Language of document : ECLI:EU:T:2005:303

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

8 ta’ Settembru 2005(*)

"Trademark Komunitarja – Sinjali verbali DigiFilm u DigiFilmMaker – Raġunijiet assoluti għal rifjut – L-Artikolu 7(1), (b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawżi magħquda T‑178/03 u T-179/03

CeWe Color AG & Co. OHG, stabbilità f'Oldenburg (il-Ġermanja), rappreżentata minn C. Spintig, S. Richter, U. Sander u H. Förster, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), rappreżentati minn I. Mayer u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-12 ta' Marzu 2003 (Każijiet R 638/2002‑3 u R 641/2002‑3), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjali verbali DigiFilmMaker u DigiFilm bħala trademarks komunitarji,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, amministratriċi,

wara li rat ir-rikorsi ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 u 21 ta’ Mejju 2003,

wara li rat id-digriet illi jordna li l-kawżi jiġu magħquda tat-18 ta' Settembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Diċembru 2003,

wara s-seduta tat-12 ta’ April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fid-19 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ applikazzjonijiet għal trademarks Komunitarji lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademarks li għalihom saru applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma is-sinjali verbali DigiFilm u DigiFilmMaker (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, it-"trademarks mitluba").

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark DigiFilm jaqgħu fil-klassijiet 9, 16 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u, li għal kull waħda minn dawn il-klassijiet jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 9: "Mezzi li jġorru d-data, mezzi għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari apparat ottiku għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari CD-ROM, il-prodotti kollha preċitati wkoll bir-ritratti rreġistrati; apparati u strumenti fotografiċi u ċinematografiċi (inklużi fil-klassi 9); apparati għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta' ħsejjes u stampi; apparati għall-ipproċessar tad-data, kompjuters, softwer tal-kompjuters";

–       klassi 16: "Ritratti taħt il-forma ta' provi, ta' negattivi u ta' slajds";

–       klassi 42: "Iskrizzjoni ta' mezzi għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari reġistrazzjoni ta' data diġitali, b'mod partikolari immaġni; ħolqien ta' ritratti; stampar ta' ritratti; użu ta' 'servizz ta' żviluppar online ta' ritratti; servizzi ta' konsulenza fir-rigward ta' softwer, manutenzjoni ta' softwer tal-komputers, ħolqien ta' programmi għall-ipproċessar ta' data".

4       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark DigiFilmMaker huma, barra mill-istess prodotti u servizzi li jinsabu fl-applikazzjoni ta' trademark li tirrigwarda DigiFilm, ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9 skond il-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Apparat u tagħmir awtomatiku għall-iskrizzjoni ta' mezzi ta' reġistrazzjoni; b'mod partikolari apparat ta' trasferiment ta' data (b'mod partikolari immaġni) fuq mezzi ta' reġistrazzjoni (b'mod partikolari CD-ROM)".

5       B'ittri tat-22 ta' Frar 2002, indirizzati, skond ir-Regola 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li, fid-dawl ta' l-Artikolu 7(1), (b) u (c), tar-Regolament Nru 40/94, it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni ma dehrulux li jistgħu jkunu rreġistrati, bl-eċċezzjoni tal-prodotti u servizzi segwenti:

–       klassi 16: "Ritratti taħt il-forma ta' provi, ta' negattivi u ta' slajds";

–       klassi 42: "Servizzi ta' konsulenza fir-rigward ta' softwer, manutenzjoni ta' softwer tal-komputers, ħolqien ta' programmi għall-ipproċessar ta' data".

6       B'ittri tat-22 ta' April 2002, ir-rikorrenti żamm l-applikazzjonijiet tiegħu tat-trademarks Komunitarji.

7       Bid-deċiżjonijiet ta' l-4 ta' Ġunju 2002, skond ir-Regola 11(3), tar-Regolament Nru 2868/95, l-eżaminatur irrifjuta dawk l-applikazzjonijiet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(1), (b) u (c), tar-Regolament Nru 40/94, għall-prodotti u servizzi segwenti:

–       klassi 9: "Mezzi li jġorru d-data, mezzi għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari apparat ottiku għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari CD-ROM, il-prodotti kollha preċitati wkoll bir-ritratti rreġistrati; apparati u strumenti fotografiċi u ċinematografiċi (inklużi fil-klassi 9); apparati għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta' ħsejjes u stampi; apparati għall-ipproċessar tad-data, kompjuters, softwer tal-kompjuters";

–       klassi 42: "Iskrizzjoni ta' mezzi għar-reġistrazzjoni, b'mod partikolari reġistrazzjoni ta' data diġitali, b'mod partikolari immaġni; ħolqien ta' ritratti; stampar ta' ritratti; użu ta' 'servizz ta' żviluppar online ta' ritratti."

