Language of document : ECLI:EU:T:2011:347

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Lulju 2011

Kawża T-80/09 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Q

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Appell inċidentali — Fastidju psikoloġiku — Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal — Komunikazzjoni fuq il-politika fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku fil-Kummissjoni — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Portata — Talba għal assistenza — Miżuri provviżorji ta’ tbegħid — Dmir ta’ premura — Responsabbiltà — Talba għal kumpens — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F-52/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑409 u II‑A‑1‑2235), u intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F‑52/05, Ġabra FP p. I‑A‑1‑409 u II‑A‑1‑2235), hija annullata sa fejn, fil-punt 2 tad-dispożittiv, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Q kumpens fl-ammont ta’ EUR 500 kif ukoll is-somma ta’ EUR 15 000, sa fejn din hija intiża sabiex tikkumpensa dannu morali sostnut minn Q minħabba allegat dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, u sa fejn, sabiex jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors fl-ewwel istanza, fil-punt 3 tad-dispożittiv, huwa jiddeċiedi, fil-punti 147 sa 189 tal-motivi, fuq “l-ilment dwar il-fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]” u jiddeċiedi, fil-punt 230 tal-motivi, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera li jikkonċernawh, redatti rispettivament għall-perijodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru u mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2003. Il-kumplament tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali huwa miċħud. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi dwar it-talbiet għall-annullament tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera msemmija iktar ’il fuq kif ukoll dwar is-somma dovuta lil Q mill-Kummissjoni biss fir-rigward tad-dannu morali li jirriżulta mir-rifjut, minn din tal-aħħar, li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Ammissibbiltà — Kwistjonijiet ta’ liġi — Stħarriġ tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

(Artikolu 225 A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Uffiċjali — Appell — Kuntest proċedurali — Artikolu 236 KE u Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Finalità — Stabbiliment bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi

(Regolamenti tal-Persunal)

4.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Kunċett — Distinzjoni bejn is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Unjoni fir-rigward tal-uffiċjali tagħha u s-sistema ġenerali tar-responsabbiltà tal-Unjoni u l-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

5.      Uffiċjali — Appell — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 90(2) u 91(1))

6.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni — Kundizzjonijiet — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

7.      Uffiċjali — Appell — Rikors għad-danni — Rikors dwar l-obbligu tal-amministrazzjoni li jingħata kumpens għal danni kkawżati lil uffiċjal minn terzi — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Obbligu li qabel jiġu aditi l-qrati nazzjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 u l-Artikolu 91)

8.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

9.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-korrispondenza bejn l-impjieg u l-grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

10.    Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

11.    Proċedura — Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

12.    Uffiċjali — Appell — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni wara proċeduri li seħħew skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal — Att preparatorju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24, 86(3); Anness IX, Artikolu 3)

13.    Uffiċjali — Appell — Kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Eżami tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbilità

14.    Uffiċjali — Appell — Interess ġuridiku — Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors — Tmiem sussegwenti tal-interess ġuridiku — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

15.    Uffiċjali — Appell — Interess ġuridiku — Rikors għal annullament ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Uffiċjal irtirat minħabba diżabbiltà permanenti u totali matul il-proċedura kontenzjuża — Żamma tal-interess ġuridiku — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 53, 78, 90 u 91; Anness VIII, Artikoli 13 sa 15)

16.    Qorti tal-Ġustizzja — Sentenzi — Interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt

1.      Mill-Artikolu 225 A tat-Trattat KE u mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji li jikkonċernaw il-ksur tar-regoli ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti.

Huwa b’hekk inammissibbli bħala appell quddiem il-Qorti Ġenerali, l-invokar ta’ ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea rigward l-eżistenza ta’ mġiba illegali.

(ara l-punti 24, 25, 27 u 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 43 u 44

Il-Qorti Ġenerali: 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni, T-107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata; 10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il-Kummissjoni, T‑57/99, ĠabraSP p. I‑A‑2‑83 u II‑A‑2‑505, punti 162 sa 164

2.      Kawża bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li jaħdem għaliha jew li kien jaħdem għaliha, dwar kumpens għal dannu, meta toriġina mir-relazzjoni tax-xogħol bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tinsab, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħha, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE kif ukoll tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 40)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Ir-Regolamenti tal-Persunal huma strument awtonomu, li għandhom l-għan waħdieni li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali billi jistabbilixxu drittijiet u dmirijiet reċiproċi. Ir-Regolamenti tal-Persunal b’hekk ikkreaw, fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, ekwilibriju tad-drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi, li għalihom la l-istituzzjonijiet u lanqas l-uffiċjali ma għandhom jippreġudikaw. Dan l-ekwilibriju tad-drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi huwa essenzjalment destinat li jippreżerva r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, sabiex tiżgura liċ-ċittadini Ewropej it-twettiq b’suċċess tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali inkarigati lill-istituzzjonijiet.

