Language of document : ECLI:EU:T:2013:398

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi —Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑493/10,

Persia International Bank plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn S. Gadhia, S. Ashley, solicitors, D. Anderson, QC, u R. Blakeley, barrister, sussegwentement minn Ashley, S. Jeffrey, A. Irvine, solicitors, D. Wyatt, QC, u Blakeley,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u A. Vitro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament tad-dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969), tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 għar-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Rabaʼ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2010.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha wara l-adozzjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Jannar 2011, il‑Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tal-8 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti, minn naħa, emendat it-talbiet tagħha wara l-adozzjoni, fl-1 ta’ Diċembru 2011, tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni Nru 1245/2011 u, min-naħa l-oħra, talbet li l-atti kkontestati jiġu, jekk ikun xieraq, annullati b’effett immedjat.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ April 2012, ir-rikorrenti emendat it-talbiet tagħha wara l-adozzjoni, fit-23 ta’ Marzu 2012, tar-Regolament Nru 267/2012.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet bil-miktub mistoqsijiet lill-partijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-kawża odjerna, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill (C‑380/09 P), in-numru ta’ diretturi tar-rikorrenti u l-modalitajiet għall-ħatra tagħhom, kif ukoll l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv tar-rikorrenti. Il-partijiet wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

28      Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ippreżentata fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar fit-8 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti rtirat it-tielet motiv, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata u, għaldaqstant, illegali, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

29      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012.

30      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tar-4 ta’ Settembru 2012, il-proċedura orali infetħet mill-ġdid sabiex jiddaħħlu fil-proċess l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill [C‑110/12 P(R)], u sabiex jinġabru l-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra. Wara, il-proċedura orali ġiet magħluqa mill-ġdid fl-4 ta’ Ottubru 2012.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla, b’effett immedjat, il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, il-punt 2 tat-Tabella B tal-Anness tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni Nru 668/2010, il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/644, il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ eżekuzzjoni Nru 1245/2011 u l-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha;

–        tiddikjara li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 ma humiex applikabbli għaliha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

32      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq il-mertu

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ rispett lejn id-drittijiet tad-difiża u lejn id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

[omissis]

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mill-fatt li hija ma kinitx kisbet biżżejjed informazzjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha

78      Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja t-talbiet ripetuti għal informazzjoni, hija ma rċevietx informazzjoni suffiċjenti dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha u fil-konfront tal-Bank Mellat u li hija b’mod partikolari ma rċeviet l-ebda prova relatata mal-allegata implikazzjoni tal-Bank Mellat fil-proliferazzjoni nukleari. Hija tenfasizza, f’dan il-kuntest, in-natura inadegwata tal-proposti tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkomunikati permezz tal-ittra tat-13 ta’ Settembru 2010 u ta’ dik ikkomunikata fl-anness għall-kontroreplika kif ukoll l-iżvelar tardiv ta’ din tal-aħħar.

79      Minn dan ir-rikorrenti ddeduċiet li l-komunikazzjoni ta’ dawk l-elementi ma ppermettitilhiex li tifformula osservazzjonijiet utli dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha u fil-konfront tal-Bank Mellat u li din ma kinitx kapaċi tiżguralha smigħ xieraq.

80      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li huwa kkomunika l-proposti tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi lir-rikorrenti hekk kif kien kiseb il-kunsens tal-Istati Membri li minnhom joriġinaw.

81      Fl-ewwel lok, mill-eżami li twettaq fil-punti 62 sa 77 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames motivi invokati mill-Kunsill fil-konfront tal-Bank Mellat, kif ukoll il-motivazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti nnifisha, kif jirriżultaw mill-atti kkontestati u mill-proposti tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkomunikati lir-rikorrenti, huma suffiċjentement preċiżi. Għall-kuntrarju, in-natura vaga tat-tieni, it-tielet, is-sitt u s-seba’ motivi pprovduti mill-Kunsill fil-konfront tal-Bank Mellat tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

82      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-proposti tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi ġew ikkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010 u għalhekk qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kunsill sabiex ir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, jiġifieri l-25 ta’ Settembru 2010, b’tali mod li ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tagħha.

83      Għall-kuntrarju, il-proposta annessa mal-kontroreplika ġiet ikkomunikata wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fil-punt 82 iktar ʼil fuq.

84      F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kunsill dwar in-neċessità li jinkiseb il-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, meta l-Kunsill ikollu l-ħsieb li jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn Stat Membru sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità, huwa obbligat li jiżgura, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, li l-elementi inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata b’mod tempestiv sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha b’mod utli.

85      Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tardiva ta’ dokument li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqu sabiex jadotta jew iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifikaw l-annullament tal-atti adottati preċedentement sakemm ma jiġix stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jiġu adottati jew miżmuma fis-seħħ b’mod legali jekk id-dokument ikkomunikat tardivament kellu jiġi skartat bħala prova favur.

