Language of document : ECLI:EU:C:2024:103

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

1 ta’ Frar 2024 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trakkijiet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Ftehimiet u prattiki miftiehma dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ trakkijiet, l-aġenda dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ emissjoni imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 kif ukoll ir-riperkussjoni fuq il-klijenti tal-ispejjeż ta’ dawn it-teknoloġiji – Ksur uniku u kontinwu – Portata ġeografika ta’ dan il-ksur – ‘Proċedura ibrida’ li wasslet suċċessivament għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura ordinarja – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Imparzjalità tal-Kummissjoni Ewropea – Evalwazzjoni tal-portata ġeografika ta’ prattika miftiehma – Elementi rilevanti – Klassifikazzjoni ta’ istanzi ta’ aġir bħala ‘ksur uniku u kontinwu’ – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 25 – Setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa – Preskrizzjoni”

Fil-Kawża C‑251/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ April 2022,

Scania AB, stabbilita f’Södertälje (l-Isvezja),

Scania CV AB, stabbilita f’Södertälje,

Scania Deutschland GmbH, stabbilita f’Koblenz (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn D. Arts, N. De Backer, K. Schillemans, advocaten, S. Falkner, P. Hammarskiöld, C. Langenius, L. Ulrichs, advokater, u F. Miotto, avocate,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Domecq, M. Farley u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Scania AB, Scania CV AB u Scania Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Scania DE”), tliet entitajiet legali tal-impriża Scania (iktar ’il quddiem, flimkien, “Scania”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ Frar 2022, Scania et vs Il‑Kummissjoni (T‑799/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:48), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6467 final tas‑27 ta’ Settembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom f’din id-deċiżjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jirrigwarda s-setgħa tal-Kummissjoni Ewropea li timponi multi. L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preskrizzjoni għall-imposizzjoni tal-pieni”, jistabbilixxi li:

“1.      Il-poteri konferuti fuq il-Kummissjoni mil-Artikolu 23 […] ħa jkun suġġett għal perjodi ta’ preskrizzjoni li ġejjin:

(a)      tlett snin fil-każ ta’ ksur ta’ disposizzjonijiet li jikkonċernaw it-talba ta’ informazzjoni jew il-kondotta ta’ spezzjonijiet;

(b)      ħames snin fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ieħor.

2.      It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.

3.      Kwalunkwe azzjoni meħuda mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għall-għan ta’ l-investigazzjonijiet jew proċeduri b’rispett ta’ ksur tinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni għall-imposizzjoni ta’ multi jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effet mid-data li fiha l-azzjoni ġiet notifikata lil mill-anqas waħda mil-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża li pparteċipaw fil-ksur. […]

4.      L-interuzzjoni tal-preskrizzjoni ser tapplika għall-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur.

[…]”

3        Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, intitolat “Reviżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

4        Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 61 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

5        Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 1 tagħha, ikkonstatat li l-appellanti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi pparteċipaw, mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011, ma’ entitajiet legali tal-impriżi [kunfidenzjali] (1), [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], f’arranġamenti kollużivi fuq il-prezzijiet, fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet medji u tqal fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kif ukoll fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għat-trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6. Fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet flimkien u in solidum fuq Scania AB u fuq Scania CV AB multa ta’ EUR 880 523 000, li Scania DE qiegħda tinżamm responsabbli flimkien u in solidum għall-ħlas ta’ EUR 440 003 282.

 Ilproċedura amministrattiva

6        Fl‑20 ta’ Settembru 2010, [kunfidenzjali] ressqet talba għal immunità minn multi skont il-paragrafu 14 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23). Fis‑17 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali mill-multa lil [kunfidenzjali].

7        Bejn it‑18 u l‑21 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini, b’mod partikolari, tal-appellanti.

8        Fit‑28 ta’ Jannar 2011, [kunfidenzjali] talbet l-immunità minn multi skont il-paragrafu 14 tal-Avviż imsemmi fil-punt 6 ta’ din is-sentenza u, fin-nuqqas ta’ dan, tnaqqis tal-multa skont il-paragrafu 27 ta’ dan l-avviż. Hija ġiet segwita f’dan l-approċċ minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali].

9        Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, b’mod partikolari, lill-appellanti diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

10      Fl‑20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) ta’ dan ir-regolament kontra l-appellanti kif ukoll kontra l-entitajiet legali tal-impriżi msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kkomunikat lil dawn l-entitajiet kollha, inkluż lill-appellanti.

11      Wara l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-destinatarji tagħha kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

12      Matul [kunfidenzjali], id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikkuntattjaw lill-Kummissjoni b’mod informali, u talbuha tkompli bil-każ fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat‑30 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 171, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 773/2004”). Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ riżoluzzjoni wara li kull wieħed mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jieħu sehem f’diskussjonijiet bil-għan ta’ riżoluzzjoni.

13      Bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], saru diskussjonijiet bil-għan ta’ riżoluzzjoni bejn kull destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-Kummissjoni. Wara dawn id-diskussjonijiet, uħud mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ressqu quddiem il-Kummissjoni talba formali għal riżoluzzjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004 (iktar ’il quddiem il-“partijiet għar-riżoluzzjoni”). L-appellanti ma ressqux tali talba.

14      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet), indirizzata lill-partijiet għar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni”).

15      Sa fejn l-appellanti kienu ddeċidew li ma jressqux talba formali għal riżoluzzjoni, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni li tikkonċernahom fil-kuntest tal-proċedura normali, jiġifieri mhux ta’ riżoluzzjoni.

16      Fit‑23 ta’ Settembru 2016, l-appellanti, wara li kellhom aċċess għall-fajl, ippreżentaw ir-risposta tagħhom bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

17      Fit‑18 ta’ Ottubru 2016, l-appellanti pparteċipaw f’seduta.

18      Fis‑7 ta’ April 2017, il-Kummissjoni, konformement mal-punt 111 tal-Avviż tagħha dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 [TFUE] (ĠU 2011, C 308, p. 6), bagħtet lil Scania AB espożizzjoni tal-fatti. Fit‑23 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni bagħtet ukoll din l-espożizzjoni tal-fatti lil Scania CV AB u lil Scania DE.

19      Fit‑12 ta’ Mejju 2017, Scania AB ikkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-provi annessi mal-imsemmija espożizzjoni tal-fatti, li kienu jirriflettu wkoll il-pożizzjoni ta’ Scania CV AB u ta’ Scania DE.

20      Fis‑27 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

 Iddeċiżjoni kontenzjuża

 Listruttura tassuq tattrakkijiet u lmekkaniżmu għalliffissar talprezzijiet flindustrija tattrakkijiet kif ukoll fi ħdan Scania

21      Għal dak li jirrigwarda l-istruttura tas-suq tat-trakkijiet, il-Kummissjoni tirrileva li din hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ trasparenza u ta’ konċentrazzjoni, peress li l-partijiet għandhom diversi okkażjonijiet sabiex jiltaqgħu annwalment u jiddiskutu s-sitwazzjoni tas-suq. Skont il-Kummissjoni, permezz tal-iskambji kollha, il-partijiet setgħu jkollhom idea preċiża tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ kull waħda minnhom.

