Language of document : ECLI:EU:T:2011:356

Kawża T-39/07

Eni SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

4.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur —Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur — Ksur serju ħafna

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan l-argument huwa validu għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex jitqies li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 61, 62)

2.      L-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent tar-regoli tal-kompetizzjoni hija possibbiltà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Il-fatt biss li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża ma kinux jiġġustifikaw li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti.

(ara l-punt 64)

3.      Il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li, minħabba l-pussess dirett jew indirett tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħhom. Huwa l-obbligu tal-kumpannija parent li tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li s-sussidjarji msemmija jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu, b’mod li ma jikkostitwixxux magħha entità ekonomika waħda u, għalhekk, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

B’mod iktar partikolari, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn is-sussidjarji tagħha li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

F’dan ir-rigward, ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja, u inqas u inqas ma hija implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, li jawtorizza lill-Kummissjoni li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Għaldaqstant, l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Il-fatt li l-kumpannija parent għandha rwol ta’ sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja, u li hija tipprovdi lis-sussidjarji tagħha l-assistenza finanzjarja meħtieġa, ma jistax ikun biżżejjed biex jeskludi li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji msemmija billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tikkonsolida l-ishma f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-uniformità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll finanzjarju.

Barra minn hekk, l-argument li l-attività kkonċernata mill-akkordju hija ta’ importanza żgħira fil-politika industrijali tal-grupp ma huwiex prova li l-kumpannija parent ħalliet lis-sussidjarji tagħha awtonomija totali biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom fis-suq.

Il-fatt li l-kumpannija parent ma żżommx direttament – iżda indirettament – 100 % mill-kapital tal-impriżi attivi fis-settur ikkonċernat mill-akkordju ma huwiex tali, minnu nnifsu, li juri li din il-kumpannija u s-sussidjarji tagħha ma jiffurmawx entità ekonomika unika.

(ara l-punti 93-95, 97, 98, 102)

4.      Meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-fatt illi l-entità li tkun wettqet il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun għadha teżisti ma jeskludix, minnu nnifsu, li tiġi sanzjonata l-entità li lilha ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jipprekludix li s-sanzjoni għall-ksur imwettaq, fl-ewwel lok, mill-ewwel entità u segwit, sussegwentement, mill-entità li lilha ġew ittrasferiti l-attivitajiet ekonomiċi kkonċernati jiġi globalment impost fuq din l-aħħar entità.

(ara l-punt 117)

5.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li tippermettilha li twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi l-obbligu li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità.

Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunati ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ multiplikatur, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi. B’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa f’akkordju huwa rilevanti sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

L-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li ssegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Minn dan isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multiplikatur ta’ dissważjoni li bih tkun żdiedet il-multa imposta fuq impriża.

Għalhekk, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, ir-rabta bejn, minn naħa, id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriżi u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tal-multa ma jistgħux jiġu kkontestati. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunati ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha.

(ara l-punti 133-136, 146)

6.      Jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi b’mod partikolari għall-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ sehem mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq. Bl-istess mod, l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna.

(ara l-punt 140)

7.      Il-punt 2 tal-linji gwida linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jsemmi, bħala eżempju ta’ ċirkustanzi aggravanti, il-ksur ripetut tal-istess tip magħmul mill-istess impriża jew impriżi. Il‑kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill‑ġdid wara li kienet ġiet sanzjonata għal ksur li jixxiebah. Ir-reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, u tikkunsidra li l-istess impriża kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur, u dan anki jekk il-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur inkwistjoni ma kinux identiċi, hija għandha tipproduċi provi ddettaljati u preċiżi li jikkorroboraw l-asserzjoni tagħha.

Għalhekk, meta l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati huwa partikolarment kumpless, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti informazzjoni dettaljata u preċiża biżżejjed tal-iżvilupp tal-kumpanniji li kienu proprjetà tal-impriża kkonċernata, u li tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti jifformaw l-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 161-163, 166, 167, 170)

8.      Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

(ara l-punt 177)