Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2009 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-59/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u B. Klein)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 [SG.E.3/RG/mbp D(2008) 10067], li tagħti lil persuni privati aċċess għal dokumenti, li joriġinaw minn awtoritajiet Ġermaniżi, relatati mal-proċedura ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu Nru 2005/4569, u dan minkejja l-oppożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2008 li tagħti lil terzi privati aċċess għal ċerti dokumenti, li joriġinaw minn awtoritarijiet Ġermaniżi, relatati ma' proċedura ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, u dan minkejja l-oppożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 1.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 flimkien mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 10 KE.

L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jissuġġettaw għal kunsens tagħhom it-trażmissjoni ta' dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet tagħhom u li jkunu fil-pussess tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Il-Kummissjoni m'għandhiex id-dritt li teżerċita kontroll sħiħ fuq il-motivazzjoni tar-rifjut ta' aċċess għal dokumenti skont l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-64/06 P, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni et 2, stabbilixxiet kriterji speċifiċi li abbażi tagħhom l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tista' tinjora tali oppożizzjoni u twettaq hija stess eżami tal-eżistenza tar-raġunijiet għal rifjut skont l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri li l-oppożizzjoni għandha tkun "nieqsa minn kull motivazzjoni" jew għandha "[ma tkunx] spjegata b'referenza" għar-raġunijiet ta' rifjut.

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri skont l-Artikolu 10 KE, l-eżami tal-eżistenza tar-raġunijiet għal rifjut skont l-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa, bħala regola ġenerali, kompitu tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista' biss eċċezzjonalment ma tieħux inkunsiderazzjoni r-rifjut tal-kunsens, u dan fil-każ fejn il-motivazzjoni tal-Istat Membru ma tosservax b'mod suffiċjenti tali kriterji. Dan huwa impost anki mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dawn iż-żewġ kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza jikkostitwixxu forom proċedurali sostanzjali, li l-kontenut tagħhom għandu jiġi ddefinit b'riferiment għall-obbligu ta' motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE. L-istħarriġ tal-legalità fir-rigward ta' jekk l-oppożizzjoni għall-aċċess għal dokumenti hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jsir mill-qorti Komunitarja u mhux mill-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll, sussidjarjament, li, anki jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza tinterpreta l-ġurisprudenza tal-Kawża C-64/06 P fis-sens li l-oppożizzjoni ta' Stat Membru skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 torbot lill-istituzzjoni Komunitarja biss jekk tkun konformi mal-Artikolu 4(5) tar-Regolament 1049/2001, il-Kummissjoni, madankollu, tista' twettaq biss kontroll sommarju tal-motivazzjoni pprovduta mill-Istat Membru. Il-motivazzjoni tal-oppożizzjoni tal-Ġermanja, madankollu, b'ebda mod ma tista' tiġi kkunsidrata bħala manifestament żbaljata.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)

2 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Diċembru 2007, Kawża C-64/05, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni et, Ġabra I-113839