22      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-partijiet, inkluża Scania, għandhom sussidjarji fi swieq nazzjonali importanti li jaġixxu bħala distributuri tal-prodotti tagħhom. Dawn id-distributuri nazzjonali jiddisponu min-network tagħhom stess ta’ konċessjonarji. Il-Kummissjoni nnotat li Scania tbigħ it-trakkijiet tagħha permezz ta’ distributuri nazzjonali, li huma sussidjarji miżmuma 100 % minnha fl-Istati kollha taż-ŻEE, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali]. Id-distributuri nazzjonali ta’ Scania jbigħu t-trakkijiet mixtrija mingħand is-sede lil konċessjonarji li huma jew sussidjarji miżmuma 100 % jew impriżi indipendenti. Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-Ġermanja, Scania għandha [kunfidenzjali] konċessjonarji li huma sussidjarji miżmuma 100 %.

23      Għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li dan jinkludi l-istess stadji għall-partijiet kollha u jibda, ġeneralment, fil-kuntest tal-ewwel stadju, permezz tal-iffissar, mis-sede, ta’ lista ta’ prezzijiet gross inizjali. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tieni stadju, il-prezzijiet ta’ trasferiment huma ffissati għall-bejgħ tat-trakkijiet fid-diversi swieq nazzjonali bejn is-sede tal-kostrutturi u d-distributuri nazzjonali li huma impriżi indipendenti jew miżmuma 100 % mis-sede. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huma ffissati, fil-kuntest tat-tielet stadju, il-prezzijiet li jitħallsu mill-konċessjonarji lid-distributuri, u, fil-kuntest tar-raba’ stadju, il-prezz nett finali mħallas mill-konsumaturi li huwa nnegozjat mill-konċessjonarji jew mill-kostrutturi stess meta huma jbigħu direttament lill-konċessjonarji jew lill-klijenti importanti.

24      Il-Kummissjoni kkonstatat li, għalkemm il-prezz finali mħallas mill-konsumaturi jista’ jvarja, pereżempju minħabba l-applikazzjoni tal-iskontijiet differenti fil-livelli differenti tal-katina ta’ distribuzzjoni, il-prezzijiet kollha applikabbli f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni jirriżultaw direttament, fil-każ tal-prezzijiet ta’ trasferiment bejn is-sede u d-distributur, jew indirettament, fil-każ tal-prezz imħallas mill-konċessjonarju lid-distributur jew fil-każ tal-prezz imħallas mill-klijent finali, mill-prezz gross inizjali. B’hekk, skont il-Kummissjoni, jirriżulta li l-listi ta’ prezzijiet gross inizjali ffissati mis-sede jikkostitwixxu komponent komuni u fundamentali tal-kalkoli tal-prezzijiet applikabbli f’kull stadju tal-katini nazzjonali ta’ distribuzzjoni fl-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali], stabbilixxew bejn l‑2000 u l‑2006 listi ta’ prezzijiet gross komposti minn prezzijiet gross armonizzati għaż-ŻEE kollha.

25      Għal dak li jirrigwarda konkretament il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania u l-atturi involuti f’dan l-iffissar, il-Kummissjoni ddeskriviet li s-sede ta’ Scania tiffissa l-lista ta’ prezzijiet gross mill-fabbrika (Factory Gross Price List, iktar ’il quddiem il-“FGPL”) għall-partijiet differenti kollha disponibbli ta’ trakk.

26      Kull distributur nazzjonali ta’ Scania, pereżempju Scania DE, jinnegozja mas-sede ta’ Scania “prezz nett għad-distributur”, jiġifieri l-prezz li d-distributur iħallas lis-sede għal kull parti, abbażi tal-FGPL li rċieva. Il-prezz nett għad-distributur huwa indikat f’dokument imsejjaħ “RPU” (mill-kelma “Representantuppgift” bl-Isvediż), li jirrapreżenta d-differenza bejn il-FGPL u l-prezz nett għad-distributur f’termini ta’ skontijiet. L-iskontijiet mogħtija lid-distributur huma ffissati minn [kunfidenzjali] fis-sede ta’ Scania, iżda huma diskussi wkoll fi ħdan il-kumitat dwar il-prezzijiet. Id-deċiżjoni finali dwar il-prezz nett għad-distributur ta’ Scania tittieħed minn [kunfidenzjali].

27      Barra minn hekk, id-distributur nazzjonali ta’ Scania jikkomunika l-lista tiegħu ta’ prezzijiet gross, li tikkonsisti fil-prezz nett għad-distributur, flimkien mal-marġni ta’ profitt, għall-partijiet differenti kollha disponibbli ta’ trakk lill-konċessjonarji ta’ Scania fit-territorju tiegħu.

28      Sussegwentement, il-konċessjonarju ta’ Scania jinnegozja mad-distributur “prezz nett għall-konċessjonarju” li huwa bbażat fuq il-lista ta’ prezzijiet gross tad-distributur, imnaqqas bi tnaqqis sostanzjali li minnu jibbenefika l-konċessjonarju.

29      Il-klijenti li jixtru t-trakkijiet mill-konċessjonarji ta’ Scania jħallsu l-“prezz tal-klijent”. Il-“prezz tal-klijent” jikkonsisti fil-prezz nett għall-konċessjonarju, flimkien mal-marġni ta’ profitt tal-konċessjonarju kif ukoll mal-ispejjeż eventwali li jirriżultaw mill-individwalizzazzjoni tat-trakk u mnaqqas skont it-tnaqqis kif ukoll il-promozzjonijiet offruti lill-klijent. Il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġġustament tal-prezz fi kwalunkwe stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni għandu impatt limitat jew huwa mingħajr effett fuq il-prezz finali mħallas mill-konsumatur.

30      Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-FGPL tapplika fuq livell dinji, filwaqt li l-prezz nett għad-distributur u l-lista ta’ prezzijiet gross tad-distributur japplikaw għar-reġjun li fih jopera d-distributur. Bl-istess mod, il-prezz innegozjat mill-konċessjonarju huwa applikat għar-reġjun li fih jopera l-konċessjonarju.

31      Għal dak li jirrigwarda l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq il-livell Ewropew fuq il-prezzijiet fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni nnotat li d-distributuri nazzjonali tal-kostrutturi, bħal Scania DE, ma humiex indipendenti fl-iffissar tal-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross u li l-prezzijiet kollha applikati f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni, sal-konsumatur finali, jirriżultaw mil-listi ta’ prezzijiet gross pan-Ewropej stabbiliti fil-livell tas-sede.

32      Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li żieda fil-prezzijiet fil-lista pan-Ewropea tal-prezzijiet gross, deċiża fil-livell tas-sede, tiddetermina l-moviment tal-“prezz nett għad-distributur”, jiġifieri tal-prezz li d-distributur iħallas lis-sede għax-xiri ta’ trakk. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, iż-żieda, mis-sede, tal-prezzijiet gross imsemmija iktar ’il fuq tinfluwenza wkoll il-livell tal-prezz gross tad-distributur, jiġifieri l-prezz li l-konċessjonarju jħallas lid-distributur, anki jekk il-prezz għall-konsumatur finali ma jinbidilx neċessarjament bl-istess proporzjon jew ma jinbidel bl-ebda mod.

 Kuntatti kollużivi bejn Scania u lpartijiet għarriżoluzzjoni

33      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li Scania kienet ipparteċipat f’laqgħat kollużivi u f’kuntatti mal-partijiet għar-riżoluzzjoni fi ħdan diversi fora u f’livelli differenti, li evolvew matul iż-żmien, filwaqt li l-impriżi parteċipanti, l-għanijiet u l-prodotti kkonċernati baqgħu l-istess.

