Language of document : ECLI:EU:T:2012:588

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Novembru 2012

Kawża T‑268/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Guido Strack

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave – Leave tal-mard – Annullament fl-ewwel istanza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta t-trasferiment tad-dritt tal-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda mill-persuna kkonċernata – Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Direttiva 2003/88 KE – Appell fondat – Kawża fi stat li tiġi deċiża – Ċaħda tar-rikors”

Suġġett :      Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il-Kummissjoni (F‑120/07), u intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il-Kummissjoni (F120/07), hija annullata. Ir-rikors ippreżentat minn Guido Strack quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑120/07 huwa miċħud. G. Strack u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kemm fl-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll f’din l-istanza.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv imqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni  – Motiv li jirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att ikkontestat – Motiv li jallega l-ksur ta’ regola ta’ dritt li jirrigwarda l-applikazzjoni tat-Trattat – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Impożizzjoni diretta ta’ obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom – Esklużjoni – Invokabbiltà – Portata

(Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88)

3.      Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

4.      Uffiċjali – Leave – Leave annwali – Trasferiment għas-sena s-suċċessiva tal-ġranet kollha ta’ leave mhux meħuda – Kundizzjonijiet – Kompatibbiltà tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Ċaħda mid-dritt għal-leave annwali mħallas – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

5.      Uffiċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa – Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal – Interpretazzjoni – Interpretazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Assenza – Skop differenti

(Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1e(2); l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

6.      Dritt tal-Unjoni – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti

7.      Uffiċjali – Leave – Leave annwali – Tmiem definittiv mis-servizz – Allowance kumpensatorja għal leave mhux meħud – Kundizzjoni għall-għoti – Leave mhux meħud minħabba ħtiġijiet tas-servizz – Ħtiġijiet tas-servizz – Kunċett – Assenza mis-servizz minħabba leave tal-mard – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 59; l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tal-Anness V)

8.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Proċedura prekontenzjuża – Żvolġiment differenti fil-preżenza jew fl-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, p. I-1719, punt 67; 2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 40;

Il-Qorti Ġenerali: 6 ta’ Mejju 2010, Kerelov vs Il-Kummissjoni, T‑100/08 P, punt 13

2.      Id-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistgħux, konsegwentement, jitqiesu bħala li jimponu bħala tali obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux ikunu, bħala tali, sors ta’ obbligi għall-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat deċiżjonali tagħha li tirregola r-relazzjonijiet mal-persunal tagħha u lanqas jistgħu jifformaw il-bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità li tirrigwarda r-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, il-fatt li direttiva ma torbotx, bħala tali, l-istituzzjonijiet u ma tistax tifforma l-bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jipprekludi li r-regoli jew prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet meta huma jidhru, fihom infushom, biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat u ta’ prinċipji ġenerali li huma direttament applikabbli għall-imsemmija istituzzjonijiet.

Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta hija, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, riedet twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament, huwa stess, għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju fl-applikazzjoni tat-Trattati.

Fl-aħħar nett, l-istitituzzjonijiet għandhom, skont id-dmir ta’ lealtà tagħhom, jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-aġir tagħhom ta’ persuna li timpjega, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fil-livell tal-Unjoni, li jimponu b’mod partikolari rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol tal-ħaddiema tagħhom fl-Istati Membri permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet u prattiki nazzjonali.

(ara l-punti 40 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 25 sa 28

Il-Qorti Ġenerali: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, Ġabra p. II‑6515, punti 51 52, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, ĠabraSP, p. I‑A‑1‑1054 u II‑A‑1‑567, punti 113, 116, 118 u 119; 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, ĠabraSP, p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑841, punt 86

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, Ġabra p. I‑11757, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja 24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata; 3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, punt 40; 21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 17 u 18, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Anki jekk id-dritt għall-leave annwali jista’ jiġi ppreċepit bħala prinċipju ġenerali ta’ dritt li huwa direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom u li fid-dawl tiegħu tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ wieħed mill-atti tagħhom, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal iċaħħad l-uffiċjali mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

Fil-fatt, dan l-artikolu sempliċement jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ trasferiment u ta’ kumpens fil-każ ta’ ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda, billi jawtorizza t-trasferiment awtomatiku ta’ tnax-il ġurnata ta’ leave annwali mhux meħuda għas-sena s-segwenti u billi jipprovdi possibbiltà ta’ trasferiment għall-ġranet li jaqbżu dan il-limitu meta l-leave annwali ma jintużax għal raġunijiet attribwibbli għall-ħtiġijiet tas-servizz. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jitqies li jissuġġetta l-għoti jew l-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali għal kundizzjoni li timmina s-sustanza tiegħu jew li hija inkompatibbli mal-istruttura u mal-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li t-trasferiment u l-kumpens li jirrigwarda l-leave annwali mhux meħud għandu jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet jidher iġġustifikat kemm min-neċessità li jiġi evitat il-kumulu ta’ leave mhux meħud b’mod illimitat kif ukoll mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li l-istituzzjonijiet ma ħadux inkunsiderazzjoni, fir-redazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti, tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell tal-Unjoni, bħar-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li japplikaw għall-Istati Membri, peress li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal li ma huwiex konformi mal-imsemmija rekwiżiti.

