skont l-appellant, meta tapplika l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal li jista’ jservi ta’ bażi għar-responsabbiltà finanzjarja ta’ uffiċjal fil-konfront tal-Unjoni minħabba nuqqasijiet personali serji li huwa jkun wettaq fil-qadi jew fl-eżerċizzju ta’ dmirijietu, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni eventwali ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jkunu jinsabu fir-raġunijiet li jispjegaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dan l-uffiċjal. Jekk dan ma jsirx, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ikun miksur. Billi ddeċieda li r-raġunijiet li jispjegaw l-aġir tiegħu ma kellhomx importanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaldaqstant wettaq żball ta’ liġi, kemm fir-rigward tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

[omissis]

86      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “Uffiċjal jista’ jkun mitlub li jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għal kull ħsara soffruta mill-Unjoni minħabba riżultat ta’ mġieba ħażina serja min naħa tiegħu fil-kors jew f’konnessjoni mal-qadi tad-dmirijietu.”

[omissis]

90      L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li “[l]-uffiċjal għandu jaqdi dmirijietu u jġib ruħu esklużivament bl-interessi tal-Unjoni quddiem għajnejh” tistabbilixxi d-dmir ta’ lealtà tal-uffiċjali tal-Unjoni fir-rigward tagħha. Dan id-dmir jissemma espliċitament fil-kumplament tal-istess paragrafu, fit-tielet sentenza, li tippreċiża li l-uffiċjal għandu jaqdi d-dmirijiet fdati lilu b’mod oġġettiv u imparzjali u b’osservanza tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni. Dan id-dmir huwa wkoll espliċitament imsemmi fl-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-limiti għal-libertà ta’ espressjoni tal-uffiċjali. Il-modalitajiet tal-osservanza tad-dmir ta’ lealtà huma ppreċiżati fid-dawl ta’ ċerti aspetti jew ta’ ċerti ċirkustanzi f’diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal bħall-Artikoli 12, 12b jew 17a.

[omissis]

93      Il-kwistjoni hija għaldaqstant dwar jekk ir-raġunijiet li jistgħu jwasslu lil uffiċjal sabiex ikollu aġir iddettat totalment jew parzjalment minn interessi oħra minbarra dawk tal-Unjoni jew saħansitra aġir kuntrarju għalihom, pereżempju r-rieda li jagħmel ħsara, il-korruzzjoni, l-indifferenza, il-motivazzjoni politika, ir-rieda li jikseb vantaġġ jew li jikseb vantaġġ lil oħrajn, pressjoni esterna insormontabbli, rekwiżit personali, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk tali aġir jikkostitwixxix, jew le, sinjal ta’ nuqqas ta’ lealtà fil-konfront tal-Unjoni.

94      Fil-punt 151 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wieġeb fin-negattiv billi bbaża ruħu fuq is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, Gomes Moreira vs ECDC (F‑80/11, EU:F:2013:159). F’dik is-sentenza, ġie deċiż, essenzjalment, fil-punti 65 u 66, li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-lealtà tal-uffiċjali ma tiddependix fuq il-fatt li l-uffiċjal ikkonċernat ikun ikkawża dannu lill-Unjoni jew li l-aġir tiegħu jkun wassal għal ilmenti. Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata hija stess fuq preċedent ġurisprudenzjali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, EU:T:2001:175, punt 76) li fiha ġie deċiż li ma kienx neċessarju li l-uffiċjal ikkonċernat ikun ipprova jibbenefika personalment mill-aġir tiegħu jew li dan tal-aħħar ikun ikkawża dannu lill-istituzzjoni sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi tal-istess natura. F’kawża oħra, li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni (T‑74/96, EU:T:1998:58, punt 66), li hija stess ġiet invokata bħala preċedent ġurisprudenzjali fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni (T‑24/98 u T‑241/99, EU:T:2001:175), għal dak li jirrigwarda nuqqas possibbli ta’ osservanza tal-obbligu, għal uffiċjal, li jitlob awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita attività esterna, li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ lealtà u li għandu portata ġenerali, ġie deċiż li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu, kien superfluwu li wieħed ikun jaf jekk din l-attività setgħetx twassal għal konflitt ta’ interessi fid-dawl tad-dmirijiet li dan l-uffiċjal kien jaqdi.

95      Kuntrarjament għal dak li qies it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn tali preċedenti ma jirriżultax li r-raġunijiet li jkunu wasslu lil uffiċjal sabiex jadotta aġir li jikser uħud mill-obbligi tiegħu lejn l-Unjoni ma għandhom fl-ebda każ jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx żleali fir-rigward tagħha.

96      Ċertament, għalkemm ċerti ċirkustanzi huma min-natura tagħhom irrilevanti f’dan ir-rigward, bħaċ-ċirkustanzi identifikati fis-sentenzi msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk aġir kienx żleali tiddependi preċiżament mill-kuntest li minnu dan l-aġir jagħmel parti. Pereżempju, uffiċjal jista’ jemmen li jkun qiegħed jaġixxi fid-dawl tal-interessi tal-Unjoni fil-qadi ta’ dmirijietu, iżda jaġixxi fir-realtà kontrihom peress li dan isib ruħu megħlub minn sitwazzjoni partikolarment kumplessa u mingħajr preċedent, li ma jfissirx neċessarjament nuqqas ta’ lealtà min-naħa tiegħu anki jekk f’mument partikolari huwa jkun tilef minn taħt għajnejn l-interess tal-Unjoni. Problema personali serja ta’ uffiċjal tista’ ġġiegħlu jqiegħed momentarjament fuq it-tieni livell l-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tal-aġir tiegħu, mingħajr ma, skont iċ-ċirkustanzi, ikun dejjem jista’ jiġi akkużat b’nuqqas ta’ lealtà minħabba dan il-fatt. Bil-kontra, jekk uffiċjal isostni li huwa kiser l-interessi tal-Unjoni minħabba li jkun sab ruħu megħlub minn sitwazzjoni, jew minħabba li jkun qiegħed l-interessi tal-Unjoni fit-tieni livell fir-rigward tal-problemi personali serji, ma jkunx irrilevanti li jsir magħruf, sabiex tiġi evalwata l-lealtà tiegħu lejn l-Unjoni, jekk huwa rrapportax lill-ġerarkija id-diffikultajiet tiegħu u liema attitudni jkun adotta f’dan il-kuntest.

97      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-lealtà ta’ persuna, hija evalwata bl-aġir tagħha fir-rigward tal-entità jew tal-persuna li lilha din il-lealtà hija dovuta skont il-kuntest. L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal li tipprovdi li “[l]-uffiċjal għandu jaqdi dmirijietu u jġib ruħu esklużivament bl-interessi tal-Unjoni quddiem għajnejh” tirrikjedi f’dan ir-rigward aġir ġenerali li jikkaratterizza l-lealtà lejn l-Unjoni, iżda ma tikkostitwixxix definizzjoni assoluta li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih għandha tiġi evalwata din il-lealtà, meħtieġa abbażi tat-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha jissemma l-obbligu tal-uffiċjali tal-Unjoni li jaqdu dmirijiethom “fir-rispett tad-dmir […] ta’ lealtà lejn l-Unjoni”.

