Language of document : ECLI:EU:T:2007:380

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini – Kloru tal-kolin (vitamina B 4) – Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Multi – Effett dissważiv – Reċidiva – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Ksur uniku u kontinwat”

Fil-kawżi magħquda T-101/05 u T-111/05,

BASF AG, stabbilita f’Ludwigshafen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Levy, barrister, J. Temple-Lang, solicitor, u C. Feddersen, avukat,

rikorrenti fil-kawża T-101/05,

UCB SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Bourgeois, J.‑F. Bellis u M. Favart, avukati,

rikorrenti fil-kawża T-111/05,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata, fil-kawża T-101/05, minn A. Whelan u F. Amato, u, fil-kawża T-111/05, l-ewwel minn O. Beynet u M. Amato, wara minn X. Lewis u A. Amato, bħala aġenti

konvenuta

li għandha bħala suġġett, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/566/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin) (sommarju fil-ĠU 2005, L 190, p. 22),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn A.W. H. Meij, bħala President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-Deċiżjoni 2005/566/KE tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin) (sommarju fil-ĠU 2005, L 190, p. 22, iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni qalet li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u prattiki miftehma li kienu jirrigwardaw l-arranġament tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq u azzjonijiet miftehma kontra l-kompetituri fis-settur tal-kloru tal-kolin fiż-ŻEE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni).

2        Fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni tgħid li l-kloru tal-kolin jifforma parti mill-grupp ta’ vitamini idrosolubili B kumplessi (vitamina B 4). Dan huwa prinċipalment użat fl-industrija ta’ l-alimentazzjoni ta’ l-annimali (tjur u majjali) bħala additiv alimentari. Dan huwa kkummerċjalizzat kemm bħala soluzzjoni 70 % likwida, kif ukoll bħala trab fuq ċereali niexfa jew bħala silikon b’konsistenza ta’ bejn 50 u 60 %. Il-parti tal-kloru tal-kolin li ma tintużax bħala additiv alimentari għall-annimali hija rfinata sabiex jinkiseb prodott ta’ purità ikbar (kwalità farmaċewtika). Minbarra l-produtturi, is-suq tal-kloru tal-kolin jirrigwarda, minn naħa, il-proċessuri, li jixtru l-prodott mingħand il-produtturi taħt forma likwida u jipproċessawh fi kloru tal-kolin kemm għall-produttur kif ukoll għalihom stess, u, min-naħa l-oħra, id-distributuri.

3        Mit-tielet premessa tad-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fuq livell dinji dwar is-settur tal-kloru tal-kolin, wara li f’April 1999 irċiviet talba min-naħa tal-produttur Amerikan Bioproducts sabiex jiġu applikati miżuri ta’ klemenza. L-investigazzjoni kienet tkopri perijodu bejn l-1992 sa tmiem l-1998. Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li l-produttur Kanadiż Chinook kien diġà kkuntattjaha fil-25 ta’ Novembru u fit-3 u s-16 ta’ Diċembru 1998 dwar l-akkordju in kwistjoni, iżda li hija ma kinitx fetħet l-investigazzjoni f’dak iż-żmien.

4        F’dak li jirrigwarda ż-ŻEE, l-akkordju in kwistjoni tħaddem, skond il-premessa 64 tad-deċiżjoni, fuq żewġ livelli differenti, iżda marbuta strettament, livell dinji u livell Ewropew. Fuq livell dinji, il-produtturi Bioproducts (l-Istati Uniti), Chinook (il-Kanada), Chinook Group Limited (il-Kanada), DuCoa (l-Istati Uniti), ħames kumpanniji tal-grupp Akzo Nobel (l-Olanda) u r-rikorrenti ħadu sehem (direttament jew indirettament) f’attivitajiet antikompetittivi bejn Ġunju 1992 u April 1994. Essenzjalment, dawn l-attivitajiet kellhom l-iskop li jżidu l-prezzijiet fuq livell dinji, b’mod partikolari fiż-ŻEE, u li jikkontrollaw lill-proċessuri, b’mod partikolari fiż-ŻEE, sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jqegħdux f’periklu ż-żiediet miftehma u sabiex jaqsmu s-suq dinji bl-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq Ewropew in kambju ta’ l-irtirar tal-produtturi Ewropej mis-suq ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Il-Kummissjoni identifikat disa’ mil-laqgħat ta’ l-akkordju fuq livell dinji bejn Ġunju 1992 (f’Messiku City, il-Messiku) u April 1994 (f’Johor Bahru, il-Malażja). L-iktar laqgħa importanti kienet dik li saret f’Ludwigshafen (il-Ġermanja) f’Novembru 1992.

5        Kienu biss il-produtturi Ewropej (BASF AG, UCB SA u ħames kumpanniji tal-grupp Akzo Nobel) li ħadu sehem fil-laqgħat li operaw l-akkordju fuq livell Ewropew, li dam minn Marzu 1994 sa Ottubru 1998. Il-Kummissjoni identifikat ħmistax-il laqa’ li seħħew bejn Marzu 1994 (f’Schoten, il-Belġju) u Ottubru 1998 (fi Brussell, il-Belġju jew f’Aix-la-Chapelle, il-Ġermanja). Skond il-premessa 65 tad-deċiżjoni, dawn il-laqgħat servew sabiex jitħaddem il-ftehim konkluż fuq livell dinji. Dawn kellhom bħala skop iż-żieda regolari tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha flimkien mal-qsim tas-swieq u t-tqassim tal-klijenti individwali, kif ukoll il-kontroll tal-proċessuri fl-Ewropa sabiex jinżamm livell għoli tal-prezzijiet.

6        Skond l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-arranġamenti dinjija u l-arranġamenti Ewropej kollha kienu jidħlu, f’dak li jirrigwarda ż-ŻEE, fil-kuntest ta’ proġett globali li stabbilixxa l-linji ta’ azzjoni tal-membri ta’ l-akkordju u li kien jillimita l-aġir kummerċjali individwali tagħhom bil-għan li jiġi segwit għan ekonomiku antikompetittiv uniku, jiġifieri li jitgħawġu l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, l-arranġamenti konklużi fuq livell dinji u Ewropew għandhom jitqiesu bħala ksur kumpless u kontinwu uniku li jirrigwarda liż-ŻEE, li fih il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ħadu sehem matul ċertu żmien u l-produtturi Ewropej ħadu sehem matul il-perijodu kollu in kwistjoni.

7        F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tad-destinatarji tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni qalet, fil-premessa 166 tagħha, li ħames kumpanniji tal-grupp Akzo Nobel (iktar’il fuq, meħuda flimkien, “Akzo Nobel”), BASF, Bioproducts, Chinook, DuCoa u UCB kellhom iġorru r-responsabbiltà tal-ksur. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ma ġietx diretta kontra Ertisa, kumpannija Spanjola li kellha 50 % tas-suq Spanjol, peress li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 178, li globalment, il-provi ma kinux suffiċenti sabiex juru r-responsabbiltà tagħha għall-fatti allegati.

8        Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lill-impriżi milquta sabiex minnufih iwaqqfu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni safejn dawn ma kinux waqfu minn tali aġir, u sabiex minn issa’l quddiem, jieqfu milli jagħmlu l-atti jew jadottaw l-aġir illegali li kien identifikat, kif ukoll kull miżura li kellha skop jew effett identiku jew ekwivalenti.

9        Fir-rigward ta’ l-impożizzjoni tal-multi, il-Kummissjoni qieset li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq (Bioproducts, Chinook u DuCoa) kienu waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur sa mhux iktar tard mill-20 ta’ April 1994, wara li ntemmet il-laqgħa ta’ Johor Bahru (ara l-punt 4 iktar’il fuq). Skond il-premessa 165 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex provi li juru li kien hemm laqgħat oħra jew kuntatti li ħadu sehem fihom il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u li permezz tagħhom stabilixxew il-prezzijiet għaż-ŻEE jew ikkonfermaw l-impenn inizjali tagħhom li ma jesportawx lejn l-Ewropa. Peress li l-ewwel att tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-ksur huwa tas-26 ta’ Mejju 1999, jiġifieri iktar minn ħames snin wara t-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda multa fuq dawn il-produtturi, skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), u ma’ l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU L 1, p. 1).

10      Min-naħa l-oħra, peress li l-parteċipazzjoni tal-produtturi Ewropej damet sat-30 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni imponiet fuqhom multi fl-ammont globali ta’ EUR 66.34 miljun.

11      L-ammont tal-multi ġie stabbilit mill-Kummissjoni skond il-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p.3, iktar’il fuq il-“linji gwida”) kif ukoll skond il-komunikazzjoni tagħha dwar in-non impożizzjoni tal-multi, jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4, iktar’il fuq il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996”).

12      Fil-premessa 187 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-kriterji ġenerali li abbażi tagħhom hija ddeterminat l-ammont tal-multi. Hija esprimiet l-intenzjoni tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur, li tagħti natura suffiċjentement dissważiva lill-multa, li tevalwa każ b’każ ir-rwol ta’ kull impriża li ħadet sehem fil-ksur, li tieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, xi ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti eventwali u li tapplika, jekk ikun il-każ, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

13      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tiegħu (iffisar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq, it-tqassim tal-klijenti, azzjoni miftehma kontra l-kompetituri), l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq li rriżulta mill-fatt ta’ l-implementazzjoni tiegħu kif ukoll id-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat (iż-ŻEE kollha), sabiex tikkonkludi li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kienu wetqu ksur gravi ħafna ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (premessi 190 sa 198 tad-deċiżjoni). Dan il-livell ta’ gravità jiġġustifika, skond il-linji gwida, l-impożizzjoni ta’ multa ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Madankollu, il-Kummissjoni qalet, fil-premessa 199 tad-deċiżjoni, li hija kienet sejra tieħu in kunsiderazzjoni l-valur relattivament baxx tas-suq tal-kloru tal-kolin fiż-ŻEE (EUR 52.6 miljun fl-1997, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur).

14      Sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multi, il-Kummissjoni qalet li hija kellha tagħmel trattament differenzjat bejn il-kumpanniji involuti sabiex tieħu in kunsiderazzjoni differenzi bejn il-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jkunu ta’ dannu għall-kompetizzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-ksur seħħ fuq livell dinji, bil-parteċipazzjoni ta’ kumpanniji mill-Amerika ta’ Fuq li kienu aċċettaw, b’mod partikolari, li jirtiraw mis-swieq Ewropej, il-Kummissjoni qieset li hija kellha tibbaża ruħha fuq l-ishma tas-suq dinji ta’ l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur sabiex tiddetermina l-importanza rispettiva tagħhom.

15      Għalhekk, abbażi ta’ kif kienu mqassma l-ishma tas-suq dinji fl-1997, il-Kummissjoni kklassifikat lil Chinook fl-ewwel kategorija b’sehem tas-suq ta’ 19.3 %, DuCoa fit-tieni kategorija b’sehem tas-suq ta’ 16.3 %, UCB, Bioproducts u Akzo Nobel fit-tielet kategorija b’ishma tas-suq ta’ 13.4 %, ta’ 12.2 % u ta’ 12 %, u BASF fir-raba’ kategorija b’sehem tas-suq ta’ 9.1 %. Wara din il-klassifikazzjoni, l-ammonti inizjali ġew stabbiliti għal EUR 12.9 miljun għal UCB u għal EUR 9.4 miljun għal BASF. Dawn l-ammonti inizjali ġew ikkalkulati abbażi ta’ ammont inizjali għall-ewwel kategorija ta’ EUR 20 miljun (premessi 201 u 202 tad-deċiżjoni).

16      Sabiex tassigura effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatturat tar-rikorrenti għall-2003 (EUR 3 biljun għal UCB u EUR 33.4 biljun għal BASF), immoltiplikat l-ammont inizjali tal-multa ta’ BASF b’fattur ta’ 2 (premessa 203 tad-deċiżjoni).

17      Wara dan, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali għal kull waħda mir-rikorrenti, kif iddeterminat wara l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ dissważjoni, b’10 % għal kull sena sħieħa li matulha dam għaddej il-ksur u b’5 % għal kull perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, iżda li kien inqas minn sena. Peress li l-ksur dam għaddej għal minn ta’ l-inqas ħames snin u ħdax-il xahar (mit-13 ta’ Ottubru 1992 sat-30 ta’ Settembru 1998), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali b’55 %. Għalhekk, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti ġew stabbiliti għal EUR 29.14 miljun għal BASF u għal EUR 20 miljun għal UCB (premessi 206 u 207 tad-deċiżjoni).

18      Ċirkustanza aggravanti kienet instabet kontra BASF minħabba reċidiva, minħabba l-fatt li hija diġà kienet is-suġġett, darbtejn, ta’ deċiżjonijiet ta’ interdizzjoni għall-istess tip ta’ aġir antikompetittiv. Dawn huma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 69/243/KEE, ta’ l-24 ta’ Lulju 1969, dwar proċedura skond l-Artikolu [81 KE] (IV/26.267 - Materjal li jagħti l-kulur) (ĠU L 195, p. 11) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 - PVC) (ĠU L 239, p. 14). Din iċ-ċirkustanza ġabet żieda ta’ 50 % ta’ l-ammont bażi tal-multa ta’ BASF, li saret ta’ EUR 43.71 miljun.

19      Wara li ċaħdet numru ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti bħala ċirkustanzi attenwanti, li kienu bbażati fuq waqfien kmieni tal-ksur, in-non applikazzjoni tal-ftehim, it-tul ta’ l-investigazzjoni, is-sitwazzjoni ta’ kriżi tas-settur u tal-miżuri dixxiplinari meħuda kontra impjegati involuti fil-ksur bl-iskop li jiġi implementat programm ta’ tqegħid f’konformità, il-Kummissjoni naqset il-multa imposta fuq UCB minħabba kooperazzjoni effettiva barra mill-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. B’mod iktar preċiż, kienet UCB li, fis-26 ta’ Lulju 1999, kienet informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza tal-ksur fuq livell Ewropew billi semmiet disa’ laqgħat li kienu seħħew bejn Marzu 1994 u Ottubru 1998, filwaqt li l-Kummissjoni kellha biss informazzjoni fuq livell dinji ta’ l-akkordju. Dan il-fatt wassal għal tnaqqis ta’ 25.8 % ta’ l-ammont bażi tal-multa, li saret ta’ EUR 14.84 miljun (premessi 218 u 219 tad-deċiżjoni).

20      Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni l-Kummissjoni tindika li r-rikorrenti kollha kkooperaw magħha matul stadji differenti tal-proċedura.

21      B’risposta għal talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999, BASF (l-ewwel waħda mit-tliet produtturi Ewropej li kienet ipprovdiet provi b’mod volontarju) ippreżentat, fil-15 ta’ Ġunju 1999, rapport li fil-parti G kien jirreferi għall-kloru tal-kolin. Madankollu, peress li l-mistoqsijiet li kienu saru ma kinux jirrigwardaw dan il-prodott, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 221 tad-deċiżjoni, li t-taqsima G ta’ l-imsemmi rapport kellha tiġi kkwalifikata bħala provi mibgħuta volontarjament skond it-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. L-istess jgħodd għad-dokumenti ppreżentati minn BASF fit-23 ta’ Ġunju 1999, li kienu jinkludu elementi li jirrigwardaw il-laqgħa ta’ Ludwigshafen (premessa 221 tad-deċiżjoni).

22      Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-valur ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tenfasizza li l-provi li kienu diġà ġew ippreżentati minn Chinook u minn Bioproducts kienu, minnhom infishom, manifestament biżżejjed sabiex jikkostitwixxu prova deċiżiva skond it-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. Fil-fatt, kienu l-provi ppreżentati minn Bioproducts fis-7 ta’ Mejju 1999 li waslu lill-Kummissjoni sabiex fit-22 ta’ Ġunju 1999, tibgħat talba għal informazzjoni li kienet tirrigwarda b’mod speċifiku il-kloru tal-kolin. Madankollu, it-taqsima G tar-rapport ta’ BASF jista’, minkejja l-valur limitat tiegħu minħabba l-informazzjoni li kienet diġà disponibbli, jitqies bħala element li jikkonferma l-ksur fuq livell dinji skond it-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. Fir-rigward ta’ l-arranġamenti Ewropej, il-Kummissjoni tenfasizza li BASF illimitat ruħha li tiddikjara li, minkejja l-isforzi tal-produtturi Ewropej, ma kien intlaħaq jew ġie applikat l-ebda ftehim effettiv. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ BASF tas-16 ta’ Lulju 1999, din ma kinitx tinkludi elementi li jikkontribwixxu għall-konferma tal-ksur, u f’kull każ, tikkostitwixxi risposta għat-talba għall-informazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999. Għall-bqija, il-Kummissjoni tindika li d-dikjarazzjoni ta’ BASF ta’ l-4 ta’ Novembru 2002, li ntbagħtet b’risposta għal talba għall-informazzjoni tat-30 ta’ Awwissu 2002, kellha valur limitat ħafna fir-rigward ta’ żewġ laqgħat. Barra minn hekk, BASF informat lill-Kummissjoni, wara li rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li hija ma kinitx qedha tikkontesta l-materjalità tal-fatti. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tat lil BASF tnaqqis ta’ 20 % ta’ l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha.

23      F’dak li jirrigwarda lil UCB, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-informazzjoni pprovduta fis-26 ta’ Lulju 1999 (ara l-punt 19 iktar’il fuq) kienet tikkostitwixxi kontribuzzjoni materjali sinjifikanti sabiex jiġi stabbilit il-ksur fuq livell Ewropew, għalkemm ma ġie pprovdut l-ebda dokument datat bejn l-1995 u l-1998. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li d-dikjarazzjoni addizzjonali tal-21 ta’ Settembru 1999 kellha l-istess importanza. Barra minn hekk, il-kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni fuq livell dinji ta’ l-akkordju wasslet sabiex il-Kummissjoni tiċħad il-benefiċċju ta’ tnaqqis għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat lil UCB, abbażi tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, tnaqqis ta’ 30 % ta’ l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha.

24      Meta ntemmet din il-proċedura, il-multi imposti fuq ir-rikorrenti kienu stabbiliti kif ġej:

–        EUR 34.97 miljun għal BASF;

–        EUR 10.38 miljun għal UCB.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikorsi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Frar (kawża T-111/05, UCB vs Il-Kummissjoni) u fl-1 ta’ Marzu 2005 (kawża T-101/05, BASF vs Il-Kummissjoni), ir-rikorrenti ressqu dan l-appell.

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Marzu 2005 (irreġistrat bir-referenza T-112/05), Akzo Nobel, li hija wkoll milquta mid-deċiżjoni, resqet appell kontra din ta’ l-aħħar.

27      B’ittra tal-25 ta’ Lulju 2006, li ntbagħtet b’risposta għal domanda bil-miktub, BASF informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet qed tirtira mill-ewwel u s-seba’ motiv.

28      B’Digriet tas-7 ta’ Settembru 2006, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda, wara li nstemgħu il-partijiet, li jgħaqqad il-kawżi T-101/05, T-111/05 kif ukoll il-kawża T-112/05 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

29      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-partijiet.

30      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt matul is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li għall-finijiet tas-sentenza tissepara l-kawża T‑112/05 mill-kawżi T-101/05 u T-111/05, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

31      Fil-kawża T-101/05, BASF titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta mid-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u l-ispejjeż l-oħra li sostniet fir-rigward ta’ din il-kawża;

–        tordna kull miżura oħra li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis xierqa.

32      Fil-kawża T-111/05, UCB titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni jew għall-inqas tannulla l-multa jew tnaqqas l-ammont tagħha b’mod sostanzjali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Osservazzjonijiet preliminari

34      BASF tinvoka ħames motivi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda, fl-ewwel lok, il-portata dissważiva tal-multa imposta, fit-tieni lok, iż-żieda fl-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva, fit-tielet lok, il-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, fir-raba’ lok, it-tnaqqis globali li għandu jingħatalha indipendentement mil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 u, fil-ħames lok, il-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku u kontinwat.

35      Min-naħa tagħha, UCB tinvoka tliet motivi, ibbażati fuq żball fil-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku u kontinwat, applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 u, sussidjarjament, ksur ta’ din il-komunikazjoni, u dan anki fil-każ fejn l-arranġamenti dinjija u Ewropej jitqiesu mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat.

36      Qabel kollox, għandhom jiġu evalwati l-ewwel erba’ motivi ta’ BASF, wara, għandha tiġi evalwata l-fondatezza ta’ l-argumenti invokati in sostenn tal-motiv komuni li jirrigwarda n-natura unika u kontinwata tal-ksur, u fl-aħħar nett, għandhom jiġu evalwati t-tieni u t-tielet motivi ta’ UCB.

2.     Fuq l-ewwel motiv invokat minn BASF, ibbażat fuq ksur tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif ukoll tal-linji gwida minħabba ż-żieda fl-ammont tal-multa ta’ 100 % għall-finijiet ta’ dissważjoni

 L-argumenti tal-partijiet

37      Fir-rikors tagħha, BASF invokat tliet ilmenti kontra ż-żieda ta’ l-ammont tal-multa stabbilit għall-finijiet ta’ dissważjoni. Fl-ewwel lok, din iż-żieda tmur kontra r-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) u kontra r-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll kontra l-aspettativi leġittimi li jirriżultaw mil-linji gwida. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma evalwatx jekk żieda għal dan l-iskop kinitx neċessarja fid-dawl ta’ l-imġieba ta’ BASF. Fit-tielet lok, din iż-żieda mhijiex kompatibbli ma’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996.

38      Waqt is-seduta, BASF irtirat l-ewwel u t-tielet ilmenti ta’ dan il-motiv. Fil-kuntest tat-tieni lment, hija tgħid li l-Kummissjoni hija marbuta, qabel ma żżid multa għall-finijiet ta’ dissważjoni, li tevalwa jekk tali żieda hijiex neċessarja għall-impriża in kwistjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tagħha. Id-daqs ta’ kumpannija mhuwiex element rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, elementi oħra jistgħu jagħtu indikazzjoni ta’ l-imġieba ta’ impriża fil-futur. Impriża kbira għandha inqas bżonn li tiġi ddisswaduta minħabba, per eżempju, li hija esposta għal rikorsi kollettivi jew minħabba l-eventwali konsegwenzi li jaffettwaw il-valur tagħha fil-borża. Il-bżonn ta’ dissważjoni ma jistax jiġi evalwat abbażi tad-daqs globali ta’ impriża, iżda għandu jkun ibbażat fuq l-attitudni speċifika tagħha. Issa, il-Kummissjoni spjegat din iż-żieda biss billi semmiet il-fatturat dinji ta’ BASF.