34      Il-Kummissjoni identifikat tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi.

35      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-ewwel snin tal-ksur, l-uffiċjali superjuri tal-partijiet fl-akkordju kienu jiddiskutu l-intenzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet, żidiet futuri fil-prezzijiet gross, xi drabi wkoll l-evoluzzjoni tal-prezzijiet netti għall-konsum u, xi drabi, kienu ftehmu dwar iż-żieda fil-prezzijiet gross tagħhom. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala “livell tal-korpi ta’ tmexxija” (top management). Il-Kummissjoni żiedet li, waqt il-laqgħat fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija, il-partijiet fl-akkordju ftehmu, barra minn hekk, dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tal-mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandards Euro 3 sa Euro 5 u f’ċerti okkażjonijiet ġie miftiehem li ma jiġux introdotti t-teknoloġiji kkonċernati qabel ċerta data. Il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija kienu seħħew bejn l‑1997 u l‑2004.

36      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li, matul perijodu limitat u b’mod parallel mal-laqgħat fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija, uffiċjali intermedjarji fis-sede tal-partijiet fl-akkordju kellhom diskussjonijiet li kienu jinkludu, minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni teknika, skambji fuq il-prezzijiet u fuq żidiet fil-prezzijiet gross. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala “livell inferjuri tas-sede” (lower headquarters level). Il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede kienu seħħew bejn l‑2000 u l‑2008.

37      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset li, wara l-introduzzjoni tal-Euro u tal-listi ta’ prezzijiet gross fuq il-livell Ewropew minn kważi l-kostrutturi tat-trakkijiet kollha, il-partijiet fl-akkordju komplew il-koordinazzjoni sistematika tal-intenzjonijiet tagħhom ta’ prezzijiet futuri permezz tas-sussidjarji Ġermaniżi tagħhom. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala l-“livell Ġermaniż” (German level meetings). Il-Kummissjoni ppreċiżat li, bl-istess mod bħall-kuntatti tal-ewwel snin tal-akkordju, ir-rappreżentanti tas-sussidjarji Ġermaniżi kienu jiddiskutu żidiet futuri fil-prezzijiet gross, kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, imposti mill-istandards Euro 5 u Euro 6. Huma kienu jiskambjaw ukoll informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra. Il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat fil-livell Ġermaniż kienu saru mill‑2004.

 Applikazzjoni talArtikolu 101 TFUE u talArtikolu 53 talFtehim ŻEE

38      Il-Kummissjoni qieset li l-provi dokumentali li jinsabu fil-fajl juru li l-kuntatti msemmija iktar ’il fuq kienu jikkonċernaw:

–        il-bidliet, previsti mill-parteċipanti fl-akkordju, il-prezzijiet gross, il-listi ta’ prezzijiet gross, l-aġenda ta’ dawn il-bidliet kif ukoll, okkażjonalment, skambji dwar il-bidliet previsti tal-prezzijiet netti jew il-bidliet tal-iskontijiet offruti lill-klijenti;

–        id-data ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mir-regoli Euro 3 sa Euro 6, kif ukoll ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji, u

–        it-tqassim ta’ informazzjoni sensittiva oħra mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, bħalma huma l-ishma tas-suq immirati, il-prezzijiet netti attwali u l-iskontijiet, il-listi ta’ prezzijiet gross, anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, il-konfiguraturi tat-trakkijiet, l-ordnijiet u l-livelli tal-istokkijiet.

39      Il-Kummissjoni rrilevat li l-partijiet kellhom kuntatti multilaterali fil-livelli differenti u li, xi drabi, huma kellhom kuntatti u laqgħat komuni fil-livelli differenti. Skont il-Kummissjoni, dawn il-kuntatti kienu marbuta bejniethom permezz tal-kontenut tagħhom, permezz tad-data tagħhom, permezz ta’ riferimenti miftuħa għal xulxin u permezz taċ-ċirkulazzjoni bejniethom tal-informazzjoni miksuba.

40      Il-Kummissjoni qieset li dawn l-attivitajiet kienu jikkostitwixxu forma ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li permezz tagħha l-partijiet intenzjonalment issostitwixxew ir-riskji tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika bejniethom. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-aġir inkwistjoni kien jieħu l-forma ta’ prattika miftiehma jew ta’ ftehim li fih l-impriżi kompetitriċi kienu jastjenu milli jiddeterminaw b’mod indipendenti l-politika kummerċjali li huma kellhom l-intenzjoni jadottaw fis-suq, iżda kienu jikkoordinaw pjuttost l-aġir tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet permezz ta’ kuntatti diretti u impenjaw ruħhom fid-dewmien ikkoordinat tal-introduzzjoni tat-teknoloġiji. Skont il-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni sistematika fil-kuntatti kollużivi ħolqot klima ta’ komprensjoni reċiproka tal-politika tariffarja tal-partijiet.

41      Il-Kummissjoni rrilevat li Scania kienet ipparteċipat b’mod regolari fil-forom kollużivi differenti matul it-tul kollu tal-ksur u kkonkludiet li l-ksur li fih Scania kienet ipparteċipat kien jieħu l-forma ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

42      Għal dak li jirrigwarda r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li Scania kienet ipparteċipat fil-kuntatti kollużivi deskritti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li hija kienet ipparteċipat fihom kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

43      Għal dak li jirrigwarda l-ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma bejn Scania u l-partijiet għar-riżoluzzjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011. Skont ilk-Kummissjoni, il-ksur kien ikkonsista f’kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6.

44      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni qieset li, permezz tal-kuntatti antikompetittivi tagħhom, il-partijiet kienu segwew pjan komuni li kellu għan antikompetittiv uniku u li Scania kienet taf jew kellha tkun taf bil-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u bil-karatteristiċi essenzjali tan-network ta’ kuntatti kollużivi u kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-akkordju permezz tal-azzjonijiet tagħha.

45      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-għan antikompetittiv uniku kien jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Dan l-għan intlaħaq permezz tal-prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-partijiet għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ trakkijiet li josservaw ir-regoli ambjentali.

 Destinatarji taddeċiżjoni kontenzjuża

46      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kontenzjuża lil Scania CV AB u lil Scania DE, li hija qieset li huma dawk direttament responsabbli għall-ksur għall-perijodi segwenti:

–        fir-rigward ta’ Scania CV AB, għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u s‑27 ta’ Frar 2009, u

–        fir-rigward ta’ Scania DE, għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011.

47      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet ukoll li, matul il-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011, Scania AB kellha, direttament jew indirettament, l-azzjonijiet kollha ta’ Scania CV AB, li, min-naħa tagħha, kellha, direttament jew indirettament, l-azzjonijiet kollha ta’ Scania DE. Konsegwentement, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tindirizza wkoll id-deċiżjoni kontenzjuża lill-entitajiet segwenti, li nżammu responsabbli in solidum bħala kumpanniji omm:

–        lil Scania AB responsabbli, minn naħa, għall-aġir ta’ Scania CV AB għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u s‑27 ta’ Frar 2009 u, min-naħa l-oħra, għall-aġir ta’ Scania DE għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011, u

–        lil Scania CV AB bħala responsabbli għall-aġir ta’ Scania DE għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011.