8       L-eżaminatur ikkunsidra li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni kienu kostitwiti minn neoloġiżmi deskrittivi tal-prodotti u servizzi fuq imsemmija. Il-kelma "digi" hija taqsira Ingliża komuni ta' "digital" (diġitali) u s-sinjali DigiFilm u DigiFilmMaker jirreferu direttament għas-sinifikati rispettivi segwenti: film diġitali (digital film) u persuna li toħloq filmijiet numeriċi jew apparat użat għal dan il-għan (digital film-maker). L-eżaminatur, barra minn hekk, ikkunsidra li t-tqegħid fil-kliem "Digi", "Film" u "Maker" ma jagħti l-ebda karattru addizzjonali li jista' jwassal sabiex jirrendi t-trademarks, li għalihom saret applikazzjoni, distintivi.

9       Fis-26 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ appelli lill-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjonijiet ta' l-eżaminatur.

10     B'deċiżjonijiet tat-12 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni DigiFilm" u d-"deċiżjoni DigiFilmMaker" u, flimkien id-"deċiżjonijiet ikkuntestati"), innotifikati lir-rikorrenti b'ittri, tat-18 u t-13 ta' Marzu 2003 rispettivament, it-Tielet Bord ta' l-Appell ċaħad l-appelli.

11     Il-Bord ta' l-Appell, filwaqt li kkonferma l-evalwazzjonijiet ta' l-eżaminatur, ikkunsidra, sostanzjalment, li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni kienu deskrittivi tal-prodotti u servizzi li kien għad hemm kontroversja fuqhom (jiġifieri, għat-trademark Digifilm, il-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 7 iktar 'il fuq, u, għat-trademark DigiFilmMaker, l-istess prodotti u servizzi bħal prodotti msemmija fil-punt 4 iktar 'il fuq) (iktar 'il quddiem il-"prodotti u servizzi kontenzjużi"), u żied li dawk it-trademarks kienu nieqsa, fl-assenza ta' kull element jew partikularità addizzjonali, mil-livell minimu neċessarju ta' karattru distintiv.

 It-talbiet tal-partijiet

12     Ir-rikkorenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

13     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad l-appelli bħala mhux fondati;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

14     F'kull kawża, ir-rikorrenti bbażat ruħha, fi kliem analogu, fuq żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b), ta' l-istess Regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

15     Ir-rikorrenti tikkontesta li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni jiddeskrivu prodotti u servizzi kontenzjużi. Hija tikkritika lill-Bord ta' l-Appell talli kien ibbaża ruħu fuq xi estratti ta' siti ta' l-internet mingħajr ma eżaminahom fid-dettall u talli ikkunsidra li dawn it-trademarks ma setgħux jiġu rreġistrati, anki jekk huma ma kienux jinstabu fid-dizzjunarji. Fl-aħħarnett, l-UASI ma kienx ħa in kunsiderazzjoni l-fatt li kien aċċetta li jirreġistra s-sinjali simili għat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni. (Rikors T‑178/03, punt 19; Rikors T‑179/03, punt 18).

