Language of document : ECLI:EU:T:2007:344

DIGRIET TA’ L-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

15 ta’ Novembru 2007(*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew – Verifika tal-kredenzjali tal-kandidati eletti – Invalidazzjoni ta’ mandat parlamentari li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi elettorali nazzjonali – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Ammissibbiltà – Fumus boni juris – Urġenza – Ibbilanċjar ta’ l-interessi”

Fil-kawża T‑215/07 R,

Beniamino Donnici, residenti f’Castrolibero (l-Italja), irrappreżentat minn M. Sanino, G. M. Roberti, I. Perego u P. Salvatore, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

intervenjenti

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück, N. Lorenz u A. Caiola, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn

Achille Occhetto, residenti f’Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn P. De Caterini u F. Paola, avukati,

intervenjent

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tal-kredenzjali ta’ Beniamino Donnici [2007/2121(REG)], sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors prinċipali,

L-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI,

li jissostitwixxi l-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura u d-deċiżjonijiet tal-Konferenza Plenarja tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Lulju 2006, tas-6 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Settembru 2007,

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikoli 6 sa 8, l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13(3) ta’ l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (ĠU 1976, L 278, p. 5), kif emendat u nnumerat mill-ġdid permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1, iktar’il quddiem l-“Att ta’ l-1976”), jipprovdu:

“Artikolu 6

1. Il-Membri għandhom jivvutaw fuq bażi individwali u personali. Huma m’għandhomx ikunu marbuta b’xi istruzzjonijiet jew m’għandhomx jirċievu mandat li jorbot.

2. Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli lilhom bis-saħħa tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

L-uffiċċju ta’ membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma:

–        membru tal-Gvern ta’ Stat Membru,

–        membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

–        Imħallef, Avukat Ġenerali jew Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

–        membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–        membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej,

–        Ombudsman tal-Komunitajiet Ewropej,

–        membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika,

–        membru ta’ kumitati jew korpi maħluqa skond jew permezz ta’ Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika bl-għan ta’ l-amministrazzjoni ta’ fondi Komunitarji jew ta’ funzjoni permanenti u diretta ta’ ġestjoni amministrattiva,

–        membru tal-Kunsill ta’ Amministrazzjoni, tal-Kumitat ta’ direzzjoni jew impjegat tal-Bank Ewropew ta’ Investiment,

–        uffiċjal jew ħaddiem attiv ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropew jew tal-korp jew korpi marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2. Mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004, l-uffiċċju ta’ membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma dak ta’ membru ta’ Parlament nazzjonali.

Bħala derogazzjoni minn dik ir-regola u mingħajr preġudizzju lejn l-Artikolu 3:

–         membri tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż li huma eletti lejn il-Parlament Ewropew f’votazzjoni sussegwenti jistgħu jkollhom mandatt doppju sa l-elezzjoni li tmiss tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż, meta allura l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jsir applikabbli;

–        membri tal-Parlament tar-Renju Unit li huma wkoll membri tal-Parlament Ewropew ma tul it-terminu ta’ ħames snin li jippreċiedu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004 jistgħu jkollhom mandat doppju sa l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009, meta l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun applikabbli.

[…]

Artikolu 8

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m’għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni.

[...]

Artikolu 12

Il-Parlament Ewropew għandu jivverifika l-kredenzjali tal-membri tal-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, jieħu nota tar-riżultati mogħtija uffiċjalment mill-Istati Membri u jiddeċiedi dwar il-kontestazzjonijiet li jistgħu jiġu eventwalment issollevati abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet li għalihom dan ta’ l-aħħar jirreferi.

Artikolu 13

[…]

3. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tagħmel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandatt ta’ membru tal-Parlament Ewropew, dak il-mandatt għandu jispiċċa permezz ta’ dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lil-Parlament Ewropew b’dan”.

2        L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament Ewropew jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 3

Verifika ta’ kredenzjali

1. Wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-[p]resident għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sabiex jgħaddu lill-Parlament mingħajr dewmien l-ismijiet tal-Membri eletti sabiex il-Membri kollha jieħdu l-kariga fil-Parlament b’effet mill-ftuħ ta’ l-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet.

Fl-istess ħin, il-[p]resident għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet għad-dispożizzjoniiet rilevanti għall-[Att ta’ 1976] u jistedinhom jieħdu l-miżuri meħtiega sabiex jevitaw kull inkompatibbiltà mal-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.

2. Kull Membru li l-elezzjoni tiegħu jkun mgħarraf biha l-Parlament għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub, qabel jidħol fil-kariga fil-Parlament, li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli ma’ dik ta’ Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ l-[Att ta’ l-1976]. Wara l-elezzjonijiet ġenerali, din id-dikjarazzjoni għandha ssir fejn hu possibbli mhux iktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament. Sakemm il-kredenzjali ta’ Membru jkunu vverifikati jew tkun ingħatat deċiżjoni fuq kwalunkwe tilwima u kemm-il darba jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija iktar’l fuq, il-Membru għandu jidħol fil-kariga tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet marbuta ma’ din il-kariga.

Fejn ikun stabbilit minn fatti vverifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku li Membru għandu kariga inkompatibbli ma’ dik ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ l-[Att ta’ l-1976], il-Parlament, fuq informazzjoni provduta mill-[p]resident tiegħu, għandu jistabbilixxi li hemm post vakanti.

3. Fuq il-bażi ta’ rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika mingħajr dewmien il-kredenzjali u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-Membri li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar xi kontestazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-[Att ta’ l-1976], ħlief għad-dispożizzjonijiet ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali.

4. Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ ta’ l-elezzjoni min naħa ta’ kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta’ xi sostituti flimkien ma’ l-ordni tagħhom skond ir-riżultat tal-votazzjoni.

M’għandux ikun possibbli li tiġi kkonfermata l-validità tal-mandat ta’ xi Membru jekk ma jkunux saru d-dikjarazzjonijiet bil-miktub meħtieġa taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta’ dawn ir-regoli.

Fuq il-bażi ta’ rapport tal-kumitat, il-Parlament jista’ f’kull ħin jieħu deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni tal-validità tal-mandat ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.

5. Meta l-ħatra ta’ Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta’ kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għall-verifika tal-kredenzjali għandu jiżgura li dan l-irtirar ikun sar skond l-ispirtu u l-kelma ta’ l-[Att ta’ l-1976] u ta’ l-Artikolu 4(3).

6. Il-kumitat għandu jiżgura li kull informazzjoni li tista’ teffettwa l-qadi tad-dmirijiet ta’ xi Membru tal-Parlament Ewropew jew l-ordni tas-sostituti tintbagħat minnufih lill-Parlament mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jew ta’ l-Unjoni, b’indikazzjoni tad-data tas-seħħ fejn jikkonċerna xi ħatra.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ Membru milli jieħu l-kariga, il-[p]resident għandu jitlobhom biex iżommuh infurmat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura. Huwa għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli. Fuq proposta ta’ dak il-kumitat, il-Parlament jista’ jieħu pożizzjoni dwar il-każ.

Artikolu 4

Tul tal-mandat tal-Membri

[…]

3. Membru li jkun se jirriżenja għandu jgħarraf lill-President bir-riżenja tiegħu u bid-data li fiha r-riżenja tkun ser sseħħ, liema data m’għandhiex tkun iktar tard minn tliet xhur wara n-notifika. Din in-notifika għanda jkollha forma ta’ dokument uffiċjali mħejji fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali jew tar-rappreżentant tiegħu, iffirmat minn dan ta’ l-aħħar u mill-Membru konċernat u ppreżentat minnufih lill-kumitat responsabbli li għandu jdaħħlu fl-aġenda ta’ l-ewwel laqgħa tiegħu li tiġi wara li jkun irċieva d-dokument.

Jekk il-kumitat responsabbli jqis li r-riżenja ma tkunx skond l-ispirtu u l-kelma ta’ l-[Att ta’ l-1976] huwa għandu jinforma b’dan lill-Parlament ħalli l-Parlament ikun jista’ jistabilixxi jekk il-post ikunx vakanti jew le.

F’każ li jiġi meqjus vakanti, il-post jitqies vakanti sa mid-data li l-Membru li jkun qed jirriżenja jkun niżżel fid-dokument uffiċjali. M’għandux jittieħed vot fil-Parlament dwar dan.

[...]

4. Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tinnotifika lill-President bit-tmiem tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament Ewropew skond id-dispożizzjonijiet tal-Liġi ta’ dak l-Istat Membru, b’riżultat jew ta’ inkompatibbiltajiet fis-sens ta’ l-Artikolu 7(3) ta’ l-[Att ta’ l-1976] jew ta’ l-irtirar tal-mandat skond l-Artikolu 13(3) ta’ dak l-[a]tt, il-[p]resident għandu jinforma lill-Parlament li l-mandat spiċċa fid-data kkomunikata mill-Istat Membru u jistieden lill-Istat Membru jimla l-post vakanti mingħajr dewmien.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jew ta’ l-Unjoni jew il-Membru konċernat jgħarrfu lill-President dwar xi ħatra jew elezzjoni għal kariga li tkun inkompatibbli mal-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ l-[Att ta’ l-1976], il-[p]resident għandu jgħarraf lill-Parlament u l-Parlament għandu [jistabbilixxi] li hemm post vakanti”.

3        Minbarra dan, skond l-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament u ta’ l-Anness I tiegħu, il-Membri tal-Parlament għandhom l-obbligu li jagħmlu dikjarazzjoni dettaljata ta’ l-attivitajiet professjonali tagħhom u ta’ kull funzjoni jew attività oħra li għaliha jirċievu ħlas.