 Ammont talmulta

48      Il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa għal EUR 880 523 000.

 Irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

49      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Diċembru 2017, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni u għat-tnaqqis tal-multi li kienu ġew imposti fuqhom kif ukoll, fi kwalunkwe każ, għat-tnaqqis ta’ dawn il-multi, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

50      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2020, l-appellanti talbu l-ommissjoni, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rapport għas-seduta. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni talbet ukoll l-ommissjoni, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab, b’mod partikolari, fir-rapport għas-seduta kif ukoll fis-sentenza appellata.

51      Wara din l-aħħar talba, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, għal dak li jirrigwarda l-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha, li tipproċedi bl-anonimizzazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi u li tirredatta l-isem tal-persuni ġuridiċi minbarra tal-appellanti. Hija ddeċidiet ukoll li tirredatta ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania u l-kalkolu tal-multa imposta fuqha, li r-redazzjoni tagħha ma taffettwax il-komprensjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dik is-sentenza.

52      Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti kienu qajmu disa’ motivi.

53      L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-preżunzjoni tal-innoċenza. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003.

54      It-tielet sas-seba’ motiv kienu jirrigwardaw, essenzjalment, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll l-imputazzjoni tiegħu lil Scania. B’mod iktar preċiż, permezz tat-tielet motiv tagħhom, l-appellanti invokaw applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede tqiesu li jikkostitwixxu ksur ta’ dawn l-artikoli. Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, huma allegaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-imsemmija artikoli sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li huma kienu kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet. Il-ħames motiv tagħhom kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-istess artikoli sa fejn il-Kummissjoni kienet ikklassifikat l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż bħala ksur “minħabba l-għan”. Permezz tas-sitt motiv tagħhom, huma sostnew applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li l-portata ġeografika tal-ksur relatat mal-livell Ġermaniż kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE. Is-seba’ motiv tagħhom kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ dawn l-artikoli sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li l-aġir identifikat kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u li l-appellanti kienu responsabbli f’dan ir-rigward.

55      It-tmien motiv kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-imsemmija artikoli kif ukoll tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni kienet imponiet multa li tirrigwarda aġir suġġett għal preskrizzjoni u, fi kwalunkwe każ, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-aġir ma kienx kontinwu. Permezz tad-disa’ u l-aħħar motiv tagħhom, l-appellanti invokaw ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa kif ukoll, fi kwalunkwe każ, in-neċessità ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

56      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha bħala infondati. Fir-rigward tat-talba intiża sabiex din teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija rrilevat li ma hemm xejn fl-ilmenti, fl-argumenti u fil-punti ta’ liġi u ta’ fatt imressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-motivi kollha eżaminati li jippermetti li jiġi konkluż li l-ammont tal-multi imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża kellu jiġi emendat. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lill-appellant għall-ispejjeż.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

57      Permezz ta’ att ippreżentat fit‑8 ta’ April 2022, l-appellanti ppreżentaw dan l-appell. Barra minn hekk, fl-istess jum, huma talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva, fir-rigward tal-pubbliku, l-istess trattament kunfidenzjali tal-elementi msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza bħal dak li kien ingħata lil dawn l-elementi mill-Qorti Ġenerali.

58      Permezz ta’ att tad‑29 ta’ April 2022, il-Kummissjoni talbet ukoll it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-pubbliku, ta’ ċerta informazzjoni.

59      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dawn it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

60      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata;

–        tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni kontenzjuża u/jew tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-appell.

61      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

62      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali kklassifikat il-portata ġeografika tal-aġir fil-livell Ġermaniż bħala li testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE. Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jinvokaw, essenzjalment, ksur ta’ dawn l-aħħar żewġ artikoli mill-Qorti Ġenerali, għar-raġuni li din ikklassifikat bħala ksur uniku s-sensiela ta’ atti li jinkludu tliet livelli ta’ kuntatti differenti. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-istess artikoli kif ukoll tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali żammet multa li tirrigwarda aġir suġġett għal preskrizzjoni.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

63      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom li jgħid li, billi adottat id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u billi kompliet l-investigazzjoni tagħha kontra l-appellanti mingħajr ma fdat lil din tal-aħħar lil tim differenti minn dak li kien ġie inkarigat mill-fajl li ta lok għal din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41(1) tal-Karta.

64      Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-proċedura amministrattiva, li tkompliet kontra Scania wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, kinitx konformi mal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva. Huma jirreferu għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu b’mod partikolari fil-punti 129, 147 u 151 tas-sentenza appellata, dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità fil-kuntest ta’ proċedura “ibrida” mqassma, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ. Huma jsostnu li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni imponiet oneru addizzjonali fuq il-Kummissjoni, li kellha tiżgura li tosserva mhux biss il-prinċipju msejjaħ “tabula rasa”, iżda wkoll l-impressjoni tal-imparzjalità tagħha. Issa, minkejja li, f’dan il-punt 151, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, irrikonoxxiet li, f’tali ċirkustanzi, jista’ jkun iġġustifikat li l-fajls jiġu fdati lil żewġ timijiet differenti, hija ma siltitx il-konklużjoni legali korretta u indirizzat il-kwistjoni tal-imparzjalità unikament mill-perspettiva tal-imparzjalità suġġettiva.

65      F’dan ir-rigward, huma josservaw b’mod iktar partikolari li, fl-imsemmi punt 151, il-Qorti Ġenerali affermat li Scania ma kinitx uriet kif il-fatt li involviet l-istess servizzi tal-Kummissjoni fl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni kontenzjuża kien “fih innifsu” ta’ natura li jipprova l-assenza ta’ eżami imparzjali tal-kawża fir-rigward tagħhom, sabiex sussegwentement tikkonstata, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, li Scania ma kinitx uriet li l-Kummissjoni kienet “wera pożizzjoni jew preġudizzju personali fir-rigward ta’ Scania […] bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità suġġettiva”. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn illimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-imparzjalità “suġġettiva” u naqset milli teżamina l-prinċipju, ġuridikament distint, ta’ imparzjalità “oġġettiva”.

66      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-Qorti Ġenerali evalwat dan il-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija, fi kwalunkwe każ, żbaljata fid-dritt. Is-sentenza appellata ma fiha ebda ġustifikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni osservat l-imsemmi prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva, minkejja l-fatt li l-istess dipartimenti tal-Kummissjoni pparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li l-Qorti Ġenerali madankollu rrikonoxxiet espliċitament, fil-punt 151 ta’ din is-sentenza, li din iċ-ċirkustanza “jagħmel iktar diffiċli li jiġi żgurat li l-eżami tal-fatti u tal-provi fir-rigward ta’ impriża wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment isir skont il-prinċipju ta’ ‘tabula rasa’”.

67      Issa, tali rikonoxximent iqiegħed f’dubju l-imparzjalità tal-Kummissjoni. Fil-punt 151 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindika wkoll kif il-Kummissjoni setgħet taġixxi sabiex teskludi tali dubju, jiġifieri billi “[tafda] l-fajls lil żewġ timijiet differenti”, jiġifieri billi implikat fil-proċedura ordinarja li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tim differenti minn dak involut fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, mir-raġunament stess adottat mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza jirriżulta li, billi adottat id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u billi kompliet l-investigazzjoni tagħha kontra Scania billi bbażat ruħha fuq l-istess dipartimenti tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kisret l-Artikolu 41(1) tal-Karta. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li l-Kummissjoni ma offrietx garanziji suffiċjenti sabiex tneħħi kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva tagħha fit-tmexxija ta’ din il-proċedura ordinarja, u b’hekk wettqet żball ta’ liġi.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

69      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tal-appellanti li permezz tiegħu huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk il-proċedura amministrattiva, li tkompliet kontra Scania wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, kinitx konformi mal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva, matul il-proċedura amministrattiva, id-drittijiet fundamentali tal-impriżi kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ imparzjalità, li jaqa’ taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jiġi distint mill-preżunzjoni ta’ innoċenza (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt, fost oħrajn, li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli għall-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni, C‑883/19 P, EU:C:2023:11, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret dak li jimplika dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza.