98      F’dan ir-rigward, fis-sentenzi li fuqhom ibbaża ruħu, direttament jew indirettament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 151 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni li essenzjalment tipprovdi li diversi obbligi riżultanti mir-Regolamenti tal-Persunal huma imposti b’mod ġenerali u oġġettiv tirrigwarda dawn l-obbligi fihom innifishom, iżda ma jfissirx li, minn perspettiva iktar ġenerali, il-lealtà jew iż-żlealtà ta’ uffiċjal tal-Unjoni għandha tiġi evalwata indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huwa jkun adotta aġir partikolari u mir-raġunijiet li għalihom huwa jkun adotta tali aġir. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaldaqstant wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li r-raġunijiet li mmotivaw l-aġir tal-appellant kienu irrilevanti sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-dmir tiegħu ta’ lealtà.

99      Barra minn hekk, l-appellant ġustament isostni li, sabiex tikklassifika, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aġir ta’ uffiċjal li jikkostitwixxi nuqqas personali serju, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u ma tistax sempliċement tikkonstata li l-uffiċjal inkwistjoni kiser regoli imposti fuqu, jew fi kliem ieħor, ma tistax sempliċement tikkonstata li huwa naqas milli josserva wħud mill-obbligi tiegħu.

[omissis]

102    Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’, sabiex tiċħad motivi jew argumenti ta’ rikorrent, tibbaża ruħha fuq konstatazzjonijiet, evalwazzjonijiet u klassifikazzjonijiet magħmula fl-att ikkontestat, jekk dawn ikunu legali, u timmotiva, barra minn hekk, iċ-ċaħda ta’ dawn il-motivi u dawn l-argumenti permezz ta’ kunsiderazzjonijiet legali tagħha stess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2004, UER/M6 et, C‑470/02 P, mhux ippublikat, EU:C:2004:565, punti 69 u 70, u s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, Suède et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni jew il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat sabiex tiġġustifikah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il‑Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 38, u tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 88 u 89). Madankollu, meta teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa, bħal, abbażi tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha u b’mod partikolari, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kawżi relatati mar-responsabbiltà finanzjarja tal-uffiċjali lejn l-Unjoni, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu tista’ hija stess tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża u, għaldaqstant, f’dan ir-rigward, tagħti l-evalwazzjoni jew il-motivazzjoni tagħha stess sabiex tiġġustifika l-ħlas ta’ somma minn parti lill-parti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1987, Houyoux u Guery vs Il-Kummissjoni, 176/86 u 177/86, EU:C:1987:461, punt 16, u tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Fil-każ ineżami għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li indika fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni tal-appellant kienet irregolari sa minn Settembru 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rripproduċa evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża fil-premessi 22 u 37. Issa, ir-riproduzzjoni ta’ din l-evalwazzjoni kienet intiża biss, hekk kif jirriżulta mill-punt 160 tas-sentenza appellata, li tikkonfuta l-argumenti tal-appellant dwar l-evalwazzjoni tad-dannu li huwa seta’ kkawża lill-Unjoni, li tiegħu huwa kien jikkontesta l-eżistenza sa’ Settembru 2009, iżda ma kinitx intiża, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-appellant, sabiex jiġi affirmat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ssodisfatti sa minn Settembru 2008. B’dan il-mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalhekk la kklassifika bħala nuqqas personali serju l-aġir tal-appellant bejn Settembru 2008 u Diċembru 2008 u lanqas, barra minn hekk, ma ta x’jifhem li kien ġie stabbilit nuqqas personali serju mill-Awtorità tal-Ħatra għal perijodu li jibda minn Settembru 2008 u għaldaqstant ma żnaturax il-proċess f’dan ir-rigward kif isostni wkoll l-appellant fil-punt 14 tal-appell.

104    Barra minn hekk, billi indika, fl-istess punt 159 tas-sentenza appellata, li d-delegazzjoni kienet ġiet imċaħħda minn Jannar 2009 mill-possibbiltà li tuża għal finijiet ġodda l-akkomodazzjoni intiża għall-persunal li kellu l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċertament żied, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-appellant, motiv fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża li fiha kien indikat biss li d-dannu kien jirriżulta mit-teħid tar-responsabbiltà mill-Unjoni tal-ispejjeż tal-kiri mhux iġġustifikat tal-appartament għall-familja mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-appellant. Madankollu, dan il-motiv addizzjonali mressaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonsisti biss f’li jingħad li l-aġir tal-appellant ma ppermettiex li jitnaqqas id-dannu identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda ma jidentifikax dannu addizzjonali. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tista’ taqa’ taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant, setgħa li huwa kien barra minn hekk talbu jeżerċita. Għaldaqstant, l-iżball ta’ liġi, mislut mill-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku identifika fil-punt 159 tas-sentenza appellata dannu ipotetiku ġdid li ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant, ma huwiex stabbilit. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-motiv addizzjonali mressaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiżvela żnaturament tal-proċess kif iddefinit fil-punt 67 iktar ’il fuq.

105    L-appellant iqis sussegwentement, fil-punti 21 sa 23 tal-appell, li meta eżamina l-argumenti tiegħu fuq il-“ksur tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin jew ta’ terminu raġonevoli”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, invokata fir-rikors, ma kinitx tapplika għas-sitwazzjoni tiegħu.

[omissis]

107    Fil-punti 167 u 168 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi bbaża ruħu fuq is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2016, DF vs Il-Kummissjoni (T‑782/14 P, EU:T:2016:29, punt 54), enfasizza li l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jirrigwarda l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament minn uffiċjal u li, fil-każ ineżami, l-appellant ma kien irċieva ebda somma mingħand l-istituzzjoni, iżda kien ikkawżalha dannu finanzjarju, u li s-somom imħallsa minnha lis-sid il-kera ma kinux indebiti.

[omissis]

109    Fuq il-mertu, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2016, DF vs Il-Kummissjoni (T‑782/14 P, EU:T:2016:29), invokata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, imsemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq, ma tippermettix li jitqies li l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha jingħata vantaġġ in natura. Fil-fatt, billi indika, fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza, mogħtija f’kawża li fiha l-uffiċjal appellant, li lilu ntalab ir-rimbors ta’ kumpens mhux dovut, argumenta li huwa ma setax jirkupra l-parti ttrasferita lill-ex konjuġi tiegħu fil-kuntest ta’ pensjoni tal-manteniment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement iddeċieda li l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna biss ir-relazzjoni finanzjarja bejn l-uffiċjal li jkun ibbenefika minn ħlasijiet irregolari u l-istituzzjoni kkonċernata, u dan ftit jimporta l-konsegwenzi possibbli tal-irkupru għall-uffiċjal fir-rigward ta’ persuni oħra li setgħu jibbenefikaw direttament jew indirettament minn dawn il-ħlasijiet irregolari li kienu s-suġġett tal-irkupru minn din l-istituzzjoni, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt id-dritt privat. Konsegwentement, l-imsemmija sentenza ma tiddeċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk vantaġġ in natura, bħall-provvista ta’ appartament intiż għall-persunal, jistax jitqies bħala li jagħmel parti mir-relazzjoni finanzjarja bejn uffiċjal u l-istituzzjoni tiegħu u jistax ikun is-suġġett ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi li vantaġġ in natura indebitu, li huwa ekwivalenti għall-ħlas indirett ta’ somma, ikun is-suġġett ta’ rkupru. Fin-nuqqas ta’ dan, l-istituzzjonijiet qatt ma jistgħu jiksbu r-rimbors ta’ dawn il-vantaġġi indebiti, ħlief jekk jibdew il-proċedura prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal u jekk jipprovaw in-nuqqas personali serju tal-uffiċjali kkonċernati, li jkun inadegwat għal ċertu numru ta’ ċirkustanzi u jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali li jkunu bbenefikaw minn vantaġġ indebitu fil-forma ta’ ħlas dirett ta’ somma ta’ flus u dawk li jkunu bbenefikaw minn vantaġġ indebitu fil-forma ta’ vantaġġ in natura. Barra minn hekk, billi ddeċieda li, peress li l-appellant ma kien irċieva ebda somma mingħand l-istituzzjoni tiegħu direttament, huwa ma setax jinvoka l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi.