16     Ir-rikorrenti tammetti li "digi" hija taqsira frekwenti ta' "digital", li "film" tintuża, f'bosta lingwi Ewropej, kemm għall-pellikola kif ukoll għall-prodott finali u li "maker" ifisser, fl-Ingliż, "manifattur". Dan ma jfissirx madankollu li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma deskrittivi. Fil-fatt, minn perspettiva teknika, ma jeżistix film diġitali. Il-Bord ta' l-Appell kien ammetta dan, imma kien ikkunsidra li l-pubbliku relevanti ma jaħsibx fuq id-dettalji tal-proċessi tekniċi, isejjaħ serje ta' immaġni diġitali wara xulxin film diġitali u jimxi bl-istess mod, mutatis mutandis, f'dak li jirrigwarda l-apparat għar-reġistrazzjoni, mezzi li jġorru data u s-servizzi ta' manifattura relatati. Dan il-metodu ma jikkunsidrax li l-kapaċità ta' indikazzjoni li ikun denominazzjoni deskrittiv u hija rikjesta skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 ("indikazzjonijiet li jintużaw"). Għaldaqstant, mezz li jġorr data jew ta' reġistrazzjoni, apparat għar-reġistrazzjoni ta' immaġni jew ukoll is-servizz ta' iskrizzjoni ta' mezzi ta' reġistrazzjoni ma jistax jiġi deskritt mis-sinjal DigiFilmMaker jew is-sinjal DigiFilm. Il-Bord ta' l-Appell m'għamilx distinzjoni bejn l-indikazzjoni, li ma tistax tkun is-suġġett ta' reġistrazzjoni, u t-trademark li tissejjaħ "li titkellem għaliha nfisha" li hija tista' tiġi rreġistrata (Rikors T-178/03, punti 21-23; Rikors T-179/03, punti 20-22).

17     Barra minn hekk, huwa ineżatt li l-pubbliku relevanti mhuwiex konxju bid-differenzi bejn il-fotografija kimika u l-fotografija elettronika. Għall-kuntrarju, huwa jipperċepixxi t-trażpożizzjoni tal-kelma "film" għall-fotografija elettronika bħala trażpożizzjoni mhux tas-soltu u ta' fantasija. Bħas-sinjal UltraPlus, suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Ottubru 2002, Dart Industries vs l-UASI (UltraPlus) (T‑360/00, Ġabra p. II‑3867), it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni jirrilevaw l-evokazzjoni u mhux l-isem (Rikors T-178/03, punti 24-25; Rikors T-179/03, punti 23-24). Għaldaqstant, l-UASI ikkunsidrat b'mod żbaljat li l-kombinazzjonijiet tal-kliem "digi", "film" u "maker" f'DigiFilm u DigiFilmMaker m'humiex inkomuni.

18     L-estratti tas-siti ta' l-internet evokati mill-eżaminatur fl-ittri tiegħu tat-22 ta' Frar 2002 u fid-deċiżjonijiet tiegħu ta' l-4 ta' Ġunju 2002, u fuq liema l-Bord ta' l-Appell kien ibbaża ruħu, ma għandhomx jippruvaw il-kuntrarju. B'mod partikolari, ħafna mill-hits ta' DigiFilm fuq l-internet għandhom oriġini ġeografika mhux magħrufa jew extrakomunitarja, jew huwa impreċiżi jew mhux relevanti għall-prodotti li japplikaw għalihom, jew ukoll jidentifikaw lil DigiFilm bħala isem kummerċjali protett. (Rikors T‑178/03, punti 26-33; Rikors T‑179/03, punti 25-27)

19     Barra minn hekk, it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni ma jidhrux fid-dizzjunarji. Minħabba dan il-fatt huma huma reġistrabbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Settembru 2001, Procter & Gamble vs l-UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punti 43 u 44). (Rikors T‑178/03, punt 36; Rikors T‑179/03, punt 28)

20     Fl-aħħarnett, in-numru kbir ta' sinjali komparabbli mat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni u li tħallew li jiġu rreġistrati mill-UASI jipprova l-fondatezza tal-pożizzjoni tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta' karattru deskrittiv ta' dawn it-trademarks. L-UASI stess afferma r-relevanza, fil-kuntest ta' l-eżami previst fl-Artikolu 7(1), tar-Regolament Nru 40/94, tad-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu. (Rikors T-178/03, punt 37; Rikors T-179/03, punt 29)

21     L-UASI jikkontesta li kiser l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

22     Skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li "[i]l-Paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-Komunità".

23     Skond il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 jimpedixxi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jiġu rriservati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trademark. Din id-dispożizzjoni għalhekk għandha għan ta' interess ġenerali, liema għan jeżiġi li sinjali jew indikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar 'il quddiem is-"sentenza Postkantoor", punt 54; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs l-UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 27, u tas-27 ta' Novembru 2003, Quick vs l-UASI (Quick), T‑348/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27].

