Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava III (is-Slovakkja) fl-24 ta’ Jannar 2023 – NFŠ a.s. vs Slovenská republika, li qiegħda taġixxi permezz tal-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky, u Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky

(Kawża C-28/23, NFŠ)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Bratislava III

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NFŠ a.s.

Konvenuti: Slovenská republika, li qiegħda taġixxi permezz tal-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky, and Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky

Domandi preliminari

Kuntratt ta’ sussidju u wegħda ta’ xiri konklużi bejn ministeru (l-Istat) u entità rregolata mid-dritt privat magħżula b’mod mhux kompetittiv, jikkostitwixxu “kuntratt pubbliku għal xogħlijiet” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] 1 jew tal-Artikolu 2(6)(c) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 2 , sa fejn il-kuntratt ta’ sussidju huwa għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, l-obbligi inklużi fil-kuntratt ta’ sussidju jinkludu obbligu fuq l-Istat li jagħti s-sussidju kif ukoll obbligu fuq l-entità rregolata mid-dritt privat li tibni binja konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-ministeru u li tippermetti lil organizzazzjoni sportiva tuża parti minnha, u l-obbligi inklużi fil-wegħda ta’ xiri jinkludu għażla unilaterali favur l-entità rregolata mid-dritt privat li tikkorrispondi għal obbligu għall-Istat li jixtri l-binja mibnija, kont meħud tal-fatt li dawn il-kuntratti jikkostitwixxu qafas ta’ obbligi reċiproki bejn il-ministeru u l-entità rregolata mid-dritt privat, li jippreżentaw rabta materjali u temporali?

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew l-Artikolu 2(6)(c) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludu leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio / ex tunc) jekk dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?

L-Artikolu 2d(1)(a) u l-Artikolu 2d(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi 1 , jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio / ex tunc) meta dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi (evażjoni) tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali?

L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew l-Artikolu 2(6)(c) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-rikonoxximent ex tunc ta’ effetti legali ta’ wegħda ta’ xiri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.

1 ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44.