Language of document : ECLI:EU:T:2009:427

Kawża T-45/01 DEP

Stephen G. Sanders et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura — Spejjeż — Intaxxar — Teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir li kkawża l-ispejjeż — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 87(1) u t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 87(3))

1.      L-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall‑finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura tariffarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tevalwa liberament il-fatti tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l‑għan u n‑natura tal‑kawża, is-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l‑proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l‑interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża.

(ara l-punti 27, 28)

2.      Għalkemm in-natura abbużiva tal-aġir ta’ parti waħda fil-kawża hija rilevanti għat-tqassim tal-ispejjeż ordnat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza jew fid‑digriet li jagħlaq il-kawża, skont l-Artikolu 87(1) u t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din in-natura hija, għall-kuntrarju, irrilevanti fl-istadju tal-intaxxar tal-ispejjeż, imwettaq mill‑Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 92(1) tal-istess regoli, peress li din il‑proċedura ta’ intaxxar hija proċedura oġġettiva, li l-għan tagħha huwa d‑determinazzjoni tal-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-bżonnijiet tal‑proċeduri, irrispettivament min-natura, abbużiva jew le, tal-aġir li kkawża dawn l-ispejjeż.

(ara l-punt 36)