(ara l-punt 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal-Awdituri, 167/86, Ġabra p. 2705, punt 13; 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punti 44 sa 47

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, Ġabra SP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52; 22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il-Kummissjoni, T‑342/04, ĠabraSP p. I-A-2-23 u II-A-2-107, punt 34

4.      Fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, dritt ta’ kumpens huwa rikonoxxut jekk tliet kundizzjonijiet ikunu preżenti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-imġiba, ir-rekwiżit li jkun stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala suġġett li tagħti drittijiet lill-individwi ma japplikax. Fil-fatt, tirrigwarda biss ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE, u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, il-konstatazzjoni ta’ illegalità waħedha hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta l-ewwel waħda minn l-imsemmija tliet kundizzjonijiet.

Fil-fatt, id-differenza bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-uffiċjali tagħha u ex uffiċjali minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward ta’ terzi minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ikkreaw speċifikament fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, sabiex jiżguraw liċ-ċittadini Ewropej it-twettiq b’suċċess tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali inkarigati lill-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 42 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑82/91, ĠabraSP p. I-A-15 u II-61, punt 72; 24 ta’ April 2001, Pierard vs Il-Kummissjoni, T‑172/00, ĠabraSP p. I-A-91 u II-429, punt 34; 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑181 u II‑A‑2‑1219, punt 49

5.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tirregola t-tieni waħda, b’mod li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni ġurisdizzjoni sħiħa biss fil-każ fejn teżisti kawża li tittratta l-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jkun mitlub, minn persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li jittratta rikors li jirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, jista’, ex officio, taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa jagħti kumpens lil din il-persuna biss jekk l-imsemmi kumpens huwa kumpens minħabba l-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, suġġett tar-rikors, jew, għall-inqas, minħabba dannu li jirriżulta minn illegalità marbuta mill-qrib ma’ dan l-istess att.

F’dan ir-rigward, ma jistax ikun hemm rabta mill-qrib, minn naħa, bejn talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal li tirrapporta fastidju psikoloġiku min-naħa tal-ġerarkija tal-parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni impliċità ta’ ċaħda ta’ din it-talba u t-talba għal kumpens għal nuqqasijiet mill-istituzzjoni kkonċernata mid-dmir tagħha ta’ premura. Fil-fatt, peress li l-fatti msemmija fit-talba għal assistenza għandhom jiġu meqjusa bħala atti attribwibbli lill-awturi tagħhom, dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, li huwa att attribwibbli għall-istituzzjoni kkonċernata. Issa, n-nuqqas fis-servizz attribwit għall-istituzzjoni kien jeżisti qabel id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u b’hekk ma jkunx meqjus bħala konness permezz ta’ rabta mill-qrib għal din tal-aħħar.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, mingħajr ma jikser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk ċerti fatti msemmija fit-talba għal assistenza setgħu, meħuda flimkien, ikunu kklassifikati bħala nuqqas fis-servizz tal-istituzzjoni li wasslu għad-dannu, ta’ natura psikoloġika, subit mir-rikorrenti, u li għandu jiġi kkumpensat.

(ara l-punti 58, 63, 71 sa 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs UASI, C‑12/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 112 sa 116; 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punti 49 sa 53

Il-Qorti Ġenerali: 1 ta’ Diċembru 1994, Schneider vs Il-Kummissjoni, T‑54/92, ĠabraSP p. I‑A-281 u II‑887, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ditterich vs Il-Kummissjoni, T‑79/92, ĠabraSP p. I‑A‑289 u II‑907, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      L-obbligu ta’ assistenza, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż biex l-istituzzjoni tiddefendi lill-uffiċjali minn aġir ta’ terzi u mhux kontra l-atti tal-istituzzjoni stess, li l-kontroll tagħhom joħroġ minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż qabel kollox sabiex jipproteġi lill-uffiċjali minn attakki u trattament ħażin li jirriżulta minn terzi, dan jimponi wkoll obbligu ta’ assistenza fuq l-amministrazzjoni fil-każ fejn l-awtur tal-fatti li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni huwa uffiċjal ieħor.

(ara l-punt 66)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il-Kummissjoni, 18/78, Ġabra p. 2093, punt 15; 17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il-Kummissjoni, 178/80, Ġabra p. 3187, punt 23; 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punt 21

Il-Qorti Ġenerali: 9 ta’ Marzu 2005, L vs Il-Kummissjoni, T‑254/02, ĠabraSP p. I‑A‑63 u II‑277, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      L-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa b’hekk suġġett għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-danni allegati.