72      Sussegwentement, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità kellu jiġi evalwat biss bħala eventwali konsegwenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, u rrilevat li tali ksur seta’ jirriżulta minn nuqqasijiet oħra tal-Kummissjoni li toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fis-sens tal-ġurisprudenza, dwar l-imparzjalità tagħha fit-tmexxija tal-proċedura amministrattiva ordinarja.

73      Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 148 tal-imsemmija sentenza, li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellanti ma kien jippermetti li jiġi stabbilit li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx offriet, matul din il-proċedura, il-garanziji kollha sabiex teskludi kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tagħha fl-eżami tal-kawża li tikkonċerna lil Scania. Hija mmotivat din il-konstatazzjoni permezz ta’ analiżi ta’ dawn l-argumenti fil-punti 149 sa 164 tal-istess sentenza.

74      B’mod iktar partikolari, hija kkonstatat, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, li l-involviment tal-istess servizzi fl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirrendi iktar diffiċli li jiġi żgurat li l-eżami tal-fatti u tal-provi fir-rigward ta’ impriża, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, “isir skont il-prinċipju [imsejjaħ] ta’ ‘tabula rasa’”, u li dan jista’ jiġġustifika, sabiex jitneħħew id-dubji f’dan ir-rigward, li l-fajls jiġu fdati lil żewġ timijiet differenti. Madankollu, fil-punt 152 ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat li l-appellanti ma kinux urew li membru tal-Kummissjoni jew tad-dipartimenti involuti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kien wera pożizzjoni jew preġudizzju personali fir-rigward ta’ Scania, b’mod partikolari minħabba l-fatt li pparteċipat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, “bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità suġġettiva”.

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni hija proċedura amministrattiva alternattiva għall-proċedura ordinarja, distinta minnha u li għandha ċerti partikolaritajiet. It-tieni nett, jekk l-impriża kkonċernata ma tippreżentax proposta ta’ riżoluzzjoni, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni finali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok minn dawk li jirregolaw il-proċedura ta’ riżoluzzjoni. It-tielet nett, fir-rigward tal-proċedura ordinarja, li fil-kuntest tagħha r-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti, il-Kummissjoni hija marbuta biss bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ġodda miġjuba għall-għarfien tagħha waqt din l-istess proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni (C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 136).

76      Minn dan jirriżulta li l-“prinċipju msejjaħ ta’ ‘tabula rasa’”, imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li jirriproduċi, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tirrifletti sempliċement il-konstatazzjoni li tgħid li l-preżunzjoni ta’ innoċenza għandha tiġi osservata fir-rigward tal-impriża jew tal-impriżi li jiddeċiedu li ma jkomplux il-proċedura ta’ riżoluzzjoni mal-Kummissjoni.

77      Minn dan isegwi, minn naħa, li dan il-“prinċipju msejjaħ ta’ ‘tabula rasa’” ma kien bl-ebda mod rilevanti għall-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, fil-kawża li kienet adita biha, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, il-parteċipazzjoni tal-istess dipartimenti fl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienet timplika ebda diffikultà għall-osservanza tal-“prinċipju msejjaħ ta’ ‘tabula rasa’”. Fil-fatt, bidla fit-tim responsabbli minn fajl fi ħdan il-Kummissjoni saħansitra tmur kontra l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ pproċessar f’terminu raġonevoli tal-proċedura amministrattiva.

78      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma siltet ebda konsegwenza mill-kunsiderazzjoni żbaljata, li tinsab fit-tieni sentenza tal-punt 151 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-kritika diretta fil-konfront tagħha mill-appellanti hija ineffettiva.

79      Sa fejn l-argument tal-appellanti għandu jinftiehem fis-sens li huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tqis li l-fatt li l-istess tim kien inkarigat mill-każ matul il-proċedura “ibrida” mqassma inkwistjoni kien jikkostitwixxi neċessarjament ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha ta’ imparzjalità oġġettiva, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-istess tim tal-Kummissjoni kien inkarigat mid-diversi fażijiet suċċessivi tal-investigazzjoni li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, u sussegwentement tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax minnu nnifsu, fin-nuqqas ta’ kull element oġġettiv ieħor, joħloq dubju dwar l-imparzjalità ta’ din l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 56).

80      Issa, l-appellanti baqgħu ma wrewx li huma kienu ressqu, quddiem il-Qorti Ġenerali, tali elementi oġġettivi. Barra minn hekk, xejn fl-argumentazzjoni tal-appellanti ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni aġixxietx b’mod konformi mal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva.

81      Fil-fatt, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti ma kinux urew li t-tim inkarigat mill-fajl jew membru ta’ dan it-tim kien wera xi preġudizzju fir-rigward ta’ Scania matul il-proċedura ordinarja u, kuntrarjament għal dak li jallegaw, essenzjalment, l-appellanti, dan il-punt 152 ma huwiex l-uniku motiv li fuqu hija bbażata l-konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-assenza ta’ ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba f’dan il-każ, u lanqas ma jippermetti li jiġi stabbilit li din il-qorti, f’dan il-kuntest, naqset milli tevalwa l-konformità tal-aġir tal-Kummissjoni ma’ dan il-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva.

82      Għalhekk, minn qari flimkien tal-punti 100 sa 104 u 148 sa 164 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali indirizzat mhux biss l-aspett “suġġettiv”, iżda wkoll l-aspett “oġġettiv” tal-prinċipju ta’ imparzjalità, fid-dawl tal-argumenti li kienu tressqu quddiemha f’dan ir-rigward mill-appellanti.

83      Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tali imparzjalità oġġettiva, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-prinċipji ġurisprudenzjali li jirregolaw l-użu mill-Kummissjoni ta’ proċedura msejħa “ibrida” u minn dan iddeduċiet, fil-punt 104 ta’ dik is-sentenza, li, kuntrarjament għal dak li kienu jsostnu, essenzjalment, l-appellanti, l-użu ta’ proċeduri “ibridi” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li fihom l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u dik tad-deċiżjoni wara l-proċedura ordinarja huma mqassma fuq tul ta’ żmien, ma kienx iwassal, fih innifsu u fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari għal ksur tad-dmir ta’ imparzjalità. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 105 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kellha d-dritt tirrikorri għal tali proċedura ibrida, bil-kundizzjoni li tosserva, b’mod partikolari, dan id-dmir, li hija eżaminat sussegwentement, fil-punti 143 et seq. tal-istess sentenza.

84      F’dan ir-rigward, hija fakkret b’mod partikolari, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, il-prinċipji ġurisprudenzjali li jinsabu fil-punt 70 ta’ din is-sentenza u eżaminat, fil-punti 148 sa 164 tas-sentenza appellata, l-argumenti ppreżentati mill-appellanti insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni ma kinitx offritilhom, f’dan il-każ, il-garanziji kollha sabiex teskludi kull dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tagħha fl-eżami tal-każ li jikkonċernahom.

