Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2009 - Sociedad Agricola Requingua vs UASI - Consejo Regulador de la Denominación de Origen Toro (TORO DE PIEDRA)

(Kawża T-358/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti Sociedad Agricola Requingua Ltda (Santiago, Ċilì) (rappreżentant: E. Vorbuchner, lawyer)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell: Consejo Regulador de la Denominación de Origen Toro (Toro, Spanja)

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-18 ta' Ġunju 2009 fil-Każ R 1117/2008-2;

Tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, jiġifieri l-ispejjeż tal-proċidementi ta' oppożizzjoni, tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u ta' dawn il-proċeduri; u

Tikkundanna lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "TORO DE PIEDRA", għal prodotti fil-klassi 33

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tat-trade mark figurattiva "D. ORIGEN TORO" għal prodotti fil-klassi 33; reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva "Denominación de Origen TORO" għal prodotti fil-klassi 33

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009 peress li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddikjara li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati; ksur tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009 u tad-dritt ta' smigħ peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jisma' l-aħħar sottomissjonijiet tar-rikorrenti; ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 75(1) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jagħti raġunijiet għaliex astjena milli jieħu inkunsiderazzjoni l-aħħar sottomissjonijiet tar-rikorrenti.

____________