Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2023 minn Renco Valore SpA, Seopult LTD u Grapevine Investimentos e Serviços, Lda (Zona Franca da Madeira) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawżi T-588/22 u T-660/22, Renco Valore u Seopult vs Il-Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira)

(Kawża C-806/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Renco Valore SpA, Seopult LTD u Grapevine Investimentos e Serviços, Lda (Zona Franca da Madeira) (rappreżentanti: A. Gaspar Schwalbach u C. Pinto Xavier, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE, tannulla d-digriet tat-18 ta’ Ottubru 2023, Renco Valore u Seopult vs Il-Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (T-588/22 u T-660/22, EU:T:2023:689) u, konsegwentement:

tannulla l-Artikoli 1, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III 1 , u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

żball fl-applikazzjoni tad-dritt dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju RELATAT mal-“attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala korretta l-interpetazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kriterju ta’ “benefiċċji li jirriżultaw minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”. Il-benefiċċji tal-impriżi rreġistrati fiż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (iktar ’il quddiem iż-“ŻĦM”) li jistgħu jkunu kkonċernati mill-vantaġġ fiskali ma humiex limitati għal dawk li jirriżultaw minn attivitajiet suġġetti għal spejjeż addizzjonali marbuta mas-sitwazzjoni “ultraperiferika”, jiġifieri attivitajiet imwettqa unikament fit-territorju ġeografiku tar-reġjun awtonomu ta’ Madeira (iktar ’il quddiem ir-“RAM”). Fid-dawl tal-għanijiet u tal-kuntest tar-Reġim III taż-ŻĦM, interpretazzjoni korretta ta’ dan il-kriterju tkun tippermetti li jitqiesu bħala attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira dawk li jkunu marbuta ma’ impriżi rreġistrati fiż-ŻĦM, u li jkollhom iċ-ċentru tagħhom ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet hemmhekk, indipendentement minn jekk dawn l-impriżi jkollhomx attività internazzjonali jew le.

Żball fl-applikazzjoni tad-dritt dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju RELATAT Maż-“Żamma tal-Impjiegi”

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala korretta l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-kriterju taż-“żamma tal-impjiegi”. Fl-assenza ta’ kunċett ta’ “impjieg” eżistenti fil-livell tal-Unjoni, u ta’ definizzjoni ta’ dan it-terminu għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Reġim III, kemm fid-deċiżjonijiet tal-2007 u tal-2013 kif ukoll fil-Linji Gwida tal-2007, il-kunċett ta’ impjieg li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xogħol għandu jitqies bħala validu. Il-metodoloġija ta’ definizzjoni tal-impjiegi bħala “EFT” (Ekwivalenti għal Full-Time) u “UXA” (Unità tax-Xogħol Annwali) ma hijiex applikabbli għar-Reġim III taż-ŻĦM.

Ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi. F’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji tipprekludi li l-Kummissjoni teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali Portugiżi jipproċedu għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċċjarji, u, b’mod konkret, mingħand l-appellanti.

____________

1 ĠU 2022, L 217, p. 49.