110    Madankollu, jekk mill-motiv ta’ sentenza tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu jirriżulta ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra ta’ liġi, l-appell għandu jiġi miċħud. L-istess approċċ jgħodd ukoll fir-rigward tal-analiżi mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ motiv tar-rikors, jew ta’ parti minn motiv tar-rikors, meħud b’mod iżolat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punti 27 sa 29).

111    Fil-każ ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fakkar ukoll, fil-punt 167 tas-sentenza appellata, li, bl-aġir tiegħu, l-appellant kien ikkawża dannu finanzjarju lill-istituzzjoni tiegħu. Din it-tfakkira twassal sabiex jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant ma ġietx stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra abbażi tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi tal-konstatazzjoni ta’ vantaġġ indebitu, iżda abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-kumpens għad-danni subiti mill-Unjoni minħabba nuqqasijiet personali serji mwettqa mill-uffiċjali tagħha fl-eżerċizzju jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijiethom, abbażi tal-identifikazzjoni ta’ dannu kkawżat lill-Unjoni minħabba nuqqas personali serju tal-appellant.

112    Għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 85 u tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal huma kunsiderevolment differenti, l-istess bħall-kuntest tagħhom. Id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament tippreżupponi biss, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi pprovat li somma jew vantaġġ ekwivalenti ġew ipprovduti b’mod irregolari lill-uffiċjal ikkonċernat u li dan kien jaf b’din l-irregolarità jew li kienet tant evidenti li ma setax ma jindunax biha, filwaqt li d-deċiżjoni li huwa jiġi obbligat jikkumpensa dannu abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tippreżumi li jintwera li kien hemm nuqqas personali serju li ta lok għal dan id-dannu. Id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament tista’ tiġi adottata, jekk ikun il-każ, wara li jinġabru punti ta’ fatt jew osservazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, hekk kif jintwerew il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li d-deċiżjoni li l-uffiċjal jiġi obbligat jikkumpensa d-dannu abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi adottata biss, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, wara li jiġu osservati l-formalitajiet rikjesti fil-qasam dixxiplinari, jiġifieri, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li jiġi kkaratterizzat nuqqas serju, bħala prinċipju, wara investigazzjoni, proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari jew il-fażi kontradittorja finali mal-Awtorità tal-Ħatra, hekk kif previst fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn id-differenzi fin-natura u fil-kundizzjonijiet sostantivi u l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni jiġġustifikaw li l-Awtorità tal-Ħatra tista’, skont iċ-ċirkustanzi, taġixxi taħt l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ma tkunx tista’ taġixxi taħt l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk ir-regoli jew il-prinċipji fil-qasam tat-termini ma humiex identiċi fiż-żewġ każijiet, li barra minn hekk jista’ jiġi ġġustifikat ukoll minn dawn id-differenzi.

113    Fid-dawl tal-motivi li jinsabu fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq, ir-regola ta’ preskrizzjoni speċifika fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, invokata mill-appellant, ġiet ġustament miċħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

114    Sussegwentement, l-appellant iqis, fil-punti 24 u 25 tal-appell, li, meta eżamina l-argumenti tiegħu dwar il-“ksur tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin jew ta’ terminu raġonevoli”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq ukoll żbalji ta’ liġi meta ċaħad l-argumenti sussidjarji tar-rikors li jgħidu li, jekk il-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tapplikax, ikun hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, “bħala parametru ukoll tat-terminu raġonevoli” għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal il-preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilita fl-Artikolu 81 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

[omissis]

127    Għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, kemm l-appellant kif ukoll it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbaljaw dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi meta invokaw rispettivament, fil-punt 130 tar-rikors, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012 sabiex jeċċepixxu preskrizzjoni jew nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, dawk tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, meħuda għall-applikazzjoni tal-ewwel, sabiex jeċċepixxu l-interruzzjoni tat-terminu invokat.

128    Fil-fatt, fi ħdan ir-Regolament Nru 966/2012, li kien ir-regolament li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, l-Artikolu 81 jinsab fil-Kapitolu “Operazzjonijiet ta’ dħul” u jsegwi, fl-istess kapitolu, l-Artikoli 78, 79 u 80 li jistabbilixxu rispettivament il-prinċipji skont liema l-krediti huma kkonstatati, l-irkupru tagħhom huwa ordnat u l-irkupru tagħhom iseħħ. Dan l-Artikolu 81 jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari li ma humiex rilevanti fil-każ ineżami, il-krediti miżmuma mill-Unjoni fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ta’ delega fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli ddettaljati fil-qasam tat-terminu ta’ preskrizzjoni. L-Artikolu 80 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, adottat għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 966/2012, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-uffiċjal awtorizzanti li jkun ikkonstata kreditu għandu jinforma b’dan lid-debitur permezz ta’ nota ta’ debitu, fejn din tal-aħħar għandha tippreċiża d-data ta’ skadenza għall-ħlas li minnha l-interessi moratorji jkunu dovuti jekk id-dejn ikun għadu ma tħallasx. L-Artikolu 93 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, adottat għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012, jipprovdi b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu, li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-krediti miżmuma mill-Unjoni fil-konfront ta’ terzi jibda jiddekorri minn din id-data ta’ skadenza għall-ħlas u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li dan it-terminu huwa interrott minn kull att ta’ istituzzjoni, jew ta’ Stat Membru li jaġixxi fuq talba ta’ istituzzjoni, innotifikat lit-terz u intiż għall-irkupru tal-kreditu.

129    Minn dan jirriżulta li, fl-istat tad-dritt applikabbli għal din il-kawża, il-preskrizzjoni invokata mill-appellant, ibbażata fuq l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012, tista’ tikkonċerna biss fażi sussegwenti għall-konstatazzjoni tal-kreditu, li tibda b’mod iktar preċiż fid-data tal-iskadenza għall-ħlas imsemmija fin-nota ta’ debitu mibgħuta lit-terz debitur u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata fir-rigward tal-fażijiet preċedenti li jwasslu għall-konstatazzjoni tal-kreditu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 86 sa 89). Issa, fil-każ ineżami, huwa t-terminu bejn l-okkorrenza tal-fatti li jagħtu lok għall-kreditu u l-mument meta dan tal-aħħar ikun ġie stabbilit flimkien mad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri qabel il-konstatazzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 966/2012, li l-appellant iqis eċċessiv. Konsegwentement, kemm jekk b’applikazzjoni diretta u kemm jekk bħala parametru tat-terminu raġonevoli, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012 ma setax japplika għall-benefiċċju tal-appellant.