85      Issa, billi rrilevat essenzjalment, qabelxejn, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li, minnu nnifsu, l-użu, mill-Kummissjoni, ta’ proċedura ibrida ma jippermettix li jiġi kkaratterizzat nuqqas, minn din l-istituzzjoni, tad-dmir tagħha ta’ imparzjalità, sussegwentement, fil-punt 149 ta’ din is-sentenza, li, meta hija teżamina, fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, il-provi prodotti mill-partijiet li għażlu li ma jikkompromettux, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali u mill-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li hija użat fid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-partijiet li ddeċidew li jikkompromettu, u, fl-aħħar nett, fil-punt 159 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti ma kkritikawx lill-Kummissjoni talli ma osservatx, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-garanziji proċedurali kollha marbuta mal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif previsti b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, il-Qorti Ġenerali, tal-inqas impliċitament, iżda neċessarjament, ittrattat l-aspett “oġġettiv” tal-obbligu ta’ imparzjalità li l-osservanza tiegħu hija imposta fuq il-Kummissjoni. Fil-fatt, dawn l-elementi jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali evalwat jekk kinux ġew offruti garanziji suffiċjenti lill-appellanti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni.

86      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-appellanti li permezz tiegħu huma jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, evalwat il-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva b’mod żbaljat fid-dritt, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti jikkritikaw, minn naħa, lill-Qorti Ġenerali talli ma ġġustifikatx l-evalwazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kienet osservat il-prinċipju ta’ imparzjalità. Għalhekk, huma jinvokaw, essenzjalment, ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Issa, kif jirriżulta mill-punti 80 sa 85 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mmotivat sew is-sentenza appellata f’dan ir-rigward.

87      Min-naħa l-oħra, sa fejn l-appellanti jisiltu argument mill-kunsiderazzjoni, li tinsab fil-punt 151 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni tal-istess dipartimenti tal-Kummissjoni fl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kif ukoll tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tirrendi iktar diffiċli l-osservanza tal-“prinċipju msejjaħ ta’ ‘tabula rasa’”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-punt 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din il-kunsiderazzjoni hija żbaljata fid-dritt.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni aggravju

89      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kklassifikat il-portata ġeografika tal-aġir fil-livell Ġermaniż bħala li testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE. Huma jaqsmu dan l-aggravju f’erba’ partijiet.

 Fuq lewwel parti tattieni aggravju

–       Largumenti talpartijiet

90      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti, filwaqt li jirreferu għall-punt 421 tas-sentenza appellata, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, meta kkonkludiet li, sabiex tistabbilixxi l-portata ġeografika ta’ prattika miftiehma, hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni biss il-portata tal-informazzjoni miksuba u, min-naħa l-oħra, billi naqset, b’dan il-mod, milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ġuridika tagħha, l-intenzjoni tal-impriżi li pparteċipaw f’din il-prattika miftiehma, li madankollu hija element kostituttiv ta’ tali prattika.

91      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kontenut u n-natura tal-informazzjoni skambjata sabiex tikkaratterizza din il-portata ġeografika. Il-fatt, għall-Qorti Ġenerali, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni din l-“intenzjoni” wassalha sabiex tikkonferma b’mod żbaljat li Scania kienet ipparteċipat fi skambji fil-livell Ġermaniż, li kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fil-livell taż-ŻEE u għall-perijodu kollu tal-ksur, jiġifieri mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

92      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

93      Fil-punt 421 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, abbażi tal-provi dwar il-portata ġeografika tal-informazzjoni miksuba minn Scania DE, li hija kienet analizzat fil-punti 405 sa 420 ta’ dik is-sentenza, evalwati globalment, kellu jiġi konkluż li Scania DE, permezz tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fi skambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, kienet tikseb informazzjoni li għandha portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, hija ċaħdet is-sitt motiv imqajjem quddiemha mill-appellanti, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni kienet qieset li l-portata ġeografika tal-ksur relatat mal-livell Ġermaniż kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE. Hija ppreċiżat ukoll, f’dan il-punt 421, li dawn il-konstatazzjonijiet kienu suffiċjenti sabiex dan il-motiv jiġi miċħud indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk Scania DE kinitx tipprovdi wkoll informazzjoni li l-portata tagħha kienet tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż.

94      Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew aġir kontinwu jistgħu fihom innifishom u individwalment, jikkostitwixxu ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, jekk azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-implimentazzjoni ta’ tali ksur uniku, il-Kummissjoni għandha turi li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 42 u 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96      Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għal dan il-ksur kollu fl-intier tiegħu. Impriża tista’ wkoll tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-imsemmi aġir, iżda kienet taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur kollu kemm hu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43).

97      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi konkluż li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni kienu jmorru lil hinn mis-suq Ġermaniż u kienu jikkonċernaw it-territorju taż-ŻEE, kien biżżejjed li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li tali konklużjoni kienet tirriżulta mill-kontenut tal-informazzjoni miksuba minn Scania DE min-naħa tal-parteċipanti l-oħra.

98      Għalhekk, l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienu jikkonċernaw it-territorju taż-ŻEE sabiex tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tirriżulta minn konfużjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita u ddefinita l-portata ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex impriża tinżamm responsabbli għal tali ksur kollu.

99      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma tkun opponiet b’mod manifest, sabiex tiġi ppruvata b’mod sodisfaċenti l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija l-imsemmija impriża li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu juru li l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa fl-imsemmija laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandha tiġi prodotta mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata tkun pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, din l-istituzzjoni ma għandhiex, barra minn hekk, tipprova li din l-impriża kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fil-ksur, iżda li hija din l-impriża li għandha tipproduċi l-provi tat-tbegħid tagħha minn dawn il-ftehimiet, u b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, mill-portata ġeografika tagħhom.

102    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, wara li analizzat il-provi li kienu prodotti għall-evalwazzjoni tagħha, li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li, permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, Scania DE kienet tikseb informazzjoni li għandha portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż, mingħajr ma imponiet fuq il-Kummissjoni l-obbligu li hija turi, barra minn hekk, li, billi pparteċipat f’dawn l-iskambji, Scania DE kellha l-intenzjoni li tikseb din l-informazzjoni u li teħodha inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-aġir tagħha.

103    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni parti tattieni aggravju

–       Largumenti talpartijiet

104    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-portata tal-informazzjoni miksuba minn Scania DE matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienet tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż.

105    F’dan ir-rigward, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 405 sa 414 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali analizzat l-elementi tal-proċess u minn dan ikkonkludiet, fil-punt 414 ta’ dik is-sentenza, li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi meħuda flimkien, kellu jiġi kkonstatat li l-portata tal-informazzjoni miksuba minn Scania DE matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienet tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Huma jallegaw, essenzjalment, li l-ħames motivi mressqa f’dawn il-punti ma humiex biss insuffiċjenti sabiex isostnu din il-konklużjoni b’mod adegwat, iżda wkoll inkoerenti, jew saħansitra kontradittorji, filwaqt li, madankollu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-ġurisprudenza teżiġi li l-Kummissjoni tipproduċi provi serji, preċiżi u konkordanti.