39      Peress li dan huwa l-ammont finali tal-multa li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni hijiex kapaċi li tiddiswadi l-impriża milli twettaq ksur fil-futur, BASF issostni li n-neċessità ta’ żieda fil-multa għall-finijiet ta’ dissważjoni għandha tiġi evalwata wara li tiġi kkalkulata l-multa, u mhux waqt stadju intermedjarju. Barra minn hekk, tali żieda fl-ammont tal-multa għandha tiġi spjegata (fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni) fid-dawl ta’ l-attitudni ta’ kull kumpannija. Minbarra dan, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu in kunsiderazzjoni l-multi li l-impriża in kwistjoni kellha tħallas f’pajjiżi terzi, meta ġiet adottata d-deċiżjoni, għal ksur simili tad-dritt. BASF iżżid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta imponiet żieda fl-ammont tal-multa abbażi ta’ l-attivitajiet fi ħdan swieq oħra totalment indipendenti. BASF tenfasizza li fil-każ tagħha ma kienet meħtieġa l-ebda żieda addizzjonali għall-finijiet ta’ dissważjoni. Fil-fatt, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1), BASF ħadet passi li qatt ma kienu ttieħdu qabel sabiex tassigura li l-ebda aġir illegali ta’ dan it-tip ma jerġa jseħħ fil-futur, u hija kienet spjegat dan fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Il-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll il-multi li kellha tħallas f’pajjiżi oħra wara l-kawża Vitamini huma xhieda tan-nuqqas ta’ bżonn ta’ dissważjoni. Id-deċiżjoni ma tinkludi l-ebda elementi li jistgħu iwasslu sabiex l-argumenti ta’ BASF jiġu miċħuda.

40      Skond BASF, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li d-dissważjoni tikkostitwixxi parti mill-gravità tal-ksur, u mhux element ta’ l-aġir individwali ta’ kull impriża, madankollu hija ma tispjegax għalfejn xi impriżi, jingħataw żieda fil-multi għal finijiet ta’ dissważjoni, filwaqt li oħrajn le. BASF iżżid li, fid-dawl ta’ l-istorja u l-interkonnessjoni bejn dan il-każ u l-kawża Vitamini, punt 39 iktar’il fuq, id-deċiżjoni 2003/2 ma kellhiex titqies bħala rilevanti fil-kalkolu tal-multa ta’ BASF jew sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni tad-dissważjoni, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn ma ttrattatx il-kartelli kollha dwar il-vitamini fil-kuntest ta’ deċiżjoni waħda.

41      B’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprekludi l-evalwazzjoni ta’ l-aġir illegali futur, BASF tenfasizza li l-kwistjoni rilevanti hija dik ta’ jekk impriża li taf bin-natura illegali ta’ l-aġir tagħha u li tadotta miżuri kontra r-ripetizzjoni ta’ tali aġir għandhiex bżonn ta’ dissważjoni ulterjuri. Din l-evalwazzjoni mhijiex relatata mal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

42      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43      Għandu jiġi mfakkar li s-sanzjonijiet stabbiliti mil-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi kemm sabiex jitwaqqaf l-aġir illegali u kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ tali aġir futur. Għalhekk, id-dissważjoni hija l-iskop tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, iktar’il quddiem is-“sentenza Vitamini”, punti 218 u 219).

44      Il-linji gwida jsemmu dan l-iskop fil-punt 1 A tagħhom, li jgħid li “huwa […] neċessarju […] li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit fuq livell li jassigura natura suffiċjentement preventiva”.

45      Barra minn hekk, il-portata dissważiva tal-multi hija waħda mill-elementi li permezz tagħhom għandha tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33)

46      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi applikata fil-konfront ta’ BASF iż-żieda ta’ l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni m’għamlitx evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva tagħha. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 203 tad-deċiżjoni (ara l-punt 16 iktar’il fuq), din ħadet in kunsiderazzjoni biss id-daqs ta’ din l-impriża.

47      Madankollu, għandu jingħad li n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa ta’ BASF bl-ebda mod ma taffettwa l-legalità ta’ din iż-żieda. Fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita tirrikonoxxi r-rilevanza tad-daqs ta’ l-impriżi bħala element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa. Dan l-element jista’ jintuża bħala indikazzjoni ta’ l-impatt li l-impriża kkonċernata setgħet eżerċitat fuq is-suq (ara s-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punti 233 sa 236, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dak li jirrigwarda l-istadju li fih għandha tiġi evalwata n-neċessità li jiġi applikat koeffiċjent sabiex jiġi assigurat l-effett dissważiv tal-multa, huwa biżżejjed li jingħad li l-ħtieġa ta’ dissważjoni għandha tirrifletti l-proċess kollu ta’ determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa u mhux biss stadju wieħed minn tali proċess (sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 238).

49      Fir-rigward tan-neċessità li jiġi applikat tali koeffiċjent f’dan il-każ, għandu jingħad li fl-2003 BASF laħqet fatturat globali ta’ EUR 33.4 biljun, u dan huwa xhieda tad-daqs kbir ta’ din l-impriża, li jaqbeż b’ħafna dak ta’ UCB u ta’ Akzo Nobel.

50      Minn dak li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx ir-Regolamenti Nri 17 u 1/2003. Barra minn hekk, hija ma injoratx il-linji gwida meta qieset li, minħabba d-daqs ta’ BASF, kien neċessarju, għall-finijiet ta’ dissważjoni, li l-ammont inizjali ta’ EUR 9.4 miljun jiġi rddupjat għal EUR 18.8 miljun.

51      F’dak li jirrigwarda l-miżuri adottati minn BASF bil-għan li tiġi evitata r-reċidiva, il-kooperazzjoni li wetqet u l-kundanni li bagħtiet f’pajjiżi terzi, għandu jiġi evalwat safejn dawn iċ-ċirkustanzi jimmeritaw tnaqqis tal-multa min-naħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ dissważjoni fir-rigward ta’ BASF.

52      Fir-rigward tal-miżuri adottati minn BASF bil-għan li tiġi evitata r-reċidiva, għandu jingħad li, minkejja l-importanza tal-miżuri meħuda għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-realtà tal-ksur li seħħ ma tistax tiġi affettwata. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformità mill-impriża kkonċernata ma tobbligax lill-Kummissjoni tagħti tnaqqis fil-multa minħabba dan il-fatt (sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punti 266 u 267). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li tgħid li, wara l-multi imposti mid-deċiżjoni 2003/2, ma kienx hemm iktar bżonn li BASF tiġi dissważa fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha relatati mal-kloru tal-kolin. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ multa fuq BASF għal diversi attivitajiet antikompetittivi relatati ma’ prodotti tal-vitamini oħra lanqas ma taffettwa r-realtà tal-ksur li twettaq, u għalhekk, ma tobbligax lill-Kummissjoni tagħti tnaqqis minħabba f’hekk.

53      F’dak li jirrigwarda l-kundanni li ngħataw f’pajjiżi terzi, għandu jingħad li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika meta tistabbilixxi l-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jassigura r-rispett, min-naħa ta’ l-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità jew iż-ŻEE. Isegwi li n-natura disswżiva ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji la tista’ tiġi ddeterminata abbażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża kkundannata, biss, u lanqas abbażi tar-rispett, min-naħa tagħha, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux membri taż-ŻEE (ara s-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 269, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni ta’ BASF matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-realtà ta’ din il-kooperazzjoni u ppremjatha fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 268). Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk din il-kooperazzjoni kinitx eventwalment timmerita tnaqqis ikbar fil-multa għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tielet motiv.

55      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tieni motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità minħabba ż-żieda b’50 % ta’ l-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva kif ukoll minħabba kalkolu żbaljat ta’ din iż-żieda

 L-argumenti tal-partijiet

56      Preliminarjament, BASF tgħid li r-Regolamenti Nri 17 u 1/2003 ma joffru l-ebda bażi legali ċara għal żieda ta’ l-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva. Peress li l-ksur li għalih BASF ngħatat il-multa fl-1969 u fl-1994 ma kellu l-ebda impatt fuq il-gravità jew id-dewmien tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta ħadet in kunsiderazzjoni dawn il-kundanni. Mir-Regolament Nru 2988/74, mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li s-sanzjoni minħabba r-reċidiva għandha tiġi suġġetta għal regoli ta’ preskrizzjoni sabiex jiġi evitat li jkun hemm riżultati assurdi, bħan-non impożizzjoni ta’ multa fuq il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq minħabba l-preskrizzjoni ta’ l-aġir illegali tagħhom li seħħ fl-1994, filwaqt li BASF tkun sanzjonata għal ksur li seħħ fl-1964. B’mod ġenerali, ma jkunx raġjonevoli li kumpannija ma tkunx tista’ tiġi ssanzjonata għal ksur li twettaq ħames snin ilu, filwaqt li tkun tista’ tiġi ssanzjonata b’mod iktar qawwi minħabba ksur li ilu preskritt għal ħafna żmien. Skond BASF, għalkemm il-linji gwida għandhom difett safejn dawn ma jistabbilixxu l-ebda skadenza li wara dan il-ksur preċedenti m’għandux iktar jittieħed in kunsiderazzjoni għal dak li jirrigwarda r-reċidiva, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri tistabbilixxi tali limitazzjoni. BASF tqis li, jekk id-deċiżjoni 69/243 (ara l-punt 18 iktar’il fuq) ma ttieħditx in kunsiderazzjoni fil-kuntest taż-żieda fil-multa minħabba r-reċidiva, għandu jiġi kkunsidrat jew li din iż-żieda hija żbaljata, jew inkella li l-Kummissjoni wkoll taħseb li ksur li twettaq erbgħin sena ilu ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni għal dan l-iskop.

57      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni għat-teħid in kunsiderazzjoni tal-ksur preċedenti għall-iskop ta’ reċidiva, il-Kummissjoni hija marbuta, skond BASF, li tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod raġjonevoli u proporzjonat f’ċirkustanzi kjarament iddefiniti u rilevanti. BASF tgħid li din it-teżi tapplika iktar u iktar meta l-ksur preċedenti jkun twettaq ħafna żmien qabel, meta d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma kienx magħruf u mifhum ħafna. BASF tenfasizza li t-tieni deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni dwar ir-reċidiva kienet ġiet adottata fl-1994 u kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1980 u l-1984. Il-Kummissjoni ma tistax tapprofitta ruħa mid-dewmien tal-proċess deċiżjonali tagħha sabiex tinvoka ksur daqstant antik għall-finijiet ta’ reċidiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma imponiet l-ebda żieda fil-multa minħabba r-reċidiva fid-deċiżjoni 2003/2, liema ħaġa kienet tkun korretta.

58      Barra minn hekk, skond BASF, il-konstatazzjoni ta’ reċidiva abbażi ta’ aġir li ilu li seħħ iktar minn għoxrin sena tippresupponi li ż-żewġ ċirkustanzi ta’ ksur huma ta’ l-istess tip, ħaġa li tkun eskluża li kieku dawn jirrigwardaw swieq differenti. Madankollu, din hija ċ-ċirkustanza f’dan il-każ, peress li s-sustanzi li jagħtu l-kulur (milquta mid-deċiżjoni 69/243), il-PVC (milquta mid-deċiżjoni 94/599) u l-kloru tal-kolin jifformaw parti minn swieq kompletament differenti.

59      F’kull każ, il-kalkolu taż-żieda in kwistjoni huwa vvizjat minn illegalita, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kellha, b’mod konformi mal-punti 226 u 229 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473), tapplika dan il-kalkolu għall-ammont inizjali ta’ EUR 9.4 miljun qabel kull żieda abbażi tad-daqs ta’ l-impriża jew għal finijiet ta’ dissważjoni (ara l-punt 15 iktar’il fuq) u mhux għall-ammont bażi ta’ EUR 29.14 miljun (ara l-punti 17 u 18 iktar’il fuq).

60      Qabel kollox, il-Kummissjoni tenfasizza li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ BASF fil-kartell dwar il-vitamini li ta lok għad-deċiżjoni 2003/2. Tenfasizza wkoll li d-deċiżjoni 94/599 kienet ġiet adottata matul il-perijodu tal-ksur li jirrigwarda l-kloru tal-kolin. Barra minn hekk, kien in-nuqqas ta’ korrezzjoni ta’ l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata li aggrava r-responsabbiltà tagħha fil-kuntest tad-deċiżjoni li kkonstatat ksur ġdid, indipendentement miż-żmien li għadda bejn l-ewwel ksur u l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirreferi għalih. Il-Kummissjoni ma tifhimx għalfejn il-fatt li l-ksur preċedenti ta’ BASF kien jirrigwarda swieq differenti minn dak tal-kloru tal-kolin jista’ jaffettwa ż-żieda in kwistjoni, peress li, b’mod partikolari, in-natura ta’ kull wieħed minn dan il-ksur kienet simili.

61      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni tgħid li, meta hija timponi l-multi, hija tieħu in kunsiderazzjoni regoli ta’ natura universali, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità, iżda wkoll, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, regoli relatati ma’ l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, bħar-rikonoxximent ta’ ċirkustanzi li jistgħu jaggravaw jew jattenwaw ir-responsabbiltà tal-ħati. Impriża ma tistax tinvoka l-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u, fl-istess ħin, tiċħad bħala prinċipju l-possibbiltà li jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Barra minn hekk, ir-reċidiva tissemma espressament, fl-ewwel inċiż tat-titolu 2 tal-linji gwida, bħala ċirkustanza aggravanti, filwaqt li BASF ġiet ukoll avżata b’dan fil-punt 217 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

62      Fir-rigward taż-żmien twil li għadda meta seħħ il-ksur preċedenti, il-Kummissjoni tgħid li l-ġurisprudenza aċċettat żieda ta’ 50 % ta’ l-ammont bażi minħabba reċidiva, abbażi ta’ ksur li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni 20 sena wara, u dan jippermettilha li, f’dan il-każ, tieħu in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni 94/599. Skond il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni hija biżżejjed sabiex tiġi imposta ż-żieda in kwistjoni mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni 69/243. Barra minn hekk, il-fatt li ma ttieħidx in kunsiderazzjoni l-ksur speċifiku preċedenti bħala ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa fil-kuntest tad-deċiżjoni 2003/2 ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ulterjuri.

63      F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq kalkolu żbaljat taż-żieda, il-Kummissjoni tenfasizza li BASF qedha tħawwad l-ammont inizjali (ara l-punt 15 iktar’il fuq) ma’ l-ammont bażi tal-multa kif stabbilit skond il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur (ara l-punt 17 iktar’il fuq). Huwa fuq dan l-aħħar ammont li għandha tiġi applikata kull żieda relatata ma’ ċirkustanzi aggravanti, b’mod konformi mas-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar’il fuq, ħaġa l-Kummissjoni tgħid li għamlet f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ BASF li jgħid li r-rikonoxximent ta’ każ ta’ reċidiva jippreżupponi li l-ksur jirrigwarda l-istess suq ta’ prodotti. Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha quddiemha ksur li jaqa’ taħt l-istess dispożizzjoni tat-Trattat KE.

65      Wara, għandu jingħad li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxu l-bażi legali rilevanti li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien u l-gravità tal-ksur. Il-gravità tal-ksur hija ddeterminata b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni. Il-fatt li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti, meta tiġi stabbilita l-multa, huwa konformi mal-missjoni li l-Kummissjoni għandha li tassigura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 24 u 25).

66      Barra minn hekk, l-analiżi tal-gravità tal-ksur imwettaq għandha tieħu in kunsiderazzjoni reċidiva eventwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 91, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar’il fuq, punt 26), peress li din ir-reċidiva tista’ tiġġustifika żieda kunsiderevoli ta’ l-ammont bażi tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 293). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-allegazzjonijiet ta’ BASF li jgħidu li, min-naħa, il-ksur preċedenti tagħha ma għandhu l-ebda influwenza fuq il-gravità tal-ksur in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, li mhemmx bażi legali ċara għall-applikazzjoni ta’ żieda minħabba r-reċidiva, għandhom jiġu miċħuda.

67      Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq l-allegat obbligu li tiġi rrikonoxxuta limitazzjoni ratione temporis għall-possibbiltà li tittieħed in kunsiderazzjoni reċidiva eventwali, għandu jingħad li n-nuqqas ta’ terminu massimu għall-konstatazzjoni ta’ reċidiva fir-Regolamenti Nri 17 u 1/2003 jew fil-linji gwida ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jiffurmaw parti mis-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni sussegwenti għal tali konstatazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni hija mistennija li tevalwa, peress li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex iħeġġeġ lill-impriżi, li jkunu wrew inklinazzjoni li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, ibiddlu l-aġir tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’, f’kull każ, tieħu in kunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw tali inklinazzjoni, inkluż, per eżempju, iż-żmien li għadda bejn il-ksur in kwistjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar’il fuq, punti 37 sa 39).

68      F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet li għalihom irreferiet il-Kummissjoni sabiex tagħti motivazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha dwar ir-reċidiva (ara l-punt 18 iktar’il fuq) juru li BASF kisret ir-regoli dwar il-kompetizzjoni matul perijodi li jestendu bejn l-1964 u l-1967 (iffisar tar-rati ta’ żiediet fil-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn iż-żiediet fis-settur tal-materjali li jagħtu l-kulur) u bejn Awwissu 1980 u Mejju 1984 (iffisar tal-prezzijiet “immirati” u tal-kwoti “immirati” u l-ippjanar ta’ l-inizjattivi miftehma intiżi sabiex jgħollu l-livell tal-prezzijiet u sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tiegħu).

69      Għandu jiġi kkunsidrat li l-aħħar wieħed minn dan il-ksur jista’, waħdu, jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ żieda ta’ 50 % ma’ l-ammont bażi tal-multa imposta fuq BASF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punt 293).

70      F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha jista’ jiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni li r-riferiment għalihom fid-deċiżjoni mhuwiex bħal dak meħtieġ bis-saħħa ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 40).

71      F’dan il-kuntest, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li BASF kienet ukoll is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149 - Polypropylène) (ĠU L 230, p. 1). Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, BASF vs Il-Kummissjoni (T‑4/89, Ġabra p. II‑1523), BASF ingħatat multa ta’ ECU 2.125 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim u fi prattiki miftehma sabiex tiddefinixxi l-politika kummerċjali tagħha, sabiex jiġu ffissati prezzijiet immirati u sabiex jiġu miftehma miżuri għal dan l-iskop, sabiex jiżdiedu l-prezzijiet u sabiex jinqasam is-suq b’effet minn tmiem l-1978 jew mill-bidu ta’ l-1979 sa Novembru 1983. Meta saretilha mistoqisja matul is-seduta, il-Kummissjoni ma setgħetx tispjega l-omissjoni ta’ din id-deċiżjoni, għalkemm din tissemma fil-punt 29 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

72      Fid-dawl ta’ dan l-element, għandu jingħad li bejn l-1964 u l-1993, BASF kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ ksur flagranti tar-regoli tal-kompetizzjoni għal perijodu ta’ madwar 13-il sena. Minn dan jirriżulta li ż-żieda ta’ 50 % fuq l-ammont bażi hija xierqa.

73      Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq kalkolu żbaljat taż-żieda minħabba r-reċidiva, dan ukoll għandu jiġi miċħud, peress li dan jirriżulta minn konfużjoni min-naħa ta’ BASF bejn il-kunċetti ta’ ammont inizjali u ammont bażi (ara l-punti 15 sa 17 iktar’il fuq). Fil-fatt, skond il-punt 229 tas-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar’il fuq, invokat minn BASF in sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha, il-perċentwali li jikkorrispondu maż-żiediet jew mat-tnaqqis, adottati minħabba ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, għandhom jiġu applikati fuq l-ammont bażi tal-multa, li jiġi stabbilit skond il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. Dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Kummissjoni f’dan il-każ, kif turi l-premessa 219 tad-deċiżjoni (ara l-punti 17 u 18 iktar’il fuq). F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-metodu ta’ kalkolu ssuġġerit minn BASF kien iwassal għall-istess riżultat.

74      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu.

4.     Fuq it-tielet motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

 L-argumenti tal-partijiet

75      BASF tqis li t-tnaqqis ta’ 20 % li ngħatat abbażi tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (ara l-punt 22 iktar’il fuq) huwa żgħir ħafna fid-dawl tal-portata tal-kooperazzjoni tagħha. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni hija marbuta li tagħti tnaqqis proporzjonatament mal-kooperazzjoni ta’ kull impriża. Skond il-prattika kostanti tal-Kummissjoni, BASF għandha dritt għal tnaqqis ta’ 10 % minħabba li ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li ġiet akkużata bihom. Minn dan jirriżulta li l-kooperazzjoni minn kimieni, kompluta u volontarja, tagħha mhux biss fil-forma ta’ nuqqas kontestazzjoni tal-fatti, jistħoqqilha tnaqqis ħafna ikbar mill-10 % li ngħatat.