130    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, konsegwentement, ressaq b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012, b’risposta għall-argument tal-appellant dwar il-preskrizzjoni bbażata fuq dan l-aħħar artikolu. Madankollu, il-konklużjoni li wasal għaliha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-kreditu relatat mal-kirjiet inkwistjoni ma kienx preskritt skont ir-regoli li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni finanzjarja hija madankollu fondata għar-raġunijiet ta’ liġi esposti fil-punt 129 iktar ’il fuq.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punt 110 iktar ’il fuq dwar il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ta’ motivi ta’ liġi mill-qorti tal-appell u tal-fatt li l-appellant ma ressaqx fl-appell tiegħu argumenti oħra intiżi li jikkritikaw l-analiżi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq il-ksur tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin jew tat-terminu raġonevoli, l-aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant, sa fejn jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012, għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 Fuq l-aggravji mressqa kontra s-sentenza appellata għal dak li jikkonċerna d-difetti proċedurali u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża allegati quddiem il-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu

[omissis]

–       Fuq l-aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu għal dak li jikkonċerna d-difetti proċedurali u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża allegati quddiemha

[omissis]

156    Fil-punt 28 tal-appell, l-appellant jikkontesta, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni ta’ prinċipju magħmula fil-punt 70 tas-sentenza appellata billi jargumenta li l-ilmenti mressqa kontra uffiċjal ma jistgħux jevolvu matul il-proċedura billi jiġu adattati skont ir-risposti tiegħu, mhux sabiex jiġu ssemplifikati, iżda sabiex tinżamm akkost ta’ kollox proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu. Aġir b’dan il-mod ma jippermettix lill-uffiċjal ikkonċernat jiddefendi ruħu fi żmien xieraq. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi.

[omissis]

159    Fir-rigward tal-argumenti mressqa fl-appell imsemmija fil-punt 156 iktar ’il fuq dwar l-evalwazzjoni ta’ prinċipju ċċitata fl-aħħar tal-punt 155 iktar ’il fuq, mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċedura dixxiplinari jirriżulta li din hija ppreċeduta minn fażi ta’ investigazzjoni, immexxija mill-OLAF jew mill-Awtorità tal-Ħatra, li tista’ tuża servizz speċjalizzat f’dan ir-rigward bħall-IDOC fi ħdan il-Kummissjoni. Huwa biss fi tmiem din il-fażi ta’ investigazzjoni, hekk kif previst fl-Artikolu 3 tal-istess anness, li tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari jekk ikun il-każ, b’konsultazzjoni mal-Bord Dixxiplinari jew mingħajr tali konsultazzjoni skont il-grad ta’ sanzjoni li tkun possibbli. Konsegwentement, fil-każ fejn il-Bord Dixxiplinari jiġi kkonsultat, huwa fir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra li jakkumpanja r-riferiment għal dan il-Bord li jkun iddefinit l-allegat nuqqas tal-uffiċjal inkwistjoni, hekk kif jikkonferma l-Artikolu 12(1) tal-istess anness li jipprovdi li dan ir-rapport għandu jgħid “fiċ-ċar il-fatti li lmentaw fuqhom u, fejn ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi kif inħolqu, inklużi xi ċirkostanzi aggravanti jew estenwanti”. Huwa fir-rigward tan-nuqqas identifikat f’dan ir-rapport, trażmess lill-uffiċjal ikkonċernat b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-istess anness, li l-aġir tiegħu għandu jiġi evalwat, kemm mill-Bord Dixxiplinari kif ukoll mill-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl ukoll tal-elementi addizzjonali mressqa matul din il-fażi dixxiplinari, u li jekk ikun il-każ tiġi imposta fuqu sanzjoni. Huwa fir-rigward ta’ dan l-istess nuqqas, li takkużah bih l-Awtorità tal-Ħatra wara investigazzjoni, li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’ jkompli jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 tal-istess anness, b’mod partikolari billi jieħu konjizzjoni tal-fajl kollu u billi jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub u osservazzjonijiet orali lill-Bord Dixxiplinari u, wara li dan ikun ta l-opinjoni tiegħu, lill-Awtorità tal-Ħatra. Konsegwentement, aġġustamenti possibbli dwar il-kontenut tan-nuqqas matul il-fażi ta’ investigazzjoni, li matulha d-dipartimenti inkarigati bl-investigazzjoni jmexxu din l-investigazzjoni fuq il-bażi ta’ nuqqas possibbli, ma jistgħux jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif ġustament iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inkluż barra minn hekk jekk, fid-dawl tal-investigazzjonijiet imwettqa, in-nuqqas identifikat fi tmiem l-investigazzjoni jkun iktar estiż jew iktar serju min-nuqqas eventwali inizjalment identifikat. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li t-tnejn li huma jirrigwardaw il-fażi ta’ investigazzjoni, jindikaw li meta tkun tidher il-possibbiltà li uffiċjal ikun involut f’każ partikolari, dan tal-aħħar għandu jiġi informat sa fejn dan ma jippreġudikax l-iżvolġiment tal-investigazzjoni. Dan bl-ebda mod ma jobbliga li jiġi ċċarat in-nuqqas possibbli sa mill-bidu tal-investigazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, N vs Il-Kummissjoni, T‑273/94, EU:T:1997:71, punt 79). L-iżball ta’ liġi allegat fl-appell fir-rigward tal-punt 70 tas-sentenza appellata għaldaqstant ma huwiex stabbilit.

[omissis]