106    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

107    Għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jfittxu fir-realtà li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, mingħajr madankollu ma jinvokaw l-iżnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, permezz tal-argument ippreżentat insostenn ta’ din it-tieni parti, l-appellanti sempliċement jesponu r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali kellha tagħti interpretazzjoni differenti tad-diversi elementi rrilevati fil-punti tas-sentenza appellata li huma jindikaw, u barra minn hekk jirreferu għal diversi siltiet tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

108    Huwa minnu li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali osservatx ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest tal-eżami tal-provi li ġew invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell. Madankollu, l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tas-saħħa probatorja tad-dokumenti tal-proċess ippreżentati quddiemha ma tistax, bla ħsara għall-każijiet ta’ ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova kif ukoll tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-appellanti ma jifformulaw ebda allegazzjoni f’dan is-sens.

109    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq ittielet parti tattieni aggravju

–       Largumenti talpartijiet

110    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball sa fejn hija qieset impliċitament li Scania DE kellha l-“intenzjoni” li tipparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż li l-portata tiegħu kienet testendi għat-territorju taż-ŻEE.

111    F’dan ir-rigward, billi rreferew għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 415 sa 420 tas-sentenza appellata u billi kkritikawh, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, sa fejn l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha titqies li hija evalwazzjoni tal-intenzjoni ta’ Scania DE li tipparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż li l-portata tiegħu kienet testendi għat-territorju taż-ŻEE, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn, fil-punti 416 u 418 ta’ dik is-sentenza, hija bbażata din l-evalwazzjoni fuq motivazzjoni insuffiċjenti, inkoerenti u kontradittorja u sa fejn la eżaminat u lanqas ma ttrattat b’mod suffiċjenti fid-dritt, fil-punt 419 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti speċifiċi mqajma jew il-provi prodotti minn Scania, u b’hekk naqset ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-ġurisprudenza li teżiġi li l-Kummissjoni tipproduċi provi serji, preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, filwaqt li l-appellanti jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-punt 417 tal-istess sentenza.

112    Barra minn hekk, huma jsostnu li, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eskludiet illegalment u ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ġuramentati ppreżentati minn Scania. Skont l-appellanti, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova diretta tal-fatt li l-informazzjoni miksuba fil-livell Ġermaniż ġiet trażmessa lis-sede ta’ Scania, id-dikjarazzjonijiet tal-persuni direttament involuti fl-aġir allegat ma setgħux jitqiesu li għandhom “valur probatorju limitat”, sempliċement għar-raġuni li dawn kienu ġew prodotti wara l-avvenimenti rilevanti, għall-finijiet tad-difiża ta’ Scania matul il-proċedura amministrattiva.

113    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

114    Għandu jiġi osservat li l-argument tal-appellanti fformulat insostenn tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħhom huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 415 sa 420 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-intenzjoni ta’ Scania DE kienet li tipparteċipa fi skambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż li l-portata tiegħu kienet testendi għat-territorju taż-ŻEE.

115    Issa, minn dawn il-punti, moqrija flimkien mal-punti 405 sa 414 u 421 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li Scania DE kienet tikseb, permezz tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fi skambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, informazzjoni li għandha portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Il-punti 415 sa 420 tal-imsemmija sentenza huma ddedikati b’mod iktar preċiż sabiex tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali li tgħid li l-impjegati ta’ Scania DE li pparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż qatt ma kienu ppreżumew li l-informazzjoni rċevuta mir-rappreżentanti tas-sussidjarji tal-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet kienet relatata ma’ prezzijiet Ewropej jew setgħet tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-istrateġija Ewropea ta’ dawn il-kostrutturi l-oħra.

116    Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk it-tielet parti tat-tieni aggravju hijiex intiża, fir-realtà, li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali u, għaldaqstant, jekk din għandhiex tiġi miċħuda bħala inammissibbli konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, hemm lok li din tiġi miċħuda bħala infondata, peress li hija bbażata fuq il-premessa msemmija fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li hija żbaljata.

 Fuq irraba’ parti tattieni aggravju

–       Largumenti talpartijiet

117    Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeterminat il-portata tal-informazzjoni pprovduta minn Scania DE. F’dan ir-rigward, l-appellanti jindikaw li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, permezz ta’ kuntatti fil-livell Ġermaniż, Scania DE pprovdiet informazzjoni li l-portata tagħha kienet testendi għaż-ŻEE kollha hija insuffiċjentement motivata u bbażata fuq raġunijiet inadegwati. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-importanza tal-provi li jinsabu fir-rapporti ekonomiċi ppreparati minn uffiċċju ta’ konsulenza fl-ekonomija, meta ċaħdet ir-rilevanza ta’ dawn ir-rapporti fil-punti 439 u 440 tas-sentenza appellata.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

119    Bħal fil-każ tat-tieni parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jfittxu li jiksbu mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, mingħajr ma jinvokaw l-iżnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-raba’ parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll bħala inammissibbli.

120    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

121    Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-punti ta’ fatt li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset bħala fondata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dan il-każ, kien jeżisti ksur uniku ma jistgħux iservu bħala bażi għall-konstatazzjoni li tgħid li kull att inkwistjoni kien isegwi għan antikompetittiv identiku u, konsegwentement, kien jagħmel parti minn pjan ġenerali li kellu għan antikompetittiv uniku jew kien jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tipprovdi ebda raġunament f’dan ir-rigward. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat bħala “ksur uniku” l-aġir li seħħ fit-tliet livelli differenti ta’ kuntatti msemmija fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza.

122    L-appellanti jaqsmu dan l-aggravju fi tliet partijiet.

123    Permezz tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat bħala “ksur uniku” l-aġir fit-tliet livelli ta’ kuntatti msemmija fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza u meta ma indikatx kif il-punti ta’ fatt li fuqhom hija bbażata tiġġustifika din il-klassifikazzjoni.

124    Għalhekk, fil-punti 464 sa 469 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq ċertu numru ta’ elementi sabiex tipproċedi għall-imsemmija klassifikazzjoni, iżda l-ebda wieħed minnhom ma jista’, meħud waħdu jew flimkien, isostni l-konklużjoni li dawn it-tliet livelli ta’ kuntatti kienu jikkostitwixxu ksur uniku. F’dan ir-rigward, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, minn naħa, il-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-kuntatti inkwistjoni kienu jikkonċernaw l-istess prodotti u kienu twettqu mill-istess grupp ta’ kostrutturi tat-trakkijiet kif ukoll fuq il-fatt li l-aġir inkwistjoni kien jimplika grupp żgħir ta’ impjegati f’kull livell, li l-kompożizzjoni tiegħu baqgħet relattivament stabbli. Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkontestaw diversi konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jgħidu li l-imsemmija tliet livelli ta’ kuntatti kellhom rabtiet fattwali, kif ukoll il-konklużjoni tagħha li l-livell inferjuri tas-sede u l-livell Ġermaniż ikkontribwixxew għat-twettiq ta’ pjan komuni.