24     Barra minn hekk, is-sinjali msemmija fl-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 huma sinjali li huma kkunsidrati inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trademark, jiġifieri dik li jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b'hekk jippermettu lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trademark tirrappreżenta, li jagħmel f'akkwist sussegwenti, l-istess għażla, jekk l-esperjenza tavvera ruħha posittiva, jew li jagħmel xelta oħra, jekk tavvera ruħha negattiva (is-sentenzi ELLOS, punt 23 iktar 'il fuq, punt 28, u Quick, punt 23 iktar 'il fuq, punt 28).

25     Barra minn hekk, sabiex trademark kostitwita minn kelma li tirriżulta minn taħlita ta' elementi, bħat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni, tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex biżżejjed li karattru eventwalment deskrittiv jiġi kkunstatat għal kull wieħed minn dawn l-elementi. Karattru bħal dan għandu jiġi kkonstatat mill-kelma stess (ara, b'analoġija, is-sentenza Postkantoor, punt 23 iktar 'il fuq, punt 96).

26     F'dan ir-rigward, trademark kostitwita minn kelma komposta minn elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv ta' karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija fiha nnfisha deskrittiva tal-karatteristiċi ta' dawk il-prodotti jew servizzi skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94, ħlief jekk hemm diskrepanza perċettibbli bejn il-kelma u s-sempliċi somma ta' l-elementi li jiffurmawha, fatt li jippresupponi jew li, minħabba l-karattru inużwali tal-kombinazzjoni pparagunat ma' l-imsemmija prodotti jew servizzi, il-kelma toħloq impressjoni suffiċjentement mbegħda minn dan il-prodott minħabba l-għaqda sempliċi ta' l-indikazzjonijiet miġjuba mill-elementi li jiffurmawha, b'tali mod li l-kelma tissupera s-somma ta' l-imsemmija elementi, inkella li l-kelma daħlet fil-lingwa użata kuljum u akkwistat tifsira tagħha, b'tali mod li hija minn issa 'il quddiem awtonoma meta pparagunata ma' l-elementi li jiffurmawha. F'dan l-aħħar każ, hemm għalhekk lok li jiġi vverifikat jekk il-kelma li akkwistat tifsira tagħha mhijiex hi stess deskrittiva fis-sens ta' l-istess dispożizzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza Postkantoor, punt 23 iktar 'il fuq, punt 104).

27     Il-karattru deskrittiv ta' trademark għandu jiġi vvalutat, min-naħa, fil-konfront tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus‑Film vs l-UASI (Cine Action), T‑135/99, Ġabra p. II‑379, punt 25, u Taurus-Film vs l-UASI (Cine Comedy), T‑136/99, Ġabra p. II‑397, punt 25] u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni tal-pubbliku relevanti li huwa kkostitwit mill-konsumatur ta' dawn il-prodotti jew ta' dawn is-servizzi (is-sentenzi ELLOS, punt 23 iktar 'il fuq, punt 29, u Quick, punt 23 iktar 'il fuq, punt 29).

28     Fil-kawża preżenti, kif irrileva, ġustament, il-Bord ta' l-Appell (id-deċiżjoni DigiFilm, punt 27; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punt 28), il-prodotti u servizzi kontenzjużi huma intiżi mhux biss għal pubbliku speċifiku, imma wkoll, b'mod iktar wiesgħa, għall-pubbliku in ġenerali. Barra minn hekk, it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma komposti minn elementi tal-lingwa Ingliża. Konsegwentement, il-pubbliku relevanti huwa l-konsumatur Anglofonu medju, informat b'mod normali u attent b'mod raġonevoli.

29     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-raġuni assoluta għal rifjut ipprovduta fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, jekk teżistix, għal dan il-pubbliku, rabta diretta u konkreta bejn is-sinjali DigiFilm u DigiFilmMaker u l-prodotti u servizzi kontenzjużi.