76      Fil-fatt, id-deċiżjoni ma tagħtix rendikont oġġettiv u preċiż tal-kooperazzjoni ta’ BASF peress li din tiddeskrivi b’mod żbaljat il-kontenut ta’ xi dikjarazzjonijiet, ma tgħid xejn dwar aspetti sinjifikanti oħra ta’ din il-kooperazzjoni u wkoll ma tippermettix lil BASF li tevalwa l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-kooperazzjoni. Skond BASF, dawn in-nuqqasijiet huma wkoll xhieda tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

77      In sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha, BASF tgħid li, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni:

–        ma tagħmel l-ebda riferiment għall-ittra tagħha tas-6 ta’ Mejju 1999 li bih hija informat lill-Kummissjoni bl-eżistenza tal-ftehim illegali fis-settur tal-vitamini, li fid-dawl tiegħu l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti kienu fetħu investigazzjoni, u talbet li tinżamm laqgħa sabiex dan kollu jiġi diskuss fid-dettall. BASF tqis li l-Kummissjoni tilfet din l-ittra;

–        ma tagħmel l-ebda riferiment għal-laqgħa li nżammet fis-17 ta’ Mejju 1999, li matulha hija ddeskriviet numru ta’ ftehim kollużivi u pprovdiet informazzjoni li kkontribwiet materjalment sabiex jiġi stabbilit il-ksur, fosthom il-konklużjoni, dak iż-żmien imminenti, ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja ma’ l-awtoritajiet ta’ Istati Uniti, li ġiet iffirmata fid-19 ta’ Mejju 1999 u li kienet tirrigwarda wkoll il-kloru tal-kolin;

–        ma tagħmel l-ebda riferiment għall-ittra tagħha tal-21 ta’ Mejju 1999 li biha pprovdiet id-dokumenti li jirrigwardaw l-investigazzjoni mmexxija fl-Istati Uniti. BASF tqis li l-Kummissjoni tilfet din l-ittra;

–        tagħti preżentazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjoni tagħha tat-23 ta’ Lulju 1999;

–        tagħti deskrizzjoni mhux kompluta ta’ talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999 b’tali mod li injorat li r-rapport tal-15 ta’ Ġunju kif ukoll id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 ġew ipprovduti b’mod volontarju;

–        ikkunsidrat b’mod żbaljat id-dikjarazzjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 1999 bħala risposta għal talba għall-informazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999.

78      L-omissjoni ta’ l-ittra tas-6 ta’ Mejju 1999 u tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 ma tistax tiġi spjegatha, peress li hemm riferiment għalihom fil-premessa 127 tad-deċiżjoni 2003/2.

79      It-telf ta’ elementi sostanzjali tal-fajl min-naħa tal-Kummissjoni żammha milli takkwista stampa kompluta tal-kooperazzjoni ta’ BASF. Għalhekk, fil-fajl tal-Kummissjoni, BASF ma setgħetx issib l-ittri tas-6 u tal-21 ta’ Mejju 1999, u lanqas indikazzjoni tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 (fil-forma ta’ noti jew ta’ minuti miktuba minn uffiċjali tal-Kummissjoni).

80      Il-valur ta’ l-elementi pprovduti lill-Kummissjoni ma jistax jiġi kkontestat mill-fatt li din ma aċċettatx il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ xhieda orali kif propost minn BASF, iżda insistiet li tirċievi biss provi bil-miktub. Din l-insistenza ċaħħdet lil BASF mill-possibbiltà li tippreżenta informazzjoni importanti, liema informazzjoni setgħet tiġi ppreżentata bil-miktub li kieku l-Kummissjoni ċċarat it-teżi tagħha kieku rrispondiet għall-ittra tas-6 ta’ Mejju 1999. Dan l-aġir min-naħa tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

81      Skond BASF, il-Kummissjoni kellha tiżgura li jinżammu minuti adegwati tal-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999. Anki min-noti miktuba bl-idejn mill-persuna inkarigata mill-fajl jirriżulta li l-il-laqgħa kienet sostanzjali u li kopriet diversi setturi fid-dettall, fosthom dak tal-kloru tal-kolin, u dan mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dawn in-noti fil-fajl tal-kloru tal-kolin ukoll jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

82      BASF tallega li, matul din il-laqgħa, ippreżentat informazzjoni li kkontribwiet materjalment sabiex jiġi stabbilit il-ksur (identifikazzjoni tal-ftehim kollużivi, prodotti u impriżi implikati, tul ta’ żmien tal-ksur, konklużjoni imminenti ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikan, b’mod partikolari dwar il-kloru tal-kolin). Dan huwa kkonfermat, skond BASF, minn dikjarazzjoni ta’ l-24 ta’ Frar 2005, miktuba mill-konsulent legali tagħha J. Scholz, li hija ssejjaħ bħala d-“dikjarazzjoni Scholz”.

83      Wara l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999, BASF qieset li kienet għamlet dak kollu li kien neċessarju sabiex tibbenifika mill-ikbar tnaqqis possibbli skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. F’dawn iċ-ċirkustanzi, BASF tqis li dawn id-dikjarazzjonijiet ulterjuri kienu sempliċement jikkonfermaw l-informazzjoni pprovduta oralment, fil-forma ta’ prova bil-miktub, u dan jimplika li l-elementi bil-miktub għandhom jitqiesu li ġew ippreżentati waqt din il-laqgħa. Din l-informazzjoni kollha ġiet ipprovduta b’mod volontarju, iżda l-Kummissjoni injorat dan fid-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-informazzjoni skond it-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 tista’ tingħata oralment.

84      Fir-rigward tar-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999, BASF tenfasizza li dan ma kienx intbagħat bħala risposta għat-talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999, iżda għat-talba ta’ provi bil-miktub magħmula mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999. L-elaborazzjoni ta’ l-imsemmi rapport kienet inbdiet qabel ma ntbagħtet din it-talba għall-informazzjoni. Dan il-fatt huwa barra minn hekk ipprovat mid-dikjarazzjoni ta’ BASF tal-21 ta’ Mejju 1999. Barra minn hekk, dan ir-rapport jipprovdi wkoll informazzjoni fuq vitamini li mhumiex suġġetti għat-talba tas-26 ta’ Mejju 1999, bħall-vitamina D 3 u l-karotenojdi. Kienet it-talba tal-Kummissjoni sabiex tirċievi rapport bil-miktub li kkaġunat id-dewmien fit-trażmissjoni ta’ l-informazzjoni. Madankollu, il-laqgħat ma’ membri tal-persunal ta’ BASF, proposti minn BASF stess, kienu metodu effikaċi għall-ġbir tal-provi meħtieġa. Id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999, li tikkostitwixxi parti mir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999, ukoll ġiet ipprovduta fuq l-inizjattiva ta’ BASF. Din id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 tinkludi provi addizzjonali li sa dak iż-żmien ma kinux fil-pussess tal-Kummissjoni u jirrigwardaw il-laqgħa ta’ Ludwigshafen (ara l-punt 4 iktar’il fuq). Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tas-16 ta’ Lulju 1999 ukoll tifforma parti mill-provi mitluba waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u għandha titqies bħala volontarja. Din tirrigwarda l-implementazzjoni ta’ l-arranġamenti in kwistjoni u tipprovdi provi relatati ma dan. Id-dikjarazzjoni ta’ l-4 ta’ Novembru 2002 (ara l-punt 22 iktar’il fuq) tinkludi wkoll numru ta’ elementi rilevanti, b’mod partikolari dwar żewġ laqgħat tal-kartell.

85      F’kull każ, id-distinzjoni magħmula fid-deċiżjoni bejn dikjarazzjonijiet volontarji u involontarji hija żbaljata, peress li talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tkun determinanti sabiex tnaqqas il-kooperazzjoni ta’ l-impriża skond l-ewwel inċiż tat-taqsima D(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996.

86      Għalhekk, skond BASF, il-Kummissjoni kellha żball meta qieset li r-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999 u d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta’ Ġunju, tas-16 ta’ Lulju 1999 u ta’ l-4 ta’ Novembru 2002 ma kkontribwewx materjalment sabiex jiġi stabbilit il-ksur. Il-Kummissjoni lanqas ma spjegat għalfejn hija stenniet sitt ġimgħat wara li ntbagħtet l-informazzjoni minn Bioproducts (7 ta’ Mejju 1999, ara l-punt 22 iktar’il fuq) qabel ma bagħtet it-talba għall-informazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999, li fdin id-data hija kellha l-elementi kollha pprovduti waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u mir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999. Fir-realta, id-dokumenti ppreżentati minn Bioproducts ma kienx fihom informazzjoni dettaljata jew eżawrjenti, kuntrarjament għal dawk offerti minn BASF fis-17 ta’ Mejju u fil-15 ta’ Ġunju 1999, li jsemmu l-laqgħat li nżammu kif ukoll l-ismijiet tal-parteċipanti u ppermettew lill-Kummissjoni li tibda l-investigazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta minn Chinook sitt xhur qabel l-osservazzjonijiet ta’ Bioproducts u ta’ BASF (ara l-punt 3 iktar’il fuq) kienu ta’ valur limitat u parzjalment irrilevanti, u kien għalhekk li l-Kummissjoni ma kinitx bdiet investigazzjoni dak iż-żmien. F’kull każ, kienet il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 li wasslet lill-Kummissjoni sabiex titlob l-informazzjoni dwar il-kloru tal-kolin.

87      Il-Kummissjoni tikkonferma li t-tnaqqis ta’ 20 % mogħti lil BASF jinqasam fi tnaqqis ta’ 10 % minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u tnaqqis ta’ 10 % bbażat fuq il-provvista ta’ elementi ta’ prova. Mill-kumplament, hija tikkontesta l-fondatezza ta’ l-allegazzjonijiet ta’ BASF.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

88      It-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 tgħid is-segwenti:

“D. Tnaqqis sinjifikattiv ta’ l-ammont tal-multa

1. Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-titoli B jew Ċ, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % mill-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.

2. It-tali każijiet jinkludu s-segwenti:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu materjalment biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur,

–        wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

89      Kif jissemma’ fit-taqsima E(3) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, din ħolqot aspettativi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl ta’ l-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni setgħu kellhom abbażi ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkonforma ruħha waqt l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ l-impriża in kwistjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha (ara s-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 488, u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn hekk, għandu jingħad li sabiex impriża tkun tista’ tibbenifika minn tnaqqis fil-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, l-aġir tagħha għandu jiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u fit-twaqqif tal-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T–38/02, Ġabra p. II-4407, punt 505).

91      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-paragrafu 2 tat-taqsima D(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 u b’mod partikolari mill-kliem introduttiv “[i]t-tali każijiet jinkludu s-segwenti [...]”, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tat-tnaqqis li għandu jingħata abbażi ta’ din il-komunikazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 394).

92      Barra minn hekk, tnaqqis ibbażat fuq il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jkunu jistgħu f’dan ir-rigward jitqiesu bħala prova ta’ kooperazzjoni vera min-naħa tagħha. Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif imfisser mill-kliem tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, u b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-paragrafu 1 tat-taqsima D(1) ta’ din il-komunikazzjoni, huwa fil-fatt biss meta l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jkun xhieda ta’ tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis abbażi ta’ l-imsemmija komunikazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punti 395 u 396). Għalhekk, ma jistax jitqies li jirrifletti tali spirtu ta’ kooperazzjoni l-aġir ta’ impriża li, għalkemm ma kinitx obbligata li twieġeb għal domanda magħmula mill-Kummissjoni, irrispondiet għaliha b’mod mhux komplet u qarrieqi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-29 ta’ Ġunju 2006, Commission vs SGL Carbon, C‑301/04 P, Ġabra p. I‑5915, punt 69).

93      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandha ssir l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq id-dokument tas-6 ta’ Mejju 1999

94      Għandu jingħad li d-dokument tas-6 ta’ Mejju 1999, mingħajr iktar dettalji, jindika li kien hemm investigazzjonijiet imnedija fl-Istati Uniti, b’mod partikolari kontra BASF fil-qasam tal-vitamini. Bil-komunikazzjoni ta’ dan id-dokument, BASF illimitat ruħha sabiex tgħin (flimkien ma’ l-impriża Hoffman-La Roche, li kienet diġà f’kuntatt mal-Kummissjoni jumejn qabel) fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 u sabiex titlob li ssir laqgħa dwar dan mal-kabinett tal membru tal-Kummissjoni responsabbli.

95      Huwa ċar li n-nuqqas ta’ riferiment għal dan id-dokument fid-deċiżjoni ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni ta’ BASF. Dan id-dokument ma fih l-ebda riferiment għall-kartell dinji tal-kloru tal-kolin (li għalih Hoffman-La Roche lanqas ma pparteċipat) u lanqas għall-kartell stabbilit bejn il-produtturi Ewropej ta’ din il-vitamina. Dan id-dokument seta, l-iktar l-iktar u b’mod indirett, jirrigwarda biss il-kartell dinji tal-kloru tal-kolin, mingħajr ma kien fih, madankollu, “informazzjoni, dokumenti jew elementi oħra ta’ prova li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ksur imwettaq” skond il-paragrafu 2 tat-taqsima D(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 507).

 Fuq il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999

96      Għandu jingħad li ma ġew elaborati l-ebda minuti ta’ din il-laqgħa, la dakinhar stess u lanqas wara, u li l-laqgħa lanqas ma ġiet irreġistrata. BASF tilmenta talli l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dawn il-formalitajiet, mingħajr madankollu ma tallega li hija kienet effettivament talbitha tagħmilhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punti 501, 502 u 509).

97      Għandu jingħad li BASF mhijiex ċara dwar l-informazzjoni li hija allegatament ipprovdiet dwar il-kloru tal-kolin matul din il-laqgħa, li saret bejn xi uffiċjali tal-Kummissjoni, rappreżentanti ta’ BASF u dawk ta’ Hoffman-La Roche. F’dak li jirrigwarda l-provi dokumentarji li jirrigwardaw il-kontenut ta’ din il-laqgħa, fil-fajl jinsabu noti miktuba bl-idejn li nżammu minn uffiċjal tal-Kummissjoni. Min-naħa tagħha, BASF irriproduċiet fl-osservazzjonijiet tagħha, partijiet mid-dikjarazzjoni Scholz li ġew annessi mar-rikors tagħha. Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni bħala mezz ta’ prova, għandu jingħad li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li l-partijiet jippreżentaw tali dikjarazjonijiet. Madankollu, l-evalwazzjoni tagħhom tibqa rriżervata għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’, jekk il-fatti deskritti fihom huma kruċjali għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni, tordna, fil-forma ta’ miżura istruttorja, is-smiegħ, bħala xhud, ta’ l-awtur ta’ tali dokument (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003, Heurtaux vs Il-Kummissjoni, T‑172/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 3). F’dan il-każ, mhuwiex neċessarju li jiġu adottati tali miżuri.

98      In-noti miktuba bl-idejn jagħtu stampa mhux kompluta ta’ dak li ġie diskuss waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999. Fid-dawl ta’ dawn, huwa evidenti li l-Kummissjoni, Hoffman-La Roche u BASF essenzjalment iddiskutew aspetti preliminari dwar kooperazzjoni eventwali, li twassal għad-denunzjar tal-kartelli fuq numru mhux definit ta’ prodotti tal-vitamini. Id-diskussjoni kienet tirrigwarda r-rieda ta’ l-impriżi li jikkooperaw, l-istat tal-proċedura fl-Istati Uniti, il-passi li kellhom jittieħdu fir-rigward ta’ l-iżvelar ta’ elementi, b’mod partikolari minħabba l-azzjonijiet ta’ grupp (class actions) pendenti fl-Istati Uniti, il-pjanifikazzjoni fiż-żmien u t-teżi tal-Kummissjoni dwar dak li timplika kooperazzjoni għall-impriżi. L-uniku riferiment għall-kloru tal-kolin jidher fit-tielet paġna, fejn hemm sempliċement indikat li l-imsemmi prodott kien suġġett għal arranġamenti kollużivi. Għalhekk, għalhekk BASF ma tistax tallega li n-noti in kwistjoni juru li ġiet ipprovduta informazzjoni essenzjali, bħall-ismijiet ta’ l-impriżi li ħadu sehem (hemm biss riferiment għall-implikazzjoni ta’ l-impriżi Ġappuniżi iżda mingħajr l-ebda relazzjoni ma’ l-akkordju tal-kloru tal-kolin) jew it-tul ta’ żmien tal-ksur. F’dak li jirrigwarda l-fatt li kien hemm arranġamenti kollużivi dwar il-kloru tal-kolin, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kienet taf bihom ħafna żmien qabel il-laqgħa in kwistjoni permezz tal-komunikazzjoni ta’ Chinook (ara l-punt 3 iktar’il fuq).

99      Id-dikjarazzjoni Scholz tgħid (punt 10): “[matul din il-laqgħa, BASF iddikjarat li kienet] implikata f’attivitajiet illegali relatati mal-kloru tal-kolin, inklużi t-taħlitiet u t-taħlitiet lesti, hekk kif jirriżulta mir-rendikont stess tal-il-laqgħa tal-Kummissjoni. Aħna informajna wkoll lill-uffiċjali li l-ftehim illegali li jirrigwardaw il-vitamini prinċipali kienu jaffettwaw is-suq Ewropew, inkluż il-manifatturi prinċipali kollha ta’ vitamini Ewropej u Ġappuniżi. Aħna semmejna l-parteċipanti prinċipali implikati għall-vitamini prinċipali, ċertament Takeda, Eisai, Merck u Rhône-Poulenc. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea ma dehrux li kienu interessati mill-ismijiet ta’ parteċipanti oħra. Fid-dawl tan-numru relattivament ridott ta’ manifatturi ta’ vitamini oħra, inkluż il-kloru tal-kolin, l-identità tal-parteċipanti oħra fis-suq eventwali setgħet, f’kull każ, tiġi faċilment skoperta mill-Kummissjoni Ewropea.” Għalhekk, huwa evidenti li din il-laqgħa kienet tirrigwarda l-akkordji kollha operati fuq skala dinjija li kienu jirrigwardaw numru kbir ta’ prodotti tal-vitamini. Għalhekk, din ma kinitx tirrigwarda speċifikament il-kloru tal-kolin, li fil-konfront tiegħu ngħatat ftit informazzjoni, apparti l-fatt diġà magħruf mill-Kummissjoni, li kien diġà ġie organizzat kartell li kien jirrigwarda dan il-prodott.

100    Qabel kollox, minn din id-dikjarazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni insistiet li jkun hemm trażmissjoni ta’ l-informazzjoni bil-miktub, fil-forma ta’ rapport. F’dan ir-rigward, il-punt 12 tad-dikjarazzjoni jgħid:

“[Id-direttur ġenerali tad-DG IV dak iż-żmien] qalilna li l-Kummissjoni Ewropea tippreferi l-forma ‘tradizzjonali’ ta’ kif tinġabar l-informazzjoni, jiġifieri li tirċievi informazzjoni bil-miktub bid-‛dettalji tas-soltu’, pereżempju informazzjoni li tiddeskrivi l-laqgħat, il-postijiet, id-dati, il-parteċipanti u s-suġġetti diskussi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien ipproponejt lid-[Direttur Ġenerali] li BASF tipprovdi lill-Kummissjoni rapport komplut fuq l-affarijiet li jolqtu lill-Unjoni Ewropea […] Id-[Direttur Ġenerali] mill-ewwel wera l-qbil tiegħu dwar din il-proposta”.

101    Ir-rapport in kwistjoni huwa dak tal-15 ta’ Ġunju 1999 (ara l-punti 21 u 84 iktar’il fuq). Fil-parti G tiegħu, li tirrigwarda l-kloru tal-kolin u li tinkludi 3 paġni, BASF tirreferi għal erba’ laqgħat tal-kartell dinji tal-kloru tal-kolin miżmuma bejn ir-rebbiegħa ta’ l-1992 u Novembru 1992, inkluża l-laqgħa ta’ Ludwigshafen, kif ukoll sitt laqgħat oħra sa April 1994 f’Johor Bahru. Ir-rapport kien jgħid ukoll li sa l-aħħar ta’ l-1996 kien hemm laqgħat oħra li kienu jirrigwardaw l-esportazzjonijiet lejn l-Amerika ta’ Isfel u l-Amerika Latina, iżda mingħajr l-ebda riżultat għall-parteċipanti. Peress li, skond dak li qalet BASF, ir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999 kien fiħ rapport komplet ta’ l-avvenimenti relatati ma’ l-arranġamenti li jirrigwardaw il-kloru tal-kolin, mhuwiex probabbli li l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 waslet għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni iktar dettaljata. Dan huwa kkoroborat mir-rikors stess, li għandu miktub fil-punt 153 tiegħu li “l-unika raġuni għalfejn BASF ma pprovdietx immedjatament l-informazzjoni verbali ddettaljata komplementari kienet l-insistenza tal-Kummissjoni fuq provi bil-miktub”. Barra minn hekk, fil-punt 11 tad-dikjarazzjoni Scholz jingħad li l-laqgħa in kwistjoni damet madwar siegħa, u dan evidentement ma kienx jippermetti preżentazzjoni dettaljata tad-diversi kartelli dinjija, li kienu jimplikaw tlettax-il prodott vitaminiku, jiġifieri tnax-il prodott fil-kawża Vitamini, punt 39 iktar’il fuq, li flimkien miegħu jiżdied il-kloru tal-kolin.

102    Ir-riferiment għall-konklużjoni, li dak iż-żmien kienet imminenti, tat-tranżazzjoni ġudizzjarja ma’ l-awtoritajiet Amerikani huwa wkoll nieqes minn kull utilità għall-Kummissjoni, peress li din l-informazzjoni ma fiha, bħala tali, l-ebda element li jirrigwarda s-suq Ewropew tal-kloru tal-kolin.

103    Isegwi li l-allegazzjoni ta’ BASF li tgħid li l-informazzjoni pprovduta fis-17 ta’ Mejju 1999 ppermettiet lill-Kummissjoni li tipprova ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, minn sempliċi qari tal-parti IV tad-deċiżjoni bit-titolu “Deskrizzjoni tal-fatti” jirriżulta li l-bażi storika tagħha (komposta minn 25 paġna) tinkludi informazzjoni ħafna iktar dettaljata u sostanzjali mill-informazzjoni ġenerika li llimitat ruħha li tagħti BASF, kemm matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 kif ukoll fir-rapport tal-15 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena.

