Language of document : ECLI:EU:T:2012:332

Kawża T-360/09

E.ON Ruhrgas AG u

E.ON AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass naturali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tqassim tas-suq — Tul tal-ksur — Multi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Akkordji — Projbizzjoni — Eżenzjoni — Klawżola kklassifikata bħala restrizzjoni anċillari — Kunċett ta’ restrizzjoni anċillari — Portata — Restrizzjoni li hija direttament marbuta u neċessarja għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali — Natura oġġettiva u proporzjonata — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni

(Artikolu 81(1) u (3) KE)

2.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Klassifikazzjoni ta’ impriża bħala kompetitur potenzjali — Kriterji — Element essenzjali — Kapaċità tal-impriża li tidħol fis-suq rilevanti — Suq ikkaratterizzat minn monopolju legali jew fattwali — Rilevanza

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Intenzjoni tal-partijiet li jilħqu ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni — Kriterju mhux neċessarju — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali intenzjoni mill-Kummissjoni jew mill-qorti tal-Unjoni — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Ftehim intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni — Tfittxija simultanja ta’ għanijiet leġittimi — Assenza ta’ rilevanza

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Akkordji — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ftehim jew prattiki relatati ma’ suq ikkaratterizzat mill-assenza ta’ kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 230 KE)

9.      Akkordji — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’inizjattivi antikompetittivi — Natura suffiċjenti, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr tbegħid pubbliku

(Artikolu 81(1) KE)

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv — Deċiżjoni sostnuta minn provi dokumentali — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE)

11.    Akkordji — Projbizzjoni — Akkordji li jestendu l-effetti tagħhom lil hinn mill-waqfien formali tagħhom — Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

(Artikolu 81(1) KE)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni — Natura indikattiva

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

13.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Sussidjarja miżmuma minn kumpannija holding — Ċirkustanza li ma hijiex suffiċjenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Effett

(Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 62-70)

2.      L-Artikolu 81(1) KE huwa applikabbli biss fis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija minn dan it-test relatati mal-effett tan-negozju bejn l-Istati Membri u mar-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni. L-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna suq nazzjonali kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ monopolji territorjali fattwali, iċ-ċirkustanza li f’dan is-suq ma jeżistix monopolju legali hija mingħajr rilevanza. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk f’suq teżistix kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom jew li kompetitur ġdid ikun jista’ jidħol f’dan is-suq u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti. Dan l-eżami tal-Kummissjoni għandu jsir fuq bażi oġġettiva ta’ dawn il-possibbiltajiet, b’tali mod li ftit li xejn jimporta li l-imsemmija possibbiltajiet ikunu esklużi minħabba monopolju li jsib l-oriġini tiegħu direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, indirettament, fis-sitwazzjoni fattwali li tirriżulta mill-implementazzjoni tagħha.

Barra minn hekk, il-possibbiltà purament teoretika ta’ dħul ta’ kumpannija f’tali suq ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni.

(ara l-punti 84, 85, 102, 105, 106)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 141)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 142)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 143)

6.      L-Artikolu 81(1) KE japplika biss għal ftehim li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.

Effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju jaffettwax b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn Stati Membri, jeħtieġ li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa rilevanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ toħloq distorsjoni fuq it-tendenzi kummerċjali li b’xi mod jew ieħor setgħu segwew.

Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat effett ħażin effettiv fuq il-kummerċ. Madankollu, huwa neċessarju li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati jkun sinjifikattiv, jew, fi kliem ieħor, li ma jkunx insinjifikattiv.

Barra minn hekk, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat.

Fir-rigward ta’ swieq nazzjonali kkaratterizzati minn monopolju legali jew fattwali, ġaladarba l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali f’tali swieq, din ma tistax tqis li ftehim jew prattiki li jirrigwardaw dawn is-swieq jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l-punti 151-155)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 169, 170, 173-175, 247)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 171, 172)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 176, 177)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 234, 252)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 251)

12.    Il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, ġaladarba dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, ikunu identiċi.

Madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħal ma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha.

Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni.

(ara l-punti 260-262)

13.    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din il-kumpannija sussidjarja mal-kumpannija parent, li jistgħu jvarjaw skont il-każ.

Ma hemmx lok, b’mod partikolari, li din l-evalwazzjoni tkun limitata biss għall-elementi relatati mal-politika kummerċjali stricto sensu tas-sussidjarja, bħall-istrateġija ta’ distribuzzjoni jew tal-prezzijiet. B’mod partikolari, is-sempliċi prova li hija s-sussidjarja li tamministra dawn l-aspetti speċifiċi tal-politika kummerċjali tagħha mingħajr ma tirċievi direttivi f’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li s-sussidjarja hija awtonoma. A fortiori, il-kriterju dwar jekk il-kumpannija parent indaħlitx fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tas-sussidjarja tagħha huwa nieqes minn rilevanza.

Is-sempliċi ċirkustanza li l-kumpannija parent hija kumpannija holding li ma tindaħalx fl-attività ta’ operat tas-sussidjarja tagħha ma tistax titqies suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija ta’ natura li tgħaqqad titoli f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura tmexxija waħda.

(ara l-punti 277-280, 283)

14.    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas bil-linji gwida tagħha meta tiddeċiedi fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

(ara l-punti 300, 301)