4        L-Artikoli 2 u 30 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, p. 1, iktar’il quddiem l-“Istatut għall-Membri tal-Parlament”), jipprovdu:

“Artikolu 2

1. Il-Membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti.

2. Ftehim dwar ir-riżenja mill-kariga ta’ Membru qabel jew mat-tmiem ta’ mandat parlamentari jkunu nulli u bla effett.

[...]

Artikolu 30

Dan l-Istatut għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-mandat parlamentari tal-Parlament Ewropew li jibda fl-2009”.

5        Barra minn hekk, il-premessa 4 ta’ l-Istatut għall-Membri tal-Parlament jipprovdi kif ġej:

“Il-libertà u l-indipendenza tal-Membri, li huma mħarsa fl-Artikolu 2 u li m’humiex imsemmija fi kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi primarja, għandhom jirċievu protezzjoni statutorja. Li Membri jintrabtu li jħallu l-kariga f’xi żmien stabbilit, jew li jiddikjaraw li biħsiebhom iħallu l-kariga f’data mhux speċifikata, miżuri li l-partiti politiċi jistgħu jużaw kif jidhrilhom, għandhom jitqiesu bħala inkompatibbli mal-libertà u l-indipendenza tal-Membri u għaldaqstant ma għandhomx ikollhom rabta legali”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Matul l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew li seħħet fit-12 u fit-13 ta’ Ġunju 2004, Beniamino Donnici, ir-rikorrent, ħareġ bħala kandidat fil-lista komuni “Società Civile – Di Pietro Occhetto”, fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja. Din il-lista kisbet żewġ siġġijiet, l-ewwel wieħed f’din il-kostitwenza u t-tieni wieħed fil-kostitwenza tal-Majjistral ta’ l-Italja. A. Di Pietro, li ġie l-ewwel fiż-żewġ kostitwenzi, għażel il-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja.

7        A. Occhetto kien jinsab fit-tieni pożizzjoni fuq il-listi elettorali meta jitqiesu n-numru ta’ voti miksuba fiż-żewġ kostitwenzi, billi qabeż lir-rikorrent fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u lil G. Chiesa f’dik fil-Majjistral ta’ l-Italja. Billi A. Di Pietro għażel is-siġġu tal-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja, A. Occhetto kellu jiġi mħabbar bħala elett fil-kostitwenza tal-Majjistral ta’ l-Italja. Madankollu, b’dikjarazzjoni bil-miktub, iffirmata quddiem nutar fis-6 ta’ Lulju 2004 u li wasslet fl-Ufficio elettorale nazionale per il Parlamento europeo presso la Corte di cassazione (Uffiċċju elettorali nazzjonali għall-Parlament Ewropew mal-Qorti ta’ Kassazzjoni Taljana, iktar’il quddiem l-“uffiċċju elettorali Taljan”) fis-7 ta’ Lulju, A. Occhetto, li kellu dak iż-żmien kariga fis-Senat Taljan, irrinunzja “definittivament” għall-kisba ta’ mandat ta’ parlamentari Ewropew fiż-żewġ kostitwenzi.

8        Wara din ir-rinunzja, fit-12 ta’ Novembru 2004, l-uffiċċju elettorali Taljan ikkomunika lill-Parlament ir-riżultati uffiċjali ta’ l-elezzjonijiet Ewropej bil-lista tal-kandidati eletti u s-sostituti tagħhom. L-uffiċċju elettorali Taljan ħabbar bħala kandidati eletti lil G. Chiesa fil-kostitwenza tal-Majjistral ta’ l-Italja u A. Di Pietro f’dik tan-Nofsinhar ta’ l-Italja, filwaqt li r-rikorrent ġie l-ewwel mill-kandidati mhux eletti f’din l-aħħar kostitwenza.

9        Matul l-elezzjonijiet leġiżlattivi tad-9 u ta’ l-10 ta’ April 2006 fl-Italja, A. Di Pietro ġie elett Membru tal-Parlament Taljan u ddeċieda favur il-kariga nazzjonali tiegħu, b’effett mit-28 ta’ April 2006. Billi din il-kariga kienet, skond l-Artikolu 7(2) ta’ l-Att ta’ l-1976, inkompattibli mal-kapaċità ta’ Membru tal-Parlament, dan ta’ l-aħħar ikkonstata, fis-27 ta’ April 2006, is-siġġu vakanti in kwistjoni, b’effett mill-ġurnata ta’ wara u informa b’dan lir-Repubblika Taljana.

10      B’dikjarazzjoni tas-27 ta’ April 2006, indirizzata lill-Uffiċċju elettorali Taljan, A. Occhetto rrevoka r-rinunzja tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2004, billi esprima “r-rieda tiegħu li jilħaq, in kwantu l-ewwel mill-kandidati mhux eletti tal-kostitwenza [tan-Nofsinhar ta’ l-Italja], lis-Sur [Di] Pietro, b’mod li [kien] hemm lok li tiġi kkunsidrata invalida, bla effett u f’kull każ irrevokata kull dikjarazzjoni ta’ volontà differenti magħmula preċedentement […] u li [kellha] f’kull każ tittieħed in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ir-rieda espressa fid-data tat-tħabbir tal-kandidati eletti”.

11      Wara din id-dikjarazzjoni, l-Uffiċċju elettorali Taljan iddikjara, fit-8 ta’ Mejju 2006, lil A. Occhetto elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

12      B’deċiżjoni tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2006, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Latium, l-Italja) ċaħad bħala infondat ir-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrent kontra dan it-tħabbir. Sostanzjalment, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio kkunsidra li r-rinunzja ta’ A. Occhetto, tas-7 ta’ Lulju 2004, rigward it-tħabbir tal-kandidati eletti, ma kinitx ekwivalenti għal rinunzja fil-pożizzjoni tiegħu fl-ordni ta’ klassifikazzjoni post elettorali. Dan immotiva d-deċiżjoni tiegħu billi enfasizza li r-rispett tar-rieda popolari jimponi li r-riżultati elettorali jiġu kkunsidrati bħala inaljenabbli u li ma jistgħux jiġu mibdula, li tali rinunzja m’għandhiex effett fuq l-adozzjoni ta’ l-eventwali atti ta’ surroga fil-każ ta’ inkompatibbiltà, tneħħija, ineliġibbiltà jew ta’ rinunzja għall-ħatra jew għall-kariga min-naħa ta’ l-aventi kawża, u li, għaldaqstant, il-kandidat li rrinunzja għall-elezzjoni għandu d-dritt, meta l-kundizzjonijiet ta’ surroga huma sodisfatti, li jirtira d-deċiżjoni ta’ rinunzja tiegħu sabiex jokkupa s-siġġu vakanti permezz ta’ surroga.

13      Ir-rikorrent ukoll ikkontesta quddiem il-Parlament il-tħabbir ta’ A. Occhetto bħala Membru tal-Parlament Ewropew minflok A. Di Pietro. Din il-kontestazzjoni ġiet eżaminata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2006. Wara li kkonstata li, skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, din il-kontestazzjoni ma kinitx ammissibbli minħabba li kienet ibbażata fuq il-liġi elettorali Taljana, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ppropona, b’mod unanimu, lill-Parlament il-validità tal-mandat ta’ A. Occhetto, b’effett mit-8 ta’ Mejju 2006. Fit-3 ta’ Lulju 2006, il-Parlament irratifika l-mandat ta’ A. Occhetto.

14      B’sentenza definittiva tas-6 ta’ Diċembru 2006, li saret res judicata, il-Consiglio di Stato (Kunsill ta’ l-Istat), laqa’ l-appell tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio fuq imsemmi, irriforma l-imsemmija deċiżjoni u annulla t-tħabbir ta’ A. Occhetto bħala Membru tal-Parlament, li kien għamel l-Uffiċċju elettorali Taljan, fit-8 ta’ Mejju 2006. Il-Consiglio di Stato kkunsidra, l-ewwel nett, li d-distinzjoni bejn ir-rinunzja għall-elezzjoni u r-rinunzja għall-pożizzjoni fl-ordni ta’ klassifikazzjoni kienet illoġika, peress li l-elezzjoni hija konsegwenza tal-pożizzjoni fl-ordni ta’ klassifikazzjoni u r-rinunzja għall-elezzjoni timplika li l-persuna interessata ma tinsabx iktar f’din l-ordni ta’ klassifikazzjoni bl-effetti kollha li dan ifisser. Il-Consiglio di Stato kkunsidra, it-tieni nett, li kien kuntradittorju li jiġi allegat li r-rinunzja għall-elezzjoni m’għandhiex effett għall-finijiet tas-surrogi u li l-kandidat li jirrinunzja għal mandat bħala Membru Parlamentari Ewropew għandu d-dritt li jmur lura fuq ir-rinunzja tiegħu, peress li din hija kwistjoni fejn wieħed jipproċedi għal sostituzzjoni. Fl-aħħar nett, il-Consiglio di Stato kkunsidra, it-tielet nett, li r-rinunzja għall-elezzjoni kienet tirrappreżenta dikjarazzjoni irrevokabbli, meta l-korp jew l-uffiċċju kompetenti, destinatarju tar-rinunzja, jsir jaf b’dan, u dan jipproduċi l-effett li jiġi mibdul l-ordni ta’ klassifikazzjoni inizjali, stabbilit mill-Uffiċċju elettorali.

15      Fid-29 ta’ Marzu 2007, l-Uffiċċju elettorali Taljan sar jaf bis-sentenza tal-Consiglio di Stato msemmija iktar’il fuq u ħabbar l-elezzjoni tar-rikorrent bħala Membru tal-Parlament għall-kostituwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja, u b’hekk irrevoka l-mandat ta’ A. Occhetto.

