Language of document :

Kawżi magħquda T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03

SP SpA et      

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Akkordji — Produtturi ta’ vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65 KEFA — Deċiżjoni bbażata fuq it-Trattat KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat — Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      KEFA – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummisjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza ta’ l-imsemmi Trattat

(Artikolu 65(1), (4) u (5) KEFA; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 3 u 15(2))

2.      KEFA – Akkordji – Kompetenza tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA li tikkonstata u tippenalizza ksur ta’ l-Artkolu 65(1) KEFA – Tmiem ma’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA

(Artikoli 65(1), (4) u (5) KEFA u 97 KEFA; Artikolu 305(1) KE; Trattat li jgħaqqad)

1.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u li timponi multa fuq l-impriżi li allegatament ipparteċipaw f’akkordju bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni għandha bħala bażi legali waħdanija l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA, peress li hija tirreferi espliċitament għal din il-bażi legali u ma fiha ebda referenza għal bażi legali kkostitwita mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-fatt li, fit-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet fetħet proċedura ġdida fuq il-bażi tar-Regolament Nru 17 u rreferiet espliċitament għall-Artikolu 3 ta’ dan ta’ l-aħħar mhuwiex biżżejjed fih innifsu biex jiġi kkonstatat li l-bażi legali tad-deċiżjoni hija kkostitwita mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 76, 78, 93-94, 101)

2.      Għalkemm il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fiż-żmien jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi li mhumiex aktar fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ att minn istituzzjoni Komunitarja, madankollu, il-Kummissjoni ma tistax aktar, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA fit-23 ta’ Lulju 2002, tibbaża l-kompetenza tagħha fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA biex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li kienu pparteċipaw fl-imsemmi ksur, peress li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att għandha tkun fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar.

Il-kompetenza tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward la hija affettwata mill-fatt li t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tat-Trattat KE skond l-Artikolu 305(1) KE, la mill-uniċità istituzzjonali li tirriżulta mit-Trattat li jgħaqqad u mill-bżonn ta’ interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv kontenuti fid-diversi trattati Komunitarji, u lanqas mill-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli sostantivi u proċedurali fiż-żmien.

(ara l-punti 113-116, 118, 120)