162    Madankollu, il-motivi msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq ma humiex biżżejjed, fid-dritt, sabiex tiġi miċħuda l-kritika tal-appellant dwar l-assenza, fil-fajl mibgħut mill-Awtorità tal-Ħatra lill-Bord Dixxiplinari u fil-fajl individwali tiegħu, li għalihom huwa kellu aċċess, tar-riżultat tal-miżura istruttorja mwettqa mill-IDOC dwar l-eżistenza ta’ din ir-regola ta’ nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ akkomodazzjoni intiża għall-persunal f’ċirkustanzi li l-appellant kien iltaqa’ magħhom.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din il-miżura istruttorja ġiet effettivament eżegwita, kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-appellant mill-Awtorità tal-Ħatra tal-10 ta’ Settembru 2015, li tindika li “l-iskambji mas-SEAE ma ppermettewx li tiġi kkonfermata b’ċertezza l-eżistenza ta’ tali regola u prattika fi ħdan is-SEAE” u li “l-eżistenza ta’ tali regola [ma] rriżultatx”. L-appellant semma huwa stess, fl-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, spjegazzjoni simili mogħtija mir-rappreżentanti tal-Awtorità tal-Ħatra waqt is-seduta tal-Bord Dixxiplinari. Issa, l-Artikolu 13(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li malli jirċievi r-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra lill-Bord Dixxiplinari, l-uffiċjal ikkonċernat għandu d-dritt li jikseb komunikazzjoni sħiħa tal-fajl individwali tiegħu u jieħu kopja tad-dokumenti kollha tal-proċedura. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ladarba tintemm il-fażi tal-investigazzjoni. Għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat anki fil-każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 9). Barra minn hekk, ġie deċiż li, fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, l-uffiċjal ikkonċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni fuq kull dokument li istituzzjoni jkollha l-intenzjoni tuża kontrih, ħlief, fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem din il-proċedura, sabiex dan id-dokument ma jkunx definittivament determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2001, E vs Il‑Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, EU:T:2001:175, punti 92 u 93). L-Artikolu 13(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jikkontribwixxi wkoll, issa, għall-osservanza tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intiż li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jipprovdi li kull persuna għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl li jikkonċernaha. Minn dan jirriżulta li miżura istruttorja tad-dipartimenti inkarigati bl-investigazzjoni, ikun xi jkun ir-riżultat tagħha, għandha tkun parti mill-fajl trażmess lill-Bord Dixxiplinari u lill-persuna kkonċernata. Fil-każ ineżami, għandu barra minn hekk jiġi osservat: l-ewwel, li l-Awtorità tal-Ħatra użat, waqt is-seduta tal-Bord Dixxiplinari, ir-riżultat ta’ din il-miżura istruttorja billi indikat li l-eżistenza tar-regola invokata mill-appellant ma kinitx ikkonfermata, u dan mingħajr ma tat għarfien minn qabel lill-appellant dwar dan ir-riżultat fil-fajl; sussegwentement, li l-Bord Dixxiplinari, essenzjalment, fil-premessa 38 tal-opinjoni tiegħu, irriproduċa din il-konklużjoni; fl-aħħar nett, li din il-konklużjoni reġgħet ġiet irripetuta fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-appellant mill-Awtorità tal-Ħatra tal-10 ta’ Settembru 2015. Ma jistax jiġi eskluż li kieku l-appellant seta’ jkollu għarfien, ladarba l-każ tressaq quddiem il-Bord Dixxiplinari, bil-kontenut tal-miżura istruttorja mwettqa mill-IDOC, huwa seta’, speċjalment li kieku din seħħet fil-qosor, b’mod informali jew b’mod ftit iddokumentat, japprofondixxi l-argument tiegħu f’dan ir-rigward u, pereżempju, jitlob, b’mod iktar konvinċenti milli fin-nota tiegħu lill-Bord Dixxiplinari tat-23 ta’ Settembru 2014, li jerġgħu jinbdew l-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, b’mod partikolari billi jitlob investigazzjoni kontradittorja ordnata mill-Bord Dixxiplinari abbażi tal-Artikolu 17(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

[omissis]

169    Billi ddeċieda, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-ilmenti tal-appellant dwar l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Bord Dixxiplinari kienu ineffettivi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-fatt wettaq żball ta’ liġi.

170    Meta l-proċedura dixxiplinari tkun tinvolvi l-intervent tal-Bord Dixxiplinari, jiġifieri, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-Awtorità tal-Ħatra tiftaħ proċedura dixxiplinari filwaqt li tipprevedi li din tista’ twassal sabiex tiġi imposta sanzjoni iktar ħarxa minn twissija bil-miktub jew ċanfira, dan l-intervent jikkostitwixxi element essenzjali tal-proċedura, għaliex dan jikkostitwixxi l-mument ta’ dibattitu kontradittorju fid-dettall flimkien, possibbilment, mat-twettiq ta’ investigazzjoni addizzjonali għal dawk diġà mibdija preċedentement u peress li l-Awtorità tal-Ħatra tagħti deċiżjoni sussegwentement, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni x-xogħol tal-Bord Dixxiplinari, jiġifieri billi tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni motivata tiegħu adottata bil-maġġoranza u anki ta’ opinjonijiet diverġenti ta’ uħud mill-membri tiegħu li jkunu possibbilment esprimew ruħhom, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 12 sa 18 tal-istess anness. F’dan ir-rigward, l-appellant isostni ġustament li meta l-Awtorità tal-Ħatra titbiegħed mill-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, hija għandha tagħti l-motivi fil-qosor, hekk kif iddeċieda diversi drabi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2015, Bedin vs Il-Kummissjoni, F‑128/14, EU:F:2015:51, punt 29; tat-18 ta’ Ġunju 2015, CX vs Il-Kummissjoni, F‑27/13, EU:F:2015:60, punti 57 u 58, u tal-10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il-Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 147). Konsegwentement, l-intervent tal-Bord Dixxiplinari jikkostitwixxi, meta l-każ jitressaq quddiemu bħal fil-każ ineżami, formalità essenzjali tal-proċedura li uffiċjal issanzjonat fi tmiem din il-proċedura għandu jkun jista’ bħala prinċipju jikkontesta l-opinjoni tiegħu, meta l-Awtorità tal-Ħatra tirripproduċi l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Bord Dixxiplinari. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-opinjoni stess tal-Bord Dixxiplinari tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal annullament ammissibbli (sentenza tad-29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 16). Fil-każ ta’ appell, bħal fil-każ ineżami, li jitlob biss l-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni, huwa biss fil-każ li l-Awtorità tal-Ħatra titbiegħed b’mod ċar, jew ċarament ma tiħux inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni finali tagħha, evalwazzjoni magħmula mill-Bord Dixxiplinari jew minn wieħed mill-membri tiegħu li jista’ jiġi deċiż li aggravju jew ilment kontra din l-evalwazzjoni huwa ineffettiv, peress li l-att ikkontestat ikun fil-fatt id-deċiżjoni finali u mhux l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari jew l-opinjoni ta’ wħud mill-membri tiegħu. Fil-każijiet l-oħra, ikun wisq formalistiku li l-appellant jintalab jindirizza fl-aggravji u fl-ilmenti tiegħu siltiet speċifiċi tad-deċiżjoni kontenzjuża sabiex jikkontesta evalwazzjoni magħmula fil-kuntest tal-ħidma tal-Bord Dixxiplinari meta l-Awtorità tal-Ħatra tkun ħadet inkunsiderazzjoni din l-evalwazzjoni sabiex tiddeċiedi.

[omissis]

 Fuq ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u fuq it-talbiet anċillari

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq difetti proċedurali li jaffettwaw l-atti preparatorji għad-deċiżjoni kontenzjuża

[omissis]

239    Kif diġà ġie espost fil-punt 147 iktar ’il fuq, l-appellant jikkritika lill-Bord Dixxiplinari, fl-ewwel lok, fil-punt 59 tar-rikors, li ma ddeċidiex dwar ir-regolarità tat-tressiq tal-każ quddiemu u b’mod iktar ġenerali dwar il-kwistjonijiet proċedurali li huwa kien qajjem fin-nota tad-difiża li kien indirizzalu, imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq.