16      Billi dan it-tħabbir ġie kkomunikat lill-Parlament, dan ta’ l-aħħar ħa nota tagħha fil-proċess verbali tas-seduta plenarja tat-23 ta’ April 2007 fil-kliem li ġejjin:

“L-awtoritajiet Taljani kompetenti kkomunikaw li t-tħabbir ta’ l-elezzjoni [ta’ A. Occhetto] kien ġie annullat u li s-siġġu li b’hekk sar vakanti kien ġie assenjat [lir-rikorrent]. Il-Parlament jieħu nota ta’ dawn id-deċiżjonijiet b’effett mid-29.3.2007.

[…]

Skond l-Artikolu 3(2) tar-[Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament], sakemm il-kredenzjali [tiegħu] ma jkunux ġew ivverifikati jew ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwar kwalunkwe tilwima, […] [ir-rikorrent] […] fil-kariga tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet [tiegħu] marbuta ma’ din il-kariga u kemm-il darba [huwa] jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli ma’ dik ta’ Membru tal-Parlament Ewropew”.

17      Sadanittant, b’ittra tal-5 ta’ April 2007, li ġiet kompluta b’nota ta’ l-14 ta’ April segwenti, A. Occhetto qajjem kontestazzjoni u talab lill-Parlament li jikkonferma l-mandat tiegħu kif ukoll li ma jivvalidax dak tar-rikorrent. B’deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Mejju 2007 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata fuq rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tat-22 ta’ Mejju 2007 (A6‑0198/2007), il-Parlament iddikjara invalidu l-mandat bħala Membru tal-Parlament tar-rikorrent, fejn l-elezzjoni kienet ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u kkonferma l-mandat ta’ A. Occhetto. Il-Parlament ukoll inkariga l-President tiegħu sabiex jittrażmetti din id-deċiżjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti kif ukoll lir-rikorrent u lil A. Occhetto.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent ressaq rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

19      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul l-istess ġurnata, skond l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ l-Artikolu 242 KE, ir-rikorrent ressaq il-preżenti talba għal miżuri provviżorji, intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u sabiex il-Parlament jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura jew sabiex tirriżerva d-deċiżjoni fuq dan il-punt.

20      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2007, il-Parlament jitlob, prinċipalment, li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda bħala inammissibbli, u sussidjarjament, li din it-talba tiġi miċħuda bħala infondata u, fl-aħħar nett, li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

21      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2007, A. Occhetto talab sabiex jintervjeni f’din il-proċedura sabiex isostni t-talbiet tal-Parlament.

22      Il-partijiet prinċipali ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-termini mogħtija.

23      B’digriet tat-13 ta’ Lulju 2007, l-Imħallef għal miżuri provviżorji laqa’ l-intervent ta’ A. Occhetto u stiednu jippreżenta nota ta’ intervent.

24      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Lulju 2007, A. Occhetto talab li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi miċħuda u li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż jew sabiex tiġi rriżervata kull deċiżjoni fuq dan il-punt.

25      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Taljana talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura, sabiex issostni t-talbiet tar-rikorrent. Ir-Repubblika Taljana ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul is-seduta, billi d-deċiżjoni fuq l-ammissjoni tagħha kienet ġiet irriżervata.

26      Instemgħu l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet f’seduta li seħħet fit-12 ta’ Settembru 2007.

27      Matul is-seduta, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw oralment l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal intervent tar-Repubblika Taljana. Il-partijiet ma qajmux oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Għaldaqstant u fid-dawl ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 53 tiegħu, l-Imħallef għal miżuri provviżorji laqa’ l-intervent tar-Repubblika Taljana, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

28      Ir-Repubblika Taljana, fl-osservazzjonijiet orali tagħha ppreżentati matul is-seduta, talbet li t-talba għal miżuri provviżorji tiġi milqugħa.

29      Matul is-seduta, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ddeċieda li jinkludi ma’ l-inkartament tal-kawża, minn naħa, estratt tal-proċess verbal tas-sessjoni plenarja tal-Parlament, tat-23 ta’ April 2007, li jirriproduċi l-punt 10 tiegħu u, minn naħa l-oħra, kopja tat-tieni rapport tal-Kumitat responsabbli mill-verifika ta’ kredenzjali tal-Parlament, tas-7 ta’ Jannar 1983. Il-partijiet ma qajmux oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

 Id-dritt

30      Skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, minn naħa, u ta’ l-Artikolu 225(1) KE, minn naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk hija tqis li ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat jew tippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji. Għal dan il-għan, hija għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza.

31      B’hekk, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal proċedura sommarji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom huwa ġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li jiġu stipulati u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll, jekk ikun il-każ, iqiegħed in kunsiderazzjoni ta’ l-interessi in kwistjoni (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2000, L-Olanda vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-377/98 R, Ġabra p. I-6229, punt 41, u tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Frar 2007, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-310/06 R, Ġabra p. II-15, punt 19).

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

32      Il-Parlament isostni li din it-talba hija inammissibbli. Skond il-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi punt biss li seta’ jiġi implementat, jiġifieri l-istruzzjoni mogħtija lill-President tal-Parlament li jitrażmetti din id-deċiżjoni lill-korpi u lill-kandidati kkonċernati. Fir-rigward tar-rikorrent, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kellu kontenut negattiv li ma setax jiġi implementat, billi dan sempliċement jiddikjara l-mandat tiegħu bħala invalidu. Madankollu, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tinbidel f’att pożittiv, jiġifieri f’deċiżjoni li tivvalida l-mandat tar-rikorrent. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, bħala prinċipju, talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ma tistax tiġi kkonċepita kontra deċiżjoni amministrattiva negattiva, billi l-għoti ta’ tali sospensjoni ma jistax ikollu bħala effett li jbiddel is-sitwazzjoni tar-rikorrent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2002, Front national u Martinez vs Il-Parlament, C‑486/01 P‑R u C‑488/01 P‑R, Ġabra p. I‑1843, punt 73; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Mejju 2006, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑42/06 R, Ġabra p. II-40, punt 30), u m’għandux, minħabba dan il-fatt, utilità prattika għaliha (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 2004, Bactria vs Il-Kummissjoni, T‑76/04 R, Ġabra p. II‑2025, punt 52, u Gollnisch vs Il-Parlament, iċċitata iktar’il fuq, punti 36 u 37).

 Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji

33      Ġie ripetutament deċiż li, bħala prinċipju, talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva ma tistax tiġi kkonċepita, billi l-għoti ta’ tali sospensjoni ma jistax ikollu bħala effett li jbiddel is-sitwazzjoni tar-rikorrent [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 1997, Moccia Irme vs Il-Kummissjoni, C‑89/97 P(R), Ġabra p. I‑2327, punt 45, u Front national u Martinez vs Il-Parlament, punt 32 supra, punt 73; digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, Lormines vs Il-Kummissjoni, T‑107/01 R u T‑175/01 R, Ġabra p. II‑3193, punt 48; tas-16 ta’ Jannar 2004, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03 R, Ġabra p. II‑205, punt 62, u Gollnisch vs Il-Parlament, punt 32 supra, punt 30].

34      F’dan il-kuntest, deċiżjoni li tirrifjuta l-adozzjoni tal-miżura mitluba tikkostitwixxi deċiżjoni negattiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet Lormines vs Il-Kummissjoni, punt 33 supra, punt 48).

35      F’dan il-każ, il-kwalifika, mill-Parlament, tad-deċiżjoni kkontestata bħala att negattiv ma tidhirx korretta. Din id-deċiżjoni tipproċedi, fil-fatt, għall-verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent in kwantu Membru tal-Parlament u, wara din il-verifika, tiddikjara l-mandat tiegħu bħala invalidu. Fl-istess ħin, id-deċiżjoni kkontestata tivvalida l-mandat ta’ A. Occhetto, b’mod li ttemm is-sitwazzjoni provviżorja favorevoli li r-rikorrent ibbenefika minnha, skond l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament, mid-29 ta’ Marzu 2007.

36      Issa, kif jammetti l-Parlament stess (ara l-punt 99 iktar’il quddiem), l-għoti ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jwassal għal bidla fis-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, peress li dan ikollu bħala effett li jżomm is-sitwazzjoni provviżorja u favorevoli msemmija iktar’il fuq, li matulha huwa ser ikompli jokkupa l-kariga fil-Parlament u fil-korpi tiegħu bil-benefiċċju sħiħ tad-drittijiet tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkwalifikata, għal dak li jirrigwarda r-rikorrent, bħala att negattiv skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar’il fuq.

37      Isegwi li r-rikorrent jiġġustifika adegwatament fid-dritt interess għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni mitluba u li, għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

 Fuq il-fumus boni juris

38      Ir-rikorrent jindika li, fir-rikors tiegħu fil-kawża prinċipali, huwa jressaq żewġ motivi għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ l-ewwel motiv, huwa jsostni, sostanzjalment, li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament kiser ir-regoli u l-prinċipji li jiddeterminaw il-kompetenza tiegħu fil-qasam tal-verifika tal-kredenzjali tal-Membri tiegħu. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-adegwatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex sodisfatta f’din il-kawża, għandu jsir eżami prima facie tal-fondatezza tal-motivi ta’ dritt invokati mir-rikorrent in sostenn tar-rikors prinċipali u għalhekk li jiġi vverifikat jekk għallinqas wieħed minnhom jippreżentax karatteristika serja li ma tistax tiġi mwarrba f’din it-talba għal miżuri provviżorji [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 26; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99 R, Ġabra p. II‑1961, punt 132, u d-digriet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07 R, Ġabra p. II-4153, punt 59].

40      L-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li għandu jsir, l-ewwel, eżami prima facie tal-fondatezza ta’ l-argument żviluppat mir-rikorrent fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tiegħu.