104    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li taċċetta provi f’forma ta’ xhieda orali li setgħu, skond BASF, jiġu ppreżentati fi żmien qasir dan ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, iż-żmien li għadda sakemm inkiteb ir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999 li, skond BASF, kien rapport komplut u ddettaljat, ma affettwax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kooperazzjoni offruta minnha. Fil-fatt, din l-istituzzjoni tgħid li ma bbażat ruħha fuq l-ebda element ta’ prova pprovdut minn impriża oħra, li setgħet tagħmel il-valur ta’ l-imsemmi rapport relattiv. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza, mingħajr ma tiġi kkontestata, li hija ma rċevietx informazzjoni bejn il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u t-trażmissjoni tar-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999.

105    Għalhekk, l-allegazzjonijiet ta’ BASF huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li tgħid li ż-żmien li għadda bejn il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 1999 kellu impatt negattiv fuq it-tnaqqis tal-multa tagħha. Għal dawn l-istess raġunijiet għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-komunikazzjonijiet kollha li saru wara l-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ngħataw f’din id-data, peress li dawn jikkonfermaw dak li kien intqal waqt din il-laqgħa.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li għalkemm l-elementi li BASF tgħid li pprovdiet waqt il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 kienu ċertament ipoġġu lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tibgħat talbiet għall-informazzjoni, jew li tordna verifiki, madankollu xorta waħda kienet hi, minħabba n-natura ġenerali ta’ l-informazzjoni li ngħatat, li kellha tirrikostruwixxi u tipprova l-fatti minkejja l-ammissjoni tar-responsabbiltà min-naħa ta’ BASF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 517).

107    Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tallega BASF (ara l-punt 78 iktar’il fuq), il-Kummissjoni qatt ma ħadet in kunsiderazzjoni d-dokument tas-6 ta’ Mejju u lanqas il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 fil-kawża Vitamini, punt 39 iktar’il fuq. Referenza inizjali għal dawn l-elementi tidher fil-premessa 127 tad-deċiżjoni 2003/2, fejn il-Kummissjoni tgħid li dak iż-żmien l-ebda dikjarazzjoni jew prova dokumentarja ma ngħatatilha. Barra minn hekk, mill-premessi 743, 747, 748, 761 u 768 tad-deċiżjoni 2003/2 jirriżulta li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 50 % mill-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuq BASF unikament abbażi tad-dokumenti li din kienet tagħtha bejn it-2 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Lulju 1999 dwar il-vitamini A, E, B2, B5, C u D3, il-beta-karoten u l-karotenojdi. Ir-referenza għad-dokument tas-6 ta’ Mejju 1999 fil-premessa 747 ta’ din id-deċiżjoni sservi biss sabiex tindika d-data li fiha BASF informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tikkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, ma ngħata l-ebda tnaqqis fil-multa ta’ BASF mid-deċiżjoni 2003/2 abbażi tal-kooperazzjoni minħabba l-isforzi tagħha.

 Fuq il-komunikazzjoni tal-21 ta’ Mejju 1999

108    Permezz tal-komunikazzjoni tal-21 ta’ Mejju 1999, BASF ipprovdiet lill-Kummissjoni t-tranżazzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-memorandum anness magħha, li jikkostitwixxi l-att ta’ akkuża fil-kuntest tal-proċedura mnedija fl-Istati Uniti. Fir-rigward tal-valur ta’ dawn l-elementi fid-dawl tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, għandu jingħad li l-Kummissjoni ma użathom, la direttament u lanqas indirettament, fid-deċiżjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur fiż-ŻEE. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ elementi oħra li juru li l-iżvelar tat-tranżazzjoni ġudizzjarja in kwistjoni kkontribwixxa sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda ż-ŻEE, dan l-iżvelar ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 297).

109    Għalhekk, in-nuqqas ta’ riferiment għal dawn id-dokumenti ma jimplika l-ebda ksur tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996.

 Fuq il-komunikazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1999

110    Skond BASF, il-premessa 49 tad-deċiżjoni hija żbaljata safejn din tgħid li l-informazzjoni mibgħuta permezz tal-komunikazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1999 kienet l-istess bħal dik li kienet diġà ntbagħtet fil-kuntest tal-kawża Vitamini, punt 39 iktar’il fuq. BASF tallega li ppreżentat dokumenti addizzjonali dwar il-kloru tal-kolin.

111    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li dawn id-dokumenti ngħataw b’risposta għat-talba għall-informazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999 abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Id-dokumenti mogħtija lill-Kummissjoni b’risposta għal talba għal informazzjoni ngħataw minħabba obbligu legali u ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, anki jekk jistgħu jservu sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ aġir anti kompetittiv kontra l-impriża li pprovdiethom jew kontra impriża oħra (sentenza Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, punt 92 iktar’il fuq, punti 41 u 50). Għaldaqstant, l-argument ta’ BASF għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għal dawn l-istess raġunijiet, għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment ġenerali li jgħid li l-Kummissjoni żbaljat meta tat iktar importanza lill-komunikazzjonijiet ta’ BASF li ma kinux ippreċeduti minn talba għall-informazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ din l-impriża (ara l-punt 85 iktar’il fuq).

 Fuq l-evalwazzjoni tar-rapport tal-15 ta’ Ġunju u l-komunikazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 fid-dawl tat-talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999

112    Kif intqal fil-punt 21 iktar’il fuq, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 221 tad-deċiżjoni, li minkejja l-fatt li BASF kienet ipprovdiet ir-rapport tal-15 ta’ Ġunju u l-komunikazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 b’risposta għat-talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999, dawn għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni bħala komunikazzjoni volontarja tal-provi. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni BASF, il-Kummissjoni ma injoratx in-natura volontarja tat-trażmissjoni ta’ dawn l-elementi.

 Fuq il-komunikazzjoni tas-16 ta’ Lulju 1999

113    Skond il-premessa 223 tad-deċiżjoni, il-komunikazzjoni tas-16 ta’ Lulju 1999 ma kien fiha l-ebda element ta’ prova li kien jikkontribwixxi sabiex jikkonferma l-eżistenza tal-ksur imwettaq. Il-qari ta’ dan id-dokument jikkonferma din l-evalwazzjoni. Iż-żewġ tabelli annessi li, apparentement, jirrigwardaw il-kloru tal-kolin (intitolati “Premixes and Blends”) juru biss il-valur u l-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta’ BASF fiż-ŻEE bejn l-1994 u l-1998. Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din il-komunikazzjoni kinitx b’risposta għal talba għall-informazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 1999, il-komunikazzjoni msemmija ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996.

 Evalwazzjoni globali tat-tnaqqis mogħti lil BASF

114    Minn dak kollu li ntqal iktar ‛il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta bbażat ruħha esklużivament fuq ir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999 u l-komunikazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 sabiex tevalwa l-portata tal-kooperazzjoni ta’ BASF u sabiex tevalwa t-tnaqqis li għandu jiġi applikat fuq l-ammont bażi tal-multa tagħha skond it-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. BASF tirrikonoxxi li ma setgħetx tibbenifika mit-taqsimiet B jew Ċ tal-komunikazzjoni msemmija.

115    Ir-rapport tal-15 ta’ Ġunju 1999 jiddeskrivi, fi tliet paġni li jiffurmaw il-parti Ġ tiegħu, ċerti laqgħat li seħħew fil-kuntest tal-kartell dinji, madankollu mingħajr ma jagħti l-inqas indikazzjoni dwar is-suġġetti diskussi matul dawn il-laqgħat. L-ewwel żewġ laqgħat imsemmija minn BASF (fir-rebbiegħa u fis-sajf ta’ l-1992 fil-Messiku) irriżultaw mingħajr rilevanza għall-finijiet ta’ din il-proċedura, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessi 136 u 163 tad-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ kull ftehim fi tmiem dawn il-laqgħat u stabbiliet il-bidu tal-ksur għat-13 ta’ Ottubru 1992 (it-tielet laqgħa fil-Messiku).

116    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li BASF ma żvelatx informazzjoni rigward l-eżistenza ta’ arranġamenti Ewropej, li kienu partikolarment dannużi għas-suq taż-ŻEE. Anki fil-komunikazzjoni ta’ l-4 ta’ Novembru 2002, BASF issemmi biss żewġ laqgħat potenzjalment rilevanti li kellhom bħala skop “diskussjoni dwar is-suq Ewropew tal-kloru tal-kolin” (fi Frar ta’ l-1995, ma’ UCB u Akzo Nobel) u oħra “dwar is-suq tal-kloru tal-kolin” (f’Lulju ta’ l-1995, mingħajr indikazzjoni tal-parteċipanti). Kien biss wara li rċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li, minħabba li ma kienx hemm kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti, BASF irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kartell fuq livell Ewropew. Għalhekk, l-informazzjoni in kwistjoni kienet, minn ta’ l-inqas, mhux kompluta, peress li din ma kinitx issemmi parti sinjifikanti ħafna tal-prattiki kollużivi.

117    Il-komunikazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 tikkonsisti f’ħames dokumenti, li tqassmu waqt il-laqgħa ta’ Ludwigshafen, li jirrigwardaw il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fl-1992 għall-produtturi u l-proċessuri kif ukoll l-ispedizzjonijiet internazzjonali għal din is-sena. Għall-bqija, din il-komunikazzjoni tinkludi dokumenti li għandhom interess limitat, li barra minn hekk ma ntużawx mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni.

118    Għalkemm dawn l-elementi jikkonfermaw il-ksur imwettaq, u dan jinkludihom fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taqsima D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, madankollu, il-kontribuzzjoni tagħhom hija marġinali, meta mqabbla mal-firxa u n-natura dettaljata ta’ l-elementi li l-Kummissjoni semmiet fit-taqsima 1.4 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u, sussegwentement, fil-premessi 63 sa 121 tad-deċiżjoni sabiex tiddeskrivi l-fatti tal-każ.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ BASF ibbażat fuq id-dewmien tal-Kummissjoni sabiex tibgħat l-ewwel talbiet għall-informazzjoni, sabiex tagħmel relattiv il-valur ta’ l-elementi pprovduti minn Bioproducts fis-7 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, fid-dawl tal-valur limitat tagħhom, l-elementi pprovduti minn BASF mhumiex komparabbli ma’ dawk ipprovduti minn Bioproducts jew minn Chinook. Għalhekk, anke li kieku kellu jitqies li l-valur ta’ dawn ma laħaqx il-livell allegat mill-Kummissjoni, dan bl-ebda mod ma jibdel l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ BASF.

120    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta evalwat il-valur tal-kooperazzjoni ta’ BASF u tagħtha tnaqqis ta’ 20 % tal-multa li kienu kienet tiġi imposta fuqha. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. Madankollu, għandu jingħad li din l-evalwazzjoni hija bla ħsara għall-konsegwenzi li jista’ jkollha fuq dan it-tnaqqis l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-ħames motiv (ara l-punti 212 sa 223 iktar’il quddiem).

5.     Fuq ir-raba’ motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-multa indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

 L-argumenti tal-partijiet

121    Indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, BASF tqis li jistħoqqilha tnaqqis ikbar minħabba s-segwenti raġunijiet:

–        hija offriet il-kooperazzjoni tagħha fi stadju bikri (6 ta’ Mejju 1999);

–        hija waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell qabel din id-data;

–        hija pprovdiet l-informazzjoni dettaljata matul il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999 u wara bil-miktub, billi bagħtet informazzjoni komplementari mhux mitluba;

–        hija pprovdiet lill-Kummissjoni bit-tranżazzjoni ġudizzjarja konkluża ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti li kienet tirrigwarda wkoll il-kloru tal-kolin;

–        hija keċċiet b’mod immedjat lill-uffiċjali kollha responsabbli mill-kartell u applikat programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

122    Fid-dawl tal-fatt li hija kienet, skond il-premessa 221 tad-deċiżjoni, l-ewwel waħda mit-tliet produtturi Ewropej li pprovdiet provi fir-rigward tal-ksur b’mod volontarju, u minħabba t-tnaqqis mogħti lill-produtturi Ewropej l-oħra, BASF titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tuża s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas il-multa imposta.

123    BASF tenfasizza wkoll li kull argumentazzjoni dwar ir-rilevanza ta’ l-elementi pprovduti bħala kooperazzjoni għandha tissemma fid-deċiżjoni, peress li l-Kummissjoni ma tistax tressaq indikazzjonijiet addizzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

124    BASF tirrifjuta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-dokumenti kruċjali ġew ippreżentati wara li spiċċaw l-azzjonijiet kollettivi fl-Istati Uniti. Fil-fatt, l-aħħar osservazzjonijiet ippreżentati minn BASF għandhom id-data tat-23 ta’ Lulju 1999 (ara l-punt 110 iktar’il fuq), jiġifieri iktar minn tlett xhur qabel ma spiċċaw l-ewwel azzjonijiet kollettivi.

125    Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv u dawk imressqa in sostenn tal-motiv preċedenti jaqblu. Din tqis li l-fatt li BASF waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju qabel ma offriet il-kooperazzjoni ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti u lanqas element ta’ kooperazzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ulterjuri ta’ programm ta’ konformità hija nieqsa minn kull rilevanza fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjoni ta’ BASF. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li anke dawn l-argumenti huma infondati.

126    Fir-rigward tat-talba ta’ BASF għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni tenfasizza li l-elementi miġjuba mir-rikorrenti ma kinux jirrigwardaw is-settur Ewropew ta’ l-akkordju. Din tfakkar l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-valur ta’ dawn u tenfasizza l-importanza ta’ l-informazzjoni mogħtija minn UCB u minn Akzo Nobel dwar l-aspett Ewropew tal-kartell. L-aġir ta’ BASF kien qarrieqi, minħabba l-fatt li hija pprovat twassal lill-Kummissjoni fi żball fir-rigward ta’ l-importanza tal-laqgħa miżmuma fil-Messiku f’Ottubru 1992 u ta’ l-eżistenza tal-livell Ewropew ta’ l-akkordju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127    L-elementi msemmija fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba inċiżi tal-punt 121 iktar’il fuq diġà ġew evalwati fil-kuntest tal-motiv preċedenti. Fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ebda raġuni ma tiġġustifika tnaqqis ulterjuri għal dak ta’ 20 % li l-Kummissjoni applikat skond is-sitt inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida, b’mod partikolari minħabba l-lakuni fl-informazzjoni li BASF ipprovdiet lill-Kummissjoni (ara l-punt 116 iktar’il fuq).

128    Il-fatt li BASF waqfet il-ksur b’mod volontarju qabel il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed in kunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tat-tul ta’ żmien tal-perijodu li matulu dam għaddej il-ksur attribwit lilha, b’tali mod li ma tistax tinvoka t-tielet inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 341, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punti 328 sa 332). Fil-fatt il-waqfien tal-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni jista’, loġikament, ikun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi in kwistjoni tħajru li jwaqqfu l-aġir anti kompetittiv tagħhom minħabba l-interventi in kwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data ta’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni mhuwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 158).

129    Fir-rigward tat-tkeċċija ta’ l-uffiċjali li kellhom rwol determinanti fil-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tqisx li din hija azzjoni li tiġġustifika tnaqqis fil-multa li ġiet imposta. Fil-fatt, din hija miżura intiża sabiex timponi r-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impjegati tagħha, u dan, f’kull każ, huwa obbligu ta’ l-impriża u għalhekk ma jistax jitqies bħala ċirkustanza attenwanti.

130    Fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li BASF kienet l-ewwel produttur Ewropew li pprovda provi lill-Kummissjoni, għandu jingħad li dan ma jaffetwax l-evalwazzjonijiet imsemmija iktar’il fuq. Fil-fatt, l-informazzjoni li BASF ipprovdiet b’mod volontarju dwar il-kartell dinji kienet ta’ importanza u ta’ utilità minuri, filwaqt li hija ma pprovdiet l-ebda informazzjoni sostanzjali fuq il-kartell Ewropew, li l-firxa tiegħu ġiet irrapurtata minn UCB u Akzo Nobel. Għalhekk, il-fatt li BASF kienet l-ewwel produttur Ewropew li kkoopera ma jistax jagħti lok għal tnaqqis fil-multa.

131    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

6.     Fuq il-motiv imqajjem minn BASF u minn UCB, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku u kontinwat

 L-argumenti tal-partijiet

132    BASF tiżviluppa l-argument tagħha f’żewġ partijiet, ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kwalifika ta’ l-akkordju bħala uniku u kontinwat.

133    Fir-rigward ta’ l-ewwel parti, il-Kummissjoni ma indikatx fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li l-kartelli dinjija u Ewropej ifformaw ksur uniku għas-suq taż-ŻEE. Peress li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet issemmi ftehim ta’ tqassim tas-suq dinji fejn l-azzjonijiet li jirrigwardaw l-Ewropa kienu jikkostitwixxu “arranġamenti sussidjarji”, BASF ma kellhiex il-possibbiltà li tikkummenta fir-rigward tal-kwalifika sostanzjalment differenti mogħtija fid-deċiżjoni, li tgħid li l-element li jistabbilixxi n-natura unika tal-ksur kien jinsab fl-għan antikompetittiv uniku tiegħu. Din id-differenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li BASF kienet tiddefendi ruħa minn din id-deskrizzjoni legali żbaljata tal-fatti li kieku din kienet tissemma’ fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

134    Fir-rigward tat-tieni parti, il-kwalifika ta’ l-akkordju bħala ksur uniku hija żbaljata għaliex il-parteċipanti fiż-żewġ kartelli kienu differenti. Barra minn hekk, f’uħud mill-premessi tad-deċiżjoni, jingħad li dawn huma żewġ ċirkustanzi ta’ ksur distinti. It-termini “distorsjoni tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni” użati fil-premessa 150 tad-deċiżjoni sabiex jiddeskrivu l-iskop ta’ l-akkordju mhumiex speċifiċi biżżejjed sabiex jiġġustifikaw in-natura unika tal-ksur. Barra minn hekk, il-kartell dinji kellu bħala skop it-tqassim tas-suq fuq livell globali, filwaqt li l-kartell Ewropew kien intiż l-iktar għall-iffissar tal-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijenti fiż-ŻEE, li huwa skop ta’ natura differenti. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-uniku skop ta’ l-aġir illegali kien dak li jiżdiedu l-prezzijiet, peress li l-iskopijiet l-oħra ġew meqjusa bħala awżiljarji u aċċessorji, ma taqbilx mal-konstatazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni. Barra minn hekk, it-tul ta’ żmien taż-żewġ ċirkustanzi ta’ ksur kien differenti u kien hemm interruzzjoni bejniethom, peress li l-ftehim dinji fuq il-prezzijiet baqa’ fis-seħħ minn Jannar 1993 sa Jannar 1994, filwaqt li l-kartell Ewropew dam minn Marzu 1994 sa’ Ottubru 1998. Il-kartell Ewropew ma kienx jolqot lill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, peress li dawn kienu marbuta li jibqgħu barra mis-suq Ewropew u li l-esportazzjonijiet lejn l-Amerika ta’ Fuq kienu ftit ħafna. Dan il-bilanċ ta’ interessi ma nbidilx wara li ntemm il-kartell dinji.

135    BASF qatt ma aċċettat il-kwalifika ta’ l-akkordju bħala ksur uniku, kuntrarjament għal dak li jingħad fil-premessa 149 tad-deċiżjoni. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tmur kontra l-prassi deċiżjonali preċedenti, li tgħid li kollusjonijiet fuq livelli ġeografiċi differenti iżda marbuta mill-qrib ġew meqjusa bħala ksur separat, u tmur ukoll kontra t-teżi li adottat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-appell imressaq kontra d-deċiżjoni 2003/2. Mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni jirriżulta li akkordji fuq livelli ġeografiċi differenti jistgħu jikkostitwixxu ksur uniku meta l-ftehim konkluż fuq livell wieħed ikun intiż sabiex jimplementa, isaħħaħ jew jorganizza l-għanijiet miftehma f’livell ieħor u mingħajr ma wieħed ma jista’ jeżisti mingħajr l-ieħor. Il-Kummissjoni ma tistax tispjega għalfejn il-produtturi Ewropej kellhom ikomplu jimplementaw ul-kartell dinji wara li ntemm. Fir-realtà, il-produtturi Ewropej wetqu ksur ġdid meta ħadu sehem f’kartell Ewropew li ġie stabbilit wara l-kartell dinji u li kien totalment distint minnhu.

136    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tista’ timponi l-ebda sanzjoni fuq BASF għall-kartell dinji minħabba l-preskrizzjoni li tolqot lil dan bis-saħħa tar-Regolament Nru 2988/74.

137    Skond UCB, iż-żewġ livelli ta’ l-akkordju, allegatament uniku, mhumiex marbuta mill-qrib. L-akkordju dinji kien ġie nnegozjat mill-produtturi dinjija prinċipali tal-kloru tal-kolin, jiġifieri l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u Ewropej, u kellu bħala skop it-tqassim tas-swieq dinjija l-kbar, b’mod partikolari permezz ta’ akkordju li bis-saħħa tiegħu l-produtturi Ewropej ma kellhomx jesportaw iktar lejn l-Amerika ta’ Fuq u l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma kellhomx jesportaw iktar lejn l-Ewropa. Iż-żieda fil-prezzijiet u l-kontroll tal-proċessuri kienu intiżi sabiex jassiguraw li dan it-tqassim tas-swieq dinjija jkun stabbli. Madankollu, qatt ma kien hemm tqassim tal-klijenti u tas-swieq nazzjonali fi ħdan iż-ŻEE u lanqas akkordju fuq il-prezzijiet fl-Ewropa, hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ DuCoa fil-premessa 85 tad-deċiżjoni. Peress li dawn l-arranġamenti fallew, l-impriżi kkonċernati, fosthom UCB, temmewhom f’April 1994.