240    F’dan ir-rigward, il-Bord Dixxiplinari ġustament espona, fil-punti 1 u 2 tal-opinjoni tiegħu, essenzjalment li ma huwiex obbligat jistħarreġ ir-regolarità tal-proċedura ta’ investigazzjoni, iżda sempliċement ir-regolarità tal-iżvolġiment tal-proċedura quddiemu. Fil-fatt, kif irrileva it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 78 tas-sentenza appellata, skont l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rwol tal-Bord Dixxiplinari huwa li jagħti opinjoni motivata dwar ir-realità tal-fatti allegati u dwar, jekk ikun il-każ, is-sanzjoni li fil-fehma tiegħu għandhom iwasslu għaliha l-fatti li jkun sar ilment dwarhom. Huwa l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra, li għandha s-setgħa timponi sanzjoni fuq l-uffiċjal ikkonċernat, li tivverifika li l-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll il-proċedura dixxiplinari kollha kemm hi kienu regolari u, jekk ikun il-każ, tal-qorti adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni adottata mill-Awtorità tal-Ħatra li tagħmel dan ukoll. Min-naħa tiegħu, il-Bord Dixxiplinari għandu, bħal kull korp amministrattiv jew konsultattiv, jiżgura li l-proċedura quddiemu tkun regolari, li hija waħda mill-fażijiet tal-proċedura dixxiplinari. Barra minn hekk, jekk huwa jqis li qabel ma ġie kkonsultat, il-proċedura ta’ investigazzjoni ma kinitx suffiċjenti, huwa għandu jikkompletaha, lil hinn mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub jew verbali magħmula quddiemu mill-uffiċjal ikkonċernat u mill-Awtorità tal-Ħatra, permezz tal-mistoqsijiet tiegħu stess, jew saħansitra permezz ta’ investigazzjoni kontradittorja, kif previst fl-Artikolu 17 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-każ ineżami, fil-punti 1 u 2 tal-opinjoni tiegħu, il-Bord Dixxiplinari indika li huwa ma kellux is-setgħa jikkundanna irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw il-proċedura ta’ qabel ma ġie kkonsultat, iżda żgura ruħu li n-nota tal-IDOC tal-31 ta’ Ottubru 2013, li kienet bdiet l-investigazzjoni dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant u li kellha tifforma parti mill-fajl mibgħut lill-Bord Dixxiplinari, setgħet tkun is-suġġett ta’ osservazzjonijiet min-naħa tal-appellant u fakkar li huwa seta’ huwa stess jieħu konjizzjoni tagħha fi żmien xieraq. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fir-rikors, l-appellant ma jikkritikax lill-Bord Dixxiplinari li ma wettaqx investigazzjonijiet addizzjonali, permezz ta’ mistoqsijiet jew ta’ indaġni. Għaldaqstant hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-appellant esposti fil-punt 59 tar-rikors u mfakkra fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li jikkritikaw lill-Bord Dixxiplinari talli ma ddeċidiex fuq ċerti irregolaritajiet proċedurali allegati.

[omissis]

 Fuq l-aggravji dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant (ir-raba’ parti tar-raba’ aggravju u s-sitt aggravju)

286    L-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal tal-Unjoni jista’ jintalab jagħmel tajjeb, kompletament jew parzjalment, għad-dannu mġarrab mill-Unjoni minħabba nuqqas personali serju li jkun wettaq fl-eżerċizzju jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu.

[omissis]

295    L-appellant kien jaf li s-sitwazzjoni fejn ma jkunx qiegħed jokkupa mal-familja tiegħu appartament ta’ daqs previst għall-akkomodazzjoni ta’ din il-familja, li huwa kien talab, kienet sitwazzjoni li ma setgħetx tkompli, anki kieku l-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni ma ġegħlithux ipoġġi mill-ġdid għad-dispożizzjoni tal-Unjoni l-akkomodazzjoni tiegħu intiża għall-persunal. Huwa ammetta, b’mod partikolari waqt it-tieni seduta tiegħu mill-OLAF, li din tal-aħħar kienet insistiet li l-familja tiegħu tingħaqad miegħu f’dan l-appartament u ma jiċħadx li akkomodazzjoni intiża għall-persunal prevista sabiex tiġi okkupata minn familja għandha normalment tiġi okkupata b’dan il-mod. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu interpretati, flimkien mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-Unjoni, dovut mill-uffiċjali tagħha skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, ħlief fis-sens li l-uffiċjal li jkun talab akkomodazzjoni intiża għall-persunal ta’ daqs adatt għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu, jokkupaha mal-familja tiegħu jew jinforma li huwa għandu jirrinunzja għaliha meta diffikultajiet persistenti jimpedixxu, lil hinn minn terminu raġonevoli, l-okkupazzjoni tagħha. Għall-uffiċjal ikkonċernat, din hija kwistjoni ta’ lealtà.

296    Fil-każ ineżami, jekk problema ta’ verniċ difettuż tal-parkè kienet tirrendi impossibbli l-okkupazzjoni mill-familja, ħaġa li kienet għaldaqstant taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-proprjetarju, kien hemm bżonn li l-appellant jirrifjuta d-dħul fil-post jew jieħu passi oħra xierqa fi ħdan id-delegazzjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titlob lill-proprjetarju jaffaċċja r-responsabbiltajiet tiegħu.

297    Fl-aħħar nett, anki jekk il-preżenza ta’ ħabib “kustodju tal-appartament” setgħet tindirizza t-tħassib tal-appellant li l-appartament tiegħu intiż għall-persunal ma jiġix okkupat b’mod inopportun minn terzi, dan kien biss minħabba li l-appellant ma kienx jirrisjedi fih b’mod permanenti minħabba l-fatt li l-familja tiegħu ma kinitx ingħaqdet miegħu li dan l-arranġament ta’ “kustodju tal-appartament” matul tul ta’ żmien twil kien jista’ jiġi ġġustifikat.

298    B’hekk, ebda waħda mir-raġunijiet marbuta mal-problemi tas-saħħa ta’ martu u tal-wild tiegħu, ma’ disturbi interni tal-appartament jew mal-attitudni tal-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni ma jistgħu jiġġustifikaw l-aġir personali tal-appellant u ma jistgħux jistabbilixxu li huwa baqa’ leali fir-rigward tal-Unjoni minn Jannar 2009, jiġifieri wara l-ewwel erba’ xhur ta’ kera, billi ma pproponiex li jirrinunzja għall-appartament ta’ daqs adatt għal familja li minnu kien jibbenefika u billi żammu għall-benefiċċju tiegħu biss, minkejja li wera ċerta trasparenza dwar is-sitwazzjoni fil-konfront tal-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni.

[omissis]

300    F’dan l-istadju tal-analiżi, għandu għalhekk jiġi aċċettat, fid-dawl tal-ispiża ta’ flus pubbliċi mingħajr neċessità kkawżata mill-attitudni tal-appellant u miż-żamma tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal lil hinn minn terminu raġonevoli, li l-Awtorità tal-Ħatra ġustament iddeċidiet li n-nuqqas personali tal-appellant kien ta’ natura serja, peress li minn Jannar 2009, erba’ xhur wara l-bidu tal-kera, sat-tmiem tagħha f’Awwissu 2010, huwa estenda l-użu irregolari tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal mingħajr ma ħa ebda passi fir-rigward tad-delegazzjoni sabiex ipoġġih mill-ġdid għad-dispożizzjoni tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal kien għalhekk ġustament serju għal dan il-perijodu.

