Language of document : ECLI:EU:T:2009:492

Kawża T-27/09

Stella Kunststofftechnik GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali Stella — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija qabel abbażi ta’ din it-trade mark — Ammissibbiltà — Artikolu 50(1) u Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 51(1) u l-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Applikazzjoni għal revoka — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija qabel abbażi tal-istess trade mark — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 42, 43(2), 50(1)(a) u 55(1)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 18)

Mill-formulazzjoni tal-Artikoli 50(1)(a) u 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ma jirriżultax li proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa abbażi ta’ trade mark, u li għadhom pendenti, jistgħu jeżerċitaw xi influwenza fuq l-ammissibbiltà, jew fuq l-iżvolġiment, ta’ proċedimenti ta’ revoka mressqa kontra din it‑trade mark. Anki jekk jingħad li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 kif ukoll dawk tal-linji gwida interni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), fil-verżjoni tagħhom ta’ Novembru 2007, dwar il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ revoka jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll dwar il-prova tal‑użu fil‑kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jistgħu jżidu kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 40/94, huma ma jipprovdux li applikazzjoni għal revoka ta’ trade mark hija inammissibbli, għaliex il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa abbażi ta’ din it‑trade mark għadhom pendenti.

Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ revoka huma żewġ proċedimenti speċifiċi u awtonomi, it-tnejn bl-effetti speċifiċi tagħhom, u li proċedimenti ta’ revoka jistgħu jiġu trattati, minkejja oppożizzjoni li tkun tressqet qabel u li għadha pendenti, ibbażata fuq it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal revoka. F’dan ir-rigward, il‑proċedimenti inkwistjoni huma previsti taħt żewġ titoli differenti tar‑Regolament Nru 40/94. L‑oppożizzjoni hija rregolata mir-raba’ taqsima tat‑Titolu IV tiegħu, filwaqt li l-proċeduri ta’ revoka huma rregolati mit-tieni u r‑raba’ taqsima tat‑Titolu VI tal-istess regolament. Iż-żewġ proċedimenti għandhom kull wieħed għan u effetti speċifiċi għalihom. L-oppożizzjoni hija intiża sabiex twaqqaf, taħt ċerti kundizzjonijiet, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark minħabba l‑eżistenza ta’ trade mark preċedenti u ċ-ċaħda tal‑imsemmija oppożizzjoni ma twassalx għal revoka tal-imsemmija trade mark. Tali revoka tista’ tinkiseb biss meta jsiru proċedimenti b’dan il-għan. Din id‑differenza fl-għan u fl-effetti tispjega għaliex ir-regoli huma speċifiċi għal kull tip ta’ proċedimenti. B’hekk u b’mod partikolari, filwaqt li l‑interess ġuridiku tal‑opponent u terminu ta’ tliet xhur għall-preżentata tal-oppożizzjoni huma fost il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ din l-oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 42 tar‑Regolament Nru 40/94 u bir-Regola 18 tar‑Regolament Nru 2868/95, l‑Artikolu 55(1)(a) tar‑Regolament Nru 40/94, applikabbli għall-proċedimenti ta’ revoka, ma jagħmel l-ebda riferiment għal xi interess ġuridiku. Bl-istess mod, l-ebda terminu ma japplika sabiex jitressqu proċedimenti ta’ revoka, ħlief għall‑fatt li huwa neċessarju, sabiex tinkiseb ir-revoka ta’ trade mark, li jiġi invokat, skont l‑Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u kif huwa previst fl‑Artikolu 43(2) tal-istess regolament, applikabbli għall-oppożizzjoni, li, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil‑Komunità għall‑prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, u li ma jeżistux raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu.

B’hekk, il‑possibbiltà offruta lil kulħadd sabiex iressqu applikazzjoni għal revoka għal nuqqas ta’ użu ta’ trade mark hija indipendenti għal kollox minn eventwali proċedimenti ta’ oppożizzjoni paralleli li fihom tkun implikata t-trade mark Komunitarja koperta mill-applikazzjoni għal revoka.

Proċedimenti ta’ revoka mressqa wara oppożizzjoni jistgħu, l-iktar, jagħtu lok għal sospensjoni tal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, fil-każ li tiġi deċiża r‑revoka tat-trade mark preċedenti, il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni jisfaw bla skop. Bil-kontra, it-tkomplija tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, mingħajr ma jiġi mistenni l-eżitu tal-proċedimenti ta’ revoka, ma tagħti l‑ebda vantaġġ lill‑proprjetarju tat-trade mark preċedenti invokata fil‑kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u dik li tirreferi għaliha l-applikazzjoni għal revoka. Fil-fatt, anki jekk il‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni jwasslu għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, xejn ma jipprekludi li terġa’ tiġi ppreżentata l-istess applikazzjoni ladarba tiġi ddikjarata r-revoka tat-trade mark preċedenti.

(ara l-punti 24, 26, 27, 32-39)