F’dan ir-rigward, is-sistema speċjali tar-responsabbiltà, sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas, stabbilita mill-imsemmija dispożizzjoni hija bbażata fuq id-dover tal-amministrazzjoni li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali u aġenti tagħha kontra l-attakki jew trattament ħażin li jirriżulta minn terzi jew uffiċjali oħra, li jistgħu jkunu vittmi tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-forma ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 67 u 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown vs Il-Kummissjoni, C‑365/05 P, Ġabra p. I-105, punt 78

Il-Qorti Ġenerali: 26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il-Kummissjoni, T‑59/92, Ġabra p. II-1129, punti 25 u 68; L vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata, u, punti 143 sa 146 u 147 sa 153

8.      Skont l-obbligu ta’ assistenza previst mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u tirrispondi malajr u bi premura kif jirrikjedu ċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u tiġbed, meta jsiru magħrufa l-fatti, il-konsegwenzi adatti. Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-uffiċjal li jeżiġi l-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jressaq provi li juru li verament kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien is-suġġett tagħhom. Fil-preżenza ta’ provi bħal dawn, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li huma s-suġġett tal-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tagħhom, li fin-nuqqas tagħhom, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni definittiva, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk l-ilment għandu jiġi kklassifikat mingħajr eżitu jew jekk proċedura dixxiplinari għandha tinfetaħ u, jekk ikun il-każ, jekk hemm lok li jittieħdu sanzjonijiet dixxiplinari.

Barra minn hekk, meta l-amministrazzjoni hija ppreżentata b’talba għal assistenza, minn uffiċjal, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija marbuta wkoll, skont id-dmir ta’ protezzjoni impost fuqha minn dan l-artikolu, li tieħu l-miżuri preventivi xierqa, bħall-assenjazzjoni mill-ġdid jew it-trasferiment provviżorju tal-vittma, bil-għan li tipproteġi lil din tal-aħħar kontra r-repetizzjoni tal-imġiba rrapurtata fil-perijodu kollu meħtieġ għall-investigazzjoni amministrattiva. Skont l-għan tagħhom ta’ protezzjoni, tali miżuri ma jistgħux jiddependu mill-eżistenza ta’ impjieg vakanti fi ħdan is-servizzi.

Fil-fatt l-amministrazzjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, taħt il-kontroll tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri, kemm provviżorji kif ukoll definittivi, li għandhom jittieħdu, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx il-limiti raġonevoli permesi u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 84 sa 86 u 92)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il-Kummissjoni, 53/72, Ġabra p. 791, punti 3, 12 u 21; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16; 9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, Ġabra p. 3579, punt 16; 12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. 5863, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 55; L vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata

9.      Id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz, meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom bħala għan il-funzjonament tajjeb tas-servizz, anki meta huma ġustifikati minn diffikultajiet fir-relazzjonijiet interni, u jirriżultaw, konsegwentement, mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, abbażi tal-missjonijiet mogħtija lilhom, u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni sseħħ b’osservanza tal-korrispondenza bejn ix-xogħol u l-grad.

(ara l-punt 92)

Referenza:

Ojha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata

10.    L-obbligu ta’ assistenza, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-amministrazzjoni, li tirrispondi bil-ħeffa meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tagħhom. Madankollu, dan ma jeskludix li r-raġunijiet oġġettivi, b’mod partikolari li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-investigazzjoni, jistgħu jiġġustifikaw dewmien fil-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni.

(ara l-punt 105)

Referenza:

Campogrande vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42, 53 u 56

11.    Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, teżamina ex officio l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

F’dan ir-rigward, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ natura pubblika, hija, skont il-każ, il-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina ex officio, suġġett li tkun stiednet minn qabel lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

(ara l-punti 129 u 130)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, Ġabra p. I‑12033, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑197, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

12.    Fir-rigward ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li ssir skont l-Artikolu 86(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq talba għal assistenza ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu huwa d-deċiżjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra, meħud fuq il-bażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni, kif jirriżulta fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa fil-mument ta’ dan it-teħid ta’ din id-deċiżjoni li l-pożizzjoni ġuridika tal-uffiċjal hija affettwata.

F’dan ir-rigward, sa fejn hija tirreferi għat-talbiet ta’ investigazzjoni amministrattiva, li waslu fit-tmiem wara l-intervent tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza u fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat ġew eżaminati fid-dettall, id-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità tal-Ħatra għandha titqies mhux bħala deċiżjoni purament li tikkonferma d-deċiżjoni impliċita, iżda bħala deċiżjoni li tissostitwixxi lil din tal-aħħar, wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni mill-amministrazzjoni.

(ara l-punti 137 u 138)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Guillot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21, 22 u 36; 1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il-Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, Ġabra p. 1789, punti 29 sa 31; L vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123

Il-Qorti Ġenerali: 25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, ĠabraSP p. I-A-2-203 u II‑A‑2‑1309, punti 47 u 48

13.    Qorti tal-Unjoni ma tistax tiġi kkritikata għaliex tipproċedi b’konstatazzjonijiet fattwali fil-kuntest tal-eżami ex officio tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ talba għal kumpens indirizzata lilha fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, dment li dawn jirriżultaw mill-provi fl-atti li ġew ippreżentati lilha mill-partijiet, sabiex tiddeċiedi fuq it-talba tagħhom.

(ara l-punt 150)

14.    Sabiex persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ammissibbli, fil-kuntest ta’ rikors introduttiv taħt l-Artikoli 90 u 91 tal-imsemmi Regolamenti tal-Persunal, li titlob l-annullament ta’ att li jikkawżalha preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) din għandha tipposjedi, fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors, interess, li kien diġà beda u attwali, suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex dan l-att jiġi annullat, interess bħal dan jissupponi li t-talba tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħtiha benefiċċju. Bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, l-interess tar-rikorrent li jaġixxi għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors. Madankollu, sabiex persuna prevista mir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, jeħtieġ li jkollha interess personali għall-annullament ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku attwali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

(ara l-punt 156)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T‑159/98, Ġabra SP p. I‑A‑83 u Ii‑395, punti 30 u 31, u l-ġurisprudenza ċċitata; 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T‑147/04, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑771, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata; 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il-Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑291 u II‑A‑2‑1497, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

15.    Fir-rigward tal-interess ta’ uffiċjal jew ex uffiċjal li jaġixxi għall-annullament ta’ rapport ta’ evoluzzjoni tal-karriera li jikkonċernah, fl-ewwel lok, għandu jingħad li l-imsemmi rapport jikkostitwixxi ġudizzju ta’ valur mis-superjuri ġerarkiċi tiegħu fuq il-mod li bih huwa wettaq dmirijiet li ngħatawlu u fuq il-kondotta tiegħu fis-servizz matul il-perijodu kkonċernat u li, indipendentement mill-utilità futura tiegħu, jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-uffiċjal. Tali evalwazzjoni ma tiddeskrivix biss id-dmirijiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet umani li l-persuna evalwata wriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Għaldaqstant, kull uffiċjal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jkun approvat minn evalwazzjoni magħmula b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, uffiċjal għandu, f’kull każ, ikollu d-dritt li jikkontesta rapport ta’ evoluzzjoni tal-karriera li jikkonċernah minħabba l-kontenut tiegħu jew għar-raġuni li ma jkunx sar skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, uffiċjal rikonoxxut mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li qiegħed fi stat ta’ inkapaċità totali permanenti hija kkunsidrata bħala totali u awtomatikament irtirat, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li jista’ jiddaħħal mill-ġdid fl-istituzzjonijiet, għandu interess li jara r-rapport tiegħu ta’ evoluzzjoni tal-karriera jkun stabbilit b’mod ekwu u oġġettiv u skont l-istandards ta’ evalwazzjoni regolari. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 13 sa 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fis-sitwazzjoni ta’ reintegrazzjoni, l-imsemmi rapport ikollu utilità għall-evoluzzjoni tal-uffiċjal fi ħdan is-servizz tiegħu jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-istess japplika f’ċerti każijiet partikolari, fejn l-eżami tas-sitwazzjoni konkreta ta’ uffiċjal iddikjarat bħala invalidu fejn huwa ma jistax xi darba jerġa’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni, fir-rigward, pereżempju, għal konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità responsabbli mill-eżami tas-sitwazzjoni għandha karattru fiss u l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni b’hekk ma jkunx neċessarju jew fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat li minnu jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, huwa ma huwiex ser jerġa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni.

(ara l-punti 157 sa 159)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Ross vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 u 32; 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, Ġabra p. I‑10701, punti 43 u 51; Combescot vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 29

16.    L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lir-regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tippreċiża, jekk hemm bżonn, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif din għandha jew kellha tkun mifhuma u applikata mill-mument tal-implementazzjoni tagħha. Jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali li bdew u li seħħew qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk min-naħa l-oħra jkunu preżenti l-kundizzjonijiet li jippermettu li jressqu quddiem il-qrati kompetenti, kawża li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-imsemmija regola. Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, limitazzjoni tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tidher eċċezzjonali.

(ara l-punt 164)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punti 16 u 17; 11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punti 42 u 43