30     Fil-kawża preżenti, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, ġustament, li "digi" hija taqsira tal-kelma "digital" (diġitali), użata komunement, b'mod partikolari fl-Ingliż, sabiex tikkwalifika t-teknika diġitali, li "film" hija kelma Ingliża li tirrappreżenta, f'din il-lingwa u f'ħafna oħra, kemm il-pellikola kif ukoll il-prodott finali, u, fl-aħħar, li l-kelma Ingliża "maker" (manifattur), assoċjata, bħal fil-kawża preżenti, ma' "film", tirrapreżenta wieħed li jagħmel il-filmijiet kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-apparat li jippermetti li jsiru l-filmijiet (id-deċiżjoni DigiFilm, punti 24 sa 25; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punti 24 sa 26 u 36).

31     Barra minn hekk, u skond l-eżiġenza mfakkra fil-punti 25 u 26 iktar 'il fuq, ta' evalwazzjoni tat-trademark li għaliha saret applikazzjoni fit-totalità tagħha, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, ġustament, li l-kuntrasti tal-kliem "digi", "film" u "maker" f'DigiFilm u DigiFilmMaker jifformaw kombinazzjonijiet li jistgħu kjarament jinqasmu minħabba l-fatt ta' l-użu ta' ittri kbar, u huwa kkunsidra, ukoll ġustament, li dawk il-kuntrasti la huma infrekwenti u lanqas impressjonanti jew imorru kontra r-regoli tal-grammatika (id-deċiżjoni DigiFilm, punt 26; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punt 27), u li huma jiġu pperċepiti mill-pubbliku relevanti, immedjatament u mingħajr sforz partikolari ta' analiżi, bħala li jirreferu għar-reġistrazzjoni, għall-memorizzar u għall-ipproċessar ta data diġitali, b'mod partikolari ta' immaġni, kif ukoll għall-mezzi u għall-apparat u softwer li jippermettu dawn l-operazzjonijiet, imsemmija fl-applikazzjonijiet għat-trademark tar-rikorrenti, u mhux bħala indikazzjonijiet ta' oriġini kummerċjali (id-deċiżjoni DigiFilm, punti 28 sa 31; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punti 29 sa 32). Hekk kif ġie rrilevat mill-Bord ta' l-Appell, il-messaġġ li jesprimu t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huwa ċar, dirett u immedjat. Huma ma jibqgħux vagi, b'mod jew ieħor, ma jistgħux iwasslu għal interpretazzjonijiet differenti, ma jibqgħux impreċiżi jew fil-pożizzjoni ta' sinjal "suġġestiv", u dan iktar u iktar minħabba li l-kuntrast ta' l-elementi tagħhom f'kelma waħda ma jbiddel bl-ebda mod la l-pronunzja u lanqas il-kontenut kunċettwali ta' din ta' l-aħħar, imma jenfażizza għal darba oħra l-kontenut eżatt tal-messaġġ minħabba l-użu ta' inizjali kbar fil-kelma komposta (id-deċiżjoni DigiFilm, punt 30; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punt 32).

32     Fl-aħħarnett, il-Bord ta' l-Appell innota b'mod korrett li, fl-assenza ta' kull element addizzjonali, grafiku jew mogħni b'xi partikolarità, it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni kienu nieqsa minn kull element ta' fantasija u ma kienux jippreżentaw il-livell minimu ta' karattru distintiv meħtieġ, peress illi huma mifhuma biss mill-pubbliku relevanti bħala indikazzjonijiet tat-tip u tal-kwalità tal-prodotti u servizzi ndikati, u mhux bħala trademarks li jissodisfaw il-funzjoni ta' indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali. Din il-perċezzjoni tat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni f'sens deskrittiv ma hija bl-ebda mod prekluża mill-kuntrast tal-kliem li jiffurmaw l-imsemmija trademarks, peress illi din it-teknika hija waħda komuni u ta' kuljum fl-oqsma tal-pubbliċità u tal-kommerċjalizzazzjoni (id-deċiżjoni DigiFilm, punti 36 u 37; id-deċiżjoni DigiFilmMaker, punti 37 u 38).