138    Min-naħa l-oħra, il-kuntatti bejn il-produtturi Ewropej bdew f’Marzu 1994, jiġifieri madwar sentejn wara l-laqgħa ta’ Ludwigshafen (ara l-punt 4 iktar’il fuq), u baqgħu iseħħu sa l-1998, jiġifieri iktar minn erba’ snin wara li ntemmu n-negozjati fuq livell dinji. L-iskop ta’ l-arranġamenti bejn il-produtturi Ewropej ma kienx li jiġi rregolat s-suq dinji, iżda kien biss li jiġi rregolat is-suq taż-ŻEE f’forma ta’ tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti. Għalhekk, dawn huma żewġ attentati fundamentalment distinti, innegozjati f’mumenti differenti minn partijiet differenti u li kellhom skopijiet manifestament differenti. Is-sempliċi fatt li żewġ prattiki għandhom il-konsegwenza li tinħoloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE mhuwiex biżżejjed sabiex jitqies li dawn kienu jikkostitwixxu ksur uniku. Il-fatt li jiġi aċċettat l-argument li għan komuni definit vagament jista’ jkun biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat ikun ifisser li l-kwalifika ta’ diversi ċirkustanzi ta’ ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun xi jkun is-settur, bħala ksur uniku u kontinwat tkun awtorizzata awtomatikament. UCB tenfasizza li, peress li ż-żewġ akkordji kienu jirrigwardaw l-istess settur, il-prattiki użati inevitabbilment jixxiebħu. Madankollu, dan il-fatt ma jistax ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta stretta ż-żewġ akkordji, peress li dawn il-prattiki kellhom skop u finalità ekonomika differenti.

139    Il-kwalifika taż-żewġ akkordji bħala ksur uniku għandhu l-iskop li tippermetti lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-akkordju dinji billi tevita r-regoli tal-preskrizzjoni. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u l-kwistjonijiet fejn il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat isolvi d-diffikultà li jintwera li l-membri kollha ta’ akkordju ħadu sehem fl-azzjonijiet antikompetittivi kollha li kienu jsegwu l-istess għan u kienu jiffurmaw parti mill-istess qasam ekonomiku. Min-naħa l-oħra, dan il-każ huwa analogu għall-kwistjoni li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni (T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 22), fejn il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn ksur dinji u ksur Ewropew, minkejja l-fatt li hija evalwat it-tieni ksur bħala mezz għall-implementazzjoni ta’ l-ewwel ksur. Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u l-kwistjonijiet fejn il-ġurisprudenza eżaminat jekk forom differenti ta’ aġir (akkordji, prattiki miftehma) setgħux jiġu kkwalifikati, flimkien, bħala ksur uniku. Skond UCB, xorta għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u l-kwistjonijiet fejn it-tħaddim u l-implementazzjoni ta’ l-akkordji baqgħu identiċi matul iż-żmien kollu ta’ l-akkordju.

140    Isegwi li l-akkordju Ewropew ma jistax jitqies bħala l-implementazzjoni fiż-ŻEE ta’ l-arranġamenti inizjalment innegozjati fuq livell dinji. Tali konklużjoni għandha tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-kwistjoni tat-tqassim tas-swieq nazzjonali fi ħdan iż-ŻEE qatt ma ġiet invokata mill-parteċipanti fil-laqgħat dinjija, u lanqas mill-produtturi Ewropej qabel l-1994. Il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova li tista’ tikkuntesta dan il-fatt.

141    L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-akkordju Ewropew ma kienx ikun possibbli li kieku l-partijiet ma komplewx jimplementaw l-akkordji dinjija matul iż-żmien kollu ta’ l-arranġamenti Ewropej huwa f’kuntradizzjoni mad-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni qalet, f’din id-deċiżjoni, li l-akkordju dinji spiċċa f’April 1994 wara l-laqgħa ta’ Johor Bahru (ara l-punt 9 iktar’il fuq) u li hija ma kellhiex provi dwar azzjonijiet illegali sussegwenti min-naħa tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Fin-nuqqas ta’ tkomplija ta’ l-akkordju fuq livell dinji wara l-1994, ir-raġunament kollu tal-Kummissjoni jitlef il-valur tiegħu. Isegwi li, fin-nuqqas ta’ eżistenza parallela taż-żewġ akkordji, il-Kummissjoni mhijiex fondata li tallega li ż-żewġ livelli ta’ l-akkordji antikompetittivi kienu neċessarji għal xulxin.

142    Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ BASF u tenfasizza li hija qatt ma kkunsidrat l-aġir tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u dawk Ewropej qabel l-1994 u l-aġir tal-produtturi Ewropej wara l-1994 bħala li kienu żewġ kartelli distinti. Barra minn hekk, hija qatt ma għamlet, fid-deċiżjoni, id-distinzjoni bejn kartell fuq livell dinji u kartell fuq livell Ewropew. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni, hija spjegat li l-akkordju uniku kien jopera fuq żewġ livelli differenti, iżda marbuta mill-qrib, jiġifieri l-livell dinji u l-livell Ewropew, liema pożizzjoni ġiet espressa f’diversi premessi oħra. Għaldaqstant, ikun żball li jiġi allegat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir illegali kien jikkostitwixxi ksur uniku biss għall-iskop li tiddetermina l-ammont tal-multa u li tevita l-perijodu ta’ preskrizzjoni.

143    F’dak li jirrigwarda l-konsistenza bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid li ma tista’ tinstab l-ebda differenza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-prinċipji tal-ġurisprudenza li jirrigwardaw il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat ġew evalwati fil-punti 164 sa 166 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u riveduti fil-premessi 145 sa 148 tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-punt 168 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jirreferi għal għan komuni li jikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-kloru tal-kolin, fl-għan antikompetittiv identiku u f’għan ekonomiku uniku, jiġifieri d-distorsjoni ta’ l-iżvilupp normali tal-prezzijiet fis-suq dinji tal-kloru tal-kolin. Dawn l-istess motivi wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi, fid-deċiżjoni, li dan kien ksur uniku u kontinwat. Kienet il-limitazzjoni fil-kompetenza tal-Kummissjoni għal ksur li joħloq effetti fi ħdan iż-ŻEE li wassalha sabiex tiffoka fuq dan it-territorju fil-premessa 150 tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni inkludiet fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet l-elementi kollha neċessarji li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat f’dan il-każ, sabiex tirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża ta’ BASF.

144    F’kull każ, anki li kieku kellu jitqies li teżisti differenza bejn it-termini tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni, l-ewwel waħda fiha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tagħti lil BASF l-okkażjoni li tinstema’ fuq il-konklużjoni li tirrigwarda l-ksur uniku u kontinwat, b’tali mod li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

145    Rigward l-applikazzjoni allegatament żbaljata tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ibbażat fuq id-differenza tal-parteċipanti fiż-żewġ kartelli (ara l-punt 134 iktar’il fuq). L-ewwel nett, il-Kummissjoni qatt ma semmiet “żewġ kartelli” u t-tieni nett, mill-inqas tlett impriżi (BASF, UCB u Akzo Nobel) fost dawk involuti fil-ksur kienu l-istess. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex elementi sabiex tipprova li Bioproducts, Chinook u DuCoa kienu komplew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur wara l-20 ta’ April 1994 (ara l-punt 9 iktar’il fuq) ma jimplikax li l-aġir illegali tagħhom fuq livell Ewropew, b’effett minn dik id-data, sar ksur distint.

146    Barra minn hekk, ikun artifiċjali u mhux rejalist li jiġi kkunsidrat li kull darba li impriża tidħol jew toħroġ minn akkordju jinħoloq akkordju distint, li jinvolvi fih lill impriżi li jkun fadal,. Dan jgħodd partikolarment meta l-akkordju jikkonsisti f’aġir li jirrigwarda l-istess suq ta’ prodotti, li essenzjalment isegwi l-istess għan ekonomiku, li jollhu l-istess natura antikompetittiva u li jkun inżamm għal żmien twil minn nukleu essenzjali ta’ impriżi. Il-fatt li l-produtturi Ewropej adattaw, x’aktarx intensifikaw, l-attivitajiet antikompetittivi tagħhom wara r-rinunzja tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma jibdilx in-natura kontinwata ta’ l-akkordju u lanqas l-għan prinċipali tiegħu, li t-twettiq tiegħu kienet għadha tiddependi mill-kontroll eżerċitat fuq il-proċessuri kif ukoll mit-tqassim tas-swieq. Għalhekk, l-aġir adottat mill-parteċipanti fuq livell dinji u Ewropew ta’ l-akkordju huwa ta’ l-istess natura (it-tqassim tal-klijenti u tas-swieq, il-kontroll tal-proċessuri, l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva u l-iffisar tal-prezzijiet) u kien intiż għal għan uniku, jiġifieri d-distorsjoni tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE għall-kloru tal-kolin sabiex jiġu ffissati l-prezz tiegħu għal livell artifiċjalment għoli.

147    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball u lanqas ma marret kontra t-teżi tagħha fil-kawża Vitamini, punt 39 iktar’il fuq, meta kkunsidrat li l-aġir tal-produtturi Ewropej b’effett mill-1994 kien biss it-tkomplija ta’ l-akkordji preċedenti konklużi mal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, dawn kellhom interess partikolari, minn naħa, li jiġu applikati prezzijiet għoljin fl-Ewropa sabiex ikunu jistgħu iżommu livell ta’ prezz għoli fir-reġjuni fejn kienu joperaw u, min-naħa l-oħra, li jgħassu fuq il-kontroll tal-proċessuri Ewropej sabiex jipprojbixxu l-esportazzjoni bi prezz baxx lejn is-swieq l-oħra. Għaldaqstant, it-tluq ta’ dawn il-produtturi mis-suq Ewropew ma jimplikax nuqqas ta’ interess f’dan is-suq min-naħa tagħhom. Għalkemm għandu jiġi amess, kif tissuġġerixxi BASF, li l-produtturi ma kellhomx l-istess interessi u lanqas l-istess għanijiet bħal dawk tal-produtturi Ewropej, huwa impossibbli li tiġi spjegata l-implementazzjoni ta’ l-akkordju fuq livell dinji.

148    Il-Kummissjoni tiskanta wkoll meta tara lil BASF tikkontesta n-natura unika u kontinwata ta’ l-akkordju, peress li hija ma kinitx għamlet tali kontestazzjoni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

149    Il-Kummissjoni tenfasizza li ma kienx hemm interruzzjoni bejn iż-żewġ livelli ta’ l-akkordju, peress li l-prezzijiet minimi kif ukoll il-kontroll tal-proċessuri kienu s-suġġett tal-laqgħa ta’ Johor Bahru f’April 1994 (ara l-punt 9 iktar’il fuq) u li l-akkordju kien implementat fuq livell Ewropew f’Marzu 1994.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-validità ta’ l-argumenti ta’ UCB. Hija tenfasizza li, skond il-ġurisprudenza, l-element essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur ikunx uniku u kontinwat jew jekk ikunux jeżistu diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, huwa li jkun hemm għan komuni, jiġifieri, f’dan il-każ, impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-kloru tal-kolin fuq is-suq taż-ŻEE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 113 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 186, u Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 67). Dan l-impatt immanifesta ruħu, inizjalment, permezz ta’ l-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq taż-ŻEE, u wara, mit-tqassim ta’ dan l-istess suq ġeografiku. Is-sensila ta’ elementi li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuqhom hija komposta mill-parteċipazzjoni ta’ l-istess impriżi f’akkordju skond l-Artikolu 81 KE, mill-kontinwità fiż-żmien ta’ l-attivitajiet in kwistjoni, mill-identità ta’ l-azzjonijiet antikompetittivi, kif ukoll ta’ l-effetti.

151    Il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-konsegwenza loġika ta’ l-irtirar tagħhom mis-suq taż-ŻEE kienet ser tkun it-tqassim ta’ dan is-suq fost il-produtturi Ewropej. Fil-fatt, it-tqassim fuq livell dinji ma kien ikollu l-ebda sens li kieku ma ġiex segwit bi tqassim fuq livell Komunitarju, liema tqassim ma kienx ikun possibbli fin-nuqqas ta’ arranġament preċedenti fuq livell dinji. Minbarra l-fatt li l-ksur fuq livell dinji u Ewropew li jikkostitwixxu l-ksur uniku għandhom l-istess għan, dawn ġabru flimkien ukoll lill-istess impriżi matul perijodu kontinwu u permezz ta’ prattiki identiċi. In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq fil-livell Ewropew ta’ l-akkordju ma jibdilx, skond il-Kummissjoni, la l-iskop u lanqas in-natura tiegħu ta’ ksur kontinwat, peress li, b’mod partikolari, l-irtirar tagħhom mis-suq taż-ŻEE ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

152    Fir-rigward ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni ta’ UCB li tgħid li ma kienx hemm akkordju fuq livell dinji dwar il-prezzijiet fiż-ŻEE. Id-dikjarazzjoni tar-rappreżentant ta’ DuCoa riprodotta fil-premessa 85 tad-deċiżjoni (ara l-punt 137 iktar’il fuq) kienet tirreferi biss għal laqgħa f’Jannar 1993. Fil-fatt, l-akkordju ta’ Ludwigshafen ukoll kien jirrigwarda l-prezzijiet fl-Ewropa, hekk kif jingħad fil-premessa 77 tad-deċiżjoni.

153    Barra minn hekk, il-ftehim konklużi fuq livell dinji ta’ l-akkordju kienu indispensabbli għat-twettiq tiegħu fuq livell Ewropew, peress li sabiex ikun jista’ jinqasam is-suq Ewropew bejn il-produtturi Ewropej, biż-żamma ta’ prezzijiet għolja, kien hemm bżonn li dawn il-produtturi jkunu ċerti li ma jkunux suġġetti għall-kompetizzjoni mill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Id-differenza tas-swieq ġeografiċi, li t-tqassim tiegħu kien jirrigwarda kull livell ta’ l-akkordju, mhijiex element rilevanti, peress li l-imsemmi tqassim kien jippermetti li jiżdied b’mod artifiċjali l-profitt mill-kloru tal-kolin, l-uniku għan ta’ l-akkordju. It-teorija tal-ksur uniku u kontinwat għandha l-għan li ma tippermettix id-diviżjoni fittizja ta’ dak li huwa fundamentalment uniku, jiġifieri numru ta’ atti intiżi għall istess skop. F’dan il-każ, mingħajr tqassim tas-suq dinji, tqassim fuq livell Ewropew ma kienx ikollu sens, u mingħajr tqassim fuq livell Ewropew, il-kartell dinji ma kien ikollu l-ebda benefiċċju.

154    Għalhekk, skond il-Kummissjoni, iż-żamma ta’ prezzijiet għoljin fl-Ewropa kienet tippermetti lill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq li japplikaw kundizzjonijiet analogi fis-suq Amerikan. Kuntrarjament għal dak li tgħid UCB, il-prezzijiet Ewropej ġew effettivament diskussi, peress li kull ftehim fuq il-prezzijiet dinjija neċessarjament jippresupponi ffissar fuq livell Ewropew. F’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-proċessuri, dan kien jinteressa lill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq li riedu jevitaw esportazzjonijiet bi prezz baxx barra ż-ŻEE, filwaqt li l-produtturi Ewropej kellhom l-iskop li jwaqfu bejgħ bi prezz baxx mill-proċessuri fi ħdan iż-ŻEE.

155    Barra minn hekk, il-punti 369 u 374 tas-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar’il fuq, jinvalidaw t-teżi ta’ UCB billi jipprekludu d-diviżjoni artifiċjali ta’ grupp wieħed ta’ regoli intiżi għat-tqasim tas-swieq. Fil-fatt, huwa evidenti li l-akkordji fuq livell Ewropew kienu jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni u l-implementazzjoni ta’ l-akkordji dinjija bis-sempliċi sostituzzjoni tat-tqassim tas-swieq nazzjonali Ewropej minflok it-tqassim dinji. Din is-sostituzzjoni kienet tkun possibbli biss għaliex, wara li ntemmu l-akkordji dinjija, il-partijiet komplew jimplementawhom u l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq baqgħu maqtugħin mis-suq Ewropew, billi applikaw l-akkordji dinjija. UCB ħawdet il-persistenza ta’ l-akkordji fuq livell dinji mal-persistenza ta’ l-effetti tagħhom. Bl-ebda mod ma huwa kontradittorju li jingħad li l-akkordju ntemm fuq livell dinji iżda li kien fuq livell Ewropew li hija baqgħet tgawdi mill-effetti ta’ l-akkordji dinjija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ simultanjetà ma tibdilx in-natura unika u kontinwata tal-ksur.

156    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku sabiex jiġu evitati r-regoli tal-preskrizzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li hija mhux qed tipprova takkwista benefiċċju finanzjarju permezz ta’ l-impożizzjoni tal-multi u li mhuwiex l-għan tagħha li timponi ammonti għoljin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont inizjali, ishma tas-suq dinjija u mhux Ewropej. Li kieku ħadet in kunsiderazzjoni l-ishma tas-suq Ewropej, hija kienet tasal sabiex timponi multi iktar għoljin. F’dak li jirrigwarda l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, il-Kummissjoni tenfasizza li l-aġir tagħhom kien sanzjonat għall-perijodu kollu tal-ksur kieku l-aġir tagħom fuq livell dinji ma kienx ikun preskritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

–       Fuq il-portata ta’ l-argument ta’ BASF

157    L-ewwel nett, għandu jingħad li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tendenza li turi nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni fir-rigward tal-kwalifika ta’ l-aspetti dinjija u Ewropej bħala aġir illegali uniku u kontinwat. Din il-parti tikkostitwixxi motiv distint, li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ BASF f’dan ir-rigward, li motiv għandu jiġi evalwat, jekk ikun hemm bżonn, wara l-evalwazzjoni tal-motiv li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi fil-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku u kontinwat. Fil-fatt, fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din il-kwalifika hija vvizjata minn żball ta’ liġi, u li għandha, għalhekk, tiġi miċħuda, il-konstatazzjoni eventwali tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward ta’ din il-kwalifika tkun nieqsa minn kull konsegwenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, imsejjaħa “Ciment”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 3436, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 633).

–       Fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat

158    Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew fi pluralità ta’ ksur, jaffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ tkun ta’ vantaġġ għal min jikkommettih peress li xi wħud minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ ksur ikunu preskritti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vitamini, punt 43 iktar’il fuq, punt 72).

159    Il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 150 iktar’il fuq, punti 112 sa 114; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, punti 125 sa 127; ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 696 sa 698, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar’il fuq, punt 186).

160    Il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ wkoll ikun relatat man-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, impriża li tkun ħadet sehem fi ksur permezz ta’ aġir tagħha stess, li jifforma parti mill-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftehma li jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE u li kellhom l-għan li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur sħiħ, ukoll tista’ tinżamm responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur imsemmi, ta’ l-aġir implementat minn impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-istess ksur. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra jew li hija setgħet tipprevedihom b’mod raġjonevoli u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju. Din il-konklużjoni għandha l-oriġini tagħha f’kunċett mifrux ħafna fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ksur magħmul permezz ta’ awturi diversi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur sħiħ. Għalhekk, din il-konklużjoni ma tmurx kontra l-prinċipju li jgħid li r-responsabbiltà għal tali ksur għandha natura personali, ma tħallix barra l-evalwazzjoni individwali tal-provi mressqa kontra u ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi involuti (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 150 iktar’il fuq, punti 83, 84 u 203, u HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar’il fuq, punt 231).

161    Għalhekk, ġie deċiż li każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta minn numru ta’ atti jew minn aġir kontinwat li kien jifforma parti minn “pjan sħiħ” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. F’tali każ, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata li tpoġġi r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat b’mod sħiħ (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar’il fuq, punt 258), anki jekk ikun ġie stabbilit li l-impriża in kwistjoni tkun ipparteċipat direttament biss f’wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur (sentenza PVC II, punt 159 iktar’il fuq, punt 773). Bl-istess mod, il-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax l-identità ta’ l-iskop antikompetittiv u, għaldaqstant, tal-ksur, sakemm kull impriża tkun ikkontribwiet, bil-mezzi proprji tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq (sentenzi Ciment, punt 157 iktar’il fuq, punt 4123, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar’il fuq, punt 370).

162    F’dan il-każ, il-kwalifika, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-partijiet dinjija u Ewropej ta’ l-akkordju bħala ksur uniku u kontinwat, kellha bħala konsegwenza l-konstatazzjoni ta’ akkordju wieħed biss li dam għaddej mit-13 ta’ Ottubru 1992 sat-30 ta’ Settembru 1998. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ż-żewġ partijiet kienu jikkostitwixxu ksur distint, ikollu jiġi kkonstatat, konsegwentement, li l-akkordju dinji, li dam għaddej mit-13 ta’ Ottubru 1992 sa l-20 ta’ April 1994, huwa preskritt (ara l-punt 9 iktar’il fuq). Minbarra l-annullament parzjali tad-deċiżjoni, din il-konstatazzjoni jkollha konsegwenzi f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multa kemm ta’ BASF kif ukoll ta’ UCB.

163    Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 159 sa 161 iktar’il fuq, il-Kummissjoni wetqitx żball ta’ liġi meta kkwalifikat l-aġiri attribwiti lir-rikorrenti bħala ksur uniku u kontinwat. Għal dan il-għan, għandha tiġi esposta wkoll, fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet preliminari, il-pożizzjoni li l-Kummissjoni adottat f’dan ir-rigward fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li din tiġi mqabbla mal-konstatazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni.

–       Pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u konstatazzjonijiet fid-deċiżjoni

164    Mill-punt 111 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, tat-22 ta’ Mejju 2003, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tqis, dak iż-żmien, li l-kartell kien dam għaddej, fuq livell dinji, mill-1992 sa l-1998, u fuq livell Ewropew, minn Marzu 1993 sa Ottubru 1998. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kartell kien ġie implementat fuq livelli differenti: dinji, reġjonali, u anki nazzjonali skond l-interessi u l-impenji tal-parteċipani fis-swieq in kwistjoni (punt 78 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Skond il-Kummissjoni, il-kartell kien jikkonsisti fi-ftehim kontinwat bejn il-produtturi tal-kloru tal-kolin, li kien jinkludi, essenzjalment, arranġamenti dinjija u “arranġamenti sussidjarji” reġjonali fuq livell Ewropew (punti 79 u 84 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

165    Mill-punti 168 u 169 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jirriżulta li, skond l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-parti Ewropea tal-kartell kienet tikkostitwixxi applikazzjoni partikolari tal-prinċipji deċiżi fuq livell dinji, liema azzjoni kienet possibbli permezz ta’ l-assigurazzjoni li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma kinux ser jinterferixxu fis-suq Ewropew billi jesportaw il-kloru tal-kolin lejn dan is-suq. Għalhekk, dawn kienu “arranġamenti sussidjarji” li jirrigwardaw l-Ewropa, skond l-espressjoni użata diversi drabi mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara, per eżampju, il-punti 79, 84, 90 u 169). F’dak li jirrigwarda l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, il-Kummissjoni qieset li r-responsabbiltà tagħhom għall-aġiri kollha kienet ibbażata fuq il-fatt li huma kienu jafu bl-eżistenza ta’ l-imsemmija “arranġamenti sussidjarji” (punt 169 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

166    Għalhekk jirriżulta li, fil-mument meta d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet intbagħtet lill-partijiet, il-Kummissjoni kienet tqis li l-arranġamenti dinjija u Ewropej kienu jikkostitwixxu ksur wieħed biss fejn kull parteċipant kellu rwol partikolari għat-twettiq tiegħu.