(ara l-punti 49 sa 51)

5.      Mill-qari tal-kliem tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan l-artikolu ma jistax jitqies li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni, permezz tal-inklużjoni tiegħu fir-Regolamenti tal-Persunal, li jimplementaw obbligu partikolari stabbilit bid-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, jew li r-riferiment li jinsab f’dan l-artikolu għar-rekwiżiti minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati fl-oqsma ta’ saħħa u ta’ sigurtà skont it-Trattati jirreferi għall-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, peress li l-għan ta’ din tal-aħħar huwa differenti minn dak tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu I tal-imsemmija regolamenti, jirreferi għall-konformità tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-uffiċjali attivi, għall-“istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà”, li jidher li jirreferi għall-istandards tekniċi minimi ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, li ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux ir-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa b’mod ġenerali, li jkopru wkoll dawk li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija mid-Direttiva 2003/88 u, b’mod partikolari, il-leave annwali. Fil-fatt, interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun kuntrarja għall-awtonomija tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tas-servizz pubbliku, sanċit fl-Artikolu 336 TFUE.

Barra minn hekk, ir-Regolamenti tal-Persunal jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol u ta’ leave, fit-Titolu IV tagħhom u fl-Anness V tagħhom. Il-modalitajiet ta’ trasferiment, jew ta’ kumpens, tal-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda għas-sena s-segwenti huma speċifikament irregolati bl-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. Peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola ċara u preċiża, li tillimita d-dritt għal trasferiment u għal kumpens tal-leave annwali meta mqabbla man-numru ta’ ġranet ta’ leave mhux meħuda, ma jistax isir użu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 abbażi ta’ dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Artikolu 1e, bħala li tikkostitwixxi regola ta’ applikazzjoni ġenerali, li tippermetti li ssir eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal f’dan il-qasam. Dan iwassal għal interpretazzjoni contra legem tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 52 sa 54)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 13 ta’ Settembru 2011, Zangerl-Posselt vs Il-Kummissjoni, T‑62/10 P, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li huwa biss jekk uffiċjal ma setax juża l-leave annwali tiegħu matul is-sena kalendarja kurrenti għal raġunijiet attribwibbli għall-ħtiġijiet tas-servizz li t-trasferiment tal-ġranet ta’ leave mhux meħuda jista’ jaqbeż tnax-il ġurnata. Bl-istess mod, huwa biss għal-limitu tal-ġranet ta’ leave annwali li ma ttiħdux minħabba ħtiġijiet tas-servizz li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-uffiċjal, li waqaf mill-funzjonijiet tiegħu, il-benefiċċju tal-allowance kumpensatorja prevista minn din id-dispożizzjoni.

It-termini “ħtiġijiet tas-servizz”, użati mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-attivitajiet professjonali li jipprekludu lill-uffiċjal, minħabba d-dmirijiet tiegħu, li jibbenefika mil-leave annwali li għandu dritt għalih. Mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li uffiċjal jibbenefika minn leave għal mard biss jekk “jipprovdi evidenza li mhux kapaċi jwettaq id-dmiriijet tiegħu”. Minn dan jirriżulta li, meta uffiċjal jibbenefika minn leave għal mard, huwa, b’definizzjoni, eżentat milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u ma huwiex għaldaqstant fis-servizz fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, il-ħtiġijiet tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jikkorrispondu għar-raġunijiet li jistgħu jfixklu lil uffiċjal milli jieħu leave peress li għandu jibqa’ fil-kariga, sabiex iwettaq il-kompiti meħtieġa mill-istituzzjoni li jaħdem għaliha. Dawn il-ħtiġijiet jistgħu jkunu okkażjonali jew permanenti, iżda għandhom neċessarjament ikunu relatati ma’ attività fis-servizz tal-istituzzjoni. A contrario, il-leave għal mard jipprovdi skuża għall-assenza ta’ uffiċjali għal raġuni valida. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tiegħu ta’ saħħa, dan tal-aħħar ma huwiex obbligat li jaħdem għall-istituzzjoni. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “ħtiġijiet tas-servizz” ma jistax jiġi interpretat bħala li jkopri l-assenza mis-servizz iġġustifikata minn leave għal mard, anki fil-każ ta’ mard fit-tul. Uffiċjal fuq leave għal mard ma jistax jitqies li jaħdem fis-servizz tal-istituzzjoni, speċifikament peress li huwa eżenti minn dan.

Minn dan isegwi li d-dritt għal trasferiment tal-leave annwali li jaqbeż it-tnax-il ġurnata għandu jirriżulta neċessarjament minn ostakolu marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u ma jistax jingħata minħabba mard li jipprekludi milli jeżerċitahom, anki jekk ġie stabbilit li din il-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol.

(ara l-punti 64 sa 67)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il-Kummissjoni, T‑80/04 , ĠabraSP, p. I‑A‑161 u II‑279, punti 28, 29 u 33; 29 ta’ Marzu 2007, Verheyden vs Il-Kummissjoni, T‑368/04, ĠabraSP, p. I‑A‑2‑93 u II‑A‑2‑665, punti 61 sa 63, u l-ġurisprudenza ċċitata

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 70 u 72)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il-Parlament, T‑416/03, ĠabraSP, p. I‑A‑2‑317 u II‑A‑2‑1607, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, ĠabraSP, p. I‑A‑1‑121 u II‑A‑1‑657, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata