Language of document : ECLI:EU:T:2023:871

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

12 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rikors għal annullament – Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/1939 – Deċiżjoni tal-Awla Permanenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jressaq il-każ għall-ġustizzja – Att proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni”

Fil-Kawża T‑103/23,

Victor-Constantin Stan, residenti f’Bukarest (Ir-Rumanija), irrappreżentat minn A. Şandru u V. Costa Ramos, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, irrappreżentat minn L. De Matteis, F.-R. Radu u E. Farhat, bħala aġenti,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Jaeger u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2023,

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-31 ta’ Mejju 2023,

–        l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2023,

–        it-talbiet għal intervent tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-3, fl-14 u fit-22 ta’ Ġunju 2023.

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Victor-Constantin Stan, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awla Permanenti Nru 4 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2022 li permezz tagħha din l-awla bagħtet il-każ li jirrigwardah għall-ġustizzja (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit-22 ta’ Diċembru 2021, id-Direcția Națională Anticorupție – Serviciul Teritorial Timiоoara (id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, Servizz Territorjali ta’ Timişoara, ir-Rumanija) irreġistra rapporti magħmula minn żewġ persuni fir-rigward ta’ possibbli twettiq ta’ reati kriminali.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2021, il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-kawża fir-Rumanija talab l-evokazzjoni tal-kawża rreġistrata mad-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, Servizz Territorjali ta’ Timişoara.

4        Fis-27 ta’ Jannar 2022, il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-kawża fir-Rumanija fetaħ investigazzjoni. Fil-fehma tiegħu, mis-sena 2018, diversi persuni wettqu reati li jippermettilhom jiksbu illegalment fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u mill-baġit tal-Istat Rumen.

5        Fit-28 ta’ Ġunju 2022, wara digriet tas-27 ta’ Ġunju 2022 tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-kawża fir-Rumanija, ir-rikorrent kiseb l-istatus ta’ imputat għal fatti, imwettqa bħala koawtur, ta’ ksib illegali ta’ fondi Rumeni, issanzjonati mill-Artikolu 306 tal-Kodiċi Kriminali Rumen. Skont il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-kawża fir-Rumanija, matul il-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Diċembru 2018 u l-31 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrent ippreżenta lill-Agenția pentru Întreprinderi Mici și Mijlocii, Atragere de Investiti si Promovarea Exportului Timiheboara (l-Aġenzija ta’ Timişoara għall-Impriżi Żgħar u Medji, l-Attrattività tal-Investimenti u l-Promozzjoni tal-Esportazzjonijiet, ir-Rumanija) dokumenti foloz, ineżatti u inkompleti dwar proġetti ddepożitati minn sitt kumpanniji bil-għan li jikseb fondi mill-baġit nazzjonali Rumen.

6        Fid-9 ta’ Diċembru 2022, l-Awla Permanenti Nru 4 tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ħadet id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha bagħtet lura l-każ li jikkonċerna b’mod partikolari lir-rikorrent għall-ġustizzja u għalqet il-proċedura fir-rigward tal-parti tal-każ li tirrigwarda fatti ta’ korruzzjoni u ta’ falsifikazzjoni li ma jikkonċernawx lir-rikorrent.

7        Fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-kawża fir-Rumanija ppreżenta l-att ta’ akkuża u r-rikorrent ġie ġġudikat quddiem it-Tribunalul Bucurereuhti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) għar-reat ta’ ksib illegali ta’ fondi.

 Ittalbiet talpartijiet

8        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-atti sussegwenti;

–        tiddikjara, jekk ikun il-każ, inapplikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jmorru kontra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1).

9        Permezz tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

10      Bi tweġiba għall-eċċezzjoni inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

–        sussidjarjament, tirriżerva d-deċiżjoni tagħha sakemm tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.

 Iddritt

11      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-konvenut jitlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tar-rikors jew dwar il-kompetenza tagħha mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew talab li tingħata deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, tiddeċiedi li tiddeċiedi dwar din it-talba mingħajr ma tkompli l-proċedura.

