Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta' Frar 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fid-9 ta' Diċembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-52/05, Q vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-80/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Joris u B. Eggers, aġenti)

Appellat: Q (Brussell, il-Belġju)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża F-52/05 sa fejn tilqa' t-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità taċ-ċaħda impliċita ta' miżura ta' tbegħid, kif ukoll it-talbiet għad-danni marbuta mal-miżura ta' tbegħid u l-ksur tal-obbligu ta' premura;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Q quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-52/05 sa fejn dan intlaqa' mill-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddeċiedi skont id-dritt fuq l-ispejjeż tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tal-appell;

b'mod sussidjarju,

-    tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża F-52/05;

-    tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

-    tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, il-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tad-9 ta' Diċembru 2008, mogħtija fil-kawża Q vs Il-Kummissjoni, F-52/05, li biha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa minn Q dwar allegat fastidju psikoloġiku sa fejn ma ttieħdux miżuri provviżorji ta' tbegħid u kkundanna lill-Kumissjoni tħallas lil Q s-somma ta' EUR 18 000 EUR bħala danni.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ aggravji bbażati:

-    fuq żball ta' liġi min-naħa tat-TSP meta ddeċieda li "ċertu injorar tal-obbligu ta' premura" kien jikkostitwixxi aġir illegali li jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, sa fejn i) il-ksur tal-obbligu ta' premura mhuwiex suffiċjentement serju sabiex jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u ii) it-TSP ddeċieda li kien hemm ksur ta' dan l-obbligu ta' premura minkejja li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej;

-    fuq żball ta' liġi min-naħa tat-TSP meta ddeċieda li r-rifjut impliċitu ta' miżura ta' tbegħid jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, sa fejn it-TSP naqas milli jivverifika jekk hemmx ksur suffiċjentement serju ta' regola ta' dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

____________