Language of document : ECLI:EU:T:2015:223

Kawża T‑320/09

Planet AE Anonymi Etaireia Parochis Symvouleftikon Ypiresion

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) li tippermetti li jiġi identifikat il-livell ta’ riskju assoċjat mal-entitajiet responsabbli mill-għoti ta’ kuntratti – Investigazzjoni tal-OLAF dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku fir-rigward ta’ proġett ta’ modernizzazzjoni istituzzjonali fis-Sirja – Deċiżjonijiet li jiġu attivati t-twissijiet W1a u W1b – Bażi legali – Drittijiet fundamentali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat‑22 ta’ April 2015

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li jiġi stmat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li r-rikorrenti tiġi rreġistrata fis-sistema ta’ twissijiet bikrijra għall-użu mill-uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi – Tneħħija tar-reġistrazzjoni fil-mori tal-kawża – Assenza ta’ effett – Bażi ta’ rikors għad-danni eventwali – Żamma tal-interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE ; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969)

2.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni awtur tal-att ikkontestat – Motiv ta’ ordni pubbliku – Nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni awtur tal-att li jikkostitwixxi l-bażi legali tal-att ikkontestat – Assenza ta’ natura ta’ ordni pubbliku tal-motiv – Ċirkustanza li ma teskludix eżami ex officio

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Kummissjoni – Kompetenzi – Implementazzjoni tal-baġit Komunitarju – Deċiżjoni li tiġi stabbilita sistema ta’ twissijiet bikrija li tippermetti r-reġistrazzjoni, bħala entitajiet li jirrappreżentaw riskju finanzjarju għall-Unjoni, tal-persuni suġġetti għal investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi – Nuqqas ta’ bażi legali – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

(Artikoli 5 KE, 274 KE u 279 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 51, 59(2), u 95(1)); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

(Artikolu 253 KE)

5.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u kontra attivitajiet illegali oħra – Sistema ta’ twissijiet bikrija għall-użu mill-uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi – Assenza ta’ komunikazzjoni lil persuna rreġistrata fis-sistema tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 253 KE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27, 28, 30-32)

2.      In-nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni li adottat att ikkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jirrappreżenta motiv ta’ annullament ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, meta ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbitha tagħmel dan. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-inkompetenza tal-istituzzjoni li adottat att li fuqu kien ibbażat l-att ikkontestat, għandu jiġi osservat li filwaqt li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex l-obbligu li tqajjem din il-kwistjoni ex officio, jista’ jkun li jkollha tagħmel dan. Dan jista’ jkun il-każ skont l-elementi mniżżla fil-proċess jew jekk ikun jirriżulta minn vizzju li jkun ta’ natura manifesta, fi kliem ieħor jekk il-qorti tal-Unjoni tista’ faċilment tindividwah u tidentifikah bħala tali.

(ara l-punt 35)

3.      La mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 274 KE u lanqas minn dawk tar-Regolament 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ma jirriżulta li l-Kummissjoni għandha kompetenza espliċita sabiex tadotta, bil-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u kontra kull attività oħra illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2008/969 dwar is-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi. Ċertament, skont l-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni għandha timplementa l-baġit tal-Unjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 279 KE. Dan l-aħħar artikolu jipprovdi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva komuni. Madankollu, ir-Regolament Nru 1605/2002, li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 279 KE, ma jistabbilixxix sistema bħas-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija. L-imsemmi regolament jipprovdi, fl-Artikolu 95(1) tiegħu, biss it-twaqqif ta’ database ċentrali li jirrigwarda l-kandidati u l-offerenti li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni obbligatorja msemmija mir-regolament.

Barra minn hekk, minkejja l-fatt li sistema ta’ twissija tista’ tkun strument utli fil-kuntest tal-kompiti tal-Kummissjoni bħala protettriċi u eżekutriċi tal-baġit tal-Unjoni, dan ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li teżisti setgħa impliċita sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2008/969. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza li torganizza l-funzjonament intern tagħha sabiex tiżgura l-iktar funzjonament effikaċi possibbli, konformement mal-Artikolu 51 u mal-Artikolu 59(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, xorta jibqa’ l-fatt li s-setgħa ta’ awtoregolamentazzjoni tagħha ssib il-limiti tagħha fl-attribuzzjonijiet fdati lilha. Issa, għalkemm il-miżuri interni jipproduċu effetti biss fl-isfera interna tal-amministrazzjoni u ma joħolqu ebda dritt jew obbligu għat-terzi, dan ma huwiex il-każ tad-Deċiżjoni 2008/969 li hija intiża li tipproduċi effetti legali esternament.

Barra minn hekk, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq bażi legali għat-twissijiet ta’ esklużjoni, huwa ma qiesx li kien opportun li jagħmel dan għat-twissijiet l-oħra li jinsabu fid-Deċiżjoni 2008/969. Barra minn hekk, kuntrarjament għat-twissijiet W5 li jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi u, sa ċertu punt, ikkonstatati, ir-reġistrazzjoni tat-twissija W1a jew W1b skont id-Deċiżjoni 2008/969 hija l-konsegwenza ta’ i nvestigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, minkejja l-fatt li għadhom ma ġewx stabbiliti konstatazzjonijiet ta’ frodi jew ta’ żbalji amministrattivi. Qabel kollox, wieħed ma jistax jaċċetta, mingħajr ma jmur kontra d-drittijiet fundamentali, fosthom il-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qawl li potest majus potest et minus. Issa, b’differenza mit-twissijiet ta’ esklużjoni, ma jistax jiġi kkontestat li t-twissijiet W1a u W1b jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha investigazzjonijiet ikunu għadhom fis-seħħ u għaldaqstant li fiha qorti tkun għadha ma stabbilixxietx ħtija. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tadotta miżuri ta’ prevenzjoni, fi stadju bikri, hija għandha bżonn, wisq iżjed għal din ir-raġuni, bażi legali li tippermetti li tinħoloq tali sistema ta’ twissija u li tadotta miżuri relatati magħha, sistema li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fejn dan tal-aħħar ifisser li r-regoli ta’ dritt għandhom ikunu ċari, preċiżi u previdibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi.

(ara l-punti  43, 45, 58, 59, 61-67)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 77, 78)

5.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra entità fis-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2008/969 dwar l-imsemmija sistema għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi, mingħajr ma tikkomunika l-imsemmija deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, ġaladarba din il-persuna ma tkunx ingħatat il-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward u lanqas ma jkunu ġew ikkomunikati lilha r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-reġistrazzjoni tagħha fis-sistema ta’ twissijiet.

Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża għandhom jibqgħu jiġu żgurati, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni. L-istess jgħodd fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, minkejja l-fatt li l-għan segwit huwa li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni permezz ta’ miżuri ta’ prudenza, dan assolutament ma jiġġustifikax din l-assenza ta’ komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, anki li kieku kellu jitqies li s-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija nbniet bħala strument intern, xorta jibqa’ l-fatt li r-reġistrazzjoni fl-imsemmija sistema tagħti lok għal konsegwenzi ġuridiċi għall-persuna kkonċernata li tiġi rreġistrata fiha, li jfisser li d-drittijiet tad-difiża, inkluż l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu rrispettati.

(ara l-punti 79, 83, 86, 87)