 L-argumenti tal-partijiet

41      Ir-rikorrent, sostnut mir-Repubblika Taljana, isostni li l-atti nazzjonali relatati mal-mandati tal-Membri tal-Parlament jaqgħu taħt, skond l-Artikolu 190(4) KE u l-Artikolu 8 ta’ l-Att ta’ l-1976, il-kompetenza ta’ l-Istati Membri u huma adottati skond ir-regoli, proċeduri u l-garanziji stabbiliti mis-sistema legali interna ta’ l-imsemmija Stati. Fir-rigward ta’ verifika tal-kredenzjali, il-Parlament għandu, skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, jillimita ruħu sabiex jieħu nota tad-deċiżjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali u ma jistax iqiegħed in kwistjoni t-tħabbir tar-riżultati elettorali u l-attribuzzjoni tal-mandat lil elett, in kwantu dawn jikkostitwixxu l-espressjoni tal-prerogattivi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, irrikonoxxuti lil dawn ta’ l-aħħar permezz tad-dispożizzjonijiet Komunitarji. Il-verifika ta’ l-osservanza tal-proċedura prevista mid-dritt nazzjonali, il-validità tar-regoli nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jirregolaw ir-rinunzji għall-elezzjoni, kif ukoll l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet interessati jappartjenu esklużivament lill-qrati nazzjonali kompetenti jew, meta titressaq kawża quddiemha, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mhux lill-Parlament.

42      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkorroborati permezz tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlament, T‑353/00, Ġabra p. II‑1729, punti 92 u 93, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C‑208/03 P, Ġabra p. I‑6051, punt 51), li kienet ikkonfermat “in-nuqqas totali ta’ kompetenza tal-Parlament fir-rigward ta’ vakanza ta’ siġġu li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali” u mill-prassi tal-Parlament innifsu, kif tirriżulta kemm mid-deċiżjoni tal-Parlament, tat-3 ta’ Lulju 2006, li ċaħdet il-kontestazzjoni tar-rikorrent bħala inammissibbli, kif ukoll mir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, tas-26 ta’ Novembru 2004 (A6-0043/2004) dwar il-verifika tal-kredenzjali. Fil-fatt, dan l-aħħar rapport jistabbilixxi distinzjoni bejn il-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-Att ta’ l-1976 u dawk li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienu ġew miċħuda bħala inammissibbli.

43      Minbarra dan, ir-rikorrent jikkunsidra bħala irrilevanti d-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, fir-rapport tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2007 (A6-0198/2007), dwar il-verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent u, b’mod iktar partikolari, dik ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regoli tal-Proċedura interna tal-Parlament, li tirreferi għall-Artikolu 4(3) tiegħu.

44      Minn naħa, dan il-każ jirrigwarda l-kwistjoni tal-verifika tal-kredenzjali, skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, ta’ elett ġdid u mhux ta’ vakanza ta’ siġġu, li għaliha japplika l-Artikolu 4(3) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament. F’kull każ, l-Att ta’ l-1976 jiddistingwi b’mod ċar bejn il-vakanzi li jirriżultaw minn riżenja, imsemmija biss minn din l-aħħar dispożizzjoni, u l-kawżi ta’ tneħħija rregolati permezz tas-sistema legali nazzjonali, li l-Parlament jillimita ruħu sabiex jieħu nota tagħhom, skond l-Artikolu 13 ta’ l-imsemmi Att. F’dan il-każ, il-vakanza tas-siġġu okkupat minn A. Occhetto u s-sostituzzjoni tiegħu mir-rikorrent huma l-konsegwenza diretta tal-komunikazzjoni ta’ l-Uffiċċju elettorali Taljan, tad-29 ta’ Marzu 2007, li permezz tagħha dan informa lill-Parlament bl-annullament, li sar definittiv, tat-tħabbir ta’ A. Occhetto bħala sostitut ta’ A. Di Pietro kif ukoll tat-tħabbir tar-rikorrent bħala Membru fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja. Huwa għal din ir-raġuni li l-Parlament kien messu mexa mad-deċiżjonijiet meħuda fuq livell nazzjonali mingħajr ma vverifika la jekk ir-rinunzja ta’ A. Occhetto kinitx konformi ma’ l-Att ta’ l-1976 u lanqas jekk din kinitx konformi mal-kundizzjonijiet formali ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament.

45      Minn naħa l-oħra, ir-referenza magħmula għall-“ispirtu u l-kelma” ta’ l-Att ta’ l-1976, li tinsab fl-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din tippermetti lill-Parlament li jipproċedi għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, billi l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 jipprovdi b’mod ċar li l-Parlament “jieħu nota” tal-tħabbir uffiċjali tar-riżultati ta’ l-elezzjonijiet, magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali. Interpretazzjoni kuntrarja ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament timplika neċessarjament l-invalidità tiegħu, minħabba li dan jintroduċi deroga li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976.

46      Minbarra dan, anki moqri flimkien ma’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ 1976, l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament ma jistax jiġi invokat mill-Parlament biex iqiegħed in kwistjoni t-tħabbir magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-ewwel nett, l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 jirrigwarda biss l-eżerċizzju mill-Membri tal-Parlament regolarment eletti tal-mandat tagħhom u ma japplikax għall-elezzjoni ta’ Membru tal-Parlament, li tikkostitwixxi kwistjoni iktar importanti. It-tieni nett u f’kull ipoteżi, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi kkonfermat l-invalidità ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-kandidati, ukoll fil-kuntest ta’ ftehim ta’ natura politika, bħall-irtirar irrevokabbli ta’ kandidat, li tinkludi r-rinunzja għal mandat parlamentari. Dan huwa kkonfermat bil-kliem tar-riżoluzzjoni tal-Parlament fuq il-kontestazzjonijiet tal-validità tal-mandati parlamentati f’relazzjoni mas-“sistema ta’ bieb li jibqa’ jdur” (ĠU 1983, C 68, p. 31) u minn dawk tat-tieni rapport tal-kummissjoni responsabbli mill-verifika tal-kredenzjali, tas-7 ta’ Jannar 1983, imsemmija f’din ir-riżoluzzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 ta’ l-Istatut tal-Membri, kuntrarjament għal dak li tirrileva d-deċiżjoni kkontestata, din hija dispożizzjoni interament ġdida, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 4 ta’ l-imsemmi statut, u, f’kull każ, inapplikabbli għall-każ in eżami.

47      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ res judicata, safejn din iċaħħad minn kull effett is-sentenza tal-Consiglio di Stato, li kienet kisbet tali awtorità. Ir-rikorrent jinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2003 (Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punti 38 u 39), li teskludi, skond huwa, kull possibbiltà li titneħħa l-awtorità tar-res judicata, anki fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju, li jħalli miftuħa biss il-possibbiltà li jintalab quddiem il-qorti nazzjonali, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kumpens mill-Istat tad-dannu eventwalment subit.

48      Fl-ewwel lok, il-Parlament jinnota li l-kompetenza li tagħtih l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 tikkostitwixxi l-parti ċentrali ta’ din id-dispożizzjoni. Il-kapaċità tal-Parlament li jivverifika l-kredenzjali tal-membri tiegħu tikkonsisti li jivverifika jekk l-att ta’ ħatra trażmess mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ l-applikazzjoni tal-liġi elettorali nazzjonali jirrispettax il-prinċipji ta’ l-Att ta’ l-1976. Dan huwa s-sens ta’ din il-proċedura, kif jirriżulta mir-rapport tal-kummissjoni tar-regolament, tal-verifika tal-kredenzjali u ta’ l-immunitajiet tal-Parlament, fuq l-emenda ta’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regoli ta’ Proċedura interna tal-Parlament, dwar il-verifika tal-kredenzjali u l-perijodu ta’ żmien tal-mandat tal-Membri (A3-0166/94) u korrispondenti, rispettivament, għall-Artikoli 3 u 4 tar-Regoli ta’ Proċedura interna tal-Parlament attwalment fis-seħħ.

49      Għaldaqstant, meta, bħal f’dan il-każ, il-Parlament jikkonstata li n-nomina, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, ta’ Membru tal-Parlament tmur kontra d-dritt Komunitarju, huwa ma jistax jivvalida dan il-mandat, u dan anki fil-każ fejn l-att nazzjonali in kwistjoni ġie adottat b’mod definittiv minn organu ġuridiku suprem ta’ l-Istat Membru kkonċernat. B’mod definittiv, f’każ bħal dan, il-Parlament għandu l-kompetenza biex jivverifika r-rispett tal-prinċipji u tar-regoli Komunitarji fuq imsemmija, sabiex jiżgura s-supremazija tad-dritt Komunitarju billi jagħmel inapplikabbli l-atti ta’ dritt nazzjonali kuntrarji għal dan ta’ l-aħħar. Il-Parlament ma jistax jillimita ruħu, f’każ tali, sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq eventwali ksur ta’ l-Att ta’ l-1976, peress li dan jimplika l-obbligu għall-Parlament sabiex jadotta deċiżjoni dwar il-verifika tal-kredenzjali, ħaġa li hija inkompatibbli ma’ l-Att ta’ l-1976, jiġifieri, f’dan il-każ, il-konferma tal-mandat tar-rikorrent, bi ksur ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi Att.

50      Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi ma’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976. Skond il-Parlament, is-sistema Taljana għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tippermetti l-preżentazzjoni ta’ kandidati f’bosta kostitwenzi elettorali. Din il-possibbiltà tista’ tħeġġeġ lill-kandidati sabiex jikkonkludu ftehim fuq il-mandat parlamentari futur eventwalment miksub wara l-elezzjonijiet. Madankollu, tali ftehim mhux biss jinjoraw ir-rieda popolari espressa fl-elezzjonijiet, iżda wkoll jillimitaw l-eżerċizzju mill-kandidati eletti tal-mandat parlamentari tagħhom. Il-Parlament għandu għalhekk iħares ir-rispett tad-dritt Komunitarju u jevita li illegalitajiet eventwali jkollhom effett fuq l-atti adottati minnu.