86      Issa, kif jirriżulta mill-punti 70 u 76 iktar ʼil fuq, il-proposta annessa mal-kontroreplika ma tinkludix elementi addizzjonali meta mqabbla mal-atti kkontestati u mal-proposti kkomunikati fit-13 ta’ Settembru 2010, u dan jimplika li l-fatt li din tiġi skartata bħala prova favur ma jistax jaffettwa l-fondatezza tal-adozzjoni u taż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komunikazzjoni tardiva tal-imsemmija proposta ma tiġġustifikax l-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni Nru 668/2010, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

87      Fit-tielet lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-provi, hemm lok li jiġi rrimarkat li, skont il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika elementi oħra ħlief dawk li jifformaw parti mill-fajl tiegħu. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill jiddikjara, mingħajr ebda oġġezzjoni mir-rikorrenti, li l-fajl tiegħu ma jinkludix provi addizzjonali li jikkonċernaw l-implikazzjoni tal-Bank Mellat fil-proliferazzjoni nukleari jew li jikkonċernaw lir-rikorrenti nnifisha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma jistax jiġi attribwit bir-responsabbiltà tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba li ma kkomunikax tali provi.

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar l-appartenenza jew il-kontroll tar-rikorrenti mill-Bank Mellat

101    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma hijiex proprjetà tal-Bank Mellat u li hija ma tappartjenix lil din tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012.

102    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrimarkat li l-eżami tal-Qorti Ġenerali jikkonċerna biss iċ-ċirkustanza li l-Bank Mellat għandha 60 % mill-kapital tar-rikorrenti. Fil-fatt, huwa ċertament veru li, mill-24 ta’ Jannar 2012, il-Bank Tejarat, l-azzjonista l-oħra tar-rikorrenti, hija wkoll indirizzata mill-miżuri restrittivi adottati skont id-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012. Madankollu, dik iċ-ċirkustanza ġiet invokata mill-Kunsill, għall-ewwel darba, waqt is-seduta, u ma hijiex inkluża b’mod partikolari fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Konsegwentement, hija ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħhom.

103    Skont il-ġurisprudenza, meta l-fondi ta’ entità rikonoxxuta bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari jiġu ffriżati, ikun hemm riskju kunsiderevoli li din tal-aħħar teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li huma proprjetà tagħha jew li hija tikkontrolla jew li jappartjenu lilha, sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jindirizzaw lilha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawk l-entitajiet, li huwa impost mill-Kunsill permezz tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, huwa neċessarju u adegwat sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u jiġi żgurat li dawk il-miżuri ma jiġux evitati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ʼil fuq, punti 39 u 58).

104    Bl-istess mod, meta entità tkun miżmuma 100 % minn entità kkunsidrata bħala li hija implikata fil-proliferazzjoni nukleari, il-kundizzjoni taż-żamma msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 tkun sodisfatta (ara, b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ʼil fuq, punt 79). L-istess konklużjoni għandha tiġi applikata għall-kunċett ta’ entità “li tappartjeni” lil entità kkunsidrata bħala li hija implikata fil-proliferazzjoni nukleari, li huwa inkluż fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012.

105    Minkejja dan, ma huwiex ikkontestat li l-Bank Mellat għandha biss 60 % tal-kapital tar-rikorrenti.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-regola ġurisprudenzjali ċċitata fil-punt 104 iktar ʼil fuq ma hijiex applikabbli, peress li ż-żamma ta’ 60 % tal-kapital tar-rikorrenti ma timplikax, fiha nnifisha, li l-kundizzjoni ta’ “żamma” jew ta’ “appartenenza”, prevista fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 104 iktar ʼil fuq, hija sodisfatta.

107    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari tal-portata taż-żamma mill-Bank Mellat, jeżistix riskju kunsiderevoli li r-rikorrenti titwassal sabiex tevita l-effett tal-miżuri restrittivi li jindirizzawha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 27 iktar ʼil fuq, punt 40).

108    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li dan huwa l-każ sa fejn, bħala detentriċi tal-maġġoranza tal-azzjonijiet rappreżentanti 60 % tal-kapital tar-rikorrenti, il-Bank Mellat, tista’ taħtar u tneħħi d-diretturi tagħha.

109    F’dan ir-rigward, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti għandha sebaʼ diretturi, li minnhom hemm żewġ diretturi indipendenti li ma jeżerċitawx funzjonijiet eżekuttivi.

110    Huwa ċertament veru li, kemm skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit applikabbli kif ukoll skont l-istatuti tar-rikorrenti, id-diretturi ta’ din tal-aħħar jinħatru permezz ta’ riżoluzzjoni ordinarja tal-laqgħa ġenerali, adottata b’maġġoranza sempliċi tal-voti.