[omissis]

302    F’dak li jirrigwarda d-dannu li l-attitudni tal-appellant ikkawżat, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument ta’ dan tal-aħħar, espress fil-punti 120 sa 123 tar-rikors, ibbażat fuq il-fatt li l-kirja ma setgħetx tiġi xolta l-ewwel sena mingħajr madankollu ma l-kera tkun dovuta għal din is-sena kollha, u dan kien jeskludi kull dannu għall-Unjoni matul l-ewwel sena ta’ kiri minn Settembru 2008 sa Awwissu 2009. Id-dannu għall-Unjoni jeżisti matul il-perijodu kollu li fih jitqies li kien hemm nuqqas mill-appellant fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri minn Jannar 2009 sa Awwissu 2010, u għalhekk b’mod partikolari minn Jannar sa Awwissu 2009, peress li, matul dan iż-żmien, l-Unjoni kienet qiegħda tħallas appartament intiż għall-persunal ta’ daqs adatt għal familja lil uffiċjal li kien jokkupah biss waħdu u b’mod parzjali matul il-ġimgħa, minkejja li kellu appartament ta’ daqs adatt għal familja ieħor fil-viċinanzi fejn kienet baqgħet il-familja tiegħu u fejn huwa stess kien jgħix parzjalment. Barra minn hekk, dan id-dannu ġie effettivament ikkawżat mill-appellant li, wara li talab tali appartament intiż għall-persunal ma temmx is-sitwazzjoni ċċitata iktar ’il fuq billi ma pproponiex li dan l-appartament jiġi rrestitwit wara ftit xhur. Kif ġie rrilevat fil-punt 296 iktar ’il fuq, kieku kien veru li problema fit-tul ta’ verniċ difettuż tal-parkè kienet tirrendi impossibbli l-okkupazzjoni mill-familja tiegħu fl-appartament intiż għall-persunal, li kien għalhekk jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-proprjetarju, l-appellant kellu jirrifjuta mill-bidu li jidħol f’dak il-post jew kellu jieħu passi oħra xierqa fir-rigward tad-delegazzjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titlob lill-proprjetarju jaffaċċja r-responsabbiltajiet tiegħu. Dan id-dannu jintwera wkoll sa tmiem il-kirja, inkwantu, billi ma qiegħedx lura l-appartament għall-persunal għad-dispożizzjoni tad-delegazzjoni, l-appellant ipprekluda lill-Kummissjoni milli tgawdi minn dan il-beni filwaqt li kienet qiegħda tħallas il-kera relatata, b’mod partikolari billi pprekludieha milli tuża b’mod ieħor dan l-appartament, hekk kif irrileva t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 159 tas-sentenza appellata, jew tal-inqas li xxolji l-kirja mingħajr penali minn Settembru 2009, fatt li seta’ effettivament inaqqas id-dannu tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li fil-kirja kien ġie previst perijodu ta’ nuqqas ta’ xoljiment mill-kerrej matul l-ewwel sena, ħlief jekk il-kera xorta waħda titħallas matul dan il-perijodu, ma jistax iwassal sabiex jitqies li ma hemmx dannu għal dan il-perijodu, bil-kontra għal dak li jsostni l-appellant. Matul dan il-perijodu, id-delegazzjoni effettivament ħallset appartament ta’ daqs adatt għal familja, wara talba mill-appellant, mingħajr ma kienet iġġustifikata u mingħajr ma setgħet tislet ebda utilità minn dan.

303    Sussegwentement, l-appellant isostni, fil-punt 125 tar-rikors, li, sa fejn huwa kellu dritt għal appartament intiż għall-persunal iżgħar, adatt għal persuna waħedha, id-dannu tal-Unjoni kien limitat għad-differenza fil-kiri bejn l-appartament intiż għall-persunal ta’ daqs adatt għal familja li huwa kien okkupa u tali appartament intiż għall-persunal iżgħar. Dan l-argument seta’ jintlaqa’ biss kieku l-appellant kien effettivament talab appartament intiż għall-persunal għal persuna waħedha matul il-kirja prevista għall-appartament ta’ daqs adatt għal familja, iżda, fl-assenza ta’ din iċ-ċirkustanza, li hija ridotta għal sempliċi spekulazzjoni, speċjalment peress li l-konjuġi tiegħu kienet proprjetarja ta’ appartament fi New York li fih kienet tirrisjedi l-familja tiegħu, għandu jitqies li matul il-perijodu kollu tal-kirja, l-Unjoni effettivament ġarrbet dannu li jikkorrispondi għall-kera kollha mħallsa għall-appartament intiż għall-persunal allokat lill-appellant filwaqt li dan l-appartament ma kienx meħtieġ li jinkera. Dan id-dannu għaldaqstant jestendi, kif irrilevat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, fuq il-perijodu minn Jannar 2009 sa Awwissu 2010 li fir-rigward tiegħu ġie deċiż, fil-punt 300 iktar ’il fuq, li l-appellant wettaq nuqqas personali serju.

[omissis]

307    Kif ġie espost fil-punti 106 u 114 iktar ’il fuq, l-appellant jinvoka l-preskrizzjoni ta’ ħames snin prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u, sussidjarjament, bħala parametru tat-terminu raġonevoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilita fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012. Hekk kif ġie deċiż fil-punti 113 u 129 iktar ’il fuq, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma hija applikabbli għall-każ ineżami. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippreċiża t-terminu li fih, fir-rigward tal-fatti inkwistjoni, għandhom isiru investigazzjoni, proċeduri dixxiplinari u tingħata deċiżjoni li tikkonstata r-responsabbiltà finanzjarja ta’ uffiċjal skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi eżempju ta’ terminu ta’ preskrizzjoni adottat mil-leġiżlatur fir-rigward ta’ ċerti relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha, anki jekk fid-dawl tad-differenzi li jikkaratterizzaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal meta mqabbla mal-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, enfasizzati fil-punt 112 iktar ’il fuq, terminu ta’ tul analogu li għandu jiġi osservat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax ikun terminu li ma jistax jiġi interrott bħal dak previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

308    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-leġiżlatur ma jkunx ippreveda terminu ta’ preskrizzjoni, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f’terminu raġonevoli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlement, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, billi wasslu għal investigazzjoni, billi taw bidu għal proċedura dixxiplinari u billi finalment ġiet ikkonstatata responsabbiltà finanzjarja tal-appellant għall-perijodu minn Jannar 2009 sa Awwissu 2010, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-Awtorità tal-Ħatra kisrux, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli sabiex jaġixxu.

309    Ir-raġonevolezza ta’ terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi f’kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża, u d-diversi stadji proċedurali li l-istituzzjoni tal-UE segwiet kif ukoll l-aġir tal-partijiet matul il-proċedura. Fil-fatt, ir-raġonevolezza ta’ terminu ma tistax tiġi eżaminata b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 99 u 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

310    Fil-każ ineżami, il-perijodu li għalih nuqqas serju tal-appellant huwa meqjus, jiddekorri minn Jannar 2009 sa Awwissu 2010. L-OLAF informa lill-appellant bil-ftuħ ta’ investigazzjoni li tikkonċernah fir-rigward tal-użu tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal f’Marzu 2012, jiġifieri inqas minn sentejn wara tmiem dan il-perijodu kontinwu. Fi tmiem il-fażi ta’ investigazzjoni, li involviet suċċessivament l-OLAF u l-IDOC, l-Awtorità tal-Ħatra bdiet proċedura dixxiplinari kontra l-appellant f’Lulju 2014 u adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li kkonstatat b’mod partikolari r-responsabbiltà finanzjarja tal-appellant fi Frar 2015. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata f’Settembru 2015 biċ-ċaħda tal-ilment tal-appellant. Fid-dawl ta’ din is-sekwenza tal-fatti, għandu jitqies li l-awtorità amministrattiva ma eżerċitatx is-setgħat tagħha f’termini mhux raġonevoli.