51      F’dan il-każ, il-Parlament kien ikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 mill-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, il-prinċipju tal-mandat parlamentari liberu, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, huwa inkompatibbli mar-rikonoxximent ta’ kwalunkwe valur legali tal-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-mandat parlamentari. Is-sentenza tat-Tribunale amministrativio regionale del Lazio kienet għalhekk ġustament ikkunsidrat li r-rinunzja ta’ A. Occhetto qatt ma setgħet tirrigwarda l-kandidatura tiegħu. Minn naħa l-oħra, is-sentenza mogħtija f’sens kuntrarju mill-Consiglio di Stato ma osservatx il-portata tal-prinċipju tal-mandat liberu.

52      Fit-tielet lok, il-Parlament jikkunsidra li l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament huwa dispożizzjoni rilevanti għall-verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent, peress li n-nomina tiegħu bħala Membru tal-Parlament tirriżulta mit-teħid in kunsiderazzjoni, mill-awtoritajiet Taljani kompetenti, tal-validità tar-rinunzja ta’ A. Occhetto espressa fis-7 ta’ Lulju 2004. Madankollu, mill-mument li fih il-Parlament ivvalida mandat parlamentari, bħal dak ta’ A. Occhetto, f’Lulju 2006, dan għandu jivverifika, fil-każ li dan il-Membru jitneħħa mill-awtoritajiet nazzjonali, jekk din it-tneħħija tirrispettax il-prinċipji li jinsabu fl-Att ta’ l-1976. Kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, dan mhux każ ta’ tneħħija ta’ mandat parlamentari, li seħħet skond id-dritt nazzjonali u li l-Parlament għandu biss jieħu nota ta’ dan. Kieku dan kien il-każ, id-deċiżjoni tal-Parlament, tat-3 ta’ Lulju 2006, dwar il-validità tal-mandat ta’ A. Occhetto, ma jkollhiex effett legali. Fil-fatt, tali limitazzjoni tas-setgħa tal-Parlament, f’sitwazzjoni tali, iċċaħħad minn kull effett utli s-setgħa ta’ verifika li jagħtih espressament l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 u tkun manifestament inkompatibbli mar-regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Għal din ir-raġuni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità sostnuta mir-rikorrent kontra l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament għandha tiġi miċħuda, billi l-imsemmi Artikolu huwa konformi ma’ l-Artikoli 6 u 12 ta’ l-Att ta’ l-1976.

53      Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kontestazzjonijiet tal-validità tal-mandati Parlamentari f’relazzjoni mas-“sistema ta’ bieb li jibqa’ jdur” (ara l-punt 46 iktar’il fuq) ma tistax tqiegħed in diskussjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, billi l-Parlament adotta wkoll, f’din ir-riżoluzzjoni, pożizzjoni li tikkonferma r-rispett tal-prinċipju tal-mandat liberu, stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ 1976. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament lanqas ma kien kiser il-prinċipju ta’ res judicata, peress li, fil-punt O tal-premessi ta’ din ta’ l-aħħar, huwa kien ikkonstata li s-sentenza tal-Consiglio di Stato kellha din l-awtorità.

54      Fl-aħħar lok, il-Parlament jikkunsidra li b’mod ġust kien ispira ruħu mill-Istatut tal-Membri tal-Parlament fid-deċiżjoni kkontestata. Dan l-Istatut huwa att adottat mil-leġiżlatur Komunitarju mill-2005, anki jekk ser jidħol fis-seħħ biss fl-2009. L-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 għandha għalhekk tieħu kunsiderazzjoni ta’ l-opinjoni diġà espressa mil-leġiżlatur Komunitarju. Minbarra dan, jeżisti obbligu ta’ l-Istati Membri li ma jadottawx dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għal dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju diġà adottata, anki jekk din ta’ l-aħħar għadha ma daħħlitx fis-seħħ.

55      A. Occhetto jiddikjara li r-rinunzja tiegħu għall-elezzjoni, ippreżentata quddiem l-Uffiċċju elettorali Taljan fis-7 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 7 iktar’il fuq), seħħet wara ftehim elettorali, dwar it-tqassim tas-siġġijiet miksuba fl-elezzjonijiet Ewropej mil-lista komuni “Società Civile – Di Pietro Occhetto” u li sar bejn iż-żewġ komponenti ewlenin ta’ din il-lista, jiġifieri bejnu u A. Di Pietro. Barra minn hekk, dan jirriżulta minn affermazzjonijiet imressqa mir-rikorrent u minn A. Di Pietro, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens, ippreżentat quddiem it-Tribunale civile di Roma (qorti ċivili ta’ Ruma) kontra A. Occhetto u intiż għal kumpens tad-dannu li huma kienu allegatament soffrew minħabba r-revoka minn A. Occhetto tar-rinunzja tiegħu għall-ħatra bħala Membru tal-Parlament. A. Occhetto kien ressaq, fil-kuntest ta’ l-istess proċedura, kontrotalba, fejn talab in-nullità assoluta tar-rinunzja tiegħu li tirriżulta minn ftehim skond huwa illegali u, għaldaqstant, null.

56      A. Occhetto jippreċiża li, f’eżekuzzjoni tal-ftehim fuq imsemmi, huwa ffirma quddiem nutar, fis-6 ta’ Lulju 2004, erba’ rinunzji għall-ħatra bħala Membru, inkluża dik ippreżentata quddiem l-awtoritajiet Taljani kompetenti l-ġurnata ta’ wara. Dawn id-dokumenti kienu ppermettew lil A. Di Pietro, elett fiż-żewġ kostitwenzi kkonċernati, li jsir “kap” u “arbitru” ta’ l-effetti tas-setgħat tiegħu ta’ għażla, billi dan ta’ l-aħħar jikkontrolla t-tqassim tat-tieni siġġu assenjat għal-lista komuni in kwistjoni.

57      Madankollu, skond A. Occhetto, il-ftehim in kwistjoni, intiż sabiex ibiddel l-ordni ta’ klassifika tal-kandidati fil-lista kkonċernata, kif irriżulta mill-voti ta’ l-eletturi, huwa illegali u null. Għaldaqstant, kull rinunzja, f’eżekuzzjoni ta’ tali ftehim tali, hija wkoll nulla. Minbarra dan, tali rinunzja tikser l-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, skond liema l-Istati kontraenti għandhom l-obbligu li jorganizzaw elezzjonijiet liberi “f’kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera ta’ l-opinjoni tal-poplu fuq l-għażla tal-korp leġiżlattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-1976. Minbarra dan, tali rinunzja tikser mhux biss id-“drittijiet elettorali passivi” ta’ A. Occhetto, iżda wkoll id-“drittijiet elettorali attivi” ta’ l-eletturi li vvutawlu.

58      A. Occhetto jesponi li l-argument ibbażat fuq in-nullità assoluta tar-rinunzja tiegħu in kwantu tirriżulta minn ftehim illegali, ma kienx ġie invokat quddiem il-qrati amministrattivi Taljani, peress li dan ma setax ikun is-suġġett ta’ eżami min-naħa tagħhom. Is-sistema ġudizzjarja Taljana tipprovdi tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati amministrattivi u l-qrati ordinarji, u l-Consiglio di Stato, bħala qorti amministrattiva, ma jistax jagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tan-nullità tar-rinunzja għall-elezzjoni ta’ A. Occhetto, li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ċivili Taljani.

59      Il-Parlament għalhekk adotta d-deċiżjoni kkontestata b’mod ġust, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu stess, irrikonoxxuti mill-Att ta’ l-1976 u mir-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament. Fil-fatt, b’mod definittiv, huwa l-obbligu tal-Parlament li jiżgura li l-proċeduri nazzjonali huma konformi mal-prinċipji fundamentali ta’ demokrazija kostituzzjonali.

60      F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976 u mill-KEDB li l-ordni tal-kandidati fl-elezzjoni abbażi ta’ numru ta’ voti huwa intanġibbli u ma jistax jiġi mibdul minn atti ta’ volontà ta’ natura privata. Għaldaqstant, l-uniku mument li fih l-awtoritajiet elettorali kompetenti jistgħu jikkunsidraw l-eventwali rinunzja tal-kandidat ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni huwa dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ tħabbir tal-kandidati eletti, meta l-kandidat ikkonċernat għandu l-fakultà li jirrevoka eventwali rinunzja magħmula preċedentement jew, skond il-każ, li jikkonfermaha, anki taċitament. Li l-kandidat ikkonċernat jiġi miċħud din il-fakultà, kif għamel il-Consiglio di Stato fis-sentenza tiegħu (ara l-punt 14 iktar’il fuq), jimplika li r-rinunzja ma kinitx revokabbli wkoll fil-każ fejn din tirriżulta minn vizzji ta’ kunsens jew ta’ negozjar u ta’ frodi politiku jew elettorali.

61      Is-sentenza msemmija iktar’il fuq tal-Consiglio di Stato għalhekk kisret il-KEDB u A. Occhetto kien ressaq rikors quddiem il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem wara din is-sentenza.

62      Fl-aħħar nett, A. Occhetto jqis li r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kontestazzjonijiet tal-validità tal-mandati parlamentari f’relazzjoni mas-“sistema ta’ bieb li jibqa’ jdur”, imsemmija mir-rikorrent (ara l-punt 46 iktar’il fuq) mhijiex rilevanti, peress li fil-każ in eżami, dawn huma fatti li seħħew ġewwa l-istess partit politiku u mhux, bħal fil-każ preżenti, f’lista elettorali li tiġbor formazzjonijiet politiċi differenti. Minbarra dan, din ma kinitx kwistjoni la ta’ ftehim kuntrattwali u lanqas ta’ pressjoni kwalunkwe eżerċitata fuq kandidat, iżda ta’ sempliċi għażla intiża sabiex tiggarantixxi r-rappreżentattività diffuża u ugwali tal-komponenti tal-partit ikkonċernat, mingħajr ma jiġu esklużi d-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni ta’ kandidat ieħor, bil-presuppost tal-prinċipju li kien l-istess proġett politiku li kien ġie espress.

