Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Novembru 2010 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-516/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues u B. Cabouat, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 5724 finali, tat-23 ta' Awwissu 2010, dwar l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna tal-FAEGG, taqsima "Orjentazzjoni", allokati għal programm ta' inizjattiva Komunitarja CCI 2000.FR.060.PC.001 (Franza - LEADER+)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 5724 finali, tat-23 ta' Awwissu 2010, dwar l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji għall-għajnuna tal-FAEGG, taqsima "Orjentazzjoni", allokata għal programm ta' inizjattiva Komunitarja CCI 2000.FR.060.PC.001 (Franza - LEADER+). Din id-deċiżjoni tistabbilixxi li l-għajnuna tal-FAEGG, taqsima "Orjentazzjoni", li ġiet allokata skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2001) 2094, tas-7 ta' Awwissu 2001, għall-ispejjeż sostnuti abbażi tal-programm ta' inizjattiva Komunitarja Leader+ fi Franza, għandha titnaqqas b'EUR 7 437 217.61.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 9(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 1. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li l-gruppi ta' azzjoni lokali (GAL) kienu l-benefiċjarji finali tal-programm ta' inizjattiva Komunitarja. Issa, il-benefiċjarji finali ta' dan il-programm ma kinux il-GAL, iżda l-promoturi tal-proġetti. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni, il-Kummissjoni ma pprefinanzjatx l-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarji finali tal-programm Leader+.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, billi ma adottat l-ebda konklużjoni wara l-verifika magħmula f'April 2005, u sussegwentement ma sospendietx l-ispejjeż ikkonċernati, il-Kummissjoni aġġixxiet b'mod li seta' jwassal lill-awtoritajiet Franċiżi jaħsbu li l-Kummissjoni ma kinitx qed tikkontesta l-interpretazzjoni tagħhom dwar l-irwol tal-GAL u li, fi kwalunkwe każ, is-sistema ta' amministrazzjoni tagħhom fil-qasam tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż ma kellhiex nuqqasijiet gravi li jiġġustifikaw korrezzjoni finanzjarja.

Iktar sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni kellha tuża ammont ta' korrezzjoni finanzjarja li jkun inqas għoli. L-ewwel nett, il-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-ammont tal-bażi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-korrezzjoni finanzjarja ta' 5 %. It-tieni nett, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 39(3) tar-Regolament Nru 1260/1999 billi ma użatx korrezzjoni finanzjarja proporzjonata għall-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqasijiet ikkonstatati.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31)