[omissis]

 Fuq l-aggravji ġodda mressqa mill-appellant fil-proċedura tal-appell

[omissis]

315    Id-denunzja, mill-appellant, tal-aġir frawdolenti ta’ wieħed mill-kollegi tiegħu fi New York saret permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-appellant lill-IDOC tat-13 ta’ Mejju 2013, prodott fl-Anness 36 tar-rikors. Dan il-messaġġ intbagħat filwaqt li l-appellant kien diġà s-suġġett tal-investigazzjoni dwar l-użu tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal u kien intiż fl-ewwel lok li jqajjem dubju dwar il-kredibbiltà ta’ żewġ xhieda kontra tiegħu li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-OLAF. Huwa f’dan il-kuntest li l-appellant semma aġir potenzjalment irregolari, b’diversi modi, ta’ dan il-kollega, li kien allegatament marbut maż-żewġ persuni li xehdu. Minn dan il-messaġġ elettroniku jirriżulta li d-denunzja magħmula mill-appellant kienet parzjalment tirrigwarda fatti manifestament diġà magħrufa mill-ġerarkija tad-delegazzjoni u minnu stess għal ċertu żmien u parzjalment fuq fatti li kienu ġew mgħarrfa lill-OLAF minn persuni oħra tad-delegazzjoni, qabel ma l-appellant innifsu kien għarraf lill-IDOC diversi xhur wara li sar jaf b’kumbinazzjoni. Għaldaqstant, id-denunzja tal-appellant ma taqax fil-kuntest tat-tnedija ta’ twissija fuq fatti li jistgħu jwasslu għall-preżunzjoni ta’ attività illegali, li uffiċjal jiskopri, kif previst fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jaqa’ biss fil-kuntest tad-difiża minn uffiċjal tal-interessi tiegħu stess. Għaldaqstant, l-appellant ma jistax jinvoka l-kwalità ta’ informatur, anki jekk jitqies li tali kwalità setgħet tinvoka ċirkustanza attenwanti fir-rigward tal-fatti li ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ dawk li huwa ddenunzja, anki kieku dawn tal-aħħar irriżultaw eżatti.

[omissis]

317    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji ppreżentati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma seta’ jintlaqa’, hemm lok li t-talbiet għal annullament imressqa mill-appellant, inklużi dawk imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-motivi esposti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata.

 Fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-kumpens finanzjarju meħtieġ mill-appellant

318    Għandu jiġi kkonstatat li l-appellant, billi talab fit-talbiet tiegħu li l-qorti teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tnaqqas il-kumpens finanzjarju mitlub minnu fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma ressaqx argumenti partikolari sabiex jiġġustifika t-tnaqqis mitlub, minbarra dawk esposti insostenn tal-aggravji għall-annullament tiegħu. Madankollu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Kokott fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:118), għall-aspetti strettament pekunjarji ta’ tilwima bejn l-Unjoni u wieħed mill-uffiċjali tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li sempliċement tistħarreġ il-legalità tal-atti inkwistjoni, iżda tista’ wkoll teżamina l-opportunità u għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tippermetti lill-qorti tal-Unjoni, fil-kawżi ta’ natura pekunjarja u fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tevalwa ex officio, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, dannu mġarrab ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, tali ġurisdizzjoni tista’ tiġi eżerċitata anki fl-assenza ta’ kwalunkwe talba f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:118, punt61) u, a fortiori, fil-każ fejn tali talba titressaq, fl-assenza ta’ kwalunkwe argument speċifiku mqajjem insostenn ta’ din tal-aħħar. Fil-każ ineżami, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-osservanza tal-kontradittorju, il-kwistjoni tar-rwol tal-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni ġiet diskussa b’mod wiesa’ kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet kif ukoll fis-seduta, b’mod partikolari mill-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula f’din l-okkażjoni.

319    Minn dan id-dibattitu u mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kap tal-Amministrazzjoni tad-Delegazzjoni ma ordnatx lill-appellant jitlaq mill-akkomodazzjoni tiegħu intiża għall-persunal, iżda sempliċement fakkritu bl-irregolarità tas-sitwazzjoni tiegħu (ara l-punt 274 iktar ’il fuq). Anki jekk dan il-fatt ma jqiegħedx fi kwistjoni l-eżistenza ta’ nuqqas serju tal-appellant li jikkonsisti fl-użu irregolari fit-tul tal-appartament tiegħu intiż għall-persunal minn Jannar 2009 sa Awwissu 2010 (ara l-punt 300 iktar ’il fuq), huwa juri li, minħabba l-assenza ta’ inizjattiva xierqa mir-rappreżentant tagħha fil-post meta din kienet taf bis-sitwazzjoni, il-Kummissjoni kkontribwixxiet għat-twettiq sħiħ tad-dannu li hija sofriet minkejja li setgħet tnaqqas il-portata tiegħu, peress li ebda ostakolu ma jidher li seta’ jipprekludi tali inizjattiva, b’mod partikolari kieku dan kien jikkonsisti f’li l-appellant ikun ordnat joħroġ mill-appartament tiegħu intiż għall-persunal, peress li l-kundizzjonijiet għall-okkupazzjoni tiegħu ma kinux issodisfatti. Għaldaqstant, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis ex æquo et bono li l-kumpens mill-appellant għad-dannu mġarrab mill-Unjoni għandu jitnaqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, EU:C:1985:448, punti 53 u 54, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑351/03, EU:T:2007:212, punti 332 u 334).

320    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ffissat, konformement mal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kumpens dovut mill-appellant minħabba d-dannu li l-Unjoni ġarrbet dovut għan-nuqqas personali serju li huwa wettaq billi ma ħa l-ebda passi sabiex iqiegħed mill-ġdid għad-dispożizzjoni tal-Unjoni l-appartament tiegħu intiż għall-persunal minn Jannar 2009 għas-somma ta’ EUR 80 000 fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza, li jimplika jew li s-somom, inklużi interessi potenzjali, li l-appellant kien diġà ħallas u li jeċċedi dan l-ammont, jiġu rrimborsati lilu mill-Kummissjoni, jew li din tal-aħħar tordna lill-appellant ħlas addizzjonali possibbli sal-imsemmi ammont. Fiż-żewġ każijiet, il-pagamenti jew ir-rimborsi meħtieġa għandhom jiżdiedu bl-interessi bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, ikkalkolati sa minn meta tingħata din is-sentenza.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Lulju 2016, HG vs Il-Kummissjoni (F149/15), hija annullata.

2)      L-ammont tal-kumpens għad-dannu dovut minn HG lill-Unjoni huwa ffissat għas-somma ta’ EUR 80 000 fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza.

3)      Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża F149/15 huwa miċħud.

4)      HG u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess fil-Kawżi F149/15, T693/16 P, T440/18 RENV u T693/16 PRENVRX.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.