167    Madankollu, wara l-osservazzjonijiet mogħtija mill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni rtirat l-ilmenti tagħha fir-rigward ta’ kuntatti kollużivi fuq livell dinji li allegatament seħħew wara l-20 ta’ April 1994 (punti 121 sa 123, 144 sa 147, 149 u 151 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

168    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni adottat l-approċċ li jidher fid-deċiżjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-livelli dinjija u Ewropej ta’ l-arranġamenti in kwistjoni.

169    Għalhekk, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni, taħt it-Titolu “Organizzazzjoni ta’ l-akkordju”, il-Kummissjoni tgħid li dan kien jitħaddem “fuq żewġ livelli differenti, iżda relatati mill-qrib“. Skond din l-istess premessa, l-attivitajiet magħmula fuq livell dinji kellhom bħala skop iż-żieda fil-prezzijiet fuq skala dinjija, il-kontroll tal-proċessuri u d-distributuri tal-kloru tal-kolin sabiex jiġi assigurat li dawn ma joffrux kloru tal-kolin bi prezzijiet baxxi u sabiex is-swieq dinjija jitqassmu permezz ta’ ftehim li jgħid li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kellhom jirtiraw mis-suq Ewropew.

170    Fil-premessa 65 tad-deċiżjoni, li tirrigwarda l-laqgħat fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni tgħid li dawn servew sabiex jitkompla l-ftehim konkluż fuq livell dinji, inkluż dak bejn il-produtturi Ewropej stess, sabiex jiżdiedu l-prezzijiet u jiġu kkontrollati l-proċessuri fl-Ewropa. Għalhekk, dawn il-laqgħat kienu jirrigwardaw iż-żieda fil-prezzijiet mhux biss fiż-ŻEE kollha iżda wkoll fis-swieq nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-klijenti individwali. Dan kollu ġie organizzat b’mod li jiġu rispettati l-ishma tas-suq tal-produtturi Ewropej bil-għan li jiġu ggarantiti profitti ikbar u stabilizzazzjoni tas-swieq. Din l-istabilizzazzjoni ntlaħqet, skond il-premessa 68 tad-deċiżjoni, bl-eliminazzjoni jew bl-evitar ta l-esportazzjoni mill-kompetituri fiż-żoni ġeografiċi li fihom kompetituri oħrajn kellhom ishma kbar tas-suq. L-element prinċipali f’dan ir-rigward kien, skond din l-istess premessa, il-ftehim li jistabbilixxi li l-produtturi Ewropej ma kellhomx jesportaw lejn l-Amerika ta’ Fuq u li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma kellhomx jesportaw lejn is-suq Ewropew. Permezz ta’ dan it-tqassim tas-swieq, il-produtturi msemmija setgħu “jistabilizzaw” is-suq nazzjonali tagħhom u jtejbu l-profitti fir-reġjun tagħhom. Kien ġie konkluż ukoll ftehim bil-għan li jiżdiedu l-prezzijiet fuq skala dinjija għal livelli identiċi. Dan il-ftehim kellu jippermetti mhux biss li jitjiebu l-profitti tas-suq, iżda wkoll li tiġi evitata kull destabilizzazzjoni ta’ l-esportazzjonijiet bejn ir-reġjuni. Kien il-persegwiment ta’ dawn l-għanijiet li kien jagħmel indispensabbli l-kontroll tal-proċessuri u tad-distributuri.

171    Skond il-premessa 69 tad-deċiżjoni, il-ftehim konklużi fuq livell dinji kienu jirrigwardaw erba’ attivitajiet antikompetittivi marbuta flimkien u li jikkonsistu fl-iffissar u fiż-żieda tal-prezzijiet dinjija, fit-tqassim tas-swieq dinjija (l-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u tal-produtturi Ewropej mis-swieq Ewropej u ta’ l-Amerika ta’ Fuq rispettivament), fil-kontroll tad-distributuri u tal-proċessuri u, fl-aħħar, fi skambji regolari ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-ftehim.

172    Wara l-preżentazzjoni tal-laqgħat miżmuma fuq livelli dinjija u Ewropej, il-Kummissjoni tiddedika għaxar premessi għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat kif ukoll għall-applikazzjoni tal-prinċipji relatati ma’ dan il-każ. Għalhekk, fil-premessi 145 sa 148 tad-deċiżjoni, bit-titolu “Il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat – Prinċipji”, il-Kummissjoni żammet il-parti l-kbira tar-raġunament espost fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara l-punt 166 iktar’il fuq) billi ċċitat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 150 iktar’il fuq. Madankollu, huwa fil-premessi 150 sa 154 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni ssemmi l-motivi tar-raġunament il-ġdid tagħha fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ksur uniku u kontinwat f’dan il-każ.

173    Skond il-premessa 150 tad-deċiżjoni, l-arranġamenti dinjija u l-arranġamenti Ewropej kellhom skop antikompetittiv wieħed, jiġifieri d-distorsjoni tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE. B’mod iktar preċiż, il-paragun ta’ l-arranġamenti konklużi fuq dawn iż-żewġ livelli juri li dawk konklużi fuq livell Ewropew setgħu jitqiesu bħala l-persegwiment, min-naħa tal-produtturi Ewropej, ta’ dak li kien inizjalment konkluż mhux biss mal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, iżda wkoll bejn il-produtturi Ewropej stess, fuq livell dinji f’dak li jirrigwarda ż-żiediet fil-prezzijiet u l-kontroll tal-proċessuri. Il-Kummissjoni tgħid li, sabiex jiżdiedu l-prezzijiet iffatturati lil xi klijenti Ewropej, dawn ġew imqassma bejn il-produtturi Ewropej ikkonċernati. Sabiex dawn il-produtturi setgħu jiftehmu fuq tali tqassim, huwa evidenti, skond il-Kummissjoni, li dawn kellhom jirrispettaw l-ishma rispettivi tagħhom fis-suq dinji fl-Ewropa.

174    Skond il-premessa 151 tad-deċiżjoni, Akzo Nobel, UCB u BASF ipparteċipaw fl-azzjonijiet in kwistjoni kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell dinji billi qabel kollox ftehmu, fuq livell dinji, fuq xi azzjonijiet li kellhom jittieħdu fiż-ŻEE u wara billi ppersegwew dawn l-azzjonijiet billi ngħaqdu fuq livell Ewropew. Il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma pparteċipawx fil-laqgħat Ewropej għaliex fil-mument meta dawn bdew, l-arranġamenti dinjija kienu waslu biex jintemmu. Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-arranġamenti Ewropej kienu bdew qabel l-14 ta’ Marzu 1994 (li l-Kummissjoni tammetti li mhijiex kapaċi li tipprova), kien ikun inutli għall-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq li jieħdu sehem fihom peress li dawn kienu aċċettaw li jirtiraw mis-suq Ewropew.

175    Skond il-premessa 152 tad-deċiżjoni, il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kienu, jew kellhom ikunu jafu bl-arranġamenti Ewropej. Fil-fatt, l-għan prinċipali tal-produtturi Ewropej persegwit permezz ta’ l-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq Ewropew kien l-“istabbilizzazzjoni” tas-suq Ewropew. Madankollu, din l-“istabbilizzazzjoni” kienet tkun impossibbli mingħajr arranġamenti kollużivi addizzjonali oħra bejn il-produtturi Ewropej.

176    Fl-aħħar, fil-premessa 153 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li l-produtturi Ewropej kienu, fir-realtà, ftehmu li jiddistorċu l-kompetizzjoni fiż-ŻEE b’effett mill-bidu ta’ l-arranġamenti dinjija sat-tmiem ta’ l-arranġamenti Ewropej. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-produtturi Ewropej flimkien kellhom 80 % tas-suq Ewropew juri li dawn kienu f’pożizzjoni li jimplementaw l-arranġamenti tagħhom anki wara li jiskadu l-akkordji dinjija.

 Fuq il-kwalifika ta’ l-aġir illegali in kwistjoni

177    Għandu jingħad li, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar’il fuq, l-attivitajiet antikompetittivi mnedija fuq livell dinji u deskritti fil-premessa 69 tad-deċiżjoni jikkostitwixxu, minnhom infushom, ksur uniku. Dawn jikkonsistu fi ftehim (fuq l-iffissar u ż-żieda tal-prezzijiet dinjija, fuq l-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq mis-suq Ewropew u fuq il-kontroll tad-distributuri u tal-proċessuri) kif ukoll fi prattiki miftehma (skambju ta’ informazzjoni sensittiva bil-għan li jiġi influwenzat b’mod reċiproku l-aġir kummerċjali tal-parteċipanti).

178    L-istess jgħodd għall-attivitajiet antikompetittivi fuq livell Ewropew li fihom infushom jikkostitwixxu ksur uniku li jikkonsisti fi ftehim (fuq l-iffissar u ż-żieda fil-prezzijiet għaż-ŻEE, għal swieq nazzjonali kif ukoll għal klijenti individwali, fuq l-attribuzzjoni tal-klijenti, fuq it-tqassim ta’ l-ishma tas-suq u fuq il-kontroll tad-distributuri u tal-proċessuri) kif ukoll fi prattiki miftehma (skambju ta’ informazzjoni sensittiva bil-għan li jiġi influwenzat b’mod reċiproku l-aġir kummerċjali tal-parteċipanti).

179    Madankollu, mill-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza f’dan il-każ, ma jirriżultax b’mod awtomatiku li l-arranġamenti fuq livelli dinjija u Ewropej jiffurmaw, ikkunsidrati flimkien, ksur uniku u kontinwat. Fil-fatt, jidher li l-eżistenza ta’ għan komuni li jikkonsisti fid-distorsjoni ta’ l-iżvilupp normali tal-prezzijiet jiġġustifika, fil-kawżi kkunsidrati mill-ġurisprudenza, li d-diversi ftehim u prattiki miftehma jiġu kkwalifikati bħala elementi li jikkostitwixxu ksur wieħed biss. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi injorat li dawn l-aġir kellhom element komplementari, fis-sens li kull wieħed minnhom kien intiż sabiex iwieġeb għal konsegwenza jew konsegwenzi ta’ l-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq ta’ l-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku.

180    F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-kloru tal-kolin, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett tal-ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu safejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi konstituttiv ta’ ksur uniku.

181    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żewġ gruppi ta’ ftehim u ta’ prattiki miftehma li, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ssanzjonat bħala ksur uniku u kontinwat, għandhomx rabta ta’ komplementarjetà fis-sens deskritt fil-punt 179 iktar’il fuq. Barra minn hekk hija l-Kummissjoni stess li tiġġustifika t-teżi tagħha billi tinvoka l-fatt li l-arranġamenti dinjija u Ewropej kienu “marbuta mill-qrib” (ara l-punti 4, 142 u 169 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inkluż il-metodi użati) u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi ftehim u prattiki miftehma in kwistjoni.

182    F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-ftehim in kwistjoni, għandu jingħad li l-waqfien ta’ l-arranġamenti dinjija sa l-20 ta’ April 1994 jimplika li, b’effett minn din id-data, il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma kinux iktar marbuta li ma jesportawx lejn l-Ewropa. Hija l-Kummissjoni stess li tindika n-nuqqas ta’ provi ta’ laqgħat oħra jew ta’ kuntatti li ħadu sehem fihom il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u li permezz tagħhom huma ffissaw il-prezzijiet għaż-ŻEE jew ikkonfermaw l-impenn inizjali tagħhom li ma jesportawx lejn l-Ewropa wara din id-data (ara premessa 165 tad-deċiżjoni). Isegwi li l-evalwazzjoni li tgħid li, sabiex ikunu jistgħu jaqsmu s-suq Ewropew bejniethom, billi jżommu prezzijiet għoljin, kien hemm bżonn li l-produtturi Ewropej ikunu assigurati li ma jkunux suġġetti għall-kompetizzjoni mill-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq (ara l-punt 153 iktar’il fuq) ma tieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim dinjija ma kinux iktar fis-seħħ mill-20 ta’ April 1994. Fil-fatt, il-ftehim fuq it-tqassim tas-suq Ewropew kienu ġew implementati fin-nuqqas ta’ kull ftehim li jipprojbixxi l-esportazzjonijiet li ġejjin mill-Istati Uniti.

183    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-tqassim tas-swieq dinjija ma jagħti l-ebda benefiċċju lill-impriżi parteċipanti mingħajr it-tqassim tas-suq Ewropew u l-kuntrarju (ara l-punt 153 iktar’il fuq) ma tistax tiġi aċċettata. F’dan il-każ, il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjonijiet lejn is-suq Ewropew kellha l-iskop li jiġi evitat id-distabbilizzar tiegħu bil-bejgħ ta’ kloru tal-kolin bi prezzijiet imnaqqsa b’mod artifiċjali li jwasslu għall-irkupru ta’ parti mill-prezz iffissat minn produzzjoni żejda [surplus] (premessi 39 u 68 tad-deċiżjoni). L-eliminazzjoni ta’ din it-theddida kummerċjali hija għan distint minn dak tat-tqassim tas-suq Ewropew, peress li dan l-aħħar tqassim jeħtieġ, hekk kif ser jingħad iktar’il quddiem, l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi differenti sabiex jintlaħaq.

184    Konsegwentement, l-arranġamenti Ewropej, li kienu ġew miftehma fl-14 ta’ Marzu 1994 waqt il-laqgħa f’Schoten, filwaqt li l-partijiet kienu għarfu l-falliment ta’ l-akkordji dinjija waqt l-aħħar laqgħat fi Bruges u f’Johor Bahru f’Novembru 1993 u f’April 1994 (premessi 92 sa 95 tad-deċiżjoni), kellhom, minn dan il-lat, portata awtonoma meta mqabbla ma’ l-akkordju ta’ irtirar reċiproku mis-swieq ta’ l-Ewropa u ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Din il-konstatazzjoni hija iktar b’saħħitha fir-rigward tal-perijodu wara l-waqfien formali ta’ kull tentattiv ta’ ftehim fuq livell dinji (waqt il-laqgħa f’Johor Bahru mill-14 sa l-20 ta’ April 1994). Għalhekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 68 tad-deċiżjoni sostniet li l-produtturi Ewropej setgħu “jistabilizzaw” is-suq taż-ŻEE permezz tat-tqassim minn qabel tas-swieq dinjija, peress li dawn is-swieq ma kienx għadhom mqassma bejn il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u l-produtturi Ewropej matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tal-ftehim fuq livell Ewropew.

185    Barra minn hekk, meta tgħid li, wara l-waqfien formali ta’ l-akkordji dinjija, l-partijiet baqgħu jimplementawhom u li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq baqgħu barra mis-suq Ewropew, b’applikazzjoni ta’ l-akkordji dinjija (ara l-punt 155 iktar’il fuq), il-Kummissjoni tikkontradixxi l-premessa 165 tad-deċiżjoni, li tgħid li hija ma kellhiex provi li juru li kien hemm laqgħat oħra jew kuntatti li ħadu sehem fihom il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq u li permezz tagħhom dawn iffissaw il-prezzijiet għaż-ŻEE jew ikkonfermaw l-impenn inizjali tagħhom li ma jesportawx lejn l-Ewropa (ara l-punt 9 iktar’il fuq).

186    Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni qalet li, permezz ta’ dan l-argument, hija ma rieditx issostni li l-akkordju dinji kien baqa’ japplika wara d-data meta ntemm, indikata fid-deċiżjoni, iżda li, fil-prattika, l-aġir ta’ l-impriżi involuti baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess bħal ma kien meta l-akkordji kienu fis-seħħ. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn din iċ-ċirkustanza u dik invokata fil-premessa 165 tad-deċiżjoni li tirrigwarda t-tul ta’ żmien li dam għaddej l-akkordju dinji.

187    Għandu jingħad li din id-distinzjoni, li barra minn hekk tikkontradixxi s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni (ara l-punt 155 iktar’il fuq), hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, is-sistema tal-kompetizzjoni stabbilita mill-Artikoli 81 KE u 82 KE hija interessata fir-riżultati ekonomiċi ta’ l-akkordji, jew ta’ kull forma komparabbli ta’ ftehim jew ta’ koordinazzjoni, iktar milli fil-forma ġuridika tagħhom. Konsegwentement, fil-każ ta’ akkordji li ma baqgħux jiġu implementati, ikun biżżejjed, sabiex ikun japplika l-Artikolu 81 KE, li l-effetti tagħhom ikomplu wara l-waqfien formali tagħhom (ara s-senenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 71, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 182, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan joħroġ li t-tul ta’ ksur m’għandux jiġi evalwat abbażi tal-perijodu li matulu ftehim ikun fis-seħħ, iżda abbażi ta’ dak li matulu l-impriżi inkriminati adottaw aġir ipprojbit mill-Artikolu 81 KE. It-teżi tal-Kummissjoni ma tippermettix li tiġi spjegata r-raġuni għalfejn, għalkemm il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq komplew jaġixxu bil-mod stabbilit mill-akkordji dinjija wara l-20 ta’ April 1994, l-ebda multa ma ġiet imposta fuqhom. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-premessa 165 tad-deċiżjoni kif proposta mill-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata.

188    Fir-rigward taċ-ċirkustanza invokata mill-Kummissjoni fir-risposta relatata mall-kawża T-111/05, li tgħid li l-effetti tal-kartell dinji komplew wara t-tmiem formali tiegħu (ara l-punt 155 iktar’il fuq), għandu jingħad li, l-istess bħad-dikjarazzjoni kkunsidrata fil-punt preċedenti, din ma tidhirx fid-deċiżjoni. L-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta li tgħid li fil-premessa 96 tad-deċiżjoni hija kienet qed tirreferi għal din iċ-ċirkustanza safejn hija qalet li l-esportazzjonijiet mill-Amerika ta’ Fuq lejn iż-ŻEE kienu baqgħu relativament baxxi wara li ntemmu l-arranġamenti dinjija ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, mill-premessi 40 u 44 tad-deċiżjoni jirriżulta li fl-1990, l-importazzjonijiet tal-kloru tal-kolin kienu jirrappreżentaw kważi 9 % tal-valur stmat tas-suq fil-Komunità kompost minn tnax-il Stat Membru, filwaqt li fl-1997, l-importazzjonijiet tal-kloru tal-kolin kienu laħqu d-9.3 % tal-volum tal-bejgħ fiż-ŻEE kollha. Dawn iċ-ċifri ma jistgħux isostnu t-teżi tal-Kummissjoni, peress li dawn juru li s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet fis-suq Ewropew kienet ftit jew wisq l-istess kemm f’dak li jirrigwarda l-perijodu qabel il-konklużjoni tal-ftehim fuq livell dinji kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-perijodu wara l-iskadenza tagħhom u li, għalhekk, dawn l-akkordji ma affettwawx b’mod sostanzjali l-istruttura tas-suq Ewropew f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet intercontinentali.

189    F’kull każ, anki li kieku kellu jitqies li l-premessa 96 tad-deċiżjoni tirreferi, essenzjalment, għal tibdiliet allegati fl-istruttura tas-suq Ewropew dovuti għall-arranġamenti dinjija u li ffaċilitaw ir-realizzazzjoni ta’ l-arranġamenti Ewropej, din iċ-ċirkustanza ma ġietx ipprovata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-partijiet kif ukoll lil Akzo Nobel sabiex jagħtu l-evalwazzjoni tagħhom fuq l-ishma tas-suq tar-rikorrenti u ta’ Akzo Nobel fis-suq Ewropew (miftiehem fis-sens li jinkludi l-Istati Membri tal-Komunità kif ukoll l-Istati ta’ l-EFTA li ffurmaw iż-ŻEE fl-1994) fit-tielet kwart ta’ l-1992, jiġifieri fil-bidu ta’ l-arranġamenti dinjija. Madankollu, ħadd mill-partijiet ma ppreżenta elementi preċiżi f’dan ir-rigward għal raġunijiet relatati maż-żmien twil li għadda minn meta seħħew l-operazzjonijiet in kwistjoni. Konsegwentement, għandha ssir evalwazzjoni abbażi ta’ l-elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni kif ukoll minn dawk li joħorġu mill-fajl amministrattiv li jsir riferiment għalihom fid-deċiżjoni.

