Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Ottubru 2008 - AES-Tisza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-468/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AES-Tisza Erőmű kft (AES-Tisza kft) (Tiszaújváros, l-Ungerija) (rappreżentanti: T. Ottervanger u E. Henny, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2008 (Każ C 41/2005);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2223 finali, tal-4 ta' Ġunju 2008, li tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi lil ċerti produtturi tal-enerġija elettrika fil-forma ta' arranġamenti għax-xiri ta' servizzi tal-enerġija tal-elettriku fit-tul konklużi bejn l-operatur tan-netwerk Magyar Villamos Müvek Rt. (iktar 'il quddiem "MVM"), li l-proprjetarju tiegħu huwa l-Istat Ungeriż, u dawn il-produtturi f'data qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija mal-Unjoni Ewropea [Għajnuna mill-Istat C 41/2005 (ex NN 49/2005) - "spejjeż iżolati" Ungeriżi)]. Ir-rikorrenti hija identifikata fid-deċiżjoni kkontestata bħala benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat allegata u d-deċiżjoni tordna lill-Ungerija tirkupra l-għajnuna, inklużi l-interessi, mir-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u wettqet żbalji ta' evalwazzjoni manifesti, u barra minn hekk kisret il-priniċpji fundamentali tal-liġi Ewropea, billi kkonkludiet li l-obbligi ta' xiri fl-arranġamenti bejn MVM u r-rikorrenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tqajjem seba' motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE sa fejn wettqet żbalji ta' liġi u żbalji ta' evalwazzjoni manifesti billi naqset milli tistabbilixxi sal-livell meħtieġ li l-għajnuna mill-Istat allegata kkonferixxiet vantaġġ selettiv fuq ir-rikorrenti permezz ta' riżorsi Statali.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, billi kkwalifikat l-arranġamenti tar-rikorrenti bħala għajnuna u billi ordnat l-irkupru tagħha, id-deċiżjoni tikser il-prinċipji fundamentali tal-liġi Komunitarja. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi naqset milli tirrispetta d-dritt għal smigħ tagħha. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipji fundamentali taċ-ċertezza legali u tal-aspettativi leġittimi sa fejn applikat evalwazzjoni ex post fuq il-miżuri ta' għajnuna allegati, billi ma rrispettatx ir-regola stabbilita ta' evalwazzjoni ex ante mingħajr ġustifikazzjoni valida. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' newtralità u ta' trattament ugwali.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji kumulattivi tal-Artikolu 87(1) KE għall-arranġament tar-rikorrenti fil-perijodu wara l-adeżjoni.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta' motivazzjoni tagħha, kif meħtieġ mill-Artikolu 235 KE, b'mod partikolari fir-rigward tal-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-arranġamenti bħala għajnuna b'effett mill-1 ta' Mejju 2004 u fl-applikazzjoni tas-suq "kontrafattwali".

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE billi naqset milli tirrikonoxxi rwol għall-arranġamenti tar-rikorrenti sabiex tassigura l-investiment neċessarju f'impjant modern u aġġornat.

Fis-sitt lok, fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tassigura l-ispeċifiċità legali fir-rigward tal-irkupru, naqset milli tikkwalifika l-portata u l-valur tal-"obbligi ta' xiri" u bbażat l-ordni ta' rkupru tagħha fuq elementi ipotetiċi.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fundamentali tal-liġi Komunitarja billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegata.

____________