12      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Artikolu 263 TFUE ma japplikax f’dan il-każ għall-atti proċedurali tiegħu. It-tieni nett, huwa jsostni li r-rikorrent ma għandux locus standi. It-tielet nett, huwa jqis li, sa fejn ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa inammissibbli, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrent, konformement mal-Artikolu 277 TFUE, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

13      Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew isostni li dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, huwa inammissibbli minħabba li d-deċiżjoni kkontestata tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju biss taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939, li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

14      F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew isostni li l-Artikolu 263 TFUE ma japplikax għall-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Abbażi tal-Artikolu 86(3) TFUE, l-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 263 TFUE. Il-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, previst f’dan l-Artikolu 42, huwa bbażat fuq diversi pilastri, li flimkien jikkostitwixxu sistema li tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tal-garanziji proċedurali sanċiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”).

15      L-ewwel pilastru huwa kkostitwit mill-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2017/1939, li jipprovdi li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li huma intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali kompetenti konformement mar-rekwiżiti u mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali. Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-għoti ta’ din il-ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali hija konsegwenza diretta u naturali tal-fatt li l-kawżi eżaminati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitressqu quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, minn naħa, skont il-kuntest ġuridiku eżistenti, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex japplikaw simultanjament id-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew japplika, fl-istess ħin, id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-għan huwa li jiġi ggarantit li l-persuni li jkunu s-suġġett tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikollhom dritt għal rimedju effettiv u li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti proċedurali tiegħu jiġi fdat lil qorti nazzjonali kompetenti biex tapplika d-dritt nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament 2017/1939 jippermetti deroga parzjali mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, sanċit, fost l-oħrajn, bis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), sa fejn dan jippermetti li l-qrati nazzjonali jistħarrġu l-atti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u jinvalidawhom jekk dawn ikunu jiksru d-dritt nazzjonali.

16      L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew iżid li, jekk l-att proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jkun is-suġġett ta’ eżami minn qorti nazzjonali jitqies li jmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 42(2)(a) tar-Regolament 2017/1939 jimponi fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jitolbu deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-imsemmi att, konformement mal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola sanċita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, sabiex tiġi koperta kull sitwazzjoni residwa fejn ma jistax ikun hemm rikors fil-livell nazzjonali kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li tagħlaq il-proċedura u huwa applikabbli biss jekk l-eżami mill-ġdid jintalab abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

17      Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jispeċifika li, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 42(8) tar-Regolament 2017/1939 dwar l-atti legali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li ma humiex ikklassifikati bħala atti proċedurali intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi, il-kundizzjonijiet kollha għat-tressiq ta’ kawża, skont l-Artikolu 263 TFUE, għandhom ikunu ssodisfatti sabiex ir-rikors ikun ammissibbli.

18      Fl-aħħar nett, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jenfasizza l-konsegwenzi, kemm fuq il-funzjonament tiegħu kif ukoll fuq dak tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra atti proċedurali tiegħu, minbarra dawk previsti bħala eċċezzjoni fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament 2017/1939. Minn naħa, l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu ttardjati, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tinbidel f’qorti tal-appell kriminali għal numru kbir ta’ kawżi kriminali. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmija rikorsi għal annullament jiġu ddikjarati ammissibbli jkun imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 TFUE u tar-Regolament 2017/1939.

19      Ir-rikorrent isostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli. Fil-fehma tiegħu, l-approċċ difiż mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta u jippreġudika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolata mill-Artikolu 19 TUE, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati tal-Unjoni u l-osservanza tal-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni.

20      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jenfasizza li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa mekkaniżmu li jiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq. Il-prinċipju ta’ effettività, li huwa marbut b’mod strett mar-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv, jimponi li l-partijiet f’kawża jkollhom aċċess għal rimedji adegwati u effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet li huma għandhom abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Dan jista’ jsir biss billi l-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 jiġi interpretat bħala li jippermetti li l-persuni fiżiċi jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali ma għandhomx “il-ġurisdizzjoni jew il-kapaċità li jikkonstataw li deċiżjoni tal-Awla Permanenti” tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li r-rispett tad-dritt tal-partijiet f’kawża għal rimedju effettiv jiddependi mir-rieda ta’ dawn il-qrati li jużaw il-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali hija limitata għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-motivi tar-rikorrent iqajmux dubji suffiċjenti dwar il-validità tal-miżura inkwistjoni sabiex tintlaqa’ talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rikorrent. Għaldaqstant, il-partijiet f’kawża ma jistgħux jużaw liberament il-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Ir-rifjut, minn qorti nazzjonali li tilqa’ t-talba ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-imputat joħloq riskju għoli li d-dritt tal-Unjoni ma jiġix applikat jew li jiġi applikat b’mod żbaljat.