190    Hekk kif inhu espost fil-premessi 97 u 153 tad-deċiżjoni, Akzo Nobel, BASF u UCB kellhom iktar minn 75 % tas-suq Ewropew fil-mument meta bdew l-arranġamenti Ewropej (Marzu 1994), u għalhekk setgħu jaqsmu dan is-suq bejniethom mingħajr ma jinkwetaw fuq l-aġir tal-produtturi dinjija l-oħra. Madankollu, dan is-sehem kbir tas-suq ma jidhirx li kien ir-riżultat ta’ l-arranġamenti dinjija. Fil-fatt, mill-premessa 40 tad-deċiżjoni jirriżulta li fl-1990, l-importazzjonijiet tal-kloru tal-kolin kienu jirrappreżentaw kważi 9 % tal-valur tas-suq tal-Komunità (3 525 tunnellata importati minn 40 000 tunnellata). Matul l-ewwel seba’ xhur ta’ l-1992, l-ewwel sena tal-ksur fuq livell dinji, l-importazzjonijiet lejn l-Ewropa mill-Amerika ta’ Fuq kienet ta’ 2 900 tunnellata minn suq ta’ 43 800 tunnellata, jiġifieri 6.6 % tas-suq Ewropew (premessa 71). F’din l-istess sena, is-sehem tas-suq massimu ta’ Ertisa kien ta’ 7.9 % (kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 3 500 tunnellata skond il-paġna 1999 ta’ l-fajl amministrattiv anness ma’ l-osservazzjonijiet tad-difiża fil-kawża T-101/05). Jekk jittieħed in kunsiderazzjoni s-sehem tas-suq ta’ madwar 15 % ta’ ICI (ir-raba’ produttur Ewropew li ma kienx involut fl-attivitajiet in kwistjoni, minħabba l-fatt li dan kien tradizzjonalment jillimita ruħu għas-suq Britanniku) skond in-nota fin-naħa ta’ isfel tal-paġna 152 tad-deċiżjoni, jibqa sehem tas-suq kollettiv ta’ mill-inqas 70.5 % għal Akzo Nobel, BASF u UCB fl-1992. Għalhekk, għandu jingħad li l-arranġamenti dinjija ma pprovokawx tibdil kbir biżżejjed fir-rigward ta’ l-istruttura tas-suq Ewropew, u b’mod partikolari fir-rigward tas-sehem tas-suq kollettiv ta’ BASF, UCB u Akzo Nobel, ta’ natura tali li jippermetti li jiġi konkluż li kien grazzi għal dawn l-arranġamenti li dawn it-tlett produtturi Ewropej setgħu jaqsmu bejniethom is-suq taż-ŻEE.

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjoni li tgħid li l-ftehim fuq livell Ewropew kienu jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni u l-implementazzjoni ta’ l-akkordji dinjija permezz tas-sempliċi sostituzzjoni tat-tqassim tas-swieq nazzjonali Ewropej minflok it-tqassim dinji (ara l-punt 155 iktar’il fuq) ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, ftehim antikompetittiv ma jistax, bħala prinċipju, jitqies bħala mezz ta’ implementazzjoni ta’ aftehim ieħor li diġà ntemm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 138 iktar’il fuq, punt 363).

192    Fir-rigward ta’ l-għan persegwit minn kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ arranġamenti, jirriżulta mill-premessi 64 sa 68 u 150 sa 153 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni invokat l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ prezzijiet għoljin b’mod artifiċjali. Madankollu, għalkemm huwa veru li l-ftehim dinji kien jistabbilixxi l-prezzijiet minimi li kellhom jiġu adottati mill-produtturi (ara, per eżempju, il-premessi 77, 79, 85, 88, 90, 91 u 92 tad-deċiżjoni), xorta jibqa’ l-fatt li din il-miżura kellha biss l-iskop li tissalvagwardja l-element prinċipali ta’ dan il-ftehim, jiġifieri li jiġu evitati l-esportazzjonijiet mill-Ewropa lejn l-Amerika ta’ Fuq u l-kuntrarju, u mhux li jsir tqassim tas-suq Ewropew bejn produtturi Ewropej. Fil-fatt, li kieku l-produtturi ddeċidew li jbiegħu lill-proċessuri u lid-distributuri Ewropej bi prezzijiet baxxi wisq (minħabba l-kapaċità żejda tagħhom), dan kien jippermetti lill-proċessuri u lid-distributuri, skond il-premessa 151 tad-deċiżjoni, li jesportaw il-kloru tal-kolin lejn l-Istati Uniti bi prezzijiet kompetittivi. Ovvjament, il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kien ikollhom jadottaw, min-naħa l-oħra, aġir xieraq skond il-ftehim fil-konfront tal-klijenti tagħhom (proċessuri u distributuri) fl-Istati Uniti.

193    Skond il-premessa 85 tad-deċiżjoni, li tiċċita dikjarazzjoni ta’ DuCoa, “għandu jingħad li meta [ir-rappreżentant ta’ DuCoa ddikjara] li kienu ħasbu li jipprovaw jgħollu l-prezzijiet fuq livell dinji, dan kien qabel kollox jirrigwarda l-prezzijiet fil-Vant Imbiegħed u fl-Amerika Latina; dawn la ddiskutew u lanqas ma kkonkludew ftehim fuq il-prezzijiet fl-Amerika ta’ Fuq ma’ l-Ewropej, u lanqas fuq il-prezzijiet fl-Ewropa ma’ l-Ewropej u dawn is-suġġetti ma kienu soġġetti għal ebda tentattiv ta’ ftehim”. Skond din l-istess dikjarazzjoni, “il-produtturi Amerikani qatt ma pprovaw jimponu l-prezzijiet tal-kolin fl-Ewropa tal-Lvant […] iżda huma invokaw il-fatt li jekk il-prezzijiet ikunu baxxi ħafna fl-Ewropa, kien hemm ir-riskju li l-prodott jerġa jiġi esportat lejn l-Istati Uniti”. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-termini ta’ din id-dikjarazzjoni ma jippermettux li tiġi interpretata bħala li tirreferi b’mod esklużiv għal-laqgħa ta’ Jannar 1993.

194    Fir-rigward ta’ l-aħħar żewġ sentenzi tal-premessa 152, li jgħidu li l-interkonnessjoni tal-parti dinjija u dik Ewropea hija ppruvata mill-fatt li l-istabilizzazzjoni tas-suq Ewropew, li kienet waħda mill-għanijiet tal-ftehim dinji, kienet tkun impossibbli mingħajr arranġamenti kollużivi oħra bejn il-produtturi Ewropej, hija bbażata fuq bażi żbaljata. Fil-fatt, la mid-deċiżjoni u lanqas mid-dokumenti ta’ l-fajl ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li fuqhom tibbaża ruħa l-Kummissjoni, ma jirriżulta li l-“istabilizzazzjoni” tas-swieq intiża mill-akkordju dinji kienet irriżultat, f’dan il-każ, fi tqassim tas-swieq Ewropew u Amerikan fost il-produtturi li baqgħu attivi fihom.

195    Min-naħa l-oħra, kif diġà ntqal (ara l-punt 192 iktar’il fuq), din l-“istabilizzazzjoni” kienet intiża sabiex jiġu evitati l-esportazzjonijiet interkontinentali bi prezzijiet inqas minn dawk fis-seħħ fir-reġjun ta’ l-importazzjoni. Skond il-premessa 39 tad-deċiżjoni, “meta dan iseħħ, [dawn l-importazzjonijiet] jistgħu, minkejja ċ-ċokon tal-volumi involuti, ikollhom effet destabilizzanti fuq livell tal-prezz fis-seħħ fir-reġjun ta’ l-importazzjoni, b’mod partikolari meta dan il-livell ikun relattivament għoli”. Il-premessa msemmija tgħid li dan it-tip ta’ bejgħ jista’ jkun attraenti għal kumpannija li tipproduċi ż-żejjed [surplus] u li tipprova tirkupra parti mill-ispejjeż fissi tagħha.

196    Il-fatt li l-“istabilizzazzjoni” tas-swieq għandha tinftiehem b’dan il-mod huwa kkonfermat mill-premessa 68 tad-deċiżjoni, iddedikata għall-funzjonament ta’ l-akkordju fuq livell dinji, li tgħid: “[…] wieħed ma jistax jeskludi r-riskju li xi produtturi jeħilsu minn xi produzzjoni żejda taħt forma ta’ bejgħ individwali okkażjonali intiż biss sabiex ikopri l-ispejjeż fissi ta’ produzzjoni. Anki jekk dawn jirrigwardaw biss kwantitajiet żgħar, tali esportazzjonijiet setgħu ifixklu l-prezzijiet fis-suq ta’ l-importazzjoni, safejn il-klijenti jistgħu jużaw il-bejgħ, meta dan iseħħ, sabiex jinnegozjaw prezz iktar baxx. Għalhekk, l-istabilizzazzjoni tas-suq tintlaħaq billi jiġu eliminati jew evitati l-esportazzjonijiet minn kompetituri fiż-żoni ġeografiċi li fihom kompetituri oħra għandhom ishma kbar fis-suq. L-element prinċipali f’dan ir-rigward kien il-ftehim li jistabbilixxi li l-produtturi Ewropej ma kellhomx jesportaw lejn l-Amerika ta’ Fuq u li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma kellhomx jesportaw lejn is-suq Ewropew. Permezz ta’ dan it-tqassim tas-swieq, l-operaturi l-oħra jistgħu ‘jistabilizzaw’ is-suq nazzjonali tagħhom u jtejbu l-profitti fir-reġjun tagħhom.” Anki jekk jitqies li, bil-kliem “itejbu l-profitti fir-reġjun tagħhom”, il-Kummissjoni ma tirriferix biss għall-irtirar tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, iżda wkoll għat-tqassim tas-suq taż-ŻEE fost il-produtturi Ewropej, tali analiżi ma tistax tirnexxi minħabba l-konsegwenzi bbażati fuq il-waqfien ta’ l-attivitajiet antikompetittivi fuq livell dinji l-iktar l-iktar sa l-20 ta’ April 1994 (ara l-punti 184 sa 190 iktar’il fuq).

197    Għandu jingħad ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 71 u 75 u min-noti fin-naħa ta’ isfel tal-paġni 31 u 66 tad-deċiżjoni, fil-mument ta’ meta l-ftehim dinji ġie implementat, il-produtturi kollha kellhom kapaċità ta’ produzzjoni żejda [surplus], liema ċirkustanza kienet tiffavorixxi l-esportazzjonijiet interkontinentali tal-kloru tal-kolin bi prezzijiet baxxi, u għalhekk kienet thedded l-istabbiltà tas-swieq dinjija (ara l-punti 192 u 195 iktar’il fuq). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “stabilizzazzjoni” tas-swieq fil-kuntest tal-ftehim dinji ma kienx jirrigwarda tqassim fi ħdan is-swieq Ewropej u ta’ l-Amerika ta’ Fuq hekk kif suġġerit fil-premessa 152 tad-deċiżjoni. Il-fatt li l-produtturi Ewropej bdew jaqsmu s-suq Ewropew biss wara li ntemm l-akkordju dinji u f’mument meta ġie kkonstatat l-falliment ta’ dan l-akkordju mill-parteċipanti (premessa 93 tad-deċiżjoni) jixhed li l-għan tagħhom ma kienx dak li jipparteċipaw fl-arranġamenti dinjija sabiex jaslu għat-tqassim ulterjuri tas-swieq li kienu riżervati għalihom. Għalhekk, għandu jingħad li fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda prova li turi l-eżistenza ta’ tali għan.

198    B’rabta ma’ dan, il-kontroll li ġew suġġetti għalih id-distributuri u l-proċessuri huwa differenti fir-rigward tal-kontenut skond l-għan persegwit. Fil-kuntest ta’ l-arranġamenti dinjija, dan il-kontroll ħa l-forma ta’ fatturazzjoni tal-kloru tal-kolin “bi prezzijiet xierqa” [premessa 69(ċ) tad-deċiżjoni]. Fir-rigward ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni tgħid fil-premessa 81 tad-deċiżjoni : “[…] Dan il-kontroll seta’ b’mod partikolari jsir billi jiġi assigurat li l-proċessuri jixtru l-kloru tal-kolin tagħhom mingħand il-membri ta’ l-akkordju, bi prezzijiet xierqa. In-noti ta’ Bioproducts jgħidu s-segwenti: ‘Għandhom jikkontrollaw il-materja prima tal-proċessuri. Japprofittaw minn żieda fil-prezzijiet’. Dan l-istess għan jirriżulta wkoll mid-dokument iċċitat fil-premessa 75, li jgħid is-segwenti:’il-proċessuri u d-distributuri għandhom jiġu kkontrollati permezz ta’ prezzijiet xierqa’. Fl-aħħar, skond dokument ieħor provenjenti mil-laqgħa [ta’ Ludwigshafen] : ‘Kull produttur tal-[kloru tal-kolin] huwa responsabbli mill-kontroll tal-proċessuri fis-suq nazzjonali tiegħu. Il-provvista ta’ [kloru tal-kolin] likwidu provenjenti minn reġjun ieħor tostakola din ir-regola u tħassar is-suq’.” Għaldaqstant, dan il-kontroll jimplika rispett tal-prezzijiet “minimi” miftehma waqt il-laqgħat tal-produtturi Ewropej u ta’ l-Amerika ta’ Fuq (premessi 77 u 79 tad-deċiżjoni).

199    Fir-rigward ta’ l-għan ta’ dan il-kontroll, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 151 tad-deċiżjoni: “Fir-rigward taż-żidiet fil-prezzijiet fl-Ewropa, l-interess tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kien jillimita ruħu li jiġi assigurat li l-livell tal-prezzijiet fl-Ewropa ma jinżilx ħafna iktar l-isfel minn dak kif kien f’reġjuni oħra tad-dinja. Safejn ma kienx hemm ir-riskju li dan jseħħ b’mod manifest sakemm il-proċessuri jkunu suġġetti għal kontroll, ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-prezzijiet Ewropej b’mod partikolari matul il-laqgħat dinjija, ħlief bħala element taż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi fuq livell dinji.” Għalhekk, dan il-kontroll kellu l-għan li jwaqqaf lid-distributuri u lill-proċessuri milli jheddu l-għan ta’ l-arranġamenti, jiġifieri l-irtirar reċiproku mis-swieq Ewropej u ta’ l-Amerika ta’ Fuq. Il-partijiet fil-ftehim li jirrigwarda dan l-irtirar reċiproku temmew dan il-ftehim l-iktar tard fl-20 ta’ April 1994, skond il-premessa 165 tad-deċiżjoni (ara l-punti 185 sa 187 iktar’il fuq).

200    Min-naħa l-oħra, skond il-premessa 99(d) tad-deċiżjoni, il-kontroll tad-distributuri u tal-proċessuri fil-kuntest ta’ l-arranġamenti Ewropej ħa diversi forom intiżi sabiex jevitaw bejgħ bi prezzijiet preferenzjali (miżura li tirrigwarda lid-distributuri), sabiex jiġi assigurat li l-proċessuri jixtru materja prima mingħand membri ta’ l-akkordju b’kundizzjonijiet xierqa, sabiex jiġu informati bil-livelli ta’ prezzijiet miftehma mill-membri ta’ l-akkordju u biex jinħolqu rabtiet ta’ esklużività magħhom. Fir-rigward ta’ l-għan ta’ dan il-kontroll, din l-istess premessa tenfasizza li dan kien intiż sabiex jiggarantixxi l-effettività tal-ftehim fuq l-ishma tas-suq, it-tqassim tal-klijenti u l-prezzijiet, kif miftiehem bejn il-produtturi Ewropej.

201    Għaldaqstant, il-ftehim dinjija fuq il-prezzijiet m’għandhomx “rabta stretta”, kif tallega l-Kummissjoni, mat-tqassim tas-suq taż-ŻEE bejn il-produtturi Ewropej li sar wara t-tmiem definittiv ta’ dawn il-ftehim. Dan huwa ssostanzjat ukoll mill-fatt li dan it-tqassim kellu bżonn, skond il-premessi 65, 103, 105 u 113 tad-deċiżjoni, ta’ l-applikazzjoni ta’ teknika differenti li kienet tikkonsisti fl-iffissar ta’ prezzijiet differenzjati minn kull produttur Ewropew fir-rigward ta’ kull klijent sabiex il-klijent ikun “assenjat” lill-produttur determinat bis-saħħa tal-ftehim kollużivi fuq livell Ewropew. Tali riżultat ma setax jintlaħaq biss abbażi ta’ prezz “minimu” intiż li jiġi applikat mill-produtturi kollha, kif stabbilit mill-ftehim dinjija (premessi 77 u 79 tad-deċiżjoni).

202    Barra minn hekk, xejn ma kien jobbliga lill-produtturi Ewropej li jibbażaw ruħhom, wara li ntemmu l-arranġamenti dinjija, fuq il-prezzijiet “minimi” miftehma fil-kuntest ta’ l-arranġamenti msemmija sabiex jaqsmu bejniethom il-klijentela Ewropea. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iffissar ta’ prezz “minimu” fuq livell dinji jimplika neċessarjament l-iffissar tal-prezzijiet fuq livell Ewropew huwa irrilevanti.

203    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni ma fiha l-ebda element li jista’ juri li l-produtturi Ewropej kienu kkonkludew ftehim fuq it-tqassim (anki ulterjuri) tas-suq taż-ŻEE waqt il-laqgħat li kienu jirrigwardaw il-kartell dinji u lanqas li kellhom l-intenzjoni li jużaw l-arranġamenti dinjija sabiex jiffaċilitaw tqassim ulterjuri tas-suq taż-ŻEE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tammetti, fil-premessa 151 tad-deċiżjoni, li mhijiex kapaċi li tipprova tali ċirkustanza. Kieku dan kien il-każ, ma kien ikun hemm l-ebda raġuni għalfejn l-arranġamenti li jirrigwardaw it-tqassim taż-ŻEE ma jiġux ikkunsidrati li bdew qabel l-14 ta’ Marzu 1994, id-data ta’ l-ewwel laqgħa bejn il-produtturi Ewropej. Madankollu, dan ma kienx il-każ.

204    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-premessa 151 tad-deċiżjoni (ara l-punt 174 iktar’il fuq) mhijiex rilevanti safejn din tipprova tispjega għalfejn il-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq ma pparteċipawx għal-laqgħat Ewropej. Fil-fatt, din il-parti tal-premessa 151 twieġeb argument invalidu mressaq mill-produtturi Ewropej matul il-proċedura amministrattiva bbażat fuq in-nuqqas ta’ identità tal-partijiet fl-akkordji dinjija u Ewropej.

205    Bl-istess mod, il-premessa 152 tad-deċiżjoni (ara l-punt 175 iktar’il fuq) ma tistax issostni b’mod utli t-teżi tal-Kummissjoni peress li din tgħid li l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kienu jafu jew kellhom ikunu jafu bl-eżistenza ta’ l-arranġamenti Ewropej. Fil-fatt, il-konoxxenza ta’ dawn l-arranġamenti min-naħa tal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq kellha bħala konsegwenza, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur uniku, l-estensjoni tar-responsabbiltà tagħhom għal dan il-ksur kollu, bil-kundizzjoni li l-imsemmija arranġamenti jkunu ppreżentaw rabta ma l-arranġamenti dinjija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar’il fuq, punt 371). Għaldaqstant, dan l-element ma jistax ikollu effett fuq ir-responsabbiltà tal-produtturi Ewropej u ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat.

206    Għaldaqstant, d-dikjarazzjoni ta’ portata ġenerali li tgħid li l-arranġamenti Ewropej jistgħu jitqiesu bħala t-tkomplija, min-naħa tal-produtturi Ewropej, ta’ dak li kien inizjalment miftiehem, fuq livell dinji, mhux biss mal-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq, iżda wkoll bejn il-produtturi Ewropej stess f’dak li jirrigwarda ż-żiediet fil-prezzijiet u l-kontroll tal-proċessuri, hija ineżatta. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li tgħid li l-arranġamenti kollha jikkostitwixxu akkordju wieħed, li minnu l-produtturi ta’ l-Amerika ta’ Fuq irtiraw f’mument partikolari u li l-partijiet li baqgħu jipparteċipaw fih adattaw il-karatteristiċi tiegħu wara dan l-irtirar.

207    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ‛il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħa fuq il-punt 67 tas-sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 150 iktar’il fuq. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li, fir-rigward ta’ ksur li inizjalment kien jirrigwarda s-suq Daniż tal-pajpijiet preisolati u, wara interruzzjoni, is-suq Ewropew kollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-iskop uniku li jiġi kkontrollat is-suq tat-tisħin urban sabiex tikkwalifika l-aġir msemmi bħala ksur uniku u kontinwat, madankollu xorta jibqa l-fatt li din l-evalwazzjoni kienet ukoll ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra ta’ l-istess importanza. Għalhekk, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, l-istess bħall-Kummissjoni, l-eżistenza, “mill-bidu ta’ l-akkordju fid-Danimarka, ta’ għan mifrux fuq żmien twil intiż sabiex iwessgħa l-kontroll fuq is-suq kollu […] u li kien hemm kontinwità evidenti f’termini ta’ metodi u ta’ prattiki bejn l-akkordju l-ġdid konkluż fl-aħħar ta’ l-1994 għas-suq Ewropew kollu u l-arranġamenti preċedenti” (punti 65 et 68). Barra minn hekk, fil-punt 67, invokat mill-Kummissjoni, huwa enfasizzat ukoll li mill-ewwel akkordju fuq il-koordinazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet għas-swieq għall-esportazzjoni kien jirriżulta li “mill-bidu, l-akkordju bejn il-produtturi Daniżi mar lil hinn mill-kuntest tas-suq Daniż biss”.

208    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rikorrenti, bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-arranġamenti dinjija, kellhom għan mifrux fuq żmien twil li kien jikkonsisti fit-tqassim tas-suq taż-ŻEE kif seħħ fil-kuntest ta’ l-arranġamenti Ewropej. Il-kummissjoni lanqas ma pprovat relazzjoni bejn il-metodi u l-prattiki użati fil-kuntest ta’ kull grupp ta’ arranġamenti.

209    Fid-dawl tal-konsegwenzi li rriżultaw min-nuqqas ta’ konkomitanza bejn l-implementazzjoni ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej (ara l-punti 182 sa 191 iktar’il fuq), minħabba l-fatt li l-irtirar reċiproku mis-suq Ewropew u dak ta’ l-Amerika ta’ Fuq u t-tqassim tas-suq taż-ŻEE permezz ta’ attribuzzjoni tal-klijenti jikkostitwixxu għanijiet differenti implementati permezz ta’ metodi differenti (ara l-punti 192 sa 202 iktar’il fuq) u, fl-aħħar nett, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi li juru l-intenzjoni tal-produtturi Ewropej li jikkonformaw ma’ l-arranġamenti dinjija sabiex iwettqu ulterjorment it-tqassim tas-suq taż-ŻEE (ara l-punt 203 iktar’il fuq), għandu jingħad li l-produtturi Ewropej wettqu żewġ vjolazzjonijiet distinti ta’ l-Artikolu 81(1) KE u mhux ksur uniku u kontinwat.