33     It-trademarks li għalihom saret applikazzjoni għalhekk ma jissuperaw bl-ebda mod l-elementi li jiffurmawhom. Huma lanqas ma jikkostitwixxu neoloġiżmi li għandhom tifsira propja tagħhom u li għalhekk huwa awtonomi fil-konfront ta' l-elementi kostituttivi tagħhom, neoloġiżmi li wieħed għandu imbagħad jivverifika l-karattru deskrittiv potenzjali tagħhom fir-rigward tal-prodotti u servizzi kuntenzjużi, skond il-ġurisprudenza ċitata fil-punt 26 iktar 'il fuq.

34     Dawk l-evalwazzjonijiet mhumiex ikkontestati mill-argument tar-rikorrenti li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma evokazzjoni, u mhux deskrizzjoni tal-prodotti u servizzi kontenzjużi. Il-fatt, madankollu ammess mill-Bord ta' l-Appell (ara d-deċiżjoni DigiFilm, punti 32 u 33, u d-deċiżjoni DigiFilmMaker, punti 34 u 35), li l-fotografija kimika tikkorrispondi għal-riproduzzjoni ta' tip analogu ta' immaġni, li tirriżulta mill-modifiki kimiċi ta' film espost għad-dawl, filwaqt li l-fotografija diġitali ma tirreferix għal film ta' dan it-tip, imma tikkorrispondi għal riproduzzjoni ta' tip diġitali, li tirriżulta mill-miżura, punt wara punt, tad-dawl u tal-konverżjoni tiegħu f'sinjali elettriċi diġitali, ma jwassalx għall-konsegwenza li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma biss evokattivi (jew, biex tintuża l-espressjoni tar-rikorrenti, "li jitkellmu għalihom infushom") fir-rigward tal-prodotti u servizzi kontenzjużi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, fuq l-eżempju tal-Bord ta' l-Appell, li l-pubbliku relevanti, anki safejn huwa jista' jkun konxju tad-dettall ta' dawn l-operazzjonijiet tekniċi, mhuwiex se jieqaf u jsejjaħ sekwenza ta' immaġni diġitali film diġitali. Madankollu, huwa żbaljat li r-rikorrenti tafferma karattru purament evokattiv għat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni. F'dan il-kuntest, hija ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenza UltraPlus, punt 17 iktar 'il fuq, fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li s-sinjal UltraPlus ma jindikax kwalità jew karatteristika tal-prodotti in kwistjoni (xi platti għall-forn) li tista' tinftiehem direttament mill-konsumatur, imma tfaħħar, indirettament u b'mod astratt, l-eċċellenza ta' dawn il-prodotti u għaldaqstant jidħol taħt l-evokazzjoni, u mhux l-isem skond l-Artikolu 7(1)(c), tar-Regolament Nru 40/94 (ara punti 25 u 27 tas-sentenza).

35     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' relevanza tar-referenzi fuq l-internet misjuba mill-eżaminatur u l-fatt li l-Bord ta' l-Appell irrefera għalihom mingħajr ma eżaminahom fid-dettall, dan mhuwiex ta' natura li jpoġġi f'dubju l-konklużjoni li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni huma deskrittivi tal-prodotti u servizzi kontroversjali. Fil-fatt, l-eżami tas-sinjali DigiFilm u DigiFilmMaker, meħuda waħedhom, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li huma, mill-perspettiva tal-konsumatur Anglofonu medju, deskrittivi tal prodotti u servizzi kontenzjużi, mingħajr ma hemm bżonn, barra minn dan, li ssir referenza għall-ħafna referenzi fuq l-internet misjuba mill-eżaminatur (2 670 referenzi għall-kelma "digifilm" u 53 500 referenzi għall-espressjoni "digital film") li, madankollu, ma jagħmlux ħlief jikkorroboraw l-analiżi tal-Bord ta' l-Appell.