63      Għal dawn ir-raġunijiet, A. Occhetto jqis li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris mhijiex sodisfatta f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji

64      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) KE u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 189 KE, il-Parlament jeżerċita s-setgħat u jaġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilu b’dawn it-Trattati.

65      L-Artikolu 190(4) KE jipprovdi li l-Parlament għandu jħejji proposta għal elezzjonijiet tal-membri tiegħu b’vot universali dirett skond il-poċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għal dawn ta’ l-aħħar, u li l-Kunsill għandu, b’vot unanimu, wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri li jikkomponuh, jistipula d-dispożizzjonijiet adatti, li huwa għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jiġu addottati skond il-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

66      Dawn id-dispożizzjonijiet ġew stabbiliti permezz ta’ l-Att ta’ l-1976, li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8 jipprovdi li bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Att, il-proċedura elettorali hija rregolata, f’kull Stat Membru, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Għaldaqstant, skond dan l-Artikolu, il-proċedura elettorali għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament li saret fit-12 u fit-13 ta’ Ġunju 2004 baqgħet regolata, f’kull Stat Membru, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, f’dan il-każ il-liġi Taljana Nru 18, ta’ l-24 ta’ Jannar 1979, dwar l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti Taljani għall-Parlament Ewropew (GURI Nru 29, tat-30 ta’ Jannar 1979, p. 947).

67      Sabiex jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih tinsab din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li l-liġi Taljana Nru 18 toffri l-possibbiltà li wieħed jippreżenta simultanjament il-kandidatura tiegħu f’diversi kostitwenzi elettorali. Huwa b’hekk li A. Di Pietro seta’ jressaq il-kandidatura tiegħu fil-lista komuni “Società Civile – Di Pietro Occhetto”, kemm fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u f’dik tal-Majjistral ta’ l-Italja. Kif diġà ġie rrilevat, il-lista in kwistjoni kisbet żewġ siġġijiet, jiġifieri siġġu f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ kostitwenzi. A. Di Pietro, li ġie l-ewwel fiż-żewġ kostitwenzi għażel, fis-6 ta’ Lulju 2004, is-siġġu tal-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u A. Occhetto – li dak iż-żmien kellu wkoll il-kariga ta’ parlamentari nazzjonali – irrinunzja “irrevokabbilment” quddiem nutar, fl-istess ġurnata, għall-kisba ta’ mandat ta’ parlamentari Ewropew fiż-żewġ kostitwenzi.

68      Kien wara dan l-iżvilupp li, fit-12 ta’ Novembru 2004, l-Uffiċċju elettorali Taljan ittrażmetta lill-Parlament ir-riżultati uffiċjali ta’ l-elezzjonijiet Ewropej bil-lista tal-kandidati eletti u tas-sostituti tagħhom. L-Uffiċċju elettorali Taljan ħabbar bħala kandidati eletti lil G. Chiesa fil-kostitwenza tal-Majjistral ta’ l-Italja u lil A. Di Pietro fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja, filwaqt li r-rikorrent sar l-ewwel mill-kandidati mhux eletti f’din l-aħħar kostitwenza. A. Occhetto ma deherx fuq il-lista in kwistjoni.

69      Madankollu, A. Di Pietro, wara li ġie elett fil-Parlament Taljan fl-elezzjonijiet tad-9 u ta’ l-10 ta’ April 2006 u wara li kien għażel mandat nazzjonali, ħalla vakanti s-siġġu tiegħu fil-Parlament. Peress li kien irrevoka r-rinunzja tiegħu, A. Occhetto ġie mħabbar elett mill-Uffiċċju elettorali Taljan għall-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja. Dan it-tħabbir kien is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati Taljani kompetenti li fil-kuntest ta’ dan ġiet imqajma u diskussa r-rinunzja ta’ A. Occhetto u li ġiet konkluża permezz tat-tħabbir uffiċjali ta’ l-elezzjoni tar-rikorrent, ikkomunikat lill-Parlament mill-Uffiċċju elettorali Taljan fid-29 ta’ Marzu 2007.

70      Din il-kawża tidħol għalhekk fil-kuntest ta’ verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent mill-Parlament magħmula skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 u wara l-kontestazzjoni mqajma minn A. Occhetto, skond dan l-istess Artikolu, li tikkostitwixxi l-bażi legali tal-kompetenza tal-Parlament f’dan ir-rigward.

71      Jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 li, bħala prinċipju, il-Parlament m’għandu ebda kompetenza biex iħares ir-rispett tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri, kemm b’mod ġenerali jew, b’mod iktar partikolari, fil-qasam elettorali. Għall-kuntrarju, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni juru li s-setgħa ta’ verifika li l-Parlament għandu, tidher, għallinqas prima facie, ristretta.

72      Għalkemm il-Parlament ġustament jiddikjara, fil-punt P tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa biss għandu l-kompetenza li jivverifika l-kredenzjali tal-Membri tiegħu, huwa jonqos milli jsemmi t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, li m’għandhiex tiġi kkunsidrata separatament mill-ewwel waħda, in kwantu din tikkjarifikaha, permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ limitu doppju tas-setgħa ta’ verifika li għandu l-Parlament.

73      Minn naħa, il-Parlament, għal dan il-għan, “għandu jieħu att tar-riżultati mħabbra uffiċjalment mill-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 8 ta’ l-Att ta’ l-1976, “il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f’kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu”, bla ħsara għad-dispożizjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976. Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976 in kwantu dawn jipprovdu ċerti proċeduri elettorali, xorta jibqa’ l-fatt li b’mod definittiv, huma għandhom il-kompitu li jorganizzaw l-elezzjonijiet, skond il-proċedura stabbilita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, u, f’dan il-kuntest, li jipproċedu wkoll għall-għadd tal-voti u għat-tħabbir uffiċjali tar-riżultati elettorali.

75      L-eżerċizzju li jikkonsisti f’ li “jieħu nota” ta’ l-imsemmija riżultati donnu jfisser li r-rwol tal-Parlament huwa limitat sabiex jieħu nota tal-konstatazzjoni, diġà magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-kandidati eletti, jiġifieri ta’ sitwazzjoni ġuridika eżistenti minn qabel u li tirriżulta esklużivament minn deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, ħaġa li tenfasizza n-nuqqas totali ta’ marġni ta’ evalwazzjoni tal-Parlament in kwistjoni. Jidher għalhekk eskluż li l-Parlament jista’, f’dan il-kuntest, iqiegħed f’dubju r-regolarità nfisha ta’ l-att nazzjonali kkonċernat u jirrifjuta li jieħu nota, jekk iqis li jinsab quddiem irregolarità (ara, fir-rigward ta’ każ li fih il-Parlament ħa nota ta’ tneħħija minn siġġu deċiża mill-awtorità nazzjonali kompetenti, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, punt 42 iktar’il fuq, punti 49 u 56, u sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 42 iktar’il fuq, punti 90 sa 92).

76      Minn naħa l-oħra, il-kompetenza partikolari tal-Parlament sabiex jiddeċiedi dwar il-kontestazzjonijiet imqajma fl-okkażjoni tal-verifika tal-kredenzjali hija limitata wkoll ratione materiae għall-kontestazzjonijiet biss “li jistgħu jiġu eventwalment imqajma fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet [ta’ l-Att ta’ l-1976], bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li dan ta’ l-aħħar jirreferi għalihom [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

77      Madankollu, jidher, għallinqas prima facie, li l-Parlament ma rrispettax il-portata ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976, meta implementaha f’sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, dan l-artikolu jirrigwarda biss il-Membri tal-Parlament, li għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom b’mod indipendenti, u mhux il-kandidati eletti li l-kredenzjali tagħhom għadhom ma ġewx ivverifikati mill-Parlament, skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976. Il-validazzjoni tal-mandat ta’ tali persuna mill-Parlament, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-kredenzjali tagħha, tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari u indispensabbli sabiex l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 isir applikabbli fir-rigward tagħha.

78      It-tieni sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament ma tidhirx li tista’ tqiegħed in diskussjoni din il-konklużjoni. Din id-dispożizzjoni tippermetti lil kandidat elett, iżda li l-kredenzjali tiegħu ma jkunux għadhom is-suġġett ta’ verifika, li jokkupa siġġu fil-Parlament bħala Membru u bit-tgawdija tad-drittijiet kollha tiegħu, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976, iżda biss temporanjament u bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti tal-Parlament fuq il-verifika tal-kredenzjali tiegħu.

79      Għandu jiġi osservat, madankollu, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi r-rieda tal-Parlament li jassimila s-sitwazzjoni ta’ kandidat elett ma’ dik ta’ Membru tal-Parlament, fuq il-bażi ta’ qari ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 li jsir mill-kliem ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Istatut tal-Membri tal-Parlament, li jidħol fis-seħħ biss fl-2009 u li jipprovdi li l-Membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti (paragrafu 1) u li l-ftehim dwar ir-riżenja mill-kariga ta’ Membru qabel jew mat-tmiem ta’ mandat parlamentari jkunu nulli u bla effett (paragrafu 2) (ara l-punt F tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Il-Parlament jikkunsidra b’hekk, fil-punt K tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-portata ġuridika ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att [ta’ l-1976] tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħha l-kandidati li huma inklużi uffiċjalment fl-ordni ta’ klassifika post elettorali, u dan fl-interess tal-Parlament […], peress li tali kandidati jikkomponu potenzjalment [il-] Parlament”.