21      Barra minn hekk, jeżistu diverġenzi f’dak li jirrigwarda “sa fejn il-qrati nazzjonali tad-diversi Stati Membri effettivament jużaw il-possibbiltà li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, li jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet diskriminatorji bejn iċ-ċittadini tad-diversi Stati Membri. Skont ir-rikorrent, jista’ jitqies li ma hemmx stħarriġ ġudizzjarju reali tal-atti adottati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew matul il-proċeduri kriminali mwettqa mill-Prosekuturi Delegati Ewropej fir-Rumanija.

22      Ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2017/1939 “jaqsam indebitament il-ġurisdizzjoni” tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar fakkret li “l-istħarriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri għandu jitwettaq konformement mad-dritt tal-Unjoni u li l-ġurisdizzjoni tagħha [...] ma tistax tiġi evitata jew imwarrba minn regoli tad-dritt sekondarju”. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, l-użu esklużiv tal-qrati nazzjonali sabiex tinkiseb il-protezzjoni ġudizzjarja tad-dritt tal-Unjoni jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet inkoerenti u jippreġudika l-prinċipji armonizzati tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-atti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jitneħħew mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni jwassal sabiex huwa jiġi mċaħħad mir-rimedju li għalih għandu dritt abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

23      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li r-riferiment għall-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali quddiem il-qrati nazzjonali magħmul fl-Artikolu 86(2) TFUE huwa eċċezzjoni, li minnha jibbenefika l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li tirrigwarda biss l-istadju tas-sentenza, iżda li ma tistax tingħata interpretazzjoni wiesgħa u ma tistax titqies li għandha portata tali li tostakola l-ġurisdizzjoni speċifika mogħtija lill-qrati tal-Unjoni. Ir-rikorrent ikompli jesponi li minn interpretazzjoni letterali u teleoloġika tal-Artikolu 86(3) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix espliċitament il-possibbiltà ta’ deroga mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u impliċitament il-possibbiltà li din il-ġurisdizzjoni tiġi ristretta. L-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 għandu jiġi interpretat b’rabta u flimkien mar-regoli u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni fil-qasam ġudizzjarju li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

24      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament, previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma ssodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata, min-natura tagħha stess, għandha effett dirett fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, it-tieni nett, l-imsemmija deċiżjoni tikkonċerna direttament lir-rikorrent u taffettwa b’mod konkret is-sitwazzjoni legali tiegħu, it-tielet nett, ir-rikorrent għandu interess leġittimu li din id-deċiżjoni tiġi annullata u, ir-raba’ nett, it-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie osservat.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-mekkaniżmu previst mil-leġiżlatur sabiex jiżgura l-istħarriġ tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa mekkaniżmu sui generis (ara, b’analoġija, id-digrieti tat-13 ta’ Ġunju 2022, Almeida vs Il-Kunsill, T‑334/21, EU:T:2022:375, punt 40, u tal-25 ta’ Ottubru 2022, WO vs L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, T‑603/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:683, punt 36). Skont il-premessa 88 tar-Regolament 2017/1939, dan il-mekkaniżmu huwa intiż li jiżgura rimedji effettivi, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

26      Fir-rigward tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom huwa previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939. B’mod iktar partikolari, il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu jipprovdi b’mod partikolari li l-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi għandhom jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali kompetenti konformement mar-rekwiżiti u mal-proċeduri stipulati mid-dritt nazzjonali. Il-paragrafu (2) tal-istess artikolu jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, konformement mal-Artikolu 267 TFUE, sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sakemm tali kwistjoni ta’ validità titqajjem quddiem qorti ta’ Stat Membru direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament 2017/1939, u dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 25 tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

27      L-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi espliċitament il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, biss għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew intiżi għall-għeluq ta’ proċedura, dejjem sakemm dawn jiġu kkontestati direttament abbażi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li jaffettwaw id-drittijiet tal-persuni kkonċernati skont il-Kapitolu VIII tar-Regolament 2017/1939 u għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li ma humiex atti proċedurali, bħal dawk dwar id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti, jew għal deċiżjoni ta’ revoka ta’ Prosekutur Delegat Ewropew adottata konformement mal-Artikolu 17(3) tal-istess regolament, jew għal kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva oħra.

28      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, tikkostitwixxi att proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li ma jaqax taħt id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42(3) u (8) tar-Regolament 2017/1939. Min-naħa l-oħra, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tagħlaq il-proċedura fir-rigward ta’ fatti ta’ korruzzjoni u ta’ falsifikazzjoni ma tikkonċernax lir-rikorrent.

29      Issa, ir-rikorrent iqis li l-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti, b’mod partikolari, tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, u sabiex ma tippreġudikax il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati u l-osservanza tal-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni.

30      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-użu tal-interpretazzjoni wiesgħa huwa possibbli biss sa fejn din tkun kompatibbli mat-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni u li lanqas il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma’ regola ta’ saħħa vinkolanti superjuri ma jista’ jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom, C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 61 u tal-5 ta’ Ottubru 2020, Brown vs Il-Kummissjoni, T‑18/19, EU:T:2020:465, punt 111).

31      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament 2017/1939, ma jistax jiġi kkontestat li l-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma għandu ebda ambigwità sa fejn dawn jagħtu lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li huma intiżi li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu u tal-eżitu rriżervat għal ċerti deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsemmija fil-paragrafu (8) tal-istess artikolu, u li huwa biss permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dawn l-atti fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-interpretazzjoni jew tal-validità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1939.

32      Billi jitlob li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, bis-saħħa ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, ir-rikorrent jipproponi interpretazzjoni contra legem, li għalhekk ma tistax tiġi aċċettata.

33      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk jitqies li r-rikorrent ma jillimitax ruħu li jitlob interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 42 tar-Regolament 2017/1939 sabiex isostni li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni f’dan il-każ u li huwa għandu l-intenzjoni li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata billi jikkontesta, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, il-validità tal-imsemmi artikolu fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE, għandu jiġi osservat li, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali, tali kontestazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

34      B’mod ġenerali, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa utli li jiġi indikat li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju previst mir-Regolament 2017/1939, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ validità tal-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tal-imsemmi regolament, kif ikkonfermat mill-Artikolu 42(2) ta’ dan l-istess regolament.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrent jista’, bħala prinċipju, jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti l-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew imsemmija fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament 2017/1939 u, f’dan il-kuntest, jeċċepixxi l-illegalità tiegħu. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tiġi adita mill-qorti nazzjonali, li għandha tiddeċiedi kemm dwar il-validità tal-imsemmi Artikolu 42 kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar il-validità tar-Regoli ta’ Proċedura Interni fid-dawl tar-Regolament 2017/1939 u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni li r-rikorrent jinvoka fir-rikors tiegħu.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tiġi milqugħa u, konsegwentement, li tiġi milqugħa l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li dan tal-aħħar iqajjem u għaldaqstant li dan ir-rikors jiġi miċħud minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni barra minn hekk dwar it-talbiet dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li jikkonċernaw il-mertu tat-tilwima.

37      Skont l-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut ikun ressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza kif previst fl-Artikolu 130(1) tal-imsemmija regoli, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent għandha tingħata biss wara li l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 142(2) tal-istess regoli, l-intervent jitlef l-għan tiegħu, b’mod partikolari meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud fit-totalità tiegħu minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament.

 Fuq lispejjeż

38      Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif mitlub minn dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mat-talbiet għal intervent.

39      Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal intervent. Konsegwentement, ir-rikorrent, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew.

3)      Victor-Constantin Stan huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mat-talbiet għal intervent.

4)      V-C Stan, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2023.

Ir-Reġistratur

 

Il-Presidenta tal-Awla

V. Di Bucci

 

O. Porchia


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.