125    Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li skambji ta’ informazzjoni li ma humiex antikompetittivi jagħmlu parti minn ksur uniku. F’dan ir-rigward, billi jirreferu għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 223, 235 u 236 tas-sentenza appellata, li jikkonċernaw tliet skambji ta’ informazzjoni li seħħew matul l‑2004 u l‑2005 u li seħħew fil-livell inferjuri tas-sede, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kklassifikat dawn it-tliet skambji ta’ informazzjoni, għalkemm perfettament leġittimi, bħala skambji li jsegwu għan antikompetittiv identiku għal dak ta’ skambji distinti oħra, li seħħew f’livelli differenti. B’hekk hija kkonstatat b’mod żbaljat li l-imsemmija tliet skambji kienu kollha jagħmlu parti minn ksur uniku. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda raġunament li jispjega b’liema mod tali atti leġittimi setgħu jikkontribwixxu għal għan antikompetittiv. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat skambji ta’ informazzjoni mhux kollużiva fil-livell inferjuri tas-sede bħala li jagħmlu parti minn ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

126    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-aġir fil-livell Ġermaniż kellu għan identiku għal dak segwit fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija u, sa fejn dan huwa rilevanti, fil-livell inferjuri tas-sede. Fil-fatt, il-portata tal-aġir fil-livell Ġermaniż ma ġietx estiża għat-territorju taż-ŻEE. Il-punt 467 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali madankollu kkonstatat li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-portata ġeografika tal-iskambji antikompetittivi fil-livell Ġermaniż u fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija kienet testendi għaż-ŻEE kollha, huwa għalhekk żbaljat.

127    F’dan ir-rigward, l-appellanti jirreferu għat-tieni aggravju tagħhom, li permezz tiegħu huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż bħala li għandhom portata li testendi għaż-ŻEE kollha. Minn dan l-iżball jirriżulta li l-aġir relatat mal-livell Ġermaniż lanqas ma jista’ jiġi kkaratterizzat bħala li għandu għan identiku għal dak segwit fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija u fil-livell inferjuri tas-sede, filwaqt li huwa ppreċiżat li, għal dan tal-aħħar, huwa biss il-perijodu relatat mal‑2004 u l‑2005 li huwa kkonċernat.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

129    Minn naħa, għandu jiġi osservat li, fil-punt 479 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Kummissjoni kellha tevalwa separatament it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi msemmija fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, minħabba, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ rabtiet bejn dawn it-tliet livelli ta’ kuntatti, u li, fil-punt 229 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma rnexxilhomx jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn ir-rabtiet. B’mod iktar preċiż, f’dan il-punt 229, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kummissjoni kienet invokat ċertu numru ta’ elementi, elenkati fil-punt 218 tal-imsemmija sentenza, li juru l-eżistenza tal-imsemmija rabtiet, li ma kinux ġew ikkontestati, jiġifieri l-fatt li l-parteċipanti kienu impjegati tal-istess impriżi u l-fatt li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fl-imsemmija tliet livelli. Issa, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-istess tliet livelli kienu marbuta ma’ xulxin u li dawn ma kinux jaġixxu b’mod separat u awtonomu minn xulxin fuq l-elementi kollha li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

130    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet motiv kollu kemm hu huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li kull att iżolat li l-Kummissjoni tqis bħala li jagħmel parti minn ksur uniku u kontinwu għandu, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

131    Kif tfakkar fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew aġir kontinwu jistgħu fihom innifishom u individwalment, jikkostitwixxu ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta l-varji istanzi ta’ aġir jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-istanzi ta’ aġir skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132    Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ “ftehim” jew ta’ “prattika miftiehma” li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

133    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, għalkemm istanzi ta’ aġir jistgħu jiġu kklassifikati, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, bħala “ksur uniku u kontinwu”, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull wieħed minn dan l-aġir għandu, fih innifsu u meħud waħdu, neċessarjament jiġi kklassifikat bħala ksur distint ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il‑Kummissjoni, C‑698/19 P, EU:C:2022:480, punt 64).

134    Fil-fatt, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur uniku u kontinwu, huwa abitwali li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi rabtiet eżistenti bejn id-diversi elementi li jikkostitwixxu l-ksur ikkunsidrat. Għalhekk, kuntatt bejn impriżi li, meħud waħdu, ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ madankollu jkun rilevanti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-kuntest li fih seħħ dan il-kuntatt. F’tali sitwazzjoni, l-imsemmi kuntatt jagħmel parti mis-sensiela ta’ indizji li fuqhom il-Kummissjoni tista’ leġittimament tibbaża ruħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

135    Għalhekk mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 131 sa 134 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-varji istanzi ta’ aġir ikkunsidrati jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, mingħajr ma huwa neċessarju li kull wieħed minn dan l-aġir, fih innifsu u meħud waħdu, ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur distint tal-Artikolu 101(1) TFUE.

136    Għaldaqstant, peress li t-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali ksur uniku u kontinwu, il-Qorti Ġenerali kellha teżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll li kull wieħed mill-imsemmi aġir meħud waħdu kien jikkostitwixxi fih innifsu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq irraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

137    Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 516 u 532 tas-sentenza appellata, li t-tmien motiv tar-rikors għal annullament tagħhom quddiem din il-qorti, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, kellu jiġi miċħud peress li l-aġir fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija kien jagħmel parti minn ksur uniku, li ntemm fit‑18 ta’ Jannar 2011, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst f’dan l-Artikolu 25(1)(b) kien beda jiddekorri biss minn din id-data u li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa għalhekk ma kinitx preskritta.

138    Skont l-appellanti, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni kien fil-fatt skada fl‑20 ta’ Settembru 2010, li kien, mingħajr dubju, id-data tal-ewwel att tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li interrompa l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni. Issa, peress li l-aġir fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija ntemm fit‑23 ta’ Settembru 2004, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa abbażi ta’ dan l-aġir kienet preskritta. Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirreferi għar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni kkontestata biss parzjalment, l-appellanti jsostnu li l-aħħar aġir potenzjalment kollużiv fil-livell inferjuri tas-sede seħħ iktar minn ħames snin qabel l‑20 ta’ Settembru 2010, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kinitx iktar kompetenti sabiex timponi multa għal dan l-aġir, fil-każ li jitqies li jagħmel parti minn ksur uniku fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija u fil-livell inferjuri tas-sede. Peress li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ kompetenza tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għandha tqis li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa għall-imsemmi aġir kienet preskritta, skont dan l-Artikolu 25.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

140    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirreferi għar-rikors tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tannulla parti mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 billi żammet il-multa imposta mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, filwaqt li l-aġir antikompetittiv fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija kien intemm fit‑23 ta’ Settembru 2004 u li dan l-aġir kien għalhekk preskritt u ma setax iktar ikun is-suġġett ta’ multa, peress li l-ewwel att tal-Kummissjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 25(3), kien fl‑20 ta’ Settembru 2010.

141    Issa, peress li l-ewwel tliet aggravji tal-appell ġew miċħuda, hemm lok li titqies bħala stabbilita l-konklużjoni tal-Kummissjoni, u sussegwentement tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-akkordju inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu li jestendi għaż-ŻEE kollha u li kompla sat‑18 ta’ Jannar 2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-data tal-ewwel att tal-Kummissjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 25(3), ma jistax jitqies li, f’din id-data tat‑18 ta’ Jannar 2011, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa kienet preskritta.

142    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

143    Peress li ebda aggravju ta’ dan l-appell ma ntlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq lispejjeż

144    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

145    Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

146    F’dan il-każ, peress li Scania AB, Scania CV AB u Scania Deutschland GmbH tilfu u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħhom għall-ispejjeż, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Scania AB, Scania CV AB u Scania Deutschland GmbH huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Informazzjoni kunfidenzjali redatta