81      Barra l-fatt li A. Occhetto b’ebda mod ma kien inkluż fl-ordni ta’ klassifika post elettorali tal-kandidati stabbilit mill-awtoritajiet Taljani wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2004, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, prima facie, li d-dikjarazzjoni msemmija iktar’il fuq tal-Parlament ġejja minn interpretazzjoni contra legem ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-Att ta’ l-1976 li ma tistax tiġi aċċettata.

82      Il-problema mqajma mill-kontestazzjoni ta’ A. Occhetto ma tirrigwarda b’ebda mod, a priori, l-eżerċizzju effettiv minn parlamentari tal-mandat tiegħu iżda ġejja minn sitwazzjoni preċedenti li hija differenti, billi din tirrigwarda r-regolarità tat-tħabbir uffiċjali ta’ l-elezzjoni ta’ kandidat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Din is-sitwazzjoni u l-kwistjonijiet li huma relatati magħha jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali kif ukoll taħt il-kompetenzi ta’ l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali kompetenti.

83      Għandu jiġi enfasizzat li huwa preċiżament f’dan is-sens li l-Parlament adotta d-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2006, li ma semmiex fid-deċiżjoni kkontestata, u li fiha, skond l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, huwa kkunsidra li l-kontestazzjoni tar-rikorrent, magħmula wara t-tħabbir uffiċjali ta’ l-elezzjoni ta’ A. Occhetto preċedentement li stabbilixxiet mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li kellu qabel bħala l-ewwel mill-kandidati mhux eletti fil-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja, ma kinitx ammissibbli minħabba li din kienet fondata fuq il-liġi elettorali Taljana.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tidhirx infondata l-allegazzjoni tar-rikorrent skond liema l-Parlament, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, kiser l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976.

85      Din il-konklużjoni ma tidhirx li tista’ tiġi invalidata mit-termini ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament, espressament imsemmi fil-punt Ċ tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-referenza għal din id-dispożizzjoni ma tistax, prima facie, tippermetti lill-Parlament li jbiddel il-qasam ta’ kompetenza fir-rigward tal-kredenzjali tal-membri tiegħu rrikonoxxut lilu mill-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976.

86      Fil-fatt, dispożizzjoni tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament ma tistax, skond il-prinċipju ta’ ġerarkija tar-regoli, tippermetti li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976 u tagħti lill-Parlament kompetenzi iktar estiżi minn dawk li huwa jieħu minnu (sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 42 iktar’il fuq, punt 93). Għalhekk, jekk l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament għandu jinftiehem f’dan is-sens, dan ikun, kif jirrileva ġustament ir-rikorrent, illegali.

87      Il-Parlament jipproponi qari differenti ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regoli ta’ proċedura interna tiegħu, skond liema, “mill-mument li fih il-Parlament Ewropew ikun ivvalida mandat parlamentari, bħal dak ta’ A. Occhetto li seħħ f’Lulju 2006, huwa [għandu] l-obbligu li jivverifika – fil-każ li dan il-Membru jitneħħa mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ riżenja ddikjarata mill-Membru tal-Parlament Ewropew in kwistjoni, kif kien il-każ fil-komunikazzjoni [ta’ l-uffiċċju elettorali Taljan] tad-29 ta’ Marzu 2007 –, jekk it-tneħħija [kinitx] konformi mal-prinċipji msemmija fl-Att ta’ l-1976”.

88      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ġiex maħtur wara r-riżenja tal-“Membru tal-Parlament”, A. Occhetto.

89      L-argument tal-Parlament skond liema, essenzjalment, interpretazzjoni differenti tas-setgħa ta’ verifika prevista fl-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976 differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett li ċċaħħad din id-dispożizzjoni minn kull effett utli, ma jidhirx fondat. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-Parlament għandu kull kompetenza li jiddeċiedi, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, fuq is-sitwazzjoni ta’ kandidat elett li għandu waħda mill-karatteristiċi inkompatibbli ma’ dik tal-Membru tal-Parlament, kif huma elenkati fl-Artikolu 7 ta’ l-Att ta’ l-1976.

90      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Parlament, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tiegħu dwar il-verifika tal-kredenzjali hija fiha nnfisha vvizzjata b’illegalità jekk din kienet ibbażata fuq att nazzjonali illegali, f’dan il-każ l-att nazzjonali li permezz tiegħu ngħata segwitu għat-tħabbir uffiċjali tar-riżultati elettorali, ma jidhirx fondat.

91      Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, meta, bħal f’dan il-każ, att nazzjonali jidħol fil-kuntest ta’ proċess deċiżjonali Komunitarju u, permezz tat-tqassim tal-kompetenzi effettwat fil-qasam ikkunsidrat, jorbot l-istanza deċiżjonali Komunitarja u jiddetermina, b’konsegwenza, it-termini tad-deċiżjoni Komunitarja li ser tingħata, l-irregolaritajiet ta’ l-imsemmi att nazzjonali ma jistgħux, f’ebda każ, jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni ta’ l-istanza Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni, C‑97/91, Ġabra p. I‑6313, punti 10 sa 12, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 2007, Kronberger vs Il-Parlament, T‑18/07 R, Ġabra p. II-50, punti 38 sa 40).

92      Għaldaqstant, l-irregolaritajiet eventwali li jivvizzjaw il-tħabbir uffiċjali tar-riżultati elettorali mill-awtorità nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam ma jistgħu b’ebda mod jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-verifika tal-kredenzjali tal-kandidati eletti.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu, jekk ikun il-każ, wara rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri elettorali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet Kronberger vs Il-Parlament, punt 91 iktar’il fuq, punt 41).

94      F’dan il-każ, dan l-istħarriġ ġudizzjarju seħħ effettivament quddiem il-qrati Taljani kompetenti, skond il-liġi Taljana Nru 18. Fil-fatt, l-ewwel it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio u, wara, il-Consiglio di Stato ddeċidew fuq il-legalità tal-proċedura elettorali Taljana, li wasslet għat-tħabbir tar-rikorrent bħala Membru elett fil-Parlament. Għalkemm dawn il-qrati Taljani ma ressqux rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dan jidher li jiddependi mill-fatt li l-kwistjonijiet imqajma quddiemhom ma rrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, iżda d-dritt nazzjonali u, b’mod iktar partikolari, il-validità tar-rinunzja inizjali għall-elezzjoni ta’ A. Occhetto kif ukoll ir-revoka suċċessiva ta’ din ir-rinunzja.

95      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li l-argument tar-rikorrent dwar l-inkompetenza tal-Parlament sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata jippreżenta natura serja u ma jistax jiġi mwarrab mingħajr eżami iktar fil-fond, li l-iżvolġiment tiegħu jispetta biss lill-qorti fil-kawża prinċipali li jagħmel. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija sodisfatta f’dan il-każ, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent.

 Fuq l-urġenza u l-ibbilanċjar ta’ l-interessi

 L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrent isostni li r-rifjut ta’ din it-talba ser tikkawżalu dannu serju u irreparabbli, in kwantu d-deċiżjoni kkontestata ċaħditu mill-mandat tiegħu fil-Parlament Ewropew u, għaldaqstant, ipprekludietu milli jassumi l-karigi li ġew fdati lilu mill-eletturi. Dan id-dannu kien diġà beda jikkonkretizza ruħu, peress li l-isem u l-profil tar-rikorrent ma jidhrux iktar fuq is-sit internet tal-Parlament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ammettiet li dan id-dannu kien irreparabbli u li, f’każ tali, il-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet sodisfatta (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, T‑353/00 R, Ġabra p. II‑125, punti 96 sa 98).

97      Għal dak li jirrigwarda t-tqegħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interessi in kwistjoni, ir-rikorrent isostni li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu, billi jsegwi l-istess approċċ bħal dak tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Novembru 1999 (Martinez u de Gaulle vs Il-Parlament, T‑222/99 R, Ġabra p. II‑3397, punt 80), u tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq (punti 101 u 103), jagħti l-prijorità lill-interess speċifiku tar-rikorrent, prekluż permezz tad-deċiżjoni kkontestata mill-possibbiltà li jeżerċita l-mandat li kien ġie leġittimament mogħti lilu. Barra minn hekk, dan l-interess jikkoinċidi kemm ma’ l-interess ġenerali tal-Parlament fir-rigward tar-rispett tal-kompożizzjoni leġittima tiegħu u skond il-liġijiet u l-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli kif ukoll ma’ l-interessi ta’ l-Istat Membru kkonċernat fejn għandu x’jaqsam ir-rispett tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam elettorali u tad-deċiżjonijiet definittivi mogħtija mill-organi ġudizzjarji tiegħu (ara, fir-rigward ta’ dan l-aħħar interess, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P‑R, Ġabra p. I‑7939, punt 108).

98      Il-Parlament iqis li r-rikorrent ma weriex l-eżistenza ta’ urġenza. L-argument skond liema d-deċiżjoni kkontestata kienet ipprekludiet lir-rikorrent mill-mandat li kien ġie mogħti lilu permezz ta’ l-eletturi tiegħu ma jistax jiġi aċċettat, peress illi A. Occhetto kien ippreċeda r-rikorrent fuq il-lista elettorali. Skond il-Parlament, fil-każ ta’ mandat parlamentari, l-urġenza ma tistax tiġi evalwata biss fir-rigward tad-drittijiet tal-kandidati eletti, iżda għandha tiġi evalwata wkoll f’relazzjoni mad-drittijiet ta’ l-eletturi. Minbarra dan, A. Occhetto kien diġà eżerċita l-mandat tiegħu għal iktar minn sena.