210    Għaldaqstant, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata safejn din timponi multa fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju dinji, liema ksur għandu jitqies bħala preskritt. L-effett ta’ dan l-annullament fuq il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq BASF ser jiġi evalwat fil-punti 212 sa 223 iktar’il quddiem. F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ dan l-annullament fuq il-kalkolu tal-multa imposta fuq UCB, din għandha tiġi evalwata flimkien wara l-evalwazzjoni tat-tieni motiv ta’ din ir-rikorrenti (ara l-punti 235 sa 241 iktar’il quddiem).

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ BASF (ara l-punt 157 iktar’il fuq).

 Fuq il-kalkolu tal-multa ta’ BASF

212    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni esponew, waqt is-seduta, l-evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi fil-każ fejn il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku jiġi meqjus bħala fondat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Kif intqal fil-punt 120 iktar’il fuq, l-evalwazzjoni magħmula dwar il-kooperazzjoni ta’ BASF fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha huwa mingħajr preġudizzju għall-konsegwenzi li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-ħames motiv jista’ jkollha fuq dan it-tnaqqis.

213    Is-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Komunitarja għandha skond l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizzha, minbarra s-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penali mogħtija meta l-kwistjoni ta’ l-ammont tagħhom tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar’il fuq, punti 61 u 62). F’dan il-kuntest, għandu jingħad li l-linji gwida ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-multa mill-Qorti Komunitarja meta din tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni msemmija (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 169).

214    Konsegwentement, hemm lok li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa peress li BASF issuġġettat il-kwistjoni ta’ l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għall-evalwazzjoni tagħha.

215    F’dan ir-rigward, għandha tiġi evalwata, b’mod preliminari, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fl-osservazzjonijiet tad-difiża tagħha fil-kawża T-111/05, li tgħid li kalkolu ġdid ta’ l-ammont tal-multi jippresupponi tibdil fit-tqassim skond kategoriji tal-produtturi Ewropej. Din l-allegazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni għamlet dan it-tqassim billi ħadet in kunsiderazzjoni l-ishma tas-suq dinjija ta’ l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fl-1997, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, UCB u Akzo Nobel ġew ikklassifikati fit-tielet kategorija (b’sehem mis-suq rispettiv ta’ 13.4 % u ta’ 12 %), filwaqt li BASF ġiet ikklassifikata fir-raba’ kategorija b’sehem mis-suq ta’ 9.1 % (ara l-punt 15 iktar’il fuq).

216    Madankollu, peress li l-uniku ksur li kellu jiġi kkunsidrat kien dak li jirrigwarda s-suq taż-ŻEE (ara l-punt 210 iktar’il fuq), l-ishma tas-suq li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-produtturi Ewropej f’kategoriji huma dawk li jirrigwardaw dan is-suq. Madankollu, tali modikikazzjoni ma tistax tibdel il-klassifikazzjoni ta’ l-impriżi f’kategoriji u lanqas l-ammonti inizjali adottati abbażi tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, mill-premessa 44 tad-deċiżjoni jirriżulta li fl-1997, Akzo Nobel u UCB kellhom rispettivament 28.9 % u 28.5 % tas-suq Ewropew filwaqt li l-parti ta’ BASF kienet ta’ 20.9 %. Din il-konfigurazzjoni ta’ l-ishma tas-suq tiġġustifika ż-żamma tat-tqassim magħmul mill-Kummissjoni, b’Akzo Nobel u UCB fl-istess kategorija u BASF fil-kategorija inferjuri.

217    F’dak li jirrigwarda l-livell ġenerali ta’ l-ammonti inizjali, dawn għandhom jibqgħu identiċi għal dawk iddefiniti fil-premessa 202 tad-deċiżjoni. Fil-fatt, dawn l-ammonti ġew stabbiliti abbażi tan-natura gravi ħafna ta’ l-aġir illegali adottat kemm fuq livell dinji kif ukoll fuq dak Ewropew, kif ukoll fuq il-valur relattivament zgħir tas-suq Ewropew tal-kloru tal-kolin (EUR 52.6 miljun fl-1997), liema fatturi jibqgħu rilevanti anki jekk l-unuiku ksur li għandu jiġi kkunsidrat huwa dak li jirrigwarda ż-ŻEE.

218    Għaldaqstant, l-ammont inizjali stabbilit għal BASF abbażi tal-gravità tal-ksur għandu jibqa l-istess, jiġifieri ta’ EUR 18.8 miljun.

219    Fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni ta’ BASF fl-akkordji Ewropej, mill-premessi 101, 102, 105 u 206 tad-deċiżjoni jirriżulta li din bdiet fid-29 ta’ Novembru 1994, waqt laqgħa f’Amersfoort (l-Olanda), u li din waqfet fit-30 ta’ Settembru 1998. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-approċċ propost mill-Kummissjoni, li jikkonsisti fiż-żieda ta’ 10 % fuq l-ammont inizjali għal kull sena sħiħa u ta’ 5 % għal kull perijodu supplimentari komplut ta’ sitt xhur jista’ jagħti lok għal differenzi kunsiderevoli bejn ir-rikorrenti fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Fil-fatt, peress li l-parteċipazzjoni ta’ BASF fil-ksur damet tliet snin u għaxhar xhur kompluti, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tapplika żieda ta’ 5 % sabiex tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-għaxar xhur twassal sabiex ma jiġux ikkunsidrati l-erba’ xhur addizzjonali. Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha elementi dettaljati f’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ kull rikorrenti fil-ksur u li għalhekk din tista’ tikkalkula l-multa tagħhom b’mod li jirrefletti t-tul ta’ żmien eżatt ta’ din il-parteċipazzjoni, u b’dan il-mod tagħmel il-multi iktar proporzjonati.

220    Għalhekk, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandha tiġi applikata żieda ta’ 38 % sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-perijodu ta’ tliet snin u għaxar xhur tal-parteċipazzjoni ta’ BASF fil-ksur.

221    Għaldaqstant, l-ammont bażi tal-multa ta’ BASF huwa stabbilit għal EUR 25. 944 miljun. Ma’ dan l-ammont, għandha tiġi applikata ż-żieda ta’ 50 % minħabba r-reċidiva (ara l-punt 18 iktar’il fuq), liema żieda twassal l-ammont tal-multa għal EUR 38. 916 miljun.

222    L-ammon finali tal-multa ta’ BASF jiġi stabbilit wara t-tnaqqis, minħabba l-kooperazzjoni, ta’ 10 % għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-elementi ta’ prova pprovduti minn BASF abbażi tal-kooperazzjoni tagħha u li għalihom hija ngħatat tnaqqis addizzjonali ta’ 10 % (ara l-punt 87 iktar’il fuq), għandu jiġi mfakkar li l-fatt li impriża tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni informazzjoni fir-rigward ta’ atti li għalihom hija ma kellhiex tħallas il-multa skond ir-Regolamenti Nri 17 u 1/2003 ma jikkostitwixxix kooperazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar’il fuq, punt 297). Peress li l-elementi msemmija kienu jirrigwardaw esklużivament l-arranġamenti dinjija, filwaqt li l-informazzjoni fuq l-arranġamenti Ewropej ipprovduti minn BASF kienu biss ta’ valur minimu (ara l-punt 116 iktar’il fuq) u peress li l-ksur li jirrigwarda l-arranġamenti dinjija ġie ddikarat preskritt (ara l-punt 210 iktar’il fuq) u li, konsegwentement, BASF mhijiex marbuta li tħallas l-ebda multa f’dan ir-rigward, mhemmx lok li din tibbenifika mit-tnaqqis ta’ 10 % li kienet ngħatat għal din ir-raġuni.

223    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa ta’ BASF għandu jkun ta’ EUR 35. 024 miljun.

7.     Fuq it-tieni motiv imqajjem minn UCB, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

 L-argumenti tal-partijiet

224    Skond UCB, id-distinzjoni li għandha ssir bejn l-arranġamenti dinjija u l-arranġamenti Ewropej taffettwa l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 fir-rigward tagħha. B’mod iktar preċiż, peress li UCB kienet l-ewwel impriża li rrapurtat l-akkordju sigriet fuq livell Komunitarju (ara l-punt 19 iktar’il fuq) u ssodisfat il-kundizzjonijiet l-oħra kollha msemmija fit-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, hija tqis li għandha d-dritt li tibbenifika minn tnaqqis ta’ 75 sa 100 % ta’ l-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha.

225    UCB tgħid li l-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar’il fuq il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002”), li ssostitwiet il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha teżenta minn kull multa lil dik l-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipprovdi elementi li jkunu ta’ natura tali li jippermettulha li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE. Il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Komunitarja timponi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattivita in mitius, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt irrikonoxxut internazzjonalment u li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ non retroattività tal-liġijiet li jaggravaw piena. Il-Kummissjoni hija obbligata li tapplika dan il-prinċipju f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet imposti abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tapplika t-taqsima A tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 bħala “liġi” inqas ħarxa meta mqabbla mat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996, safejn din tistabbilixxi immunità totali mingħajr ma tħalli lill-Kummissjoni marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigwarda ta’ l-ammont tat-tnaqqis, kif kienet tagħmel il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 kienet tagħti immunità totali mill-multa imposta fuq UCB.

226    Il-kunċett ta’ retroattività tal-lex mitior jinkludi fih it-tibdil ta’ kull dispożizzjoni speċifika li awtorità jkollha l-intenzjoni li tapplika kontra persuna, bħall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-multi imposti f’każijiet dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan il-prinċipju għandu l-preċedenza fuq il-punt 28 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002, li jillimita l-applikazzjoni tagħha għall-perijodu ta’ wara l-14 ta’ Frar 2002. Il-fatt li l-aspettattivi leġittimi li UCB kellha fil-mument tal-kooperazzjoni tagħha kienu bbażati fuq il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 mhuwiex rilevanti sabiex jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior.

227    F’kull każ, l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex ma timponix multa fuq UCB, peress li din kienet l-ewwel waħda li pprovdiet informazzjoni dwar l-akkordju Ewropew qabel ma saret xi talba min-naħa tal-Kummissjoni, f’mument meta din ma kinitx taf b’dan l-akkordju.

228    Il-Kummissjoni tenfasizza li fir-realtà, dan il-motiv jikkostitwixxi evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom japplikaw fil-każ fejn l-ewwel motiv imqajjem minn UCB jiġi ddikjarat bħala fondat. Għalhekk, din tirreferi għall-argumenti li hija esponiet fir-rigward ta’ l-imsemmi motiv u tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

229    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tammetti li għalkemm l-aġir tar-rikorrenti ma kienx jifforma parti mill-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwat, UCB ibbenifikat minn tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħha ta’ mill-inqas 75 %. F’dan il-każ, ġew emendati elementi oħra fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, bħat-tul taż-żmien tal-ksur, iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, u l-fatturat meħud in kunsiderazzjoni għat-trattament iddifferenzjat.

230    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-lex mitior, il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm huwa veru li dan huwa prinċipju ġenerali tad-dritt penali, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet li jimponu multi f’każijiet ta’ kompetizzjoni mhumiex ta’ natura penali. Il-ġurisprudenza ma tikkonfermax it-teżi tar-rikorrenti fuq l-applikazzjoni retroattiva obbligatorja tal-lex mitior f’każijiet ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tippreżupponi modifika tal-bażi legali għall-kalkolu tal-multa, jiġifieri l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li ma ġiex emendat mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002.

231    Il-Kummissjoni għandha marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi u dan il-marġini huwa ddefinit mill-komunikazzjonijiet fuq il-kooperazzjoni. Il-ġurisprudenza tistabbilixxi li, sakemm dawn il-komunikazzjonijiet jibqgħu fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha marġini ta’ manuvrar wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tal-multi li jkunu xierqa għall-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonalli biss sakemm il-komunikazzjoni applikabbli tibqa’ fis-seħħ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 issostitwiet dik ta’ l-1996 b’effett mill-14 ta’ Frar 2002. Madankollu, l-aspettattivi leġittimi li UCB kellha huma limitati mill-applikazzjoni ratione temporis, ta’ kull komunikazzjoni, f’dan il-każ il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996.

232    F’kull każ, il-Kummissjoni għandha dubji dwar in-natura, ġeneralment, iktar favorevoli tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 meta mqabbla ma’ dik ta’ l-1996. Din in-natura ma tistax tiġi eżaminata abbażi ta’ evalwazzjoni selettiva tad-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002. Fil-każ oppost, il-Kummissjoni tkun obbligata li tapplika din il-komunikazzjoni b’mod retroattiv biss fir-rigward ta’ l-impriżi li jsibu fiha element favorevoli u dan jhedded il-koerenza tal-politika tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-applikazzjoni tal-lex mitior

233    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ non-retroattività ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-linji gwida li għandhom, b’mod ipotetiku, effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li l-politika li dawn jimplementaw tkun raġjonevolment prevedibbli fiż-żmien meta l-ksur in kwistjoni jkun twettaq (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punti 202 sa 232).

234    Konsegwentement, id-dritt, anki kundizzjonali, li l-Kummissjoni għandha li tapplika b’mod retroattiv, fil-konfront tal-persuni kkonċernati, regoli ta’ kondotta intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħal-linji gwida, jeskludi kull obbligu għal din l-istituzzjoni milli tapplika l-lex mitior.

 Fuq il-kalkolu tal-multa ta’ UCB

235    Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa ta’ UCB, qabel kollox għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 212 sa 217 iktar’il fuq.

236    Wara dan, il-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura unika u kontinwata tal-ksur huma żbaljati jinfluwenza l-ammont tal-multa imposta fuq UCB fir-rigward tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996. Kif tammetti l-Kummissjoni stess (ara l-punt 229 iktar’il fuq), UCB kienet tibbenifika mid-dispożizzjonijiet tat-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 bit-titolu “Nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa jew tnaqqis kunsiderevoli ta’ l-ammont tagħha” fil-każ li l-arranġamenti dinjija jiġu kkunsidrati bħala ksur distint mill-arranġamenti Ewropej, u għalhekk preskritti. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li UCB irrapportat l-akkordju Ewropew lill-Kummissjoni u ssodisfat il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mit-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996 (ara l-punt 237 iktar’il quddiem).

237    Skond it-taqsima B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996:

“L-impriża li:

a) tinforma lill-Kummissjoni dwar akkordju sigriet qabel ma’ l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni, ordnata b’deċiżjoni, ta’ l-impriżi involuti, sakemm ma jkollhiex informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-akkordju li dwaru qed issir allegazzjoni;

b) hija l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti fuq l-eżistenza ta’ l-akkordju;

ċ) waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali sa mhux iktar tard mill-mument li fih hija tiddenunzja l-akkordju;

d) tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti, kif ukoll bid-dokumenti kollha u l-provi li hija għandha fir-rigward ta’ l-akkordju u żżomm kooperazzjoni sħiħa u kontinwa matul il-perijodu kollu ta’ l-investigazzjoni;

e) ma tkunx ġiegħlet lil impriża oħra biex tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma tkun ġabet ruħha bħala istigatriċi jew kellha rwol determinanti fl-attività illegali.

tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % mill-ammont ta’ multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, liema tnaqqis jista’ jinżel għan-non impożizzjoni totali tal-multa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

238    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont inizjali ta’ EUR 12.9 miljun, stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-gravità tal-ksur (ara l-punt 15 iktar’il fuq), għandu jiżdied b’45 % minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur ta’ madwar erba’ snin u nofs (mill-14 ta’ Marzu 1994 sat-30 ta’ Settembru 1998). Għalhekk, l-ammont bażi għandu jkun ta’ EUR 18. 705 miljun.

239    Peress li ma nstabet l-ebda ċirkustanza aggravanti kontra UCB, għandha tiġi applikata ma’ l-ammont bażi perċentwali ta’ tnaqqis minħabba l-kooperazzjoni tagħha. Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din il-perċentwali, għandu jingħad li UCB irraportat l-akkordju Ewropew u dan ippermetta lill-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet importanti, ħaġa li ma kinitx tkun possibli abbażi ta’ l-akkordju dinji biss li kien diġà preskritt fil-mument ta’ l-ewwel intervent tagħha (ara l-punt 9 iktar’il fuq). Barra minn hekk, mill-premessi 102, 105, 107, 108, 109, 114, 118, 119 u 120 tad-deċiżjoni jirriżulta li d-disa’ laqgħat żvelati minn UCB kienu jkopru t-tul kollu tal-ksur li jirrigwarda ż-ŻEE, filwaqt li s-sitt laqgħat irraportati minn Akzo Nobel kienu biss intermedjarji, hekk kif jirriżulta mill-premessi 110, 112, 113, 115, 116 u 117 tad-deċiżjoni.

240    Madankollu, UCB irraportat ftit inqas minn żewġ terzi tal-laqgħat. Barra minn hekk, għalkemm UCB aġixxiet fuq inizjattiva tagħha stess, xorta jibqa’ l-fatt li fid-data meta din ipprovdiet l-informazzjoni tagħha (26 ta’ Lulju 1999), hija diġà kienet taf bil-fatt li l-Kummissjoni kienet bdiet azzjonijiet fir-rigward tal-kartell dinji tal-kloru tal-kolin.

241    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi applikat tnaqqis ta’ 90 % fuq l-ammont bażi, hekk kif stabbilit fil-punt 238 iktar’il fuq, li jwassal l-ammont tal-multa ta’ UCB għal EUR 1. 870 miljun.

242    Peress li t-tielet motiv ġie mqajjem b’mod sussidjarju minn UCB fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha taċċetta t-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura unika u kontinwata ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej (ara l-punt 35 iktar’il fuq), mhemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, anki jekk fil-kuntest ta’ dan il-motiv, UCB titlob ukoll li ma tiġi imposta l-ebda multa fuqha, xorta jibqa’ l-fatt li l-argument tagħha huwa msejjes, fl-ewwel lok, fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat, liema ċirkustanza ma ġietx aċċettata, fit-tieni lok, fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 (ara l-punt 225 iktar’il fuq) u, fit-tielet lok, fuq il-fatt li, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li timponi multa. L-argument li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-2002 diġà ġie miċħud (ara l-punti 233 u 234 iktar’il fuq), filwaqt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, evalwat il-valur tal-kooperazzjoni ta’ UCB billi tagħta tnaqqis ta’ 90 % mill-ammont tal-multa li kieku kienet tingħatalha.

243    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa ta’ UCB għandu jiġi stabbilit għal EUR 1.870 miljun.

244    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, hemm lok li, l-ewwel nett, jiġi annullat l-Artikolu (1)(b) u (f) tad-deċiżjoni safejn dan jirrigwarda l-ksur allegat fil-konfront tar-rikorrenti għal perijodu ta’ qabel id-29 ta’ Novembru 1994 fir-rigward ta’ BASF u ta’ qabel l-14 ta’ Marzu 1994 fir-rigward ta’ UCB, it-tieni nett, li l-ammonti tal-multi imposti fuq BASF u fuq UCB jiġu rispettivament stabbiliti għal EUR 35.024 miljun u EUR 1.870 miljun, u t-tielet nett, li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

245    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

246    Fil-kawża T-101/05, peress li BASF tilfet diversi motivi, iżda rebħet fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

247    Fil-kawża T-111/05, peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % ta’ l-ispejjeż ta’ UCB.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Il-kawża T-112/05, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni hija sseparata mill-kawżi T-101/05 u T-111/05 għall-finijiet tas-sentenza.

2)      L-Artikolu(1)(b) u (f) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/566/KE, tad-9 ta’ Diċembru 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/E-2/37.533 – Kloru tal-kolin), huwa annullat safejn jikkonstata li BASF AG u UCB SA wettqu ksur, għal perijodu ta’ qabel id-29 ta’ Novembru 1994 fir-rigward ta’ BASF u ta’ qabel l-14 ta’ Marzu 1994 fir-rigward ta’ UCB.

3)      Fil-kawża T-101/05, l-ammont tal-multa imposta fuq BASF huwa stabbilit għal EUR 35.024 miljun.

4)      Fil-kawża T-111/05, l-ammont tal-multa imposta fuq UCB huwa stabbilit għal EUR 1.870 miljun.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      Fil-kawża T-101/05, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

7)      Fil-kawża T-111/05, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll 90 % ta’ l-ispejjeż ta’ UCB.

Meij

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2007.

Reġistratur

 

      Aġent President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel motiv invokat minn BASF, ibbażat fuq ksur tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif ukoll tal-linji gwida minħabba ż-żieda fl-ammont tal-multa ta’ 100 % għall-finijiet ta’ dissważjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3. Fuq it-tieni motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalitŕ minħabba ż-żieda b’50 % ta’ l-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva kif ukoll minħabba kalkolu żbaljat ta’ din iż-żieda

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Fuq it-tielet motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq id-dokument tas-6 ta’ Mejju 1999

Fuq il-laqgħa tas-17 ta’ Mejju 1999

Fuq il-komunikazzjoni tal-21 ta’ Mejju 1999

Fuq il-komunikazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1999

Fuq l-evalwazzjoni tar-rapport tal-15 ta’ Ġunju u l-komunikazzjoni tat-23 ta’ Ġunju 1999 fid-dawl tat-talba għall-informazzjoni tas-26 ta’ Mejju 1999

Fuq il-komunikazzjoni tas-16 ta’ Lulju 1999

Evalwazzjoni globali tat-tnaqqis mogħti lil BASF

5. Fuq ir-raba’ motiv imqajjem minn BASF, ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-multa indipendentement mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

6. Fuq il-motiv imqajjem minn BASF u minn UCB, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kwalifika ta’ l-arranġamenti dinjija u Ewropej bħala ksur uniku u kontinwat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-portata ta’ l-argument ta’ BASF

– Fuq il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat

– Pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u konstatazzjonijiet fid-deċiżjoni

Fuq il-kwalifika ta’ l-aġir illegali in kwistjoni

Fuq il-kalkolu tal-multa ta’ BASF

7. Fuq it-tieni motiv imqajjem minn UCB, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ta’ l-1996

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-applikazzjoni tal-lex mitior

Fuq il-kalkolu tal-multa ta’ UCB

Fuq l-ispejjeż


* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Franċiż