Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2023 minn Bourbon Offshore Interoil Shipping - Navegação, Lda mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħti fit-18 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-721/22, Bourbon Offshore Interoil Shipping vs Il-Kummissjoni (Zona Franca da Madeira)

(Kawża C-803/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Bourbon Offshore Interoil Shipping - Navegação, Lda (rappreżentanti: S. Fernandes Martins u M. Mendonça Saraiva, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1. tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2023, mogħti fil-Kawża T-721/22 u, minflok dik il-qorti:

(a)tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414  tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM); 1

(b)fi kwalunkwe każ, mingħajr preġudizzju għall-punt (a), tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) u, konsegwentement, tannulla l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna mill-benefiċjarji, flimkien mal-interessi;

u, sa fejn jintlaqgħu t-talbiet preċedenti,

2. tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

1.L-ewwel aggravju. żball ta’ evalwazzjoni fid-digriet appellat fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” kienx issodisfat:

⎯Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni imponiet fuq l-Istat Portugiż li japplika l-metodu tal-ħaddiema annwali/persuni full-time (Annual Labour Units/Full-Time Equivalents (ALU/FTE)) – ara, f’dan is-sens, il-punti 173 sa 179 u 216 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

⎯Mid-deċiżjoni appellata jirriżulta li, għall-Qorti Ġenerali, kemm id-deċiżjoni tal-2007 kif ukoll dik tal-2013 u r-ratio stess li fuqu hija bbażata l-awtorizzazzjoni tal-Iskema III jimmilitaw favur l-użu obbligatorju tal-metodu tal-ALU/FTE. L-appellanti tqis li tali raġunament huwa nieqes minn bażi legali, peress li la d-deċiżjoni tal-2007 u lanqas dik tal-2013, u lanqas it-taqsima 5 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali 2007–2013 (iktar ’il quddiem l-“LGR”) – applikabbli għall-għajnuna għat-tħaddim, kategorija li taħtha taqa’ l-Iskema III – ma jirreferu għall-metodu tal-ALU/FTE;

⎯Tali metodu jidher biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 tat-Taqsima 4 tal-LGR 2007–2013, li tapplika biss għall-għajnuna għall-investiment, kategorija li ma tinkludix fiha l-Iskema III;

⎯Fl-assenza ta’ applikazzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 52 tal-LGR 2007–2013 u fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni applikabbli tal-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” fid-dritt Ewropew, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Iskema III dak il-kunċett għandu jkun issodisfat fid-dawl tad-dritt nazzjonali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà li, fil-qasam tal-kompetenza kondiviża, jillimitaw l-intervent leġiżlattiv tal-Unjoni għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tat-Trattati;

⎯Ma hemmx kontradizzjoni bejn id-dritt tax-xogħol Portugiż u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ta’ natura li tiġġustifika li d-dritt tax-xogħol Portugiż ma jiġix applikat;

⎯L-applikazzjoni tad-dritt tax-xogħol Portugiż ma twassalx għal riżultati neċessarjament abbużivi u ma tipprekludix li ssir enfasi fuq il-ħin tax-xogħol effettiv kif propost mill-Kummissjoni;

⎯L-applikazzjoni għamja tal-kriterju tal-ALU/FTE ma taqbilx mad-dritt Portugiż, peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà protetti minn dak id-dritt, bħall-parentalità u l-mard;

⎯Il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li tiġġustifika, permezz ta’ raġunament deduttiv, it-tbegħid mid-dritt nazzjonali bl-applikazzjoni preferenzjali ta’ metodu stabbilit fid-dritt Ewropew, iżda dan ma sarx, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali, u b’hekk għandha tiġi annullata u ssostitwita b’deċiżjoni oħra li tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020.

2.It-tieni aggravju. żball ta’ evalwazzjoni fid-digriet ikkontestat sa fejn fih jingħad li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414, tal-4 ta’ Diċembru 2020, ma jiksirx il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

⎯La d-deċiżjoni tal-2007 u tal-2013, u lanqas il-LAR 2007–2013 ma jiddefinixxu l-metodu applikabbli għad-determinazzjoni jekk ġiex sodisfatt il-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi”, u l-kunsiderazzjoni kemm tal-prattika abitwali tal-Kummissjoni kif ukoll tal-għan u tal-istruttura tal-Iskema III fil-fatt iwasslu għall-konklużjoni li l-metodoloġija ta’ definizzjoni tal-impjiegi tal-ALU/FTE ma kinitx applikabbli. Għalhekk, jekk wieħed iqis, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, li l-kriterju inkwistjoni jista’ jiġi interpretat biss bil-mod kif propost mill-Kummissjoni, il-konklużjoni inevitabbli tkun li hemm nuqqas ta’ ċarezza fis-sistema legali inkwistjoni;

⎯Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li n-nuqqas estiż li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (għal mill-inqas tmien snin) ma kellu ebda effett negattiv, u l-fatt li ma huwa stabbilit ebda terminu ta’ żmien għal evalwazzjoni minn din l-entità ma jistax ifisser li tali nuqqas ta’ reazzjoni ma jġib miegħu ebda konsegwenza legali;

⎯L-appellanti kienet temmen li l-Iskema III kienet kompatibbli b’mod sħiħ mas-suq intern, liema twemmin irriżulta mill-fatt li l-iskema ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni u, barra minn hekk, li din issostitwixxiet skema – l-Iskema II – li kienet simili minn kull aspett, u li fir-rigward tagħha qatt ma tqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni;

⎯It-tqegħid għad-dispożizzjoni perijodiku, mill-Istat Portugiż lill-Kummissjoni, ta’ elementi li jippermettu li tiġi evalwata l-applikazzjoni ta’ din l-għajnuna, flimkien mal-assenza ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-illegalità tagħha, jikkostitwixxu assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-legalità tal-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat Portugiż, li joħolqu, għall-benefiċjarji tal-Iskema III, aspettattivi leġittimi f’dan is-sens;

⎯Ma huwiex kredibbli li jiġi konkluż li l-“benefiċjarju medju” tal-għajnuna (fis-sens tal-kunċett ġuridiku ta’ “persuna medja”), imqiegħed fil-pożizzjoni tal-appellanti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni u tal-assenza ta’ riferimenti espliċiti f’dan is-sens, japplika l-kunċett ta’ “ħolqien ta’ impjiegi” fis-sens tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 52 tal-LAR 2007–2013 – jiġifieri bl-użu tal-metodu tal-ALU/FTE –, jew saħansitra jqis li japplika dan il-kunċett, peress li xejn ma indika li dak kien il-każ;

⎯Għalhekk huwa ċar li d-digriet appellat fih żball ta’ evalwazzjoni sa fejn fih jingħad li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi ma nkisrux, u għandu jiġi annullat u sussegwentement issostitwit b’deċiżjoni li tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 , tal-4 ta’ Diċembru 2020, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.1

____________

1ĠU 2022, L 217, p. 49

1 ĠU 2015, L 248, p. 9