99      Il-Parlament iqis ukoll li t-tqegħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interessi mill-partijiet fil-kawża ma jistax jiġi konkluż għall-vantaġġ tar-rikorrent. F’dan il-każ, din mhijiex il-kontinwazzjoni provviżorja tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament, bħal fil-kawża li tat lok għad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq. Ir-rikorrent fittex pjuttost li jikseb iż-żamma tas-sitwazzjoni provviżorja li huwa kien jibbenefika minna skond l-Artikolu 3(2) tar-Regoli ta’ proċedura interna tal-Parlament mid-29 ta’ Marzu 2007 u li d-deċiżjoni kkontestata ġabet tmiem għaliha. Madankollu, din is-sitwazzjoni tar-rikorrent hija iktar fraġli minn dik tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq, li fittex li jżomm mandat definittivament ivvalidat mill-Parlament.

100    Minbarra dan, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi konsegwenzi legali mhux biss għall-Parlament, iżda wkoll għal A. Occhetto, billi din tinterferixxi ma’ l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu, definittivament ivvalidat mill-Parlament fid-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament iqis li l-għoti tas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni mitluba jwassal għal dannu serju ħafna għall-interess pubbliku. Fir-rigward ta’ kwistjoni dwar il-prinċipji fundamentali li jirregolaw il-mandat ta’ Membru tal-Parlament, hija biss is-sentenza fuq il-mertu li tista’ twassal għal modifika tas-sitwazzjoni attwali u ma jistax jiġi ammess li l-interessi tar-rikorrent jistgħu jipprevalu, peress illi, fl-aħjar ċirkustanzi, huwa jiddisponi biss minn fumus boni juris favur tiegħu.

101    A. Occhetto jsostni li kunsiderazzjoni tal-kawża fuq il-mertu biss tista’ twassal għal rotazzjoni ġdida fil-funzjonijiet parlamentari, fejn l-ewwel alternazzjoni kienet diġà seħħet minħabba t-tħabbir tar-rikorrent, fid-29 ta’ Marzu 2007. Billi A. Occhetto jeżerċita l-funzjonijiet parlamentari tiegħu mit-tħabbir tiegħu fit-8 ta’ Mejju 2006 u huwa wkoll President tad-delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet ma’ l-Organizzazzjoni tat-Trattat ta’ l-Atlantiku ta’ Fuq (NATO), interuzzjoni eventwali ta’ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tiegħu tikkawżalhu dannu irreparabbli u tippreġudika l-funzjonijiet stess tal-Parlament. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrent dwar l-urġenza huma infondati.

102    F’kull każ, tenut kont tal-fatt li A. Occhetto kiseb numru akbar ta’ voti mir-rikorrent, jidher għal kollox inopportun, fil-kuntest tat-tqegħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interessi kontrapposti, li tiġi aċċettata din it-talba għal miżuri provviżorji, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni li, minħabba ċ-ċirkustanzi in kwistjoni, hija sommarja.

 Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji

103    Skond il-ġurisprudenza kostanti, l-għan ta’ miżuri provviżorji huwa li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn ikunu deċiżi u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il-Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punt 62; digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1999, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑167/99 R, Ġabra SP p. I‑A‑139 u II‑751, punt 29, u Martinez u de Gaulle vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 79].

104    F’dan il-każ, peress li t-tul tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament huwa limitat għal ħames snin u li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-mandat tar-rikorrent li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata tagħmel impossibbli l-kontinwazzjoni ta’ l-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, jidher ċar li, fil-każ fejn l-att ikkontestat jiġi annulat mill-qorti fil-kawża prinċipali, id-dannu subit mir-rikorrent, jekk ma jiġix sospiż fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-att, ikun irreparabbli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 102, u tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq, punt 96).

105    Dan id-dannu beda jipproduċi ruħu, billi jirriżulta ċar mill-inkartament u mis-sottomissjonijiet tal-Parlament li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan ta’ l-aħħar jikkunsidra lil A. Occhetto bħala l-Membru li jokkupa s-siġġu in kwistjoni għall-kostitwenza tan-Nofsinhar ta’ l-Italja u mhux ir-rikorrent.

106    F’dan l-istadju ta’ l-evalwazzjoni, huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji li jibbilanċja l-interessi in kwistjoni. Huwa paċifiku li d-dannu serju u irreparabbli, kriterju ta’ l-urġenza, jikkostitwixxi barra minn hekk l-ewwel terminu tax-xebh effettwat fil-kuntest ta’ l-ibbilanċjar ta’ l-interessi. B’mod iktar partikolari, dan ix-xebh għandu jwassal lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jeżamina jekk l-annullament eventwali ta’ l-att in kwistjoni mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix it-taqlib tas-sitwazzjoni li kienet ġiet ikkawżata permezz ta’ l-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi att hijiex ta’ natura li tostakola l-effett sħiħ tiegħu fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu jiġi miċħud (ara d-digriet tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 106, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-mandat parlamentari tar-rikorrent hija effettiva mill-24 ta’ Mejju 2007, flimkien mal-konsegwenzi kollha sfavorevoli li jirriżultaw minnha għalih. Minbarra dan, iktar mar-rikorrent jibqa’ fl-impossibbiltà li jeżerċita l-mandat tiegħu, li fadallu inqas minn sentejn xi jkopri, iktar id-dannu subit, permezz tan-natura irreversibbli, isir sinjifikanti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq, punt 102). Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li sentenza eventwali fuq il-mertu, favur ir-rikorrent, tingħata f’data wara l-iskadenza tal-leġiżlatura, f’mument fejn id-dannu allegat mir-rikorrent – jiġifieri ċ-ċaħda ta’ l-istatus tiegħu bħala Membru tal-Parlament – ikun seħħ b’mod irreversibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament punt 97 supra, punt 107).

108    Madankollu, kuntrarjament għal dakk li kien il-każ fil-kawża li tat lok għad-digriet tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq (punt 105), f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-interess ta’ A. Occhetto għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplika ż-żamma tal-mandat ta’ dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, għalkemm l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tirriskja li tikkawża dannu irreversibbli għar-rikorrent, bil-kontra, l-istess riskju jeżisti għal A. Occhetto fil-każ ta’ ammissjoni ta’ din it-talba, fid-dawl tal-probabbiltà li tingħata sentenza eventwali li tiċħad ir-rikors biss wara li tkun għaddiet l-akbar parti, jew inkella t-totalità, tal-kumplament tal-mandat tiegħu. Barra minn hekk, billi A. Occhetti, qabel ir-rinunzja tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2004, kien ippreċeda r-rikorrent fuq il-lista tal-kandidati eletti, l-interess ta’ dan ta’ l-aħħar ma jista’ f’ebda każ jiġi kkwalifikat bħala preċedenti jew preminenti.

109    F’sitwazzjoni tali ta’ ugwaljanza bejn l-interessi speċifiċi u immedjati rispettivi tar-rikorrent u ta’ A. Occhetto, l-interessi iktar ġenerali li huma favur kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut tas-sospensjoni għall-eżekuzzjoni mitluba għandhom importanza partikolari.

110    Madankollu, huwa inkontestabbli li l-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, għandu interess li jara’ l-leġiżlazzjoni elettorali tiegħu irrispettata mill-Parlament (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 108, u tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq, punt 104). Tabilħaqq dan l-interess jista’ jiġi oppost mill-interess ġenerali tal-Parlament għaż-żamma tad-deċiżjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament, punt 96 iktar’il fuq, punt 99). Madankollu, dan l-aħħar interess ma jistax jipprevali fl-ibbilanċjar ta’ l-interessi in kwistjoni.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li n-natura ftit jew wisq serja tal-motivi invokati sabiex jiġi stabbilit il-fumus boni juris tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji matul l-evalwazzjoni ta’ l-urġenza u, jekk ikun il-każ, tat-tqegħid in kunsiderazzjoni ta’ l-interessi (ara d-digriet tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    F’dan il-każ, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 64 sa 95 iktar’il fuq li l-argumenti mressqa mir-rikorrent in sostenn tal-fumus boni juris jidhru, fid-dawl ta’ l-elementi li jiddisponi minnhom l-Imħallef għal miżuri provviżorji, bħala li huma konkreti u li jippreżentaw natura serja.

113    Sussegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-Parlament jista’ jibbaża ruħu fuq is-setgħa tiegħu li jinjora r-riżultati elettorali kkomunikati mill-Istat Membru kkonċernat meta dawn ir-riżultati għalih jidhru kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976, xorta jibqa’ l-fatt li tali setgħa tista’ tiġi eżerċitata biss f’każijiet rari u, b’konsegwenza, eċċezzjonali, peress li wieħed jista’ leġittimament jippreżupponi li, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligu tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, li jadattaw il-liġi elettorali tagħhom mar-rekwiżiti ta’ l-Att ta’ l-1976.

114    Ikun għaldaqstant sproporzjonat li jitħalla li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti irreversibbli filwaqt li l-eżistenza ta’ tali każ eċċezzjonali li jiġġustifika l-adozzjoni tagħha hija serjament ikkontestata quddiem il-qorti Komunitarja.

115    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li A. Occhetto seta’ jeżerċita l-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament mit-28 ta’ April 2006 sat-tħabbir mill-Uffiċċju elettorali Taljan, fid-29 ta’ Marzu 2007, u, mill-ġdid, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri mill-24 ta’ Mejju 2007, għal perijodu ta’ iktar minn sena, għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni ta’ l-interessi (ara, b’analoġija, id-digriet tal-31 ta’ Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament, punt 97 iktar’il fuq, punt 109).

116    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li, billi l-kundizzjonijiet għal għoti tas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma sodisfatti, it-talba tar-rikorrent għandha tiġi milqugħa.

Għal dawn il-motivi,

L-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI

jordna li:

1)      L-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tal-kredenzjali ta’ Beniamino Donnici [2007/2121(REG)] hija sospiża.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Mogħtija fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2007.

Reġistratur

 

      Imħallef

E. Coulon

 

      M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan