Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Marzu 2013 - Ziegler Relocation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-150/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ziegler Relocation SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: J.-F. Bellis, M. Favart u A. Bailleux, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tgħaqqad dan ir-rikors mal-Kawża T-539/12;

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

tiddeċiedi li l-Unjoni Ewropea hija responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali fil-konfront tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 112 872.50 fis-sena mill-11 ta' Marzu 2008, flimkien mal-interessi sa meta jsir il-ħlas komplet;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-danni li r-rikorrenti titlob il-kumpens tagħhom mill-Unjoni Ewropea jikkonċernaw il-lucrum cessans li hija tqis li ġarrbet minn meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 fil-Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali minħabba l-fatt li l-prassi tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jitolbu kwotazzjonijiet ta' konvenjenza fil-kuntest ta' ġarr li l-ispejjeż tiegħu huma rrimborsati skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ma waqfitx. Ir-rifjut tar-rikorrenti li twieġeb b'mod favorevoli għal tali talbiet kellu bħala effett li jeskludiha mis-swieq ikkonċernati, b'tali mod li hija spiċċat tipprovdi biss numru limitat ħafna ta' servizzi ta' ġarr lill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet Ewropej. Dan huwa nuqqas tal-Unjoni Ewropea li twettaq l-obbligu tagħha ta' diliġenza li kkawża d-dannu għaldaqstant subit mir-rikorrenti.

____________