36     F'dak li jirrigwarda l-argument li t-trademarks li għalihom saret applikazzjoni ma instabux fid-dizzjunarji u għandhom jiġu rreġistrati skond il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Procter & Gamble vs l-UASI, punt 19 iktar 'il fuq (punti 43 u 44), dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, b'differenza mis-sinjal verbali Baby-dry, li l-Qorti, f'din is-sentenza, ikkunsidrat li kien jikkostitwixxi kuntrast mhux normali ta' kliem u li, għaldaqstant, kellu karattru distintiv, is-sinjali DigiFilm u DigiFilmMaker jirriżultaw, kif innota l-Bord ta' l-Appell, minn kuntrasti nieqsa minn kull oriġinalità ta' kliem deskrittiv, liema kuntrasti ser jiġu perċepiti mill-konsumatur Anglofonu medju bħala l-isem tal-prodotti u servizzi kontenzjużi jew tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, u mhux bħala indikazzjoni ta' oriġini kummerċjali. Il-fatt li t-trademarks mhumiex ċitati bħala tali fid-dizzjunarji ma jimmodifika bl-ebda mod din l-evalwazzjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Jannar 2000, DKV vs l-UASI (COMPANYLINE), T‑19/99, Ġabra p. II‑1, punt 26, u tas-26 ta' Ottubru 2000, Harbinger vs l-UASI (TRUSTEDLINK), T‑345/99, Ġabra p. II‑3525, punt 37].

37     Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-UASI kienet irreġistrat ħafna trademarks simili għat-trademarks mitluba, għandu jiġi mfakkar, hekk kif ammetta r-rikorrenti matul is-seduta, li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala trademark komunitarja, meħuda skond ir-Regolament Nru 40/94, jagħmlu parti mill-ġurisdizzjoni limitata u mhux minn setgħa diskrezzjonali. Konsegwentement, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata unikament fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament, hekk kif interpretat mill-qrati komunitarji, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti ta' dawn il-Bordijiet [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, Ġabra p. II‑723, punt 66; tat-3 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs l-UASI (BEST BUY), T‑122/01, Ġabra p. II‑2235, punt 41; tal-21 ta' April 2004, Concept vs l-UASI (ECA), T‑127/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71, u tas-16 ta' Marzu 2005, L’Oréal vs l-UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68].

38     Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra li s-sinjali verbali DigiFilm u DigiFilmMaker huma deskrizzjonijiet tal-prodotti u servizzi kontenzjużi u li minħabba f'hekk, huma ma jistgħux jiġu rreġistrati.

39     Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

40     Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizjati minħabba li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-fatt li jiġu sodisfatti il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(1), (c), tar-Regolament Nru 40/94 jimplika, b'mod kważi awtomatiku, in-nuqqas ta' kull karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess Regolament. F'kull każ, peress illi, kuntrarjament għall-evalwazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, it-trademarks li għalihom saret applikazzjoni mhumiex deskrittivi, lanqas ma hemm ħjiel ta' l-allegata nuqqas ta' karattru distintiv tagħhom (Rikors T‑178/03, punt 39; Rikors T‑179/03, punt 31).

41     L-UASI jikkontesta li kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

42     Mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li huwa biżżejjed li wieħed mir-raġunijiet assoluti għal rifjut enumerati jkun applikabbli, li fil-kawża preżenti huwa dak ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(c) ta' l-imsemmi Regolament, sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trademark Komunitarja [is-sentenza COMPANYLINE, punt 36 iktar 'il fuq, punt 30, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Mejju 2004, Irwin Industrial Tool vs l-UASI (QUICK-GRIP), T‑61/03, li għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 35].

43     Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, jekk kull wieħed mir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta' reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 huwa indipendenti mill-oħrajn u jeżiġi eżami separat, teżisti koinċidenza evidenti bejn l-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tar-raġunijiet imsemmija fil-punti b), c) u d) ta' din id-dispożizzjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza Postkantoor, punt 23 iktar 'il fuq, punt 85).

44     B'mod partikolari, trademark verbali li, bħal fil-kawża preżenti, hija deskrittiva tal-karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 hija, minħabba dan il-fatt, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawk l-istess prodotti jew servizzi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess Regolament (ara, b'analoġija, is-sentenza Postkantoor, punt 23 iktar 'il fuq, punt 86).

45     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, u peress illi l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra, fid-deċiżjonijiet ikkuntestati, li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trademarks li għalihom saret applikazzjoni, f'dak li jirrigwarda l-prodottu u servizzi kontenzjużi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

46     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, dawn ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Dwar l-ispejjeż

47     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikorsi huwa miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.



Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-8 ta’ Settembru 2005.



Reġistratur

 

      il-President

H. Jung

 

      M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.