111    Minħabba f’hekk, fl-ewwel lok, mill-elementi pprovduti mir-rikorrenti, li l-eżattezza tagħhom ma ġietx ikkontestata mill-partijiet l-oħra, jirriżulta li, b’mod konformi mal-ftehim tal-azzjonisti tiegħu, huma biss erbgħa mid-diretturi attwali tiegħu li ġew magħżula mill-Bank Mellat, filwaqt li t-tlieta l-oħra ġew magħżula mill-Bank Tejarat.

112    Barra minn hekk, wieħed mill-erba’ diretturi magħżula mill-Bank Mellat huwa direttur indipendenti mhux eżekuttiv. Kif jirriżulta mill-elementi ppreżentati mir-rikorrenti, il-kundizzjoni tal-indipendenza, li l-osservanza tagħha hija vverifikata mill-FSA fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tad-diretturi ta’ kumpannija, timplika b’mod partikolari li l-imsemmi direttur ma huwa bl-ebda mod assoċjat mal-azzjonisti tar-rikorrenti, fosthom il-Bank Mellat.

113    F’dawk iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bank Mellat jista’ jeżerċita influwenza l-iktar l-iktar fuq tlieta mis-seba’ diretturi attwali tar-rikorrenti, jiġifieri fuq minoranza minn dawn tal-aħħar.

114    Il-Kunsill isostni wkoll f’dan ir-rigward, waqt is-seduta, li d-diretturi indipendenti ma kinux jipparteċipaw fil-ġestjoni ta’ kuljum tar-rikorrenti, peress li ma kinux jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi.

115    Issa, jeħtieġ li jiġi osservat li, sa fejn huma kkonċernati d-deċiżjonijiet kollettivi meħuda mid-diretturi, l-istatuti tar-rikorrenti ma jagħmlux distinzjoni bejn diretturi eżekuttivi u diretturi mhux eżekuttivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-quorum u d-dritt tal-vot. Konsegwentement, f’dan il-kuntest, il-pożizzjoni ta’ diretturi mhux eżekuttivi hija ekwivalenti għal dik ta’ diretturi eżekuttivi.

116    Barra minn dan, sa fejn l-argument tal-Kunsill għandu jinftiehem bħala li jikkonċerna l-influwenza li tista’ tiġi eżerċitata individwalment minn ċerti diretturi tar-rikorrenti magħżula mill-Bank Mellat fil-kuntest tal-funzjonijiet eżekuttivi tagħhom, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn. Fil-fatt, minn naħa, dik iċ-ċirkustanza ma ġietx imsemmija fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Min-naħa l-oħra, l-argument inkwistjoni ma huwiex suffiċjentement preċiż, peress li l-Kunsill ma indika la l-identità tad-diretturi msemmija, la l-funzjonijiet preċiżi li huma kienu jeżerċitaw, u lanqas ir-riskju speċifiku li din iċ-ċirkustanza kienet tippreżenta għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jindirizzaw lill-Bank Mellat.

117    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrimarkat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-ħatra ta’ kull direttur ġdid tar-rikorrenti hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-FSA. Għaldaqstant, il-Bank Mellat ma hijiex f’pożizzjoni li tbiddel liberament in-numru jew in-natura tad-diretturi tar-rikorrenti, partikolarment billi tħassar il-postijiet ta’ diretturi indipendenti.

118    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-fatt li l-Bank Mellat iżżomm 60 % tal-kapital tar-rikorrenti ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ “żamma” jew ta’ “appartenenza”, prevista fl-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, hija sodisfatta.

119    Konsegwentement, iż-żamma ta’ 60 % tal-kapital tar-rikorrenti mill-Bank Mellat ma tiġġustifikax, fiha nnifisha, l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrenti.

120    Sa fejn iż-żamma ta’ 60 % tal-kapital tar-rikorrenti mill-Bank Mellat hija l-unika ċirkustanza li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 102 iktar ʼil fuq), jeħtieġ li jintlaqa’ t-tieni motiv u, għaldaqstant, li jiġu annullati d-Deċiżjoni 2010/644, ir-Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ eżekuzzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 267/2012 sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati, minn naħa, l-argumenti l-oħra invokati minn din tal-aħħar fil-kuntest tat-tieni motiv u, min-naħa l-oħra, il-ħames motiv.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Huma annullati, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Persia International Bank plc:

–        il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-pożizzjoni komuni 2007/140/PESK;

–        il-punt 2 tat-Tabella B tal-Anness tar-Regolament ta’ eżekuzzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-deċiżjoni 2010/413;

–        il-punt 4 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        ir-Regolament ta’ eżekuzzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010;

–        il-punt 4 tat-Tabella B, taħt it-Titolu I, tal-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644 u bid-Deċiżjoni 2011/783, għandhom jinżammu fis-seħħ fil-konfront ta’ Persia International Bank sal-implementazzjoni tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Persia International Bank.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Ġew riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jkun utli li jiġu ppubblikati.