Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Ġunju 2007 - CityLine Hungary vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-237/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: CityLine Hungary Kft. (Vecsés, l-Ungerija) (rappreżentant: Menyhei Á., avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla l-Artikolu 2(c)(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 375/2007 tat-30 ta' Marzu 2007, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-4 ta' April 2007;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta l-validità ta' l-Artikolu 2(c)(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 375/2007, imdaħħal mir-Regolament Nru 375/2007/KE1. L-imsemmi Artikolu għandu bħala suġġett l-operazzjoni kontinwa ta' ċerti ajruplani reġistrati fl-Istati Membri.

Ir-rikorrenti, li hija involuta fit-trasport bl-arju ta' diversi oġġetti, issostni li din id-dispożizzjoni tikkonċernaha individwalment u b'mod dirett.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 375/2007/KE jikser il-prinċipju ta' ċertezza legali. Ir-regolament ikkontestat jissuġetta l-operazzjoni ta' ajruplan għal avveniment li twettaq fil-passat, jiġifieri jeħtieġ li r-reġistrazzjoni tkun saret qabel l-adeżjoni ta' l-Istat Membru in kwistjoni ma' l-Unjoni Ewropea.

F'kull każ, fil-passat kien impossibbli għall-individwi kkonċernati li josservaw tali ċirkustanza.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu kkontestat tar-Regolament Nru 375/2007/KE jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 KE. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għall-persuni li l-ajruplan tagħhom ikun tniżżel fir-reġistru ta' Stat Membru wara l-adeżjoni. Dan l-Artikolu huwa irrilevanti fir-rigward tas-sigurtà fl-avjazzjoni u fih regoli u kundizzjonijiet li mhumiex neċessarji, u b'hekk imur lil hinn min dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat KE.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 375/2007 tat-30 ta' Marzu 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1702/2003 ta' l-24 ta' Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni biex inġenji ta' l-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relattivi jiġu ċċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relattivi għad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